European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2123

7.4.2025

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2025/2123)

Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Muránske buchty”

Nru tal-UE: PGI-SK-03206 – 15.3.2024

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)

“Muránske buchty”

2.   Stat Membru jew Pajjiż terz

Is-Slovakkja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Kodiċi NM

—

19 - PREPARATI TAĊ-ĊEREALI, TAD-DQIQ, TAL-LAMTU JEW TAL-ĦALIB; PRODOTTI TAl-PASTIĊĊIERA

1905 – Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u prodotti oħrajn tal-furnara, kemm jekk fihom il-kawkaw u kemm jekk le; ostji tat-tqarbin, cachets vojta li huma adattati għall-użu farmaċewtiku, wafers tas-siġill, karta tar-ross u prodotti simili

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Muránske buchty” huma rolls mimlijin li jixbhu lit-turnovers jew lit-torti żgħar tal-għaġina, magħmula b’għaġina bil-ħmira li tkun infirxet f’saffi bil-marġerina għal diversi drabi. Il-mili jista’ jkun pruna, baqta, żerriegħa tal-peprin, ġewż, frawli, mirtill jew ċirasa qarsa, tuffieħ u kannella, jew ċikkulata u ġellewż. Il-“Muránske buchty” huma distinti mill-istruttura tal-għaġina, li tissepara f’“weraq” li jitfarrku, il-forma “mgeżwra” tar-roll u l-piż tal-prodott finali – b’mod partikolari l-piż tal-mili, li jikkostitwixxi l-biċċa l-kbira tal-piż tal-prodott finali.

Karatteristiċi

Dehra viżiva: Rolls f’forma kwadra bil-ġnub ta’ 10-14 cm.

Kulur: dehbi moħmi

Aroma: aroma delikata tal-ħmira u tal-mili.

Togħma: taħlita intensa iżda sottili tal-ingredjenti individwali bil-marġerina u togħma speċifika għall-mili

Konsistenza: għaġina ratba li tkun densa u lixxa fuq ġewwa, b’konsistenza delikata werriqija; niedja, mhux imnixxfa

Il-piż tal-għaġina nejja għat-tħejjija ta’ roll: 120-140 g

Il-piż tal-mili: 85-100 g

L-abjad tal-bajd frisk jew l-abjad tal-bajd likwidu jintużaw biex jiksu kull roll. Wara l-ħami u t-tkessiħ, ir-rolls jiġu mraxxa biz-zokkor fin tal-ġelu.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq l-oriġini tal-materja prima.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess tal-produzzjoni jsir bil-passi li ġejjin:

—

l-għaġina tiġi preparata bl-idejn u titħalla togħla;

—

l-għaġina tinqasam f’ħobżiet;

—

il-ħobżiet jinfetħu, jinfirxu f’saffi bil-marġerina, jintwew, jitħallew jogħlew;

—

il-ħobżiet jinfetħu u l-għaġina tinqasam fi kwadri, jitpoġġa l-mili;

—

jiġu ffurmati r-rolls;

—

ir-rolls jinksew bl-abjad tal-bajd jew bl-abjad tal-bajd likwidu, u jitħallew jogħlew;

—

jinħmew il-ħobżiet.

Wara li jinħmew, il-ħobżiet jiġu sseparati minn xulxin fuq il-landa u, ladarba jitkessħu, jitraxxu biz-zokkor fin tal-ġelu.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

—

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

—

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija magħmula mill-muniċipalità ta’ Muráň. Il-muniċipalità ta’ Muráň tinsab fil-parti ċentrali tal-Plateau ta’ Muráň, fid-Distrett ta’ Revúca fir-Reġjun ta’ Banská Bystrica.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali hija bbażata fuq l-għarfien tal-produtturi fiż-żona ġeografika, ir-reputazzjoni tal-“Muránske buchty” u l-istorja u t-tradizzjonijiet tar-reġjun.

Ma hemm l-ebda rekord tad-data eżatta li fiha l-“Muránske buchty” ġew moħmija għall-ewwel darba. Skont it-tradizzjoni orali, l-oriġini tagħhom tmur lura għas-snin 60. Kif jgħid Roman Goldschmidt f’intervista ma’ Matej Kováč għat-taqsima tal-Aħbarijiet Reġjonali tas-sit web rimava.sk, datat id-9 ta’ Marzu 2019: “Matul id-deċennji, in-nanniet fil-muniċipalità ta’ Muráň għaddew ir-riċetta minn ġenerazzjoni għal oħra.” Ir-rolls kienu jinħmew ukoll fil-kantin u l-pub ta’ Koruna (li qabel kien l-istabbiliment Reštaurácia a Jedáleň), fejn kienet tinbiegħ ukoll din l-ispeċjalità lokali.

Magdaléna Balážiková, Gizela Barilová, Mária Fabová u Mária Sklenáriková kienu fost l-ewwel li ħmew ir-rolls. Hildegarda Nemogová, Magdaléna Bábeľová u Erika Štefanková minn Muránska Dlhá Lúka, u oħrajn, imbagħad bdew ibigħu r-rolls fil-ħanut ta’ Lahôdky. Huma pproduċew u biegħu r-rolls għal aktar minn 40 sena, u wara kien hemm waqfa qasira mill-2014 sa Settembru 2017, meta r-riħa tfuħ tal-“Muránske buchty” reġgħet bdiet tinxtered mal-pjazza tal-belt.

Karatteristika speċifika tal-produzzjoni tal-“Muránske buchty” hija ż-żmien twil - bejn 3 u 4 sigħat - li jieħdu biex tiġi ppreparata l-għaġina. L-għaġina trid titħalla togħla darbtejn qabel il-mili u għat-tielet darba qabel ma tinħema. L-għaġina użata biex isiru l-“Muránske buchty” tiġi ppreparata biss bl-idejn.

Billi l-għaġina tintewa u tinfetaħ ripetutament u tinfirex f’saffi bil-marġerina, dan iwassal biex l-għaġina ssir “werriqija” wara li tinħema; hija densa u lixxa u għandha konsistenza fina. Il-mili jirrappreżenta l-biċċa l-kbira tal-piż tal-prodott finali. Ir-rolls huma “mgeżwra” b’mod speċifiku: tliet kantunieri jintwew lejn iċ-ċentru tal-kwadru fuq il-mili, u r-raba’ rokna tinġibed fuq u kważi taħt ir-roll biex tgħattih jew “tgeżwru”, filwaqt li jiġi żgurat li la l-għaġina u lanqas il-mili ma jinxef iżda jibqa’ artab, niedi u lixx. Il-kisi tar-rolls bil-likwidu tal-abjad tal-bajd u mhux bil-bajd sħiħ jiżgura li l-għaġina tinħema sew u jkollha kulur dehbi. Kif qal Ľubo Fronko f’rapport għall-istazzjon televiżiv Markíza fil-31 ta’ Mejju 2021: “Is-Slovakkja kollha tista’ tkun kburija bil-Muránske buchty.”

Oriġinarjament, intużat materja prima minn sorsi domestiċi għall-produzzjoni tar-rolls, minħabba li dawn kienu disponibbli u setgħu jiġu pproċessati; dan kien japplika speċjalment għall-mili. Illum il-ġurnata l-enfasi hija fuq il-mod partikolari kif tiġi ppreparata l-għaġina (bl-idejn biss, titħalla togħla u tinfirex diversi drabi f’saffi bil-marġerina) u fuq il-mod kif tiġi ffurmata billi tiġi “mgeżwra” f’rolls. It-togħma karatteristika tal-prodott hija kkomplementata mill-mili b’togħma ħelwa.

Il-ħila u l-aġilità tan-nies miż-żona ġeografika ddefinita fil-produzzjoni tal-“Muránske buchty” żviluppaw mill-għarfien u l-esperjenza li għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra, u dan huwa rifless fil-kwalità tal-prodott finali. Il-preparazzjoni tal-ħmira u tal-għaġina bl-idejn, il-fatt li tinfetaħ diversi drabi, titħalla togħla tliet darbiet, tinfirex f’saffi bil-marġerina u tiġi ffurmata f’rolls, ifisser li l-“Muránske buchty” għandhom struttura, daqs u forma speċifiċi ta’ għaġina, u riħa u togħma karatteristiċi.

Il-kwalitajiet tal-prodott, li jirriżultaw mit-tħejjija bl-idejn, mill-għadd ta’ mili u mill-mod kif jinħema, ifissru li sar popolari u mfittex ħafna. L-organizzaturi tal-avvenimenti u l-wirjiet tal-ikel jistiednu lill-produtturi għall-avvenimenti tagħhom sabiex ikunu jistgħu juru l-preparazzjoni awtentika tal-għaġina u l-mili tal-prodott u kif jinħema. Is-Sindku ta’ Muráň, Roman Goldschmidt, qal lis-sit web vobraze.sk li: “Kull min jieħu gidma minn wieħed mir-rolls jifhem li ma jżommux lura mill-mili. Huma ngħataw trademark f’Jannar 2018 b’rikonoxximent tal-istatus tagħhom bħala speċjalità lokali.”

Il-preparazzjoni u l-produzzjoni tal-“Muránske buchty” huma bbażati fuq riċetti storiċi, li jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita u marbuta storikament ma’ dik iż-żona.

L-isem “Muránske buchty” ġej mill-isem tal-muniċipalità ta’ Muráň, li storikament huwa marbut mal-ħami tar-rolls. Fit-tieni nofs tas-seklu li għadda, l-isem ġeografiku beda jintuża biex jiddistingwi prodott speċifiku ta’ kwalità għolja li huwa karatteristiku ta’ Muráň minn prodotti oħra tal-istess tip, u dan l-użu għadu għaddej sa llum.

Ix-xhieda tar-reputazzjoni u t-tradizzjoni tal-“Muránske buchty” huma l-fatt li ngħataw ċertifikat fl-2018 biex jużaw it-tikketta “GEMER-MALHONT regional product”, bħala prodott reġjonali uniku magħmul bl-użu ta’ metodi tradizzjonali, li ħafna minnhom jiġu applikati bl-idejn.

Ir-reputazzjoni tradizzjonali tal-“Muránske buchty” inżammet matul is-snin u għadha attwali, kif muri mir-referenzi għalihom fil-gazzetti reġjonali. Xi eżempji: l-edizzjoni ta’ Mejju 2024 tal-gazzetta Muránske noviny tanalizza kif ipprogressaw il-“Muránske buchty” mill-2020. Hija tirrapporta li l-produzzjoni żdiedet b’aktar mid-doppju fi 3 snin.

Il-produzzjoni tal-“Muránske buchty” dehret ukoll fix-xandir fit-3 ta’ Frar 2024 tal-programm Slovakk tat-televiżjoni (RTVS) Farmárska revue – programm ta’ rivista kemm għall-ortikolturi fuq skala żgħira kif ukoll għall-bdiewa, il-kultivaturi u n-nissiela fuq skala kbira.

Il-“Muránske buchty” jidhru f’avvenimenti reġjonali bħall-Veľkonočný jarmok (il-Fiera tal-Għid) f’Lučenec. Għal diversi snin kienu parti mill-avveniment Otváranie Bánoša (Ftuħ ta’ Bánoš), organizzat minn skola vokazzjonali sekondarja f’kooperazzjoni mas-sħubija rurali tar-Reġjun ta’ Banská Bystrica, l-assoċjazzjoni ċivika tat-“Traditional Taste of Slovakia’s Regions”, u l-belt ta’ Banská Bystrica. Dawn jistgħu jinstabu wkoll kull sena fl-avveniment ta’ Mitrovanie (Festival ta’ San Demeter) f’Veľké Teriakovce li jimmarka t-tmiem tal-istaġun tar-rgħajja, u l-avveniment Ródeo Muráň (Muráň Rodeo) f’Muráň.

Il-“Muránske buchty” huma ppreżentati fil-wirjiet u jidhru wkoll bħala parti mill-catering disponibbli f’avvenimenti bħal dawn. Dawn dehru wkoll bħala parti mit-364 edizzjoni tal-avveniment magħruf sew tar-Radvanský jarmok (il-Fiera ta’ Radvaň) f’Banská Bystrica f’Settembru 2022, fejn tħejjiet żona separata għal prodotti diġà rreġistrati b’indikazzjonijiet ġeografiċi, u għal dawk li kienu għadhom ma ġewx irreġistrati; din iż-żona kienet popolari fost is-Slovakki, iżda speċjalment fost turisti barranin b’interess fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet u tal-prodotti tradizzjonali.

Il-“Muránske buchty” jirrappreżenta l-ispeċjalitajiet u t-tradizzjonijiet kulinari tas-Slovakkja.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.indprop.gov.sk/swift_data/source/2023/CHOP_CHZO/specifikacia/Muranske_buchty.docx


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2123/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)