European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/12

8.1.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/12 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2024

dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għat-titjib u għall-faċilitazzjoni tal-verifiki fil-fruntieri esterni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726 u (UE) 2019/817, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 79(2), il-punt (c), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-twettiq ta’ verifiki fil-fruntieri ta’ persuni fil-fruntieri esterni jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiġi żgurata s-sigurtà fit-tul tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha u, bħala tali, jibqa’ salvagwardja importanti, speċjalment fiż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni. Il-verifiki fil-fruntieri jridu jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fejn applikabbli, sabiex jgħinu fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u jipprevjenu theddid għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, għall-ordni pubbliku, għas-saħħa pubblika u għar-relazzjonijiet internazzjonali. Tali verifiki fil-fruntieri jridu jitwettqu b’tali mod li jirrispettaw bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem u jkunu f’konformità sħiħa mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).

(2)

L-użu tad-data dwar il-passiġġieri u tal-informazzjoni dwar it-titjiriet ittrasferiti qabel il-wasla tal-passiġġieri, magħrufa bħala data tal-informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri jew data API, jikkontribwixxi sabiex jitħaffef il-proċess tat-twettiq tal-verifiki fil-fruntieri meħtieġa matul il-proċess ta’ qsim tal-fruntieri. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dak il-proċess jikkonċerna, b’mod aktar speċifiku, il-qsim tal-fruntieri bejn pajjiż terz jew Stat Membru li għalihom dan ir-Regolament ma japplikax u Stat Membru li għalih dan ir-Regolament japplika. L-użu tal-API jsaħħaħ il-verifiki fil-fruntieri f’dawk il-fruntieri esterni billi jipprovdi biżżejjed żmien sabiex ikunu jistgħu jitwettqu verifiki fil-fruntieri dettaljati u komprensivi fuq il-passiġġieri kollha, mingħajr ma dan ikollu effett negattiv sproporzjonat fuq dawk li jivvjaġġaw b’mod leġittimu. Għalhekk, fl-interess tal-effettività u tal-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri ta’ persuni fil-fruntieri esterni, jenħtieġ li jiġi previst qafas legali xieraq sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tal-Istati Membri f’tali punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni jkollhom aċċess għad-data tal-API qabel il-wasla tal-passiġġieri.

(3)

Il-qafas legali eżistenti dwar id-data tal-API, li jikkonsisti fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (4) u l-liġi nazzjonali li tittrasponi dik id-Direttiva, wera li huwa importanti fit-titjib tal-verifiki fil-fruntieri, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ qafas għall-Istati Membri biex jintroduċu dispożizzjonijiet għall-istipular ta’ obbligi fuq it-trasportaturi bl-ajru biex jittrasferixxu data tal-API dwar il-passiġġieri ttrasportati fit-territorju tagħhom. Madankollu, għad hemm id-diverġenzi fil-livell nazzjonali. B’mod partikolari, id-data tal-API mhijiex ma tintalabx sistematikament mit-trasportaturi bl-ajru, u t-trasportaturi bl-ajru jiffaċċjaw rekwiżiti differenti rigward it-tip ta’ informazzjoni li trid tinġabar u l-kundizzjonijiet li bihom id-data tal-API jeħtieġ li tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera. Dawk id-diverġenzi jwasslu mhux biss għal spejjeż u għal kumplikazzjonijiet bla bżonn għat-trasportaturi bl-ajru, iżda huma wkoll ta’ preġudizzju sabiex isiru verifiki effettivi u effiċjenti minn qabel fuq persuni li jaslu fil-fruntieri esterni.

(4)

Jeħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi aġġornat u ssostitwit sabiex jiġi żgurat li r-regoli rigward il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API bl-iskop li jittejbu u jiġu ffaċilitati l-effettività u l-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri ta’ persuni fil-fruntieri esterni u għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali jkunu ċari, armonizzati u effettivi, f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 għall-Istati Membri li għalihom japplika, u mal-liġi nazzjonali meta ma japplikax.

(5)

Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell internazzjonali kemm jista’ jkun u fid-dawl tar-regoli dwar il-ġbir tad-data tal-API applikabbli fil-livell internazzjonali, jenħtieġ li l-qafas legali aġġornat stabbilit b’dan ir-Regolament iqis il-prattiki rilevanti miftehmin internazzjonalment mal-industrija tal-ajru, bħal fil-kuntest tal-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Avjazzjoni u tal-Gwida tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri.

(6)

Il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API jaffettwaw il-privatezza tal-individwi u jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Sabiex jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt ta’ rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-Karta, jenħtieġ li jiġu previsti limiti u salvagwardji adegwati. Per eżempju, kwalunkwe pproċessar tad-data tal-API u, b’mod partikolari, tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, jenħtieġ li jibqa’ limitat strettament għal dak li huwa neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħqu l-objettivi segwiti minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-ipproċessar ta’ kwalunkwe data tal-API miġbura u ttrasferita skont dan ir-Regolament ma jwassal għal ebda forma ta’ diskriminazzjoni prekluża mill-Karta.

(7)

Sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għat-trasportaturi bl-ajru kollha li jwettqu titjiriet lejn l-Unjoni, kif definit f’dan ir-Regolament, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tat-trasportaturi bl-ajru li jwettqu dawk it-titjiriet, u li joperaw kemm titjiriet skedati kif ukoll mhux skedati. Il-ġbir tad-data minn kwalunkwe operazzjoni oħra ta’ inġenji tal-ajru ċivili, bħal skejjel tat-titjiriet, titjiriet mediċi, titjiriet ta’ emerġenza, kif ukoll minn titjiriet militari, mhuwiex fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-ġbir tad-data minn tali titjiriet kif previst fil-liġi nazzjonali li hija kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta’ skema tal-Unjoni li tobbliga lill-operaturi ta’ titjiriet privati jiġbru u jittrasferixxu d-data dwar il-passiġġieri bl-ajru.

(8)

L-obbligi fuq it-trasportaturi bl-ajru li jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludu l-passiġġieri kollha fuq titjiriet lejn l-Unjoni, il-passiġġieri fi tranżitu li d-destinazzjoni finali tagħhom tkun barra mill-Unjoni u kwalunkwe membru tal-ekwipaġġ mhux fuq xogħol pożizzjonat fuq titjira minn trasportatur bl-ajru b’rabta ma’ dmirijietu.

(9)

Fl-interess tal-effettività u taċ-ċertezza legali, il-punti ta’ informazzjoni li flimkien jikkostitwixxu d-data tal-API li għandha tinġabar u sussegwentement tiġi ttrasferita skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu elenkati b’mod ċar u eżawrjenti, filwaqt li jiġu koperti kemm l-informazzjoni relatata ma’ kull passiġġier kif ukoll l-informazzjoni dwar it-titjira meħuda minn dak il-passiġġier. Skont dan ir-Regolament, u f’konformità mal-istandards internazzjonali, jenħtieġ li tali informazzjoni dwar it-titjira tkopri informazzjoni dwar is-seating u l-bagalji, meta tali informazzjoni tkun disponibbli, u informazzjoni dwar il-punt ta’ qsim tal-fruntiera tad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat fil-każijiet kollha koperti b’dan ir-Regolament. Meta l-informazzjoni dwar il-bagalji jew is-seating tkun disponibbli f’sistemi oħra tal-IT li t-trasportatur bl-ajru, min jimmaniġġjah, il-fornitur tiegħu tas-sistema jew l-awtorità tal-ajruport ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, it-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li jintegraw dik l-informazzjoni fid-data tal-API li trid tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera. Id-data tal-API kif definita u rregolata skont dan ir-Regolament ma tinkludix data bijometrika.

(10)

Sabiex ikunu permessi l-flessibbiltà u l-innovazzjoni, jenħtieġ li fil-prinċipju jitħalla f’idejn kull trasportatur bl-ajru li jiddetermina kif jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-ġbir tad-data tal-API stabbiliti f’dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu t-tipi differenti ta’ trasportaturi bl-ajru kif definit f’dan ir-Regolament u l-mudelli ta’ negozju rispettivi tagħhom, inkluż fir-rigward tal-ħinijiet taċ-check-in u l-kooperazzjoni mal-ajruporti. Madankollu, meta jitqies li jeżistu soluzzjonijiet teknoloġiċi adatti li jippermettu l-ġbir ta’ ċerta data tal-API b’mod awtomatiku filwaqt li jiggarantixxu li d-data tal-API kkonċernata tkun preċiża, kompleta u aġġornata, u wara li jitqiesu l-vantaġġi tal-użu ta’ tali teknoloġija f’termini ta’ effettività u ta’ effiċjenza, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jkunu meħtieġa jiġbru dik id-data tal-API bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati, billi jaqraw informazzjoni mid-data li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar. Meta l-użu ta’ tali mezzi awtomatizzati ma jkunx teknikament possibbli f’ċirkostanzi eċċezzjonali, it-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li eċċezzjonalment jiġbru d-data tal-API manwalment, jew bħala parti mill-proċess taċ-check-in online, jew bħala parti miċ-check-in fl-ajruport, b’tali mod li jiżguraw konformità mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

(11)

Il-ġbir tad-data tal-API b’mezzi awtomatizzati jenħtieġ li jkun strettament limitat għad-data alfanumerika li tinsab fid-dokument tal-ivvjaġġar u jenħtieġ li ma jwassal għall-ġbir ta’ ebda data bijometrika minnu. Peress li l-ġbir tad-data tal-API huwa parti mill-proċess taċ-check-in, jew online inkella fl-ajruport, dan ir-Regolament ma jinkludix obbligu li t-trasportaturi bl-ajru jivverifikaw dokument tal-ivvjaġġar tal-passiġġier fil-mument tal-imbark. Il-konformità ma’ dan ir-Regolament ma jinkludi ebda obbligu fuq il-passiġġieri li jġorru dokument tal-ivvjaġġar fil-mument tal-imbark. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn atti legali oħra tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali li hija kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

(12)

Il-ġbir tad-data tal-API mid-dokumenti tal-ivvjaġġar jenħtieġ li jkun konsistenti wkoll mal-istandards tal-ICAO dwar dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna, li ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 (6) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 (7).

(13)

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni korrispondenti jenħtieġ li jwasslu għal implimentazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament mit-trasportaturi bl-ajru, u b’hekk jimminimizzaw l-ispiża tal-interkonnessjoni tas-sistemi rispettivi tagħhom. Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dawk ir-rekwiżiti mit-trasportaturi bl-ajru, b’mod partikolari fir-rigward tal-istruttura, il-format u l-protokoll tat-trażmissjoni tad-data, jenħtieġ li l-Kummissjoni, abbażi tal-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, ma’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri, mat-trasportaturi bl-ajru u ma’ aġenziji rilevanti tal-Unjoni, tiżgura li l-manwal prattiku li jrid jitħejja mill-Kummissjoni jipprovdi l-gwida u l-kjarifiki kollha neċessarji.

(14)

Sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data tal-API, ir-router li jiġi stabbilit skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jivverifika jekk id-data tal-API ttrasferita lilu mit-trasportaturi bl-ajru hijiex konformi mal-formati tad-data appoġġjati, inklużi kampijiet jew kodiċijiet tad-data, kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll ta’ struttura. Meta l-verifika tiddetermina li d-data mhijiex konformi ma’ dawk il-formati tad-data, jenħtieġ li r-router, minnufih u b’mod awtomatizzat, jinnotifika lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

(15)

Huwa importanti li s-sistemi tal-ġbir tad-data awtomatizzati u proċessi oħra stabbiliti skont dan ir-Regolament ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-impjegati fl-industrija tal-avjazzjoni, li jeħtiġilhom jingħataw opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid li jżidu l-effiċjenza u l-affidabbiltà tal-ġbir u tat-trasferiment tad-data kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur.

(16)

Il-passiġġieri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu ċerta data tal-API huma stess permezz ta’ mezzi awtomatizzati matul proċess ta’ check-in online, pereżempju permezz ta’ applikazzjoni sigura fuq smartphone, kompjuter jew webcam tal-passiġġier bil-kapaċità li taqra d-data li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar. Meta l-passiġġieri ma jagħmlux check-in online, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jagħtuhom il-possibbiltà li jipprovdu d-data tal-API meħtieġa li tinqara minn magna matul iċ-check-in fl-ajruport bl-assistenza ta’ kiosk self-service jew ta’ persunal tat-trasportaturi bl-ajru fil-counter taċ-check-in. Mingħajr preġudizzju għal-libertà tat-trasportaturi bl-ajru li jiffissaw in-nollijiet tal-ajru u jiddefinixxu l-politika kummerċjali tagħhom, huwa importanti li l-obbligi skont dan ir-Regolament ma jwasslux għal ostakli sproporzjonati għall-passiġġieri li ma jkunux jistgħu jużaw mezzi online biex jipprovdu d-data tal-API, bħal tariffi addizzjonali għall-forniment tad-data tal-API fl-ajruport. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi perjodu tranżitorju li matulu l-passiġġieri jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu d-data tal-API manwalment bħala parti mill-proċess taċ-check-in online. F’tali każijiet, it-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li jużaw tekniki ta’ verifika tad-data.

(17)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat it-twettiq tad-drittijiet previsti fil-Karta, kif ukoll li jiġu żgurati għażliet tal-ivvjaġġar aċċessibbli u inklużivi, speċjalment għal gruppi vulnerabbli u għal persuni b’diżabbiltà, u f’konformità mad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), it-trasportaturi bl-ajru, appoġġjati mill-Istati Membri, jenħtieġ li jiżguraw li tkun disponibbli f’kull ħin għażla għall-forniment tad-data neċessarja mill-passiġġieri fl-ajruport.

(18)

Fid-dawl tal-vantaġġi offruti bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati għall-ġbir tad-data tal-API li tinqara minn magna u taċ-ċarezza li tirriżulta mir-rekwiżiti tekniċi f’dak ir-rigward li għandhom jiġu adottati skont dan ir-Regolament, it-trasportaturi bl-ajru li jiddeċiedu li jużaw mezzi awtomatizzati biex jiġbru l-informazzjoni li huma meħtieġa jittrażmettu skont id-Direttiva 2004/82/KE jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li japplikaw dawk ir-rekwiżiti, ladarba jiġu adottati, b’rabta ma’ tali użu ta’ mezzi awtomatizzati, sa fejn dik id-Direttiva tkun applikabbli u tippermetti dan. Jenħtieġ li kwalunkwe applikazzjoni volontarja bħal din ta’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet b’applikazzjoni tad-Direttiva 2004/82/KE ma tinftehimx li taffettwa b’xi mod l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru u tal-Istati Membri skont dik id-Direttiva.

(19)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-verifiki bil-quddiem imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jkunu effettivi u effiċjenti, jenħtieġ li d-data tal-API ttrasferita lil dawk l-awtoritajiet ikun fiha data dwar il-passiġġieri li effettivament ikunu se jaqsmu l-fruntieri esterni, jiġifieri ta’ passiġġieri li jkunu effettivament abbord l-inġenju tal-ajru, irrispettivament minn jekk id-destinazzjoni finali tal-passiġġier tkunx ġewwa jew barra l-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-data tal-API immedjatament wara l-għeluq tat-titjira. Barra minn hekk, id-data tal-API tgħin lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jiddistingwu passiġġieri leġittimi minn passiġġieri li jaf ikunu ta’ interess u, għalhekk, jistgħu jkunu jeħtieġu verifiki addizzjonali, li jkunu jeħtieġu aktar koordinazzjoni u tħejjija ta’ miżuri ta’ segwitu li jittieħdu mal-wasla. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, f’każijiet ta’ għadd mhux mistenni ta’ passiġġieri ta “interess li l-verifiki fiżiku tagħhom fil-fruntieri jkun jista” jaffettwa b’mod negattiv il-verifiki fil-fruntieri u l-ħinijiet ta’ stennija fil-fruntieri ta’ passiġġieri leġittimi oħrajn. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jingħataw l-opportunità li jħejju miżuri adegwati u proporzjonati fil-fruntiera, bħar-rinforz jew ir-riorganizzazzjoni temporanja tal-persunal, b’mod partikolari għal titjiriet li fihom il-ħin bejn l-għeluq tat-titjira u l-wasla fil-fruntieri esterni ma jkunx biżżejjed sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jħejju l-aktar rispons xieraq, jenħtieġ li d-data tal-API tiġi trasferita wkoll qabel l-imbark, fil-mument taċ-check-in ta’ kull passiġġier.

(20)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ użu ħażin u f’konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jiġu preklużi b’mod espliċitu milli jipproċessaw id-data tal-API li jirċievu skont dan ir-Regolament għal kwalunkwe fini ieħor għajr dawk previsti b’mod espliċitu f’dan ir-Regolament u f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 għall-Istati Membri li għalihom japplika dak ir-Regolament jew, meta dak ir-Regolament ma japplikax, dawk previsti b’mod espliċitu f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(21)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jkollhom biżżejjed żmien biex iwettqu l-verifiki minn qabel b’mod effettiv fuq il-passiġġieri kollha, inklużi l-passiġġieri fuq titjiriet fit-tul u dawk li jivvjaġġaw fuq titjiriet konnessi, kif ukoll biżżejjed żmien biex jiżguraw li d-data tal-API miġbura u ttrasferita mit-trasportaturi bl-ajru tkun preċiża, kompleta u aġġornata, u fejn neċessarju sabiex jitolbu kjarifiki, korrezzjonijiet jew ikkompletar addizzjonali mit-trasportaturi bl-ajru, sabiex jiġi żgurat li d-data tal-API tibqa’ disponibbli sakemm il-passiġġieri kollha jkunu effettivament ippreżentaw lilhom infushom fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jaħżnu d-data tal-API li jirċievu skont dan ir-Regolament għal perjodu ta’ żmien fiss li jibqa’ limitat għal dak li jkun strettament neċessarju għal dawk il-finijiet. F’ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-passiġġieri individwali, wara l-inżul l-art, ma jippreżentawx ruħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera sat-tali perjodu ta’ żmien fiss, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tagħhom jaħżnu d-data tal-API ta’ tali passiġġieri individwali sa ma jippreżentaw ruħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera jew sa mhux aktar tard minn perjodu ta’ żmien fiss addizzjonali. Meta l-Istati Membri jkunu jridu jagħmlu użu minn tali possibbiltà, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu responsabbli biex jistabbilixxu l-mezzi xierqa biex jidentifikaw tali passiġġieri individwali, sabiex jiżguraw li ż-żamma itwal tad-data speċifika tal-API tagħhom tibqa’ limitata għal dak li huwa strettament neċessarju.

(22)

Sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għal talbiet għal kjarifiki, korrezzjonijiet jew ikkompletar addizzjonali mill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jaħżnu d-data tal-API li jkunu ttrasferew skont dan ir-Regolament għal perjodu ta’ żmien fiss u strettament neċessarju. Lil hinn minn dan, u bil-ħsieb li tittejjeb l-esperjenza tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri leġittimi, it-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu u jużaw id-data tal-API fejn dan ikun neċessarju għall-andament normali tan-negozju tagħhom, b’mod partikolari biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar, f’konformità mal-liġi applikabbli u b’mod partikolari mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(23)

Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha t-trasportaturi bl-ajru jkollhom jistabbilixxu u jżommu konnessjonijiet multipli mal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tal-Istati Membri għat-trasferiment tad-data tal-API miġbura skont dan ir-Regolament, u b’hekk jiġu evitati l-ineffiċjenzi u r-riskji għas-sigurtà relatati, jenħtieġ li jiġi previst router wieħed, maħluq u operat fil-livell tal-Unjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), li jservi bħala punt ta’ konnessjoni u ta’ distribuzzjoni għal dawk it-trasferimenti. Fl-interess tal-effiċjenza u tal-kosteffettività, jenħtieġ li r-router, sa fejn ikun teknikament possibbli u f’konformità sħiħa mar-regoli ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) 2025/13, jiddependi fuq komponenti tekniċi minn sistemi rilevanti oħra maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari s-servizz web imsemmi fir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-portal għat-trasportaturi msemmi fir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u l-gateway tat-trasportaturi msemmi fir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Sabiex jitnaqqas l-impatt fuq it-trasportaturi bl-ajru u jiġi żgurat approċċ armonizzat lejn it-trasportaturi bl-ajru, jenħtieġ li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), tiddisinja r-router, sa fejn ikun possibbli mil-lat tekniku u operazzjonali, b’mod li jkun koerenti u konsistenti mal-obbligi għat-trasportaturi bl-ajru stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226 u (UE) 2018/1240.

(24)

Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tat-trażmissjoni tad-data dwar it-traffiku tal-ajru u jiġi appoġġjat il-monitoraġġ tad-data tal-API trażmessa lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, ir-router jenħtieġ li jirċievi data dwar it-traffiku tat-titjiriet f’ħin reali miġbura minn organizzazzjonijiet oħra, bħall-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol).

(25)

Skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li r-router jittrażmetti d-data tal-API, b’mod awtomatizzat, lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-fruntiera, li jenħtieġ li jiġu ddeterminati abbażi tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera tad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru inkluż fid-data tal-API inkwistjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tad-distribuzzjoni, jenħtieġ li kull Stat Membru jindika liema awtoritajiet tal-fruntiera huma kompetenti biex jirċievu d-data tal-API trażmessa mir-router. Huwa possibbli li l-Istati Membri jistabbilixxu punt ta’ dħul uniku għad-data li jirċievi d-data tal-API mir-router, u li minnufih u b’mod awtomatizzat jgħaddi dik id-data lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tal-Istat Membru kkonċernat. Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq ta’ dan ir-Regolament u fl-interess tat-trasparenza, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tiġi ppubblikata.

(26)

Jenħtieġ li r-router iservi biss sabiex jiffaċilita t-trasferiment tad-data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u jenħtieġ li ma jkunx repożitorju tad-data tal-API. Għalhekk, u sabiex jiġi minimizzat kwalunkwe riskju ta’ aċċess mhux awtorizzat jew ta’ użu ħażin ieħor u f’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, jenħtieġ li ma jseħħ l-ebda ħżin dment li ma jkunx strettament neċessarju għal finijiet tekniċi relatati mat-trażmissjoni, u jenħtieġ li d-data tal-API titħassar mir-router, minnufih, b’mod permanenti u awtomatizzat, mill-mument li t-trażmissjoni tkun ġiet ikkompletata.

(27)

Sabiex it-trasportaturi bl-ajru jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aktar fis possibbli mill-vantaġġi offruti mill-użu tar-router żviluppat mill-eu-LISA f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2025/13, u sabiex jiksbu esperjenza fl-użu tiegħu, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jingħataw il-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li jużaw ir-router sabiex jittrasferixxu l-informazzjoni li huma meħtieġa jittrasferixxu skont id-Direttiva 2004/82/KE matul perjodu interim. Jenħtieġ li dak il-perjodu interim jibda fil-mument li fih ir-router jibda jopera u jintemm meta ma jibqgħux japplikaw l-obbligi skont dik id-Direttiva. Bil-għan li jiġi żgurat li kwalunkwe użu volontarju bħal dan tar-router iseħħ b’mod responsabbli, jenħtieġ li jkun meħtieġ il-qbil bil-miktub minn qabel tal-Istat Membru li jrid jirċievi l-informazzjoni, fuq talba tat-trasportaturi bl-ajru wara li dak l-Istat Membru jkun wettaq verifiki u kiseb aċċertamenti, skont kif ikun neċessarju. Bl-istess mod, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha t-trasportaturi bl-ajru ripetutament jibdew u jieqfu jużaw ir-router, ladarba trasportatur bl-ajru jibda dan l-użu fuq bażi volontarja, jenħtieġ li jkun meħtieġ ikompli bih, dment li ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi sabiex l-użu tar-router jitwaqqaf għat-trasferiment tal-informazzjoni lill-awtoritajiet responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat, bħal meta jkun sar evidenti li l-informazzjoni ma tkunx qiegħda tiġi trasferita b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu. Fl-interess tal-applikazzjoni xierqa tal-possibbiltà ta’ użu volontarju tar-router, b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet u għall-interessi tal-partijiet affettwati kollha, jenħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu previsti r-regoli neċessarji dwar il-konsultazzjonijiet u l-għoti ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li kwalunkwe użu volontarju bħal dan tar-router fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/82/KE kif previst f’dan ir-Regolament ma jinftehimx li jaffettwa b’xi mod l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru u tal-Istati Membri skont dik id-Direttiva.

(28)

Jenħtieġ li r-router li jrid jinħoloq u jiġi operat skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/13 inaqqas u jissimplifika l-konnessjonijiet tekniċi meħtieġa għat-trasferiment tad-data tal-API skont dan ir-Regolament, billi jillimitahom għal konnessjoni unika għal kull trasportatur bl-ajru u għal kull awtorità kompetenti tal-fruntiera. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u għat-trasportaturi bl-ajru li kull wieħed minnhom jistabbilixxi tali konnessjoni mar-router u jikseb l-integrazzjoni meħtieġa miegħu, sabiex jiġi żgurat li s-sistema għat-trasferiment tad-data tal-API stabbilita b’dan ir-Regolament tkun tista’ tiffunzjona kif suppost. Id-disinn u l-iżvilupp tar-router mill-eu-LISA jenħtieġ li jippermettu l-konnessjoni u l-integrazzjoni effettivi u effiċjenti tas-sistemi u tal-infrastruttura tat-trasportaturi bl-ajru billi jipprevedu l-istandards u r-rekwiżiti tekniċi rilevanti kollha. Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistema stabbilita b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli dettaljati. Meta tiddisinja u tiżviluppa r-router, jenħtieġ li l-eu-LISA tiżgura li d-data tal-API ttrasferita mit-trasportaturi bl-ajru u trażmessa lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tkun kriptata waqt li tkun fit-tranżitu.

(29)

Fid-dawl tal-interessi tal-Unjoni involuti, jenħtieġ li l-ispejjeż kollha mġarrba mill-eu-LISA għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament fir-rigward tar-router jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni, inklużi d-disinn u l-iżvilupp tar-router, il-hosting u l-ġestjoni teknika tar-router, u l-istruttura ta’ governanza fl-eu-LISA biex tappoġġja d-disinn, l-iżvilupp, il-hosting u l-ġestjoni teknika tar-router. L-istess jaf japplika għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tal-konnessjonijiet tagħhom mar-router u l-integrazzjoni tagħhom fih u l-manutenzjoni tagħhom, kif meħtieġ skont dan ir-Regolament, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni. Huwa importanti li l-baġit tal-Unjoni jipprovdi appoġġ finanzjarju xieraq lill-Istati Membri għal dawk l-ispejjeż. Għal dak il-għan, il-ħtiġijiet finanzjarji tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu appoġġjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, f’konformità mar-regoli tal-eliġibbiltà u mar-rati ta’ kofinanzjament stabbiliti bl-atti legali rilevanti tal-Unjoni. Il-kontribuzzjoni annwali tal-Unjoni allokata lill-eu-LISA jenħtieġ li tkopri l-ħtiġijiet relatati mal-hosting u mal-ġestjoni teknika tar-router abbażi ta’ valutazzjoni mwettqa mill-eu-LISA. Il-baġit tal-Unjoni jenħtieġ li jkopri wkoll l-appoġġ, bħat-taħriġ, ipprovdut mill-eu-LISA lit-trasportaturi bl-ajru u lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera biex jippermetti t-trasferiment u t-trażmissjoni effettivi tad-data tal-API permezz tar-router. Jenħtieġ li l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali indipendenti b’rabta mal-kompiti fdati lilhom skont dan ir-Regolament jiġġarrbu wkoll mill-Istati Membri rispettivi.

(30)

Ma jistax jiġi eskluż li, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u minkejja li jkunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-infrastruttura ċentrali jew wieħed mill-komponenti tekniċi tar-router, jew l-infrastrutturi tal-komunikazzjoni li jikkollegaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u lit-trasportaturi bl-ajru assoċjati magħhom jonqsu milli jiffunzjonaw kif suppost, u dan iwassal għal impossibbiltà teknika li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-data tal-API, jew li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jirċevuhom. Minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tar-router u li ġeneralment ma jkunx raġonevolment possibbli għat-trasportaturi bl-ajru li jittrasferixxu d-data tal-API affettwata min-nuqqas ta’ funzjonament b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu b’mezzi alternattivi, jenħtieġ li l-obbligu li t-trasportatuti bl-ajru jittrasferixxu tali data tal-API lir-router ma jibqax japplika sakemm tippersisti l-impossibbiltà teknika. Madankollu, biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data tal-API neċessarja għat-tisħiħ u l-faċilitazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri ta’ persuni fil-fruntieri esterni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jkomplu jiġbru u jaħżnu d-data tal-API sabiex tkun tista’ tiġi ttrasferita ladarba tiġi solvuta l-impossibbiltà teknika. Sabiex jiġu mminimizzati d-durata u l-konsegwenzi negattivi ta’ kwalunkwe impossibbiltà teknika, jenħtieġ li f’każ bħal dan il-partijiet ikkonċernati jinformaw minnufih lil xulxin u jieħdu minnufih il-miżuri kollha neċessarji biex jindirizzaw l-impossibbiltà teknika. Jenħtieġ li dan l-arranġament ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont dan ir-Regolament tal-partijiet kollha kkonċernati li jiżguraw li r-router u s-sistemi u l-infrastruttura rispettivi tagħhom jiffunzjonaw kif xieraq, kif ukoll għall-fatt li t-trasportaturi bl-ajru jkunu soġġetti għal penali jekk jonqsu milli jissodisfaw dawk l-obbligi, inkluż f’każijiet meta jfittxu li jiddependu fuq dan l-arranġament meta tali dipendenza ma tkunx ġustifikata. Sabiex jiġi evitat tali abbuż u biex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni u, fejn neċessarju, l-impożizzjoni ta’ penali, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru li jiddependu fuq dan l-arranġament minħabba nuqqas ta’ funzjonament tas-sistema u tal-infrastruttura tagħhom stess jirrapportaw dwar dan lill-awtorità superviżorja kompetenti.

(31)

Meta t-trasportaturi bl-ajru jżommu konnessjonijiet diretti mal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għat-trasferiment tad-data tal-API, dawk il-konnessjonijiet jistgħu jikkostitwixxu mezzi xierqa, filwaqt li jiżguraw il-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data għat-trasferiment tad-data tal-API direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera meta ikun teknikament impossibbi li jintuża r-router. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera li jkunu jistgħu, fil-każ eċċezzjonali tal-impossibbiltà teknika li jintuża r-router, jitolbu lit-trasportaturi bl-ajru jużaw tali mezzi xierqa, li ma jimplikax obbligu fuq it-trasportaturi bl-ajru li jżommu jew jintroduċu tali konnessjonijiet diretti jew kwalunkwe mezz xieraq ieħor, filwaqt li jiżguraw il-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data, biex jittrasferixxu data tal-API direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera. It-trasferiment eċċezzjonali tad-data tal-API bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor, bħal email kriptata jew portal web sigur, u li jeskludi l-użu ta’ formati elettroniċi mhux standard, jenħtieġ li jiżgura l-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data, kwalità tad-data u protezzjoni tad-data. Id-data tal-API riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera b’tali mezzi xierqa oħra jenħtieġ li tiġi pproċessata ulterjorment f’konformità mar-regoli u mas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 u fil-liġi nazzjonali applikabbli. Wara n-notifika mill-eu-LISA li l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, u meta jiġi kkonfermat li t-trażmissjoni tad-data tal-API permezz tar-router lill-awtorità kompetenti tal-fruntiera tkun ġiet ikkompletata, l-awtorità kompetenti tal-fruntiera jenħtieġ li tħassar minnufih id-data tal-API li tkun irċeviet qabel bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor. Jenħtieġ li dak it-tħassir ma jaffettwax każijiet speċifiċi meta d-data tal-API li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jkunu rċevew bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor tkun sadanittant ġiet ipproċessata ulterjorment f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 għall-finijiet speċifiċi ta’ titjib u faċilitazzjoni tal-effettività u tal-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

(32)

Fl-interess li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidentifika l-kontrollur u l-proċessur u jistabbilixxi regoli dwar l-awditi. Fl-interess tal-monitoraġġ effettiv, l-iżgurar ta’ protezzjoni adegwata tad-data personali u l-minimizzazzjoni tar-riskji għas-sigurtà, jenħtieġ li jiġu previsti wkoll regoli dwar ir-reġistrazzjoni tad-data, is-sigurtà tal-ipproċessar u l-awtomonitoraġġ. Meta jkunu relatati mal-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu konformi mal-atti legali applikabbli b’mod ġenerali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(33)

Mingħajr preġudizzju għal regoli aktar speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri u mit-trasportaturi bl-ajru skont dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-eu-LISA meta twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha skont dan ir-Regolament.

(34)

Filwaqt li jqisu d-dritt tal-passiġġieri li jiġu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-passiġġieri jiġu pprovduti b’informazzjoni preċiża dwar il-ġbir tad-data tal-API, it-trasferiment ta’ tali data lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data, liema informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli u faċli biex tinftiehem, fil-mument tal-prenotazzjoni u fil-mument taċ-check-in.

(35)

L-awditi dwar il-protezzjoni tad-data personali li l-Istati Membri huma responsabbli għalihom jenħtieġ li jitwettqu mill-awtoritajiet superviżorji indipendenti msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew minn korp tal-awditjar fdat b’dan il-kompitu mill-awtorità superviżorja.

(36)

L-iskopijiet tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar skont dan ir-Regolament, jiġifieri t-trażmissjoni ta’ data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru permezz tar-router lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tal-Istati Membri, għandhom jassistu lil dawk l-awtoritajiet fit-twettiq tal-obbligi u tal-kompiti tagħhom u l-kompiti relatati mal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeżinjaw awtoritajiet biex ikunu kontrolluri għall-ipproċessar tad-data fir-router, it-trażmissjoni tad-data mir-router lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, u l-ipproċessar sussegwenti ta’ dik id-data sabiex jissaħħu u jiġu ffaċilitati l-verifiki fil-fruntieri ta’ persuni fil-fruntieri esterni. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkomunikaw dawk l-awtoritajiet lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA. Għall-ipproċessar ta’ data personali fir-router, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kontrolluri konġunti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li, min-naħa tagħhom, it-trasportaturi bl-ajru jkunu kontrolluri separati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali skont dan ir-Regolament. Fuq din il-bażi, jenħtieġ li kemm it-trasportaturi bl-ajru kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jkunu kontrolluri tad-data separati fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data tal-API skont dan ir-Regolament. Bħala responsabbli għad-disinn, għall-iżvilupp, għall-hosting u għall-ġestjoni teknika tar-router, jenħtieġ li l-eu-LISA tkun il-proċessur għall-ipproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali permezz tar-router, inkluża t-trażmissjoni tad-data mir-router lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u l-ħżin ta’ dik id-data fuq ir-router sa fejn tali ħżin ikun neċessarju għal finijiet tekniċi.

(37)

Sabiex jiġi żgurat li r-regoli ta’ dan ir-Regolament jiġu applikati b’mod effettiv mit-trasportaturi bl-ajru, jenħtieġ li jiġu previsti d-deżinjazzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali bħala awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API inkarigati mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli. L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tagħhom bħala awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar tali monitoraġġ, inkluż fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ penali fejn neċessarji, jenħtieġ li jħallu l-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 mhux affettwati, inkluż b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament.

(38)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jinkludu penali finanzjarji, kif ukoll mhux finanzjarji, kontra dawk it-trasportaturi bl-ajru li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż dwar il-ġbir ta’ data tal-API b’mezzi awtomatizzati u tat-trasferiment tad-data f’konformità mal-iskedi ta’ żmien, il-formati u l-protokolli meħtieġa. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li nuqqas rikorrenti min-naħa tat-trasportaturi bl-ajru bħala persuni ġuridiċi milli jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jittrasferixxu kwalunkwe data tal-API lir-router f’konformità ma’ dan ir-Regolament huwa soġġett għal penali finanzjarji proporzjonati sa 2 % tal-fatturat globali tat-trasportatur bl-ajru tas-sena finanzjarja preċedenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw penali, inklużi penali finanzjarji, fil-konfront tat-trasportaturi bl-ajru għal forom oħra ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament.

(39)

Meta jipprevedu regoli dwar il-penali applikabbli għat-trasportaturi bl-ajru skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jqisu jekk huwiex fattibbli mil-lat tekniku u operazzjonali li jiżguraw il-preċiżjoni kompleta tad-data. Barra minn hekk, meta jiġu imposti penali, l-applikazzjoni u l-valur tagħhom jenħtieġ li jiġu stabbiliti. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API jistgħujqisu l-azzjonijiet meħuda mit-trasportatur bl-ajru biex jimmitiga l-kwistjoni, kif ukoll il-livell ta’ kooperazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet nazzjonali.

(40)

Jenħtieġ li jkun hemm struttura ta’ governanza unika għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) 2025/13. Bl-objettiv li tiġi ffaċilitata u titrawwem il-komunikazzjoni bejn ir-rappreżentanti tat-trasportaturi bl-ajru u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont dan ir-Regolament u skont ir-Regolament (UE) 2025/13 biex id-data tal-API tiġi trażmessa mir-router, jenħtieġ li jiġu stabbiliti żewġ korpi ddedikati mhux aktar tard minn sentejn wara l-bidu tal-operazzjonijiet tar-router. Kwistjonijiet tekniċi relatati mal-użu u mal-funzjonament tar-router jenħtieġ li jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR fejn ir-rappreżentanti tal-eu-LISA jenħtieġ li jkunu preżenti wkoll. Kwistjonijiet ta’ politika bħal pereżempju dawk b’rabta mal-penali jenħtieġ li jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Esperti tal-API.

(41)

Peress li dan ir-Regolament jipprevedi l-istabbiliment ta’ regoli ġodda dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għall-fini tat-titjib u tal-faċilitazzjoni tal-effettività u tal-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri ta’ persuni fil-fruntieri esterni, jenħtieġ li d-Direttiva 2004/82/KE titħassar.

(42)

Peress li jenħtieġ li r-router jiġi ddisinjat, żviluppat, ospitat u teknikament ġestit mill-eu-LISA, huwa neċessarju li r-Regolament (UE) 2018/1726 jiġi emendat billi jiżdied dak il-kompitu mal-kompiti tal-eu-LISA. Sabiex jinżammu r-rapporti u l-istatistiki tar-router dwar ir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS), stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), huwa neċessarju li jiġi emendat dak ir-Regolament. Sabiex jiġi appoġġjat l-infurzar ta’ dan ir-Regolament mill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API, jeħtieġ li l-emendi tar-Regolament (UE) 2019/817 jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-istatistika dwar jekk id-data tal-API hijiex preċiża u kompleta, pereżempju billi jiġi indikat jekk id-data nġabritx b’mezzi awtomatizzati. Huwa importanti wkoll li tinġabar statistika affidabbli u utli rigward l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġu appoġġjati l-objettivi tiegħu u jservu bħala informazzjoni għall-evalwazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali statistika ma tinkludi l-ebda data personali. Għalhekk, is-CRRS jenħtieġ li jipprovdi statistika bbażata fuq id-data tal-API għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss. Id-data li r-router jittrażmetti awtomatikament lis-CRRS għal dak il-għan jenħtieġ li ma tippermettix l-identifikazzjoni tal-passiġġieri kkonċernati.

(43)

Sabiex jiżdiedu ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, biex jingħata kontribut sabiex tiġi żgurata l-kwalità tad-data, jiġi żgurat l-użu responsabbli tal-mezzi awtomatizzati għall-ġbir ta’ data tal-API li tinqara minn magna skont dan ir-Regolament u jiġi żgurat il-ġbir manwali tad-data tal-API f’ċirkostanzi eċċezzjonali u matul il-perjodu tranżitorju, biex tiġi pprovduta ċarezza dwar ir-rekwiżiti tekniċi li huma applikabbli għat-trasportaturi bl-ajru u li huma neċessarji biex jiġi żgurat li d-data tal-API li jkunu ġabru skont dan ir-Regolament tiġi ttrasferita lir-router b’mod sigur, effettiv u rapidu, u biex jiġi żgurat li data mhux preċiża jew mhux kompluta jew data li ma għadhiex aġġornata tiġi kkoreġuta, ikkompletata jew aġġornata, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex il-perjodu tranżitorju għall-ġbir manwali tad-data tal-API jintemm; sabiex jiġu adottati miżuri relatati mar-rekwiżiti tekniċi u r-regoli operazzjonali li t-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li jikkonformaw magħhom fir-rigward tal-użu ta’ mezzi awtomatizzati għall-ġbir ta’ data tal-API li tinqara minn magna skont dan ir-Regolament, u għall-ġbir manwali ta’ data tal-API f’ċirkostanzi eċċezzjonali, u għall-ġbir ta’ data tal-API matul il-perjodu tranżitorju, inkluż dwar ir-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data; biex jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar protokolli komuni u formati tad-data appoġġjati li għandhom jintużaw għat-trasferimenti kriptati tad-data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru, inklużi rekwiżiti għas-sigurtà tad-data; biex jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-korrezzjoni, l-ikkompletar u l-aġġornament tad-data tal-API. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet interessati rilevanti, inklużi t-trasportaturi bl-ajru, matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. Filwaqt li jitqies l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, dawk ir-rekwiżiti tekniċi u r-regoli operazzjonali jaf jinbidlu maż-żmien.

(44)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri fir-rigward tal-bidu tal-operazzjonijiet tar-router; ir-regoli tekniċi u proċedurali għall-verifiki u n-notifiki tad-data; ir-regoli tekniċi u proċedurali għat-trażmissjoni tad-data tal-API mir-router lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera b’mod li jiżgura li t-trażmissjoni tkun sigura, effettiva u rapida u tħalli impatt fuq l-ivvjaġġar tal-passiġġieri u fuq it-trasportaturi bl-ajru mhux aktar milli neċessarju, u l-konnessjonijiet u l-integrazzjoni mar-router tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u tat-trasportaturi bl-ajru, u biex jiġu speċifikati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri bħala kontrolluri konġunti, bħal fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, inkluż ta’ ksur ta’ data personali, u r-relazzjoni bejn il-kontrolluri konġunti u l-eu-LISA bħala l-proċessur, inkluża l-assistenza tal-eu-LISA lill-kontrolluri b’miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligi tal-kontrollur biex iwieġeb għal talbiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(45)

Jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha, u b’mod partikolari t-trasportaturi bl-ajru u l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, jingħataw biżżejjed żmien biex jagħmlu t-tħejjijiet neċessarji sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies li wħud minn dawk it-tħejjijiet, bħal dawk dwar l-obbligi dwar il-konnessjoni u l-integrazzjoni mar-router, jistgħu jiġu ffinalizzati biss meta jkunu ġew ikkompletati l-fażijiet tad-disinn u tal-iżvilupp tar-router u r-router jibda jopera. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss minn data xierqa wara d-data li fiha r-router jibda jopera, kif speċifikat mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/13. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament diġà minn data aktar bikrija, sabiex jiġi żgurat li s-sistema stabbilita b’dan ir-Regolament tkun operazzjonali malajr kemm jista’ jkun.

(46)

Il-fażijiet tad-disinn u tal-iżvilupp tar-router stabbiliti skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/13 jenħtieġ li jinbdew u jiġu kkompletati mill-aktar fis possibbli sabiex ir-router ikun jista’ jibda jopera mill-aktar fis possibbli, li jirrikjedi wkoll l-adozzjoni tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni rilevanti previsti b’dan ir-Regolament. Għall-iżvilupp bla xkiel u effettiv ta’ dawn il-fażijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord tat-Tmexxija tal-Programm iddedikat bil-funzjoni li jwettaq is-superviżjoni tal-eu-LISA fit-twettiq tal-kompiti tagħha matul dawk il-fażijiet. Jenħtieġ li dan jieqaf jeżisti sentejn wara li r-router ikun beda l-operazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, korp konsultattiv iddedikat, il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR, jenħtieġ li jinħoloq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1726, bl-objettivi li jipprovdi għarfien espert lill-eu-LISA u lill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm dwar il-fażijiet tad-disinn u tal-iżvilupp tar-router, kif ukoll lill-eu-LISA dwar il-hosting u l-ġestjoni tar-router. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm u l-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR jenħtieġ li jiġu stabbiliti u operati skont il-mudelli tal-bordijiet tat-tmexxija tal-programmi u tal-gruppi konsultattivi eżistenti.

(47)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun soġġett għal evalwazzjonijiet regolari biex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-applikazzjoni effettiva tiegħu. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ġbir tad-data tal-API ma jkunx għad-detriment tal-esperjenza tal-ivvjaġġar ta’ passiġġieri leġittimi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fir-rapporti ta’ evalwazzjoni regolari tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament valutazzjoni tal-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-esperjenza tal-ivvjaġġar ta’ passiġġieri leġittimi. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tinkludi wkoll valutazzjoni tal-kwalità tad-data mibgħuta mir-router, kif ukoll il-prestazzjoni tar-router fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera.

(48)

Il-kjarifika pprovduta b’dan ir-Regolament rigward l-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet dwar l-użu ta’ mezzi awtomatizzati fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/82/KE jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll mingħajr dewmien. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sabiex ikun permess l-użu volontarju tar-router mill-aktar fis possibbli, id-dispożizzjonijiet dwar tali użu, kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet oħra neċessarji sabiex jiġi żgurat li tali użu jsir b’mod responsabbli, jenħtieġ li japplikaw l-aktar kmieni possibbli, jiġifieri, mill-mument li fih ir-router jibda jopera.

(49)

Peress li dan ir-Regolament jirrikjedi aġġustamenti u spejjeż addizzjonali min-naħa tat-trasportaturi bl-ajru, jenħtieġ li l-piż regolatorju ġenerali għas-settur tal-avjazzjoni jinżamm taħt rieżami mill-qrib. F’dan l-isfond, ir-rapport li jevalwa l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jivvaluta l-punt sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u sa liema punt dan kellu impatt fuq il-kompetittività tas-settur.

(50)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-liġi nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali, dment li tali liġi tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.

(51)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiġbru, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, data dwar il-passiġġieri minn fornituri tat-trasport għajr dawk speċifikati f’dan ir-Regolament, dment li tali liġi nazzjonali tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.

(52)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib u l-faċilitazzjoni tal-effettività u tal-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri ta’ persuni fil-fruntieri esterni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, huma relatati ma’ kwistjonijiet li minnhom infushom huma ta’ natura transfruntiera, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment, iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(53)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(54)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (19).

(55)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (20) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (21).

(56)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (22) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (23).

(57)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (24) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (25).

(58)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew inkella huwa marbut mod ieħor miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(59)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fit-8 ta’ Frar 2023 (26).

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Għall-fini tat-tisħiħ u tal-faċilitazzjoni tal-effettività u tal-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri ta’ persuni fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a)

il-ġbir ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API) minn trasportaturi bl-ajru;

(b)

it-trasferiment ta’ data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru lir-router;

(c)

it-trażmissjoni ta’ data tal-API mir-router lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għat-trasportaturi bl-ajru li jwettqu titjiriet lejn l-Unjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“trasportatur bl-ajru” tfisser trasportatur bl-ajru kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27);

(2)

“verifiki fil-fruntieri” tfisser verifiki fil-fruntieri kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt 11, tar-Regolament (UE) 2016/399;

(3)

“titjiriet lejn l-Unjoni” tfisser titjiriet li jtiru mit-territorju jew ta’ pajjiż terz inkella ta’ Stat Membru li dan ir-Regolament ma japplikax għalih, u li jkunu ppjanati li jinżlu l-art fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ Stati Membri li dan ir-Regolament japplika għalihom;

(4)

“punt ta’ qsim tal-fruntiera” tfisser il-punt ta’ qsim tal-fruntiera kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 8, tar-Regolament (UE) 2016/399;

(5)

“titjira skedata” tfisser titjira li topera skont skeda ta’ żmien fissa, li għaliha jistgħu jinxtraw il-biljetti mill-pubbliku ġenerali;

(6)

“titjira mhux skedata” tfisser titjira li ma toperax skont skeda ta’ żmien fissa u li mhux neċessarjament tkun parti minn rotta regolari jew skedata;

(7)

“awtorità kompetenti tal-fruntiera” tfisser l-awtorità li għandha s-setgħa minn Stat Membru sabiex twettaq verifiki fil-fruntieri u li hija ddeżinjata u notifikata minn dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 14(2);

(8)

“passiġġier” tfisser kwalunkwe persuna, esklużi membri tal-ekwipaġġ fuq xogħol, li tinġarr jew li għandha tinġarr fuq inġenju tal-ajru bil-kunsens tat-trasportatur bl-ajru, bit-tali kunsens li jintwera permezz tar-reġistrazzjoni ta’ dik il-persuna fil-lista tal-passiġġieri;

(9)

“informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri” jew “data tal-API” tfisser id-data dwar il-passiġġieri u l-informazzjoni dwar it-titjira msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) rispettivament;

(10)

“ir-router” tfisser ir-router imsemmi fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2025/13;

(11)

“data personali” tfisser data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt 1, tar-Regolament (UE) 2016/679;

(12)

“data dwar it-traffiku tat-titjiriet f’ħin reali” tfisser informazzjoni dwar it-traffiku tat-titjiriet deħlin f’ajruport u ħerġin minn ajruport kopert b’dan ir-Regolament.

KAPITOLU 2

IL-ĠBIR, IT-TRASFERIMENT, IL-ĦŻIN U T-TĦASSIR TA’ DATA TAL-APi

Artikolu 4

Il-ġbir tad-data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru

1.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API ta’ kull passiġġier fuq titjiriet lejn l-Unjoni li trid tiġi ttrasferita lir-router f’konformità mal-Artikolu 6. Meta t-titjira jkollha l-kodiċi kondiviż bejn trasportaturi bl-ajru, huwa t-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira li għandu jkollu l-obbligu li jittrasferixxi d-data tal-API.

2.   Id-data tal-API għandha tikkonsisti biss mid-data li ġejja relatata ma’ kull passiġġier fuq it-titjira:

(a)

il-kunjom (isem il-familja), l-ewwel isem jew l-ismijiet (l-ismijiet mogħtija);

(b)

id-data tat-twelid, is-sess u n-nazzjonalità;

(c)

it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar;

(d)

id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(e)

in-numru li jidentifika reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri użat minn trasportatur bl-ajru biex isib passiġġier fis-sistema ta’ informazzjoni tiegħu (lokalizzatur tar-rekords tal-PNR);

(f)

l-informazzjoni dwar is-seating li tikkorrispondi għas-seat fl-inġenju tal-ajru assenjat lil passiġġier, meta tali informazzjoni tkun disponibbli;

(g)

in-numru jew numri tat-tag tal-bagalji u l-għadd u l-piż tal-bagalji rreġistrati fiċ-check-in, meta tali informazzjoni tkun disponibbli;

(h)

kodiċi li jindika l-metodu użat biex tinġabar u tiġi vvalidata d-data msemmija fil-punti (a) sa (d).

3.   Id-data tal-API għandha wkoll tikkonsisti biss mill-informazzjoni li ġejja dwar it-titjira, liema informazzjoni tkun relatata mat-titjira ta’ kull passiġġier:

(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni tat-titjira jew, meta t-titjira jkollha l-kodiċi kondiviż bejn trasportaturi bl-ajru, in-numri ta’ identifikazzjoni tat-titjira, jew, jekk ma jkun jeżisti l-ebda numru bħal dan, mezzi oħra ċari u xierqa biex tiġi identifikata t-titjira;

(b)

fejn applikabbli, il-punt ta’ qsim tal-fruntiera tad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru;

(c)

il-kodiċi tal-ajruport tal-wasla jew, meta t-titjira tkun ippjanata li tinżel l-art f’ajruport wieħed jew f’diversi ajruporti fit-territorji ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li għalihom japplika dan ir-Regolament, il-kodiċijiet tal-ajruporti tal-waqfa fit-territorji tal-Istati Membri kkonċernati;

(d)

il-kodiċi tal-ajruport tat-tluq tat-titjira;

(e)

il-kodiċi tal-ajruport tal-punt inizjali tal-imbark, fejn applikabbli;

(f)

id-data u l-ħin lokali tat-tluq;

(g)

id-data u l-ħin lokali tal-wasla;

(h)

id-dettalji ta’ kuntatt tat-trasportatur bl-ajru;

(i)

il-format użat għat-trasferiment tad-data tal-API

Artikolu 5

Mezzi għall-ġbir tad-data tal-API

1.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API skont l-Artikolu 4 b’mod li jiżgura li d-data tal-API li jittrasferixxu f’konformità mal-Artikolu 6 tkun preċiża, kompleta u aġġornata.

2.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (d), billi jużaw mezzi awtomatizzati biex jiġbru d-data li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-passiġġier ikkonċernat. Għandhom jagħmlu dan f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi dettaljati u mar-regoli operazzjonali msemmijin fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, ladarba dawn ir-regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.

Meta t-trasportaturi bl-ajru jipprovdu proċess ta’ check-in online, huma għandhom jippermettu lill-passiġġieri jipprovdu d-data tal-API msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (d), b’mezzi awtomatizzati matul dak il-proċess ta’ check-in online. Għall-passiġġieri li ma jagħmlux iċ-check-in online, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jippermettu lil dawk il-passiġġieri jipprovdu d-data tal-API li tinqara b’mezzi awtomatizzati matul iċ-check-in fl-ajruport bl-assistenza ta’ kiosk self-service jew ta’ persunal mal-counter tat-trasportatur tal-ajru.

Meta l-użu ta’ mezzi awtomatizzati ma jkunx teknikament possibbli, it-trasportaturi bl-ajru għandhom eċċezzjonalment jiġbru d-data tal-API msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (d) manwalment, jew bħala parti miċ-check-in online inkella bħala parti miċ-check-in fl-ajruport, b’tali mod li tiġi żgurata l-konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Kwalunkwe mezz awtomatizzat użat mit-trasportaturi bl-ajru għall-ġbir tad-data tal-API skont dan ir-Regolament għandu jkun affidabbli, sigur u aġġornat. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li d-data tal-API tkun kriptata matul it-trasferiment ta’ tali data mill-passiġġier lit-trasportatur bl-ajru.

4.   Matul perjodu tranżitorju, u flimkien mal-mezzi awtomatizzati msemmija fil-paragrafu 3, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jagħmluha possibbli għall-passiġġieri li jipprovdu d-data tal-API manwalment bħala parti miċ-check-in online. F’tali każijiet, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jużaw tekniki ta’ verifika tad-data biex jiżguraw konformità mal-paragrafu 1.

5.   Il-perjodu tranżitorju msemmi fil-paragrafu 4 ma għandux jaffettwa d-dritt tat-trasportaturi bl-ajru li jivverifikaw, fl-ajruport qabel l-imbark fuq l-inġenju tal-ajru, id-data tal-API miġbura bħala parti miċ-check-in online, sabiex tiġi żgurata konformità mal-paragrafu 1, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, mid-data ta’ erba’ snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet tar-router b’rabta mad-data tal-API msemmija fl-Artikolu 34, u abbażi ta’ evalwazzjoni tad-disponibbiltà u tal-aċċessibbiltà tal-mezzi awtomatizzati għall-ġbir tad-data tal-API, att delegat skont l-Artikolu 44 biex jintemm il-perjodu tranżitorju msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi dettaljati u regoli operazzjonali għall-ġbir tad-data tal-API msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (d), bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, u għall-ġbir manwali tad-data tal-API f’ċirkostanzi eċċezzjonali f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u matul il-perjodu tranżitorju msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk ir-rekwiżiti tekniċi u r-regoli operazzjonali għandhom jinkludu rekwiżiti għas-sigurtà tad-data u għall-użu tal-aktar mezzi awtomatizzati affidabbli disponibbli biex tinġabar id-data li tinqara minn magna ta’ dokument tal-ivvjaġġar.

8.   It-trasportaturi bl-ajru li jużaw mezzi awtomatizzati biex jiġbru l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2004/82/KE għandhom ikunu intitolati li jagħmlu dan billi japplikaw ir-rekwiżiti tekniċi relatati ma’ tali użu msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità ma’ dik id-Direttiva.

Artikolu 6

Obbligi għat-trasportaturi bl-ajru rigward it-trasferimenti tad-data tal-API

1.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-API kriptata lir-router b’mezzi elettroniċi għall-finijiet tat-trażmissjoni tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera f’konformità mal-Artikolu 14. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-API f’konformità mar-regoli dettaljati msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ladarba dawn ir-regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.

2.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-API:

(a)

għal kull passiġġier fil-mument taċ-check-in, iżda mhux aktar minn 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat tat-titjijra; u

(b)

għall-passiġġieri kollha imbarkati immedjatament wara l-għeluq tat-titjira, jiġifieri ladarba l-passiġġieri jkunu imbarkaw fuq l-inġenju tal-ajru bi tħejjija għat-tluq u ma jkunx aktar possibbli għal passiġġieri li jitilgħu abbord fuq l-inġenju tal-ajru jew jinżlu minn fuqu.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli dettaljati neċessarji dwar il-protokolli komuni u l-formati tad-data appoġġjati li jridu jintużaw għat-trasferimenti kriptati tad-data tal-API lir-router imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż it-trasferiment tad-data tal-API fil-mument taċ-check-in u rekwiżiti għas-sigurtà tad-data. Tali regoli dettaljati għandhom jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-data tal-API bl-użu tal-istess struttura u kontenut.

Artikolu 7

L-ipproċessar tad-data tal-API mill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera

L-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għandhom jipproċessaw id-data tal-API li jirċievu f’konformità ma’ dan ir-Regolament esklużivament għall-fini tat-titjib u tal-faċilitazzjoni tal-effettività u tal-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

L-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera ma għandhomx jipproċessaw id-data tal-API b’tali mod li jirriżulta fit-tfassil ta’ profili ta’ individwi kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679 u lanqas biex jiddiskriminaw kontra persuni għar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta.

Artikolu 8

Il-perjodu tal-ħżin u t-tħassir tad-data tal-API

1.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom jaħżnu, għal perjodu ta’ żmien ta’ 48 siegħa mill-mument li r-router jirċievi d-data tal-API ttrasferita lilu f’konformità mal-Artikolu 6(2), il-punti (a) u (b), id-data tal-API li jkunu ġabru skont l-Artikolu 4. Għandhom minnufih u b’mod permanenti jħassru tali data tal-API wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li t-trasportaturi bl-ajru jżommu u jużaw id-data fejn dan ikun neċessarju għall-andament normali tan-negozju tagħhom f’konformità mal-liġi applikabbli, u mal-Artikolu 16(1) u (3).

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għandhom jaħżnu, għal perjodu ta’ żmien ta’ 48 siegħa mill-mument li jirċievu d-data tal-API trażmessa lilhom skont l-Artikolu 14 wara t-trasferiment skont l-Artikolu 6(2), il-punti (a) u (b). Għandhom minnufih u b’mod permanenti jħassru tali data tal-API wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu.

F’każijiet eċċezzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jistgħu jżommu d-data tal-API għal perjodu addizzjonali sa 48 siegħa biss sa fejn tali data tal-API tirreferi għal passiġġieri li ma ppreżentawx ruħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera matul il-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 9

Korrezzjoni, ikkompletar u aġġornament tad-data tal-API

1.   Meta trasportatur bl-ajru jsir konxju li d-data li jaħżen skont dan ir-Regolament tkun ġiet ipproċessata b’mod illegali, jew li d-data ma tikkostitwix data tal-API, huwa għandu jħassar dik id-data minnufih u b’mod permanenti. Jekk dik id-data tkun ġiet ittrasferita lir-router, it-trasportatur bl-ajru għandu jinforma minnufih lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA). Malli tirċievi tali informazzjoni, l-eu-LISA għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-fruntiera li tkun irċeviet id-data trażmessa permezz tar-router. Dik l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandha tħassar dik id-data minnufih u b’mod permanenti.

2.   Meta trasportatur bl-ajru jsir konxju li d-data li jaħżen skont dan ir-Regolament mhijiex preċiża, mhijiex kompleta jew ma għadhiex aġġornata, dan għandu minnufih jikkoreġi, jikkompleta jew jaġġorna dik id-data. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li t-trasportaturi bl-ajru jżommu u jużaw id-data fejn dan ikun neċessarju għall-andament normali tan-negozju tagħhom f’konformità mal-liġi applikabbli.

3.   Meta trasportatur bl-ajru jsir konxju wara t-trasferiment tad-data tal-API skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a), iżda qabel it-trasferiment skont l-Artikolu 6(2), il-punt (b), li d-data li jkun ittrasferixxa mhijiex preċiża, it-trasportatur bl-ajru għandu minnufih jittrasferixxi d-data tal-API kkoreġuta lir-router.

4.   Meta trasportatur bl-ajru jsir konxju, wara t-trasferiment tad-data tal-API skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a) jew (b), li d-data li jkun ittrasferixxa mhijiex preċiża, mhijiex kompleta jew ma għadhiex aġġornata, it-trasportatur bl-ajru għandu jittrasferixxi minnufih id-data tal-API kkoreġuta, ikkompletata jew aġġornata lir-router.

5.   Meta awtorità kompetenti tal-fruntiera ssir konxja wara t-trażmissjoni tad-data tal-API skont l-Artikolu 14, li d-data mhijiex preċiża, mhijiex kompleta jew ma għadhiex aġġornata, hija għandha tħassar dik id-data minnufih, dment li dik id-data ma tkunx meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli dettaljati neċessarji għall-korrezzjoni, l-ikkompletar u l-aġġornament tad-data tal-API fis-sens ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Drittijiet fundamentali

1.   Il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2025/13 mit-trasportaturi bl-ajru u mill-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jirriżultaw fid-diskriminazzjoni kontra persuni għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

2.   Dan ir-Regolament għandu jirrispetta bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata tal-individwu, għall-ażil, għall-protezzjoni tad-data personali, għal-libertà ta’ moviment u għal rimedji legali effettivi.

3.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal, lill-anzjani, lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni vulnerabbli. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom jikkostitwixxu kunsiderazzjoni primarja meta jiġi implimentat dan ir-Regolament.

KAPITOLU 3

DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAR-ROUTER

Artikolu 11

Ir-router

1.   L-eu-LISA għandha tfassal, tiżviluppa, tospita u timmaniġġja teknikament, f’konformità mal-Artikoli 25 u 26, router għall-fini li jiffaċilita t-trasferiment tad-data tal-API kriptata mit-trasportaturi bl-ajru lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-router għandu jkun magħmul minn:

(a)

infrastruttura ċentrali, li tinkludi sett ta’ komponenti tekniċi li jippermettu r-riċevuta u t-trażmissjoni tad-data tal-API kriptata;

(b)

kanal ta’ komunikazzjoni sigur bejn l-infrastruttura ċentrali u l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, u kanal ta’ komunikazzjoni sigur bejn l-infrastruttura ċentrali u t-trasportaturi bl-ajru, għat-trasferiment u t-trażmissjoni tad-data tal-API u għal kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħha;

(c)

kanal sigur biex tiġi riċevuta data dwar it-traffiku tat-titjiriet f’ħin reali.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, ir-router għandu, meta jkun xieraq u sa fejn ikun teknikament possibbli, jaqsam u jerġa’ juża l-komponenti tekniċi, inklużi l-komponenti tal-hardware u tas-software, tas-servizz tal-web imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-portal għat-trasportaturi msemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2018/1240, u l-portal għat-trasportaturi msemmi fl-Artikolu 45c tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

L-eu-LISA għandha tiddisinja r-router, sa fejn ikun possibbli mil-lat tekniku u operazzjonali, b’mod li jkun koerenti u konsistenti mal-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226 u (UE) 2018/1240.

4.   Ir-router għandu, b’mod awtomatiku jislet id-data u jagħmilha disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dan ir-Regolament, lir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u l-istatistika (CRRS) stabbilit skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/817.

5.   L-eu-LISA għandha tiddisinja u tiżviluppa r-router b’mod li għal kwalunkwe trasferiment tad-data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru lir-router f’konformità mal-Artikolu 6, u għal kwalunkwe trażmissjoni tad-data tal-API mir-router lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera f’konformità mal-Artikolu 14 u lir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika f’konformità mal-Artikolu 38(2),id-data tal-API tiġi kriptata meta tkun fi tranżitu.

Artikolu 12

Użu esklużiv tar-router

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-router għandu jintuża biss minn:

(a)

it-trasportaturi bl-ajru sabiex jittrasferixxu d-data tal-API kriptata f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera sabiex jirċievu d-data tal-API kriptata, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Dan l-Aritkolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2025/13.

Artikolu 13

Verifiki tal-format tad-data u tat-trasferiment

1.   Ir-router għandu, b’mod awtomatizzat u abbażi ta’ data dwar it-traffiku tat-titjiriet f’ħin reali, jivverifika jekk it-trasportatur bl-ajru ttrasferiex id-data tal-API f’konformità mal-Artikolu 6(1).

2.   Ir-router għandu, minnufih u b’mod awtomatizzat, jivverifika jekk id-data tal-API, ittrasferita lilu f’konformità mal-Artikolu 6(1), tkunx konformi mar-regoli dettaljati dwar il-formati tad-data appoġġati msemmija fl-Artikolu 6(3).

3.   Meta l-verifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li d-data tistabbilixxi li d-data ma kinitx ġiet ittrasferita mit-trasportatur bl-ajru jew meta l-verifika msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tiddetermina li d-data ma tkunx konformi mar-regoli dettaljati dwar il-formati tad-data appoġġati, ir-router għandu, minnufih u b’mod awtomatizzat, jinnotifika lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat u lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tal-Istati Membri li lilhom kellha tiġi trażmessa d-data skont l-Artikolu 14(1). F’tali każijiet, it-trasportatur bl-ajru għandu jittrasferixxi minnufih id-data tal-API f’konformità mal-Artikolu 6.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli tekniċi u proċedurali dettaljati neċessarji għall-verifiki u għan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 43(2).

Artikolu 14

Trażmissjoni tad-data tal-API mir-router lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera

1.   Malli jitwettqu l-verifiki tal-format tad-data u tat-trasferiment imsemmija fl-Artikolu 13, ir-router għandu jittrażmetti d-data tal-API kriptata, ittrasferita lilu skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 9(3) u (4), lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tal-Istat Membru, jew meta t-titjira tkun pjanata li tinżel l-art f’ajruport wieħed jew f’diversi ajruporti fit-territorji ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li għalihom japplika dan ir-Regolament, lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tal-Istati membri, imsemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (c). Għandu jittrażmetti dik id-data minnufih u b’mod awtomatizzat, mingħajr ma jbiddel bl-ebda mod il-kontenut tagħhom, u f’konformità mar-regoli dettaljati msemmijin fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, ladarba dawn ir-regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.

Għall-finijiet ta’ tali trażmissjoni, l-eu-LISA għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata tabella ta’ korrispondenza bejn l-ajruporti differenti tal-oriġini u tad-destinazzjoni u l-pajjiżi li għalihom jappartjenu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera awtorizzati li jirċievu d-data tal-API ttrasferita lilhom mir-router f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandhom jinnotifikaw, sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u għandhom, fejn neċessarju, jinnotifikaw lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe aġġornament ta’ dik l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta’ dawk in-notifiki u l-aġġornamenti, tiġbor u tagħmel disponibbli għall-pubbliku lista tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera notifikati, li tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tagħhom, malli jirċievu d-data tal-API f’konformità mal-paragrafu 1, jikkonfermaw lir-router, minnufih u b’mod awtomatizzat, li jkunu rċevew tali data.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal debitament awtorizzat u mħarreġ tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tagħhom biss, iddeżinjati f’konformità mal-paragrafu 2, ikollu aċċess għad-data tal-API trażmessa lilhom permezz tar-router. Huma għandhom jistabbilixxu r-regoli neċessarji għal dak l-għan. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu regoli dwar il-ħolqien u l-aġġornament regolari ta’ lista ta’ dak il-persunal u tal-profili tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli tekniċi u proċedurali dettaljati neċessarji għat-trażmissjonijiet tad-data tal-API mir-router imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inklużi dwar ir-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 43(2).

Artikolu 15

It-tħassir tad-data tal-API mir-router

Id-data tal-API, ittrasferita lir-router skont dan ir-Regolament għandha tinħażen fuq ir-router biss sa fejn tkun neċessarja sabiex titlesta t-trażmissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera rilevanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u għandha titħassar mir-router, b’mod immedjat, permanenti u awtomatizzat meta jiġi kkonfermat, f’konformità mal-Artikolu 14(3) li t-trażmissjoni tad-data tal-API lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-fruntiera tkun tlestiet.

Artikolu 16

Azzjonijiet f’każ ta’ impossibbiltà teknika li jintuża r-router

1.   Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router sabiex tiġi trażmessa d-data tal-API minħabba nuqqas ta’ funzjonament tar-router, l-eu-LISA għandha tinnotifika minnufih lit-trasportaturi bl-ajru u lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera b’dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, l-eu-LISA għandha minnufih tieħu miżuri sabiex tindirizza l-impossibbiltà teknika li tuża r-router u għandha tinnotifika minnufih lit-trasportaturi bl-ajru u lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera meta tkun ġiet indirizzata b’suċċess.

Matul il-perjodu ta’ żmien bejn dawk in-notifiki, ma għandhomx ikunu japplikaw l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1), sa fejn l-impossibbiltà teknika tipprevjeni t-trasferiment tad-data tal-API lir-router. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jaħżnu d-data tal-API sakemm l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Malli l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data lir-router f’konformità mal-Artikolu 6(1).

Meta d-data tal-API tasal aktar tard minn 96 siegħa wara l-ħin tat-tluq kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(f), ir-router ma għandux jittrażmetti d-data tal-API lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, iżda minflok iħassar dik id-data.

Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router, u f’każijiet eċċezzjonali relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament li jagħmluha neċessarju għall-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera li jirċievu minnufih id-data tal-API matul l-impossibbiltà teknika li jintuża r-router, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jistgħu jitolbu lit-trasportaturi bl-ajru jużaw kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura l-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data, kwalità tad-data u protezzjoni tad-data biex jittrasferixxu d-data tal-API direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera. L-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għandhom jipproċessaw id-data tal-API riċevuta permezz ta’ kwalunkwe mezz xieraq ieħor f’konformità mar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 u fil-liġi nazzjonali applikabbli.

Wara n-notifika mill-eu-LISA li l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, u meta jiġi kkonfermat f’konformità mal-Artikolu 14(3) li tkun tlestiet it-trażmissjoni tad-data rispettiva tal-API permezz tar-router lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-fruntiera, l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandha tħassar minnufih id-data tal-API li tkun irċeviet qabel bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor.

2.   Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router sabiex tiġi trażmessa d-data tal-API minħabba nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi jew tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 23 ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru għandhom jinnotifikaw minnufih lit-trasportaturi bl-ajru, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni dwar dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, dak l-Istat Membru għandu jieħu miżuri minnufih sabiex jindirizza l-impossibbiltà teknika li jintuża r-router u għandu jinnotifika minnufih lit-trasportaturi bl-ajru, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni meta tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Ir-router għandu jaħżen id-data tal-API sakemm l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Malli l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, ir-router għandu jittrażmetti d-data f’konformità wsmal-Artikolu 14(1).

Matul il-perjodu ta’ żmien bejn dawk in-notifiki, ma għandhomx ikunu japplikaw l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1), sa fejn l-impossibbiltà teknika tipprevjeni t-trasferiment tad-data tal-API lir-router. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jaħżnu d-data tal-API sakemm l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Malli l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data lir-router f’konformità mal-Artikolu 6(1).

Meta d-data tal-API tasal aktar tard minn 96 siegħa wara l-ħin tat-tluq kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(f), ir-router ma għandux jittrażmetti d-data tal-API lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, iżda minflok iħassar dik id-data.

Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router, u f’każijiet eċċezzjonali relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament li jagħmluha neċessarju għall-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera li jirċievu minnufih id-data tal-API matul l-impossibbiltà teknika li jintuża r-router, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jistgħu jitolbu lit-trasportaturi bl-ajru jużaw kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura l-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data, kwalità tad-data u protezzjoni tad-data biex jittrasferixxu d-data tal-API direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera. L-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għandhom jipproċessaw id-data tal-API riċevuta permezz ta’ kwalunkwe mezz xieraq ieħor f’konformità mar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 u fil-liġi nazzjonali applikabbli.

Wara n-notifika mill-eu-LISA li l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, u meta jiġi kkonfermat f’konformità mal-Artikolu 14(3) li tkun tlestiet it-trażmissjoni tad-data rispettiva tal-API permezz tar-router lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-fruntiera, l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandha tħassar minnufih id-data tal-API li tkun irċeviet qabel bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor.

3.   Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router sabiex tiġi trasferita d-data tal-API minħabba nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi jew tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 24 ta’ trasportatur bl-ajru, dak it-trasportatur bl-ajru għandu jinnotifika minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni dwar dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, dak it-trasportatur bl-ajru għandu jieħu miżuri minnufih sabiex jindirizza l-impossibbiltà teknika li jintuża r-router u għandu jinnotifika minnufih lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni meta tkun ġiet indirizzata b’suċċess.

Matul il-perjodu ta’ żmien bejn dawk in-notifiki, ma għandhomx ikunu japplikaw l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1), sa fejn l-impossibbiltà teknika tipprevjeni t-trasferiment tad-data tal-API lir-router. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jaħżnu d-data tal-API sakemm l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Malli l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data lir-router f’konformità mal-Artikolu 6(1). Madankollu, ir-router ma għandux jittrażmetti d-data tal-API lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, iżda minflok iħassar id-data, jekk din tasal aktar tard minn 96 siegħa wara l-ħin tat-tluq kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(f).

Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router, u f’każijiet eċċezzjonali relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament li jagħmluha neċessarju għall-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera li jirċievu minnufih id-data tal-API matul l-impossibbiltà teknika li jintuża r-router, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera jistgħu jitolbu lit-trasportaturi bl-ajru jużaw kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura l-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data, kwalità tad-data u protezzjoni tad-data biex jittrasferixxu d-data tal-API direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera. L-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għandhom jipproċessaw id-data tal-API riċevuta permezz ta’ kwalunkwe mezz xieraq ieħor f’konformità mar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 u fil-liġi nazzjonali applikabbli.

Wara n-notifika mill-eu-LISA li l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, u meta jiġi kkonfermat f’konformità mal-Artikolu 14(3) li tkun tlestiet it-trażmissjoni tad-data rispettiva tal-API permezz tar-router lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-fruntiera, l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandha tħassar minnufih id-data tal-API li tkun irċeviet bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor.

Meta l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jissottometti lill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API msemmija fl-Artikolu 36 rapport li jkun fih id-dettalji neċessarji kollha dwar l-impossibbiltà teknika, inklużi r-raġunijiet għall-impossibbiltà teknika, il-firxa u l-konsegwenzi tagħha kif ukoll il-miżuri meħudin sabiex tiġi indirizzata.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-PROTEZZJONI TA’ DATA PERSONALI

Artikolu 17

Żamma ta’ reġistri

1.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom joħolqu reġistri tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar relatati mad-data tal-API skont dan ir-Regolament imwettqin bl-użu tal-mezzi awtomatizzati msemmijin fl-Artikolu 5(2). Dawk ir-reġistri għandhom ikopru d-data, il-ħin u l-post tat-trasferiment tad-data tal-API. Dawk ir-reġistri ma għandhom jinkludu l-ebda data personali, għajr l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi identifikat il-membru rilevanti tal-persunal tat-trasportatur bl-ajru.

2.   L-eu-LISA għandha żżomm reġistri tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar relatati mat-trasferiment tad-data tal-API permezz tar-router skont dan ir-Regolament. Dawk ir-reġistri għandhom ikopru:

(a)

it-trasportatur bl-ajru li ttrasferixxa d-data tal-API lir-router;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera li lilhom ġiet trażmessa d-data tal-API permezz tar-router;

(c)

id-data u l-ħin tat-trasferimenti jew tat-trażmissjoni msemmijin fil-punti (a) u (b), u l-post tat-trasferiment jew tat-trażmissjoni;

(d)

kwalunkwe aċċess mill-persunal tal-eu-LISA neċessarju għall-manutenzjoni tar-router, kif imsemmi fl-Artikolu 26(3);

(e)

kwalunkwe informazzjoni oħra relatata ma’ dawk l-operazzjonijiet ta’ pproċessar neċessarja għall-monitoraġġ tas-sigurtà u tal-integrità tad-data tal-API u tal-legalità ta’ dawk l-operazzjonijiet ta’ pproċessar.

Dawk ir-reġistri ma għandhom jinkludu l-ebda data personali, għajr l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi identifikat il-membru rilevanti tal-persunal tal-eu-LISA, imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu.

3.   Ir-reġistri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintużaw biss sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità tad-data tal-API u l-legalità tal-ipproċessar, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, inklużi l-proċedimenti għal penali għal ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti f’konformità mal-Artikoli 36 u 37.

4.   L-eu-LISA u trasportaturi bl-ajru għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jipproteġu r-reġistri li jkunu ħolqu skont il-paragrafi 1 u 2, rispettivament, kontra aċċess mhux awtorizzat u riskji oħrajn għas-sigurtà.

5.   L-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API msemmija fl-Artikolu 36 u l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għandu jkollhom aċċess għar-reġistri rilevanti msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fejn neċessarju għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

6.   L-eu-LISA u t-trasportaturi bl-ajru għandhom iżommu r-reġistri li jkunu ħolqu skont il-paragrafi 1 u 2, rispettivament, għal perjodu ta’ żmien ta’ sena mill-mument tal-ħolqien ta’ dawk ir-reġistri. Għandhom minnufih u b’mod permanenti jħassru dawk ir-reġistri mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ żmien.

Madankollu, jekk dawk ir-reġistri jkunu meħtieġa għal proċeduri għall-monitoraġġ jew għall-iżgurar tas-sigurtà u tal-integrità tad-data tal-API jew tal-legalità tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar, kif imsemmi fil-paragrafu 3, u dawn il-proċeduri diġà jkunu bdew fil-mument tal-iskadenza tal-perjodu imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-eu-LISA u t-trasportaturi bl-ajru għandhom iżommu dawk ir-reġistri sakemm ikunu neċessarji għal dawk il-proċeduri. F’dak il-każ, għandhom iħassru dawk ir-reġistri minnufih meta ma jkunux għadhom neċessarji għal dawk il-proċeduri.

Artikolu 18

Responsabbiltajiet fir-rigward tal-protezzjoni tad-data

1.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom ikunu kontrolluri, fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2016/679, għall-ipproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali fir-rigward tal-ġbir minnhom ta’ dik id-data u tat-trasferiment tagħha lir-router skont dan ir-Regolament.

2.   Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità kompetenti bħala kontrollur tad-data f’konformità ma’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Istati Membri l-oħra dwar dawk l-awtoritajiet.

L-awtoritajiet kompetenti kollha ddeżinjati mill-Istati Membri għandhom ikunu kontrolluri konġunti f’konformità mal-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2016/679 għall-finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali fir-router.

3.   L-eu-LISA għandha tkun proċessur fis-sens tal-Artikolu 3, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-finijiet tal-ipproċessar ta’ data tal-API li tikkostitwixxi data personali skont dan ir-Regolament permezz tar-router, inklużi t-trażmissjoni tad-data mir-router għall-awtorità kompetenti tal-fruntiera u l-ħżin għal raġunijiet tekniċi ta’ dik id-data fir-router. L-eu-LISA għandha tiżgura li r-router jopera f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti u l-obbligi rispettivi bejn il-kontrolluri konġunti u l-proċessur. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 43(2).

Artikolu 19

Informazzjoni għall-passiġġieri

F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jipprovdu lill-passiġġieri, fuq titjiriet koperti minn dan ir-Regolament, b’informazzjoni dwar il-fini tal-ġbir tad-data personali tagħhom, it-tip ta’ data personali miġbura, ir-riċevituri tad-data personali u l-mezzi biex jiġu eżerċitati d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data.

Dik l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-passiġġieri bil-miktub u f’format faċilment aċċessibbli fil-mument tal-prenotazzjoni u fil-mument taċ-check-in, irrispettivament mill-mezzi użati għall-ġbir tad-data personali fil-mument taċ-check-in f’konformità mal-Artikolu 5.

Artikolu 20

Sigurtà

1.   L-eu-LISA għandha tiżgura s-sigurtà u l-kriptaġġ tad-data tal-API, b’mod partikolari d-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, li tipproċessa skont dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw is-sigurtà tad-data tal-API, b’mod partikolari d-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, li jipproċessaw skont dan ir-Regolament. L-eu-LISA, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, sabiex jiżguraw it-tali sigurtà.

2.   L-eu-LISA għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura s-sigurtà tar-router u tad-data tal-API, b’mod partikolari d-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, trażmessa permezz tar-router, inkluż billi tistabbilixxi, timplimenta u taġġorna regolarment pjan ta’ sigurtà, pjan għall-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastru, sabiex:

(a)

tipproteġi r-router fiżikament, inkluż billi tagħmel pjanijiet ta’ kontinġenza għall-protezzjoni tal-komponenti kritiċi tiegħu;

(b)

tipprevjeni kwalunkwe pproċessar mhux awtorizzat tad-data tal-API, inkluż kwalunkwe aċċess mhux awtorizzat għaliha u l-ikkopjar, il-modifika jew it-tħassir tagħha, kemm matul it-trasferiment tad-data tal-API lejn u mir-router kif ukoll matul kwalunkwe ħżin tad-data tal-API fuq ir-router fejn neċessarju sabiex titlesta t-trażmissjoni, b’mod partikolari permezz ta’ tekniki xierqa ta’ kriptaġġ;

(c)

tiżgura li l-persuni awtorizzati biex jaċċessaw ir-router ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom;

(d)

tiżgura li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tiġi trażmessa d-data tal-API permezz tar-router;

(e)

tirrapporta kif xieraq lill-Bord tat-Tmexxija tagħha kwalunkwe ħsara fil-funzjonament tar-router;

(f)

timmonitorja l-effettività tal-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa skont dan l-Artikolu u skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, u tivvaluta u taġġorna dawk il-miżuri ta’ sigurtà, fejn neċessarju, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi jew operazzjonali.

Il-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jaffettwaw l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 21

Awtomonitoraġġ

It-trasportaturi bl-ajru u l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għandhom jimmonitorjaw il-konformità tagħhom mal-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar tagħhom tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali. Għat-trasportaturi bl-ajru, il-monitoraġġ għandu jinkludi verifika frekwenti tar-reġistri msemmijin fl-Artikolu 17(1).

Artikolu 22

Awditi dwar il-protezzjoni ta’ data personali

1.   L-awtoritajiet superviżorji indipendenti msemmijin fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom iwettqu awditu tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali mwettqin mill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament tal-anqas darba kull erba’ snin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji indipendenti tagħhom ikollhom biżżejjed riżorsi u għarfien espert biex iwettqu l-kompiti fdati lilhom taħt dan ir-Regolament.

2.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jwettaq awditu tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali mwettqa mill-eu-LISA għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti tal-awditjar tal-anqas darba fis-sena. Rapport ta’ dak l-awditu għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-eu-LISA. L-eu-LISA għandha tingħata opportunità li tikkummenta qabel jiġu adottati r-rapporti.

3.   Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar imsemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fuq talba, l-eu-LISA għandha tipprovdi informazzjoni mitluba mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandha tagħti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data aċċess għad-dokumenti kollha li jitlob u għar-reġistri msemmijin fl-Artikolu 17(2), u għandha tippermetti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data aċċess għall-bini kollu tal-eu-LISA fi kwalunkwe ħin.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAR-ROUTER

Artikolu 23

Il-konnessjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera mar-router

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tagħhom ikunu konnessi mar-router. Huma għandhom jiżguraw li s-sistemi u l-infrastruttura tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera għar-riċevuta u l-ipproċessar ulterjuri tad-data tal-API ttrasferita skont dan ir-Regolament ikunu integrati mar-router.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konnessjoni u l-integrazzjoni mar-router jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera tagħhom jirċievu u jipproċessaw ulterjorment id-data tal-API, kif ukoll jiskambjaw kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħha, b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli dettaljati neċessarji dwar il-konnessjonijiet u l-integrazzjoni mar-router imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inklużi r-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 43(2).

Artikolu 24

Il-konnessjonijiet tat-trasportaturi bl-ajru mar-router

1.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li jkunu konnessi mar-router. Għandhom jiżguraw li s-sistemi u l-infrastruttura tagħhom għat-trasferiment tad-data tal-API lir-router skont dan ir-Regolament ikunu integrati mar-router.

It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li l-konnessjoni u l-integrazzjoni ma’ dak ir-router jippermettulhom jittrasferixxu d-data tal-API, kif ukoll jiskambjaw kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħha, b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu. Għal dak l-għan, it-trasportaturi bl-ajru għandhom iwettqu testijiet tat-trasferiment tad-data tal-API lir-router f’kooperazzjoni mal-eu-LISA f’konformità mal-Artikolu 27(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli dettaljati neċessarji dwar il-konnessjonijiet u l-integrazzjoni mar-router imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inklużi r-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 43(2).

Artikolu 25

Il-kompiti tal-eu-LISA relatati mad-disinn u mal-iżvilupp tar-router

1.   L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għad-disinn tal-arkitettura fiżika tar-router, li tinkludi d-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

2.   L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp tar-router, li jinkludi kwalunkwe adattament tekniku neċessarju għall-operat tar-router.

L-iżvilupp tar-router għandu jikkonsisti fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fl-ittestjar u fil-ġestjoni ġenerali tal-proġett u fil-koordinazzjoni tal-fażi tal-iżvilupp.

3.   L-eu-LISA għandha tiżgura li r-router ikun iddisinjat u żviluppat b’tali mod li r-router jipprovdi l-funzjonalitajiet speċifikati f’dan ir-Regolament, u li r-router jibda jopera mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati previsti fl-Artikolu 5(7), fl-Artikolu 6(3), fl-Artikolu 9(6), fl-Artikolu 23(2) u fl-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-Regolament u wara li valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2016/679.

4.   L-eu-LISA għandha tipprovdi sett ta’ testijiet ta’ konformità lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, lil awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri u lit-trasportaturi bl-ajru. Is-sett ta’ testijiet ta’ konformità għandu jinkludi ambjent għall-ittestjar, simulatur, settijiet ta’ data għall-ittestjar, u pjan għall-ittestjar. Is-sett ta’ testijiet ta’ konformità għandu jippermetti test komprensiv tar-router imsemmi fil-paragrafu 5 u għandu jibqa’ disponibbli wara t-tlestija tat-test komprensiv tar-router.

5.   Meta l-eu-LISA tqis li l-fażi ta’ żvilupp tkun tlestiet, hija għandha, mingħajr dewmien żejjed, twettaq test komprensiv tar-router, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u ma’ awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri u mat-trasportaturi bl-ajru u tinforma lill-Kummissjoni bl-eżitu ta’ dak it-test.

Artikolu 26

Il-kompiti tal-eu-LISA relatati mal-hosting u mal-ġestjoni teknika tar-router

1.   L-eu-LISA għandha tospita r-router fis-siti tekniċi tagħha.

2.   L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni teknika tar-router, inklużi l-manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi tiegħu, b’tali mod li tiżgura li d-data tal-API tiġi trażmessa b’mod sigur, effettiv u rapidu permezz tar-router, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-ġestjoni teknika tar-router għandha tikkonsisti fit-twettiq tal-kompiti kollha u fl-attivazzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi neċessarji kollha għall-funzjonament xieraq tar-router f’konformità ma’ dan ir-Regolament, mingħajr interruzzjoni, 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa. Għandha tinkludi x-xogħol ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi neċessarji sabiex jiġi żgurat li r-router jiffunzjona f’livell sodisfaċenti ta’ kwalità teknika, b’mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà, tal-preċiżjoni u tal-affidabbiltà tat-trażmissjoni tad-data tal-API, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, kemm jista’ jkun, b’mod allinjat mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u tat-trasportaturi bl-ajru.

3.   Il-persunal tal-eu-LISA ma għandux ikollu aċċess għal kwalunkwe data tal-API li tiġi trażmessa permezz tar-router. Madankollu, dik il-projbizzjoni ma għandhiex tipprekludi lill-persunal tal-eu-LISA milli jkollu tali aċċess sa fejn ikun strettament neċessarju għall-manutenzjoni u l-ġestjoni teknika tar-router.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (28), l-eu-LISA għandha tapplika regoli xierqa ta’ segretezza professjonali jew ta’ dmirijiet ekwivalenti oħrajn ta’ kunfidenzjalità għall-persunal tagħha li jkun meħtieġ jaħdem bid-data tal-API trażmessa permezz tar-router. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dawn il-membri tal-persunal iħallu l-kariga jew l-impjieg jew wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 27

Il-kompiti ta’ appoġġ tal-eu-LISA relatati mar-router

1.   Meta jitolbuha tagħmel dan, l-eu-LISA għandha tipprovdi taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera, lil awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri jew lit-trasportaturi bl-ajru, dwar l-użu tekniku tar-router u dwar il-konnessjoni u l-integrazzjoni tagħhom mar-router.

2.   L-eu-LISA għandha tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera fir-rigward tar-riċevuta tad-data tal-API permezz tar-router skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 23.

3.   F’konformità mal-Artikolu 24(1) u bl-użu tas-sett ta’ testijiet ta’ konformità msemmi fl-Artikolu 25(4), l-eu-LISA għandha twettaq testijiet tat-trasferiment tad-data tal-API lir-router f’kooperazzjoni mat-trasportaturi bl-ajru.

KAPITOLU 6

GOVERNANZA

Artikolu 28

Bord tat-Tmexxija tal-Programm

1.   Sat-28 ta’ Jannar 2025, il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi Bord tat-Tmexxija tal-Programm. Għandu jkun kompost minn 10 membri u għandu jikkonsisti minn:

(a)

seba’ membri maħtura mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA minn fost il-membri tiegħu jew is-sostituti tagħhom;

(b)

il-president tal-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR imsemmi fl-Artikolu 29;

(c)

membru wieħed tal-persunal tal-eu-LISA maħtur mid-Direttur Eżekuttiv tagħha; u

(d)

membru wieħed maħtur mill-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-punt (a), il-membri maħtura mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandhom jiġu magħżula biss mill-membri jew is-sostituti tagħhom minn dawk l-Istati Membri li għalihom japplika dan ir-Regolament.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jabbozza r-regoli ta’ proċedura tiegħu li għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA.

Il-presidenza għandha tinżamm minn Stat Membru li jkun membru tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jissorvelja t-twettiq effettiv tal-kompiti tal-eu-LISA relatati mad-disinn u l-iżvilupp tar-router f’konformità mal-Artikolu 25.

Fuq talba tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm, l-eu-LISA għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata u aġġornata dwar id-disinn u l-iżvilupp tar-router, inkluż dwar ir-riżorsi allokati mill-eu-LISA.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jippreżenta regolarment, u mill-inqas tliet darbiet kull trimestru, rapporti bil-miktub dwar il-progress fid-disinn u l-iżvilupp tar-router lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA jew lill-membri tagħha.

6.   Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jiġi xolt sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, imsemmija fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu.

Artikolu 29

Grupp Konsultattiv tal-API-PNR

1.   Mit-28 ta’ Jannar 2025, il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR, stabbilit skont l-Artikolu 27(1), il-punt (de), tar-Regolament (UE) 2018/1726, għandu jipprovdi lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA l-għarfien espert neċessarju relatat mal-API-PNR b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u r-rapport annwali tal-attività tagħha.

2.   Kull meta tkun disponibbli, l-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR b’verżjonijiet, anke dawk intermedjarji, tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tas-settijiet ta’ testijiet ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 25(1), (2) u (4).

3.   Il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR għandu jeżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

jipprovdi għarfien espert lill-eu-LISA u lill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm dwar id-disinn u l-iżvilupp tar-router f’konformità mal-Artikolu 25;

(b)

jipprovdi l-għarfien espert lill-eu-LISA dwar il-hosting u l-ġestjoni teknika tar-router f’konformità mal-Artikolu 26;

(c)

jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm, fuq talba tiegħu, dwar il-progress tad-disinn u l-iżvilupp tar-router, inkluż dwar il-progress tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u s-settijiet ta’ testijiet ta’ konformità msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA jew lill-membri tiegħu.

Artikolu 30

Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR

1.   Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu, il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR.

2.   Il-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR għandu jippermetti l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u t-trasportaturi bl-ajru dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-kompiti u l-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament.

3.   Il-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u tat-trasportaturi bl-ajru, il-president tal-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR u l-esperti tal-eu-LISA.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR, wara opinjoni tal-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR.

5.   Meta jitqies neċessarju, il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA jista’ jistabbilixxi wkoll sottogruppi tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR biex jiddiskutu kwistjonijiet tekniċi speċifiċi relatati mal-kompiti u l-obbligi rispettivi tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u tat-trasportaturi bl-ajru skont dan ir-Regolament.

6.   Il-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR, inklużi sottogruppi tiegħu, ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA jew lill-membri tiegħu.

Artikolu 31

Grupp ta’ Esperti tal-API

1.   Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, imsemmija fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti tal-API f’konformità mar-regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

2.   Il-Grupp ta’ Esperti tal-API għandu jagħti lok għal komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, u bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u t-trasportaturi bl-ajru, dwar kwistjonijiet ta’ politika relatati mal-kompiti u l-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-penali msemmija fl-Artikolu 37.

3.   Il-Grupp ta’ Esperti tal-API għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni u kostitwit f’konformità mar-regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, rappreżentanti tat-trasportaturi bl-ajru u esperti tal-eu-LISA. Meta jkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Grupp ta’ Esperti tal-API jista’ jistieden partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari lil rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali indipendenti, biex jipparteċipaw fil-ħidma tiegħu.

4.   Il-Grupp ta’ Esperti tal-API għandu jwettaq il-kompiti tiegħu f’konformità mal-prinċipju ta’ trasparenza. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti tal-API u dokumenti rilevanti oħra fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Artikolu 32

L-ispejjeż imġarrbin mill-eu-LISA, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-Istati Membri

1.   L-ispejjeż imġarrbin mill-eu-LISA fir-rigward tal-istabbiliment u l-operat tar-router skont dan ir-Regolament għandhom jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

2.   L-ispejjeż imġarrbin mill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari tal-konnessjonijiet tagħhom u tal-integrazzjoni mar-router imsemmijin fl-Artikolu 23, għandhom jiġu appoġġjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, f’konformità mal-eliġibbiltà u r-rati ta’ kofinanzjament stabbiliti fl-atti legali applikabbli tal-Unjoni.

3.   L-ispejjeż imġarrbin mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-kompiti fdati lilu taħt dan ir-Regolament għandhom jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.   L-ispejjeż imġarrbin minn awtoritajiet superviżorji nazzjonali indipendenti fir-rigward tal-kompiti fdati lilhom skont dan ir-Regolament għandhom jiġġarrbu mill-Istati Membri.

Artikolu 33

Responsabbiltà fir-rigward tar-router

Jekk nuqqas min-naħa ta’ Stat Membru jew ta’ trasportatur bl-ajru milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament jikkawża ħsara lir-router, dak l-Istat Membru jew it-trasportatur bl-ajru għandu jinżamm responsabbli għat-tali ħsara, kif previst fid-dritt applikabbli tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali, ħlief jekk u sa fejn jintwera li l-eu-LISA, Stat Membru ieħor jew trasportatur bl-ajru ieħor ikunu naqsu milli jieħdu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjenu li sseħħ il-ħsara jew sabiex jimminimizzaw l-impatt tagħha.

Artikolu 34

Il-bidu tal-operat tar-router

Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, mingħajr dewmien żejjed, id-data minn meta r-router jibda jopera permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ladarba l-eu-LISA tkun informat lill-Kummissjoni dwar it-tlestija b’suċċess tat-test komprensiv tar-router imsemmi fl-Artikolu 25(5). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 43(2).

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-data msemmija fl-ewwel paragrafu sabiex ma tkunx aktar minn 30 jum mid-data tal-adozzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 35

L-użu volontarju tar-router b’applikazzjoni tad-Direttiva 2004/82/KE

1.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom ikunu intitolati jużaw ir-router sabiex jittrażmettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2004/82/KE lil awtorità responsabbli waħda jew aktar imsemmija fiha, f’konformità ma’ dik id-Direttiva, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun qabel ma’ tali użu, minn data xierqa stabbilita minn dak l-Istat Membru. Dak l-Istat Membru għandu jaqbel biss wara li jkun stabbilixxa li, b’mod partikolari fir-rigward kemm tal-konnessjoni tal-awtoritajiet responsabbli tagħha mar-router kif ukoll ta’ dik tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, l-informazzjoni tista’ tiġi trażmessa b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu.

2.   Meta trasportatur bl-ajru jibda juża r-router f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huwa għandu jkompli juża r-router sabiex jibgħat din l-informazzjoni lill-awtoritajiet responsabbli tal-Istat Membru kkonċernati sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu. Madankollu, dak l-użu għandu jitwaqqaf, minn sett tad-data xieraq stabbilit minn dak l-Istat Membru, meta dak l-Istat Membru iqis li jkun hemm raġunijiet oġġettivi li jeħtieġu tali waqfien u jkun informa lit-trasportatur bl-ajru kif xieraq.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu:

(a)

jikkonsulta lill-eu-LISA qabel ma jaqbel mal-użu volontarju tar-router f’konformità mal-paragrafu 1;

(b)

ħlief f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza debitament ġustifikata, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat jingħata l-opportunità li jikkummenta dwar l-intenzjoni tiegħu li ma jibqax juża tali f’konformità mal-paragrafu 2 u, meta jkun rilevanti, jikkonsulta wkoll lill-eu-LISA dwar dan;

(c)

jinforma minnufih lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe użu bħal dan li jkun qabel dwaru u kwalunkwe waqfien ta’ tali użu, billi jipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha, inkluża d-data tal-bidu tal-użu, id-data tal-waqfien u r-raġunijiet għall-waqfien, skont kif ikun applikabbli.

KAPITOLU 7

SUPERVIŻJONI, PENALI, STATISTIKI U MANWAL

Artikolu 36

Awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tal-API

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tal-API waħda jew aktar responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni fit-territorju tagħhom mit-trasportaturi bl-ajru tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għall-iżgurar tal-konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tal-API jkollhom il-mezzi neċessarji kollha u s-setgħat investigattivi u ta’ infurzar neċessarji kollha sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż billi jimponu l-penali msemmijin fl-Artikolu 37, meta jkun xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API jkun soġġett għal salvagwardji xierqa f’konformità mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mil-liġi tal-Unjoni.

3.   Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet li huma jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe tibdil jew emenda sussegwenti għalihom.

4.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji msemmijin fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 37

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tal-API, meta jiddeċiedu jekk jimponux penali u meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ penali, iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti, li jistgħu jinkludu:

(a)

in-natura, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

il-livell ta’ tort tat-trasportatur bl-ajru;

(c)

ksur preċedenti mit-trasportatur bl-ajru;

(d)

il-livell ġenerali ta’ kooperazzjoni tat-trasportatur bl-ajru mal-awtoritajiet kompetenti;

(e)

id-daqs tat-trasportatur bl-ajru, bħan-numru annwali ta’ passiġġieri ttrasportati;

(f)

jekk il-penali preċedenti jkunux diġà ġew applikati minn awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tal-API oħra għall-istess trasportatur bl-ajru għall-istess ksur.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li nuqqas sistematiku ta’ trasferiment ta’ data tal-API f’konformità mal-Artikolu 6(1) ikun soġġett għal penali finanzjarji proporzjonati sa 2 % tal-fatturat globali tas-sena preċedenti tan-negozju tat-trasportatur bl-ajru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nuqqas ta’ konformità ma’ obbligi oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament ikun soġġett għal penali proporzjonati, inklużi penali finanzjarji.

Artikolu 38

Statistiki

1.   Biex tappoġġja l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u abbażi tal-informazzjoni statistika msemmija fil-paragrafu 5, l-eu-LISA għandha tippubblika kull tliet xhur statistiki dwar il-funzjonament tar-router, u dwar il-konformità mit-trasportaturi bl-ajru mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dik l-istatistika m’għandhiex tagħti lok għall-identifikazzjoni ta’ individwi.

2.   Għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, ir-router għandu jittrażmetti b’mod awtomatiku d-data elenkata fil-paragrafu 5 lis-CRRS.

3.   Sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kull sena l-eu-LISA għandha tikkompila d-data statistika f’rapport annwali għas-sena preċedenti. Għandha tippubblika dak ir-rapport annwali u tibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-API msemmijin fl-Artikolu 36. Ir-rapport annwali ma għandux jiżvela metodi ta’ ħidma kunfidenzjali jew jipperikola l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

4.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-eu-LISA għandha tipprovdilha statistiki dwar aspetti speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-istatistiki skont il-paragrafu 3.

5.   Is-CRRS għanda tipprovdi lill-eu-LISA bl-informazzjoni statistika neċessarja li ġejja, għar-rapportar imsemmi fl-Artikolu 45 u għall-ġenerazzjoni ta’ statistiki f’konformità ma’ dan l-Artikolu, iżda mingħajr tali statistika dwar id-data tal-API tippermetti l-identifikazzjoni tal-passiġġieri kkonċernati:

(a)

in-nazzjonalità, is-sess u s-sena tal-passiġġier;

(b)

id-data, il-post inizjali tal-imbark, l-ajruport tat-tluq, u d-data u l-ajruport tal-wasla;

(c)

it-tip tad-dokument tal-ivvjaġġar, il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar u d-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(d)

in-numru ta’ passiġġieri li għamlu check-in għall-istess titjira;

(e)

il-kodiċi tat-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira;

(f)

jekk it-titjira tkunx titjira skedata jew mhux skedata;

(g)

jekk id-data tal-API ġietx ittrasferita immedjatament wara l-għeluq tat-titjira;

(h)

jekk id-data personali tal-passiġġier tkunx preċiża, kompluta u aġġornata.

(i)

il-mezzi tekniċi użati biex tinġabar id-data tal-API.

6.   Għall-finijiet tar-rapportar imsemmi fl-Artikolu 45 u għall-ġenerazzjoni tal-istatistiki f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-eu-LISA għandha taħżen id-data msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu fis-CRRS. Għandha taħżen tali data għal perjodu ta’ ħames snin f’konformità mal-paragrafu 2, filwaqt li tiżgura li d-data ma tippermettix l-identifikazzjoni tal-passiġġieri kkonċernati. Is-CRRS għandu jipprovdi lill-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u lil awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri b’rapporti u statistika dwar id-data tal-API adattabbli kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7.   L-użu tad-data msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jirriżulta fit-tfassil ta’ profili ta’ individwi kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew f’diskriminazzjoni kontra persuni għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta. Id-data msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tintuża biex isir paragun jew titqabbel ma’ data personali jew biex tiġi kkombinata ma’ data personali.

8.   Il-proċeduri stabbiliti mill-eu-LISA sabiex timmonitorja l-iżvilupp u l-funzjonament tar-router imsemmijin fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) 2019/817 għandhom jinkludu l-possibbiltà li jiġu prodotti statistiki regolari sabiex jiġi żgurat dak il-monitoraġġ.

Artikolu 39

Manwal prattiku

Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti u ma’ awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri, mat-trasportaturi bl-ajru u ma’ korpi u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, tħejji u tagħmel disponibbli għall-pubbliku manwal prattiku, li jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar il-konformità mad-drittijiet fundamentali kif ukoll dwar penali f’konformità mal-Artikolu 37.

Il-manwal prattiku għandu jqis ukoll il-manwali eżistenti rilevanti.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal prattiku fil-forma ta’ rakkomandazzjoni.

KAPITOLU 8

RELAZZJONI MA’ STRUMENTI EŻISTENTI OĦRAJN

Artikolu 40

Tħassir tad-Direttiva 2004/82/KE

Id-Direttiva 2004/82/KE hija mħassra mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, imsemmija fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu.

Artikolu 41

Emendi tar-Regolament (UE) 2018/1726

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

Kompiti relatati mar-router

Fir-rigward tar-Regolament (UE) 2025/12 (*1) u (UE) 2025/13 (*2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti relatati mar-router mogħtijin lilha minn dawk ir-Regolamenti.

(*1)  Regolament (UE) 2025/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għat-titjib u għall-faċilitazzjoni tal-verifiki fil-fruntieri esterni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726 u (UE) 2019/817, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (ĠU L, 2025/12, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/12/oj)."

(*2)  Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818 (ĠU L, 2025/13, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/13/oj).”;"

(2)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Is-sede tal-Aġenzija għandha tkun Tallinn, fl-Estonja.

Il-kompiti relatati mal-iżvilupp u mat-tmexxija operazzjonali msemmijin fl-Artikolu 1(4) u (5), fl-Artikoli 3 sa 9 u fl-Artikoli 11 u 13a għandhom jitwettqu fis-sit tekniku fi Strażburgu, Franza.

Sit ta’ riżerva li huwa kapaċi li jiżgura t-tħaddim ta’ sistema tal-IT fuq skala kbira f’każ ta’ nuqqas ta’ funzjonament f’tali sistema għandu jiġi installat f’Sankt Johann im Pongau, l-Awstrija.”

;

(3)

Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(eec)

jadotta rapporti dwar is-sitwazzjoni attwali tal-iżvilupp tar-router skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2025/12;”

;

(b)

fil-punt (ff), il-punt (vi) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(vi)

il-komponenti ta’ interoperabbiltà skont l-Artikolu 78(3) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(3) tar-Regolament (UE) 2019/818, u r-router skont l-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) 2024/982 u l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2025/12;”

;

(c)

il-punt (hh) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(hh)

jadotta kummenti formali dwar ir-rapporti tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-awditi tiegħu skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2019/816, l-Artikolu 52 tar-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818, l-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2024/982 u l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2025/12 u jiżgura segwitu xieraq ta’ dawk l-awditi;”

;

(4)

fl-Artikolu 27(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(de)

il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR.”.

Artikolu 42

Emenda għar-Regolament (UE) 2019/817

Fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/817, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS) huwa stabbilit għall-finijiet ta’ għoti ta’ appoġġ għall-objettivi tal-EES, tal-VIS, tal-ETIAS u tas-SIS, f’konformità mal-istrumenti legali rispettivi li jirregolaw dawk is-sistemi, u sabiex tiġi pprovduta data statistika bejn is-sistemi u rapportar analitiku għall-finijiet ta’ politika, operazzjonali u ta’ kwalità tad-data. Is-CRRS għandu jappoġġja wkoll l-objettivi tar-Regolament (UE) 2025/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

2.   L-eu-LISA għandha tistabbilixxi, timplimenta u tospita fis-siti tekniċi tagħha s-CRRS li jkun fih id-data u l-istatistiki msemmijin fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1860, li jkunu separati b’mod loġiku mis-sistema ta’ informazzjoni tal-UE. L-eu-LISA għandha tiġbor ukoll data u statistika mir-router imsemmija fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) 2025/12. L-aċċess għas-CRRS għandu jingħata permezz ta’ aċċess sigur b’kontroll u profili ta’ utenti speċifiċi, unikament għall-fini ta’ rapportar u ta’ statistiki, lill-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2017/2226, fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, fl-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) 2018/1240, fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2018/1861 u fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2025/12.

KAPITOLU 9

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 43

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 44

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(6) u (7), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-28 ta’ Jannar 2025. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

Fir-rigward ta’ att delegat adottat skont l-Artikolu 5(6), jekk tkun ġiet espressa oġġezzjoni skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma għandhomx jopponu l-estensjoni taċita msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5(7), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(6) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti ddeżinjati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(6) jew (7), l-Artikolu 6(3) jew l-Artikolu 9(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 45

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1.   L-eu-LISA għandha tiżgura li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex jiġi mmonitorjat l-iżvilupp tar-router fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar u mal-ispejjeż u li jiġi mmonitorjat il-funzjonament tar-router fid-dawl tal-objettivi relatati mal-output tekniku, mal-kosteffettività, mas-sigurtà u mal-kwalità tas-servizz.

2.   Sad-29 ta’ Jannar 2026 u kull sena wara din matul il-fażi tal-iżvilupp tar-router, l-eu-LISA għandha tipproduċi rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tal-iżvilupp tar-router, u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż imġarrbin u dwar kwalunkwe riskju li jista’ jkollu impatt fuq l-ispejjeż ġenerali li jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 32.

3.   Ladarba r-router jibda jopera, l-eu-LISA għandha tipproduċi u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega f’dettall kif ikunu ntlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-ippjanar u mal-ispejjeż, kif ukoll li jiġġustifika kwalunkwe diverġenza.

4.   Sad-29 ta’ Jannar 2029 u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport li jkun fih evalwazzjoni ġenerali ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar in-neċessità u l-valur miżjud tal-ġbir tad-data tal-API, inkluża valutazzjoni ta’:

(a)

l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-punt sa fejn dan ir-Regolament laħaq l-objettivi tiegħu;

(c)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq id-drittijiet fundamentali protetti skont il-liġi tal-Unjoni;

(d)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-esperjenza tal-ivvjaġġar ta’ passiġġieri leġittimi;

(e)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni u l-piż imġarrab min-negozji;

(f)

il-kwalità tad-data trażmessa mir-router lill-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera;

(g)

il-prestazzjoni tar-router fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera.

Għall-finijiet ta’ punt (e) tal-ewwel subparagrafu, ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jindirizza wkoll l-interazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ atti leġiżlattivi rilevanti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226 u (UE) 2018/1240, sabiex jivvaluta l-impatt ġenerali tal-obbligi ta’ rapportar relatati fuq it-trasportaturi bl-ajru, jidentifika d-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu aġġornati u ssimplifikati, fejn xieraq, biex jiġi mmitigat il-piż fuq it-trasportaturi bl-ajru, u jikkunsidra l-azzjonijiet u l-miżuri li jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-pressjoni tal-ispejjeż totali fuq it-trasportaturi bl-ajru.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. Jekk ikun xieraq, fid-dawl tal-evalwazzjoni mwettqa, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb li jiġi emendat dan ir-Regolament.

6.   Fuq talba, l-Istati Membri u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jipprovdu lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni neċessarja għall-abbozzar tar-rapporti msemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4, bħal data relatata mar-riżultati tal-verifiki minn qabel tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-Unjoni u tal-bażijiet tad-data nazzjonali fil-fruntieri esterni mad-data tal-API. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-ġbir tad-data tal-API minn perspettiva operazzjonali. L-informazzjoni pprovduta ma għandhiex tinkludi data personali. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jżommu lura milli jipprovdu tali informazzjoni jekk, u sa fejn ikun neċessarju sabiex ma jiġux żvelati metodi ta’ ħidma kunfidenzjali jew jiġu pperikolati investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin tal-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali pprovduta tkun protetta kif xieraq.

Artikolu 46

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn sentejn mid-data li fiha jibda jopera r-router, speċifikata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 34.

Madankollu:

(a)

l-Artikolu 5(7) u (8), l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 9(6), l-Artikolu 13(4), l-Artikolu 14(5), l-Artikolu 18(4), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(2), l-Artikoli 25, 28 u 29, l-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 34, 43 u 44 għandhom japplikaw mit-28 ta’ Jannar 2025.

(b)

l-Artikolu 5(6), l-Artikoli 12 u 15, l-Artikolu 17(1), (3) u (4), l-Artikolu 18(1), (2) u (3), u l-Artikoli 19, 20, 26, 27, 33 u 35 għandhom japplikaw mid-data li fiha jibda jopera r-router, kif ddeterminat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 34.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU C 228, 29.6.2023, p. 97.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2024.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 67).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 tat-18 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK (ĠU L 163, 20.6.2019, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818 (ĠU L, 2025/13, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/13/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal soġġorn qasir, viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

(17)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI:

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20,

(20)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI:

(22)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI:

(24)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(25)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI:

(26)   ĠU C 84, 7.3.2023, p. 2.

(27)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).

(28)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/12/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)