SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 28 – Intermedjazzjoni fi provvista ta’ servizzi – Artikoli 44 u 45 – Post tal-provvista ta’ servizzi – Artikolu 203 – Indikazzjoni tal-VAT fuq fattura – Servizzi pprovduti b’mod elettroniku – App store – Xiri msejjaħ ‘in-app’”

Fil-Kawża C‑101/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

Finanzamt Hamburg-Altona

vs

XYRALITY GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, A. Kumin (Relatur) u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal XYRALITY GmbH, minn D. Bell u M. Luther, Rechtsanwälte,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u N. Scheffel, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28, 44, 45 u 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE, tat‑12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Finanzamt Hamburg-Altona (l-Amministrazzjoni tal-Finanzi ta’ Hambourg-Altona, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Taxxa”) u XYRALITY GmbH (iktar ’il quddiem “Xyrality”) dwar l-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ provvisti ta’ servizzi pprovduti minnha b’mod elettroniku matul il-perijodu bejn is-sena 2012 u s-sena 2014.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva dwar il-VAT

3

Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4

L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”

5

L-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. […]”

6

L-Artikolu 45 tal-istess direttiva jipprevedi li:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu. […]”

7

L-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT jgħid li:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011

8

Skont l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal‑15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 77, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1042/2013 tas‑7 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 284, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011”):

“Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-[Direttiva dwar il-VAT], fejn ikunu fornuti servizzi fornuti b’mod elettroniku permezz ta’ netwerk tat-telekomunikazzjoni, interface jew portal bħal suq għal applikazzjonijiet, persuna taxxabbli li tieħu sehem f’dak il-forniment għandha titqies bħala li tkun qed taġixxi f’isimha iżda fl-interess tal-fornitur ta’ dawk is-servizzi sakemm dak il-fornitur ma jkunx indikat espliċitament bħala l-fornitur minn dik il-persuna taxxabbli u dak jiġi rifless fl-arranġamenti kuntrattwali bejn il-partijiet.

Sabiex il-fornitur tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku jitqies bħala indikat espliċitament li hu l-fornitur ta’ dawk is-servizzi mill-persuna taxxabbli, għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fattura maħruġa jew magħmula disponibbli minn kull persuna taxxabbli li tieħu sehem fil-forniment tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku għandha tidentifika dawn is-servizzi u l-fornitur tagħhom;

(b)

il-fattura jew l-irċevuta maħruġa jew magħmula disponibbli lill-klijent għandha tidentifika s-servizzi fornuti b’mod elettroniku u l-fornitur ta’ dawk is-servizzi.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, persuna taxxabbli li, fir-rigward ta’ forniment ta’ servizzi fornuti b’mod elettroniku, tawtorizza l-imposizzjoni ta’ ħlas mingħand il-klijent jew l-għoti tas-servizzi, jew tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-forniment, ma għandhiex tkun permessa tindika espliċitament persuna oħra bħala l-fornitur ta’ dawk is-servizzi.”

9

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1042/2013, l-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar 2015.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Xyrality, stabbilita fil-Ġermanja, tiżviluppa applikazzjonijiet ta’ logħob għal apparati mobbli. Sabiex tikkummerċjalizza dawn l-applikazzjonijiet, hija tuża, b’mod partikolari, pjattaforma kummerċjali diġitali online għas-softwer (imsejħa “app store”), li kienet, sal‑31 ta’ Diċembru 2014, operata minn X, impriża stabbilita fl-Irlanda. Il-klijenti finali li jużaw apparati mobbli b’sistema operattiva preċiża setgħu, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iniżżlu mingħajr ħlas l-imsemmija applikazzjonijiet fl-app store.

11

L-akkwist bi ħlas ta’ titjib jew ta’ vantaġġi oħra (xiri in-app) kien jippermetti lill-klijent finali javvanza fil-logħba li kien niżżel preċedentement jew li jikseb vantaġġi oħra. Il-klijent finali seta’ jagħżel it-titjib jew il-vantaġġi mixtieqa fl-applikazzjoni tal-logħob ta’ Xyrality u jattivahom bi ħlas. Il-ħlas ta’ dan ix-xiri in-app kien isir permezz tal-app store permezz ta’ wieħed mill-metodi ta’ ħlas irreġistrati mill-klijent finali.

12

B’mod iktar speċifiku, qabelxejn, wara li l-klijent finali kien għażel oġġett bi ħlas, kienet tinfetaħ tieqa msejħa “pop-up” fl-applikazzjoni tal-logħob, li kienet tindika l-prodott magħżul, il-prezz gross tiegħu kif ukoll il-metodu ta’ ħlas. Sussegwentement, dan il-klijent kien jikklikkja fuq il-buttuna “Ixtri” u kienet tinfetaħ it-tieni tieqa, li fiha ġew imfakkra l-oġġett li kien ser jinxtara, il-prezz u l-metodu ta’ ħlas. Fl-aħħar nett, wara li kien ikklikkja fuq il-buttuna “Ikkonferma”, l-imsemmi klijent kien jara t-tielet tieqa li tinfetaħ, li fiha kien indikat li l-ħlas kien sar b’suċċess. Il-klijent finali seta’ mbagħad immedjatament ikompli l-logħba fl-applikazzjoni. Fuq it-tliet twieqi kien hemm il-logo ta’ X. Xyrality ma kinitx indikata bħala l-fornitur.

13

Wara x-xiri, il-klijent finali kien jirċievi mingħand X konferma ta’ ordni permezz tal-posta elettronika, li kienet tinkludi l-logo tal-app store u li kienet tindika li kien sar xiri mingħand Xyrality. Dan il-messaġġ elettroniku kien issemmi wkoll il-prezz gross u l-ammont tal-VAT (Ġermaniża) inkluż f’dan il-prezz. Kull xahar, X kienet tindika lil Xyrality ix-xiri in-app imwettaq mill-klijenti finali u kienet toħroġ fattura ta’ kummissjoni, ugwali għal 30 % ta’ kull xiri.

14

Qabelxejn, Xyrality qieset li hija kienet il-fornitur tas-servizzi pprovduti lill-klijenti finali, b’tali mod li hija ddikjarat il-VAT Ġermaniża għall-klijenti finali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea. Fid‑29 ta’ Jannar 2016, din il-kumpannija madankollu ppreżentat dikjarazzjonijiet tal-VAT rettifikattivi għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija sostniet li hija kienet ikkonkludiet ma’ X kuntratt ta’ kummissjoni għall-provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT. Għalhekk, hija stess ipprovdiet servizzi lil X u din il-kumpannija tal-aħħar intervjeniet bħala fornitur ta’ servizzi fil-konfront ta’ klijenti finali.

15

Billi qieset, għaldaqstant, li l-post tas-servizzi li hija kienet ipprovdiet lil X kien jinsab fl-Irlanda, konformement mal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, Xyrality naqqset il-bażi taxxabbli tat-tranżazzjonijiet tal-output tagħha suġġetti għall-VAT fil-Ġermanja bl-ammont tax-xiri in-app imwettaq mill-klijenti finali stabbiliti fl-Unjoni.

16

Wara kontroll fiskali, l-Awtorità tat-Taxxa qieset li X kienet sempliċi intermedjarja. Skont din l-awtorità, għalkemm, f’kull każ, il-proċess ta’ xiri kellu jsir permezz tal-app store, il-kundizzjonijiet għall-użu tas-servizz kienu madankollu mfakkra lill-klijent finali f’kull stadju tax-xiri in-app. X b’hekk indikat b’mod ċar lill-klijent finali, waqt kull xiri, li t-tranżazzjonijiet twettqu f’isem terz u li X kienet sempliċement qiegħda tiġbor il-prezz. Konsegwentement, l-Awtorità tat-Taxxa ħarġet avviżi ta’ impożizzjoni tal-VAT għall-perijodi ta’ tassazzjoni relatati mas-snin 2012 sa 2014, li fihom l-emendi mwettqa minn Xyrality ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, l-ilmenti mressqa minn din il-kumpannija ġew miċħuda minn din l-awtorità.

17

Adita b’rikors ippreżentat minn Xyrality, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Frar 2020, laqgħet dan ir-rikors. Skont din il-qorti, is-servizzi pprovduti minn Xyrality ma kinux taxxabbli fil-Ġermanja, peress li X kienet il-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi.

18

Skont il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg), X aġixxiet f’isimha stess fil-kuntest tax-xiri in-app. L-integrazzjoni tal-prodotti proposti minn Xyrality fl-interfaċċa tal-app store kellha l-konsegwenza li l-klijent finali medju kellu l-istennija li X tkun il-parti kontraenti u l-bejjiegħa ta’ dawn il-prodotti, iktar u iktar peress li dan il-klijent kellu qabelxejn jirreġistra ruħu fl-app store u jaċċetta l-kundizzjonijiet għall-użu tiegħu. Il-fatt li X kienet taġixxi f’isem fornitur ta’ servizzi ieħor ma kienx ċar biżżejjed. Għalkemm ix-xiri kien sar mill-applikazzjoni ta’ logħba żviluppata minn Xyrality u għalkemm l-interfaċċa tal-logħba kienet tintwera fl-isfond matul il-proċess tax-xiri, madankollu l-klijent finali kien jiġi dirett virtwalment lejn l-app store mill-indikazzjonijiet li kienu jinsabu fit-twieqi pop-up. B’mod konkret, il-proċess ta’ xiri seħħ taħt il-logo tal-app store, irrappreżentat b’mod dominanti.

19

L-Awtorità tat-Taxxa ppreżentat appell għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

20

Il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-ipoteżi li tgħid li X, u mhux Xyrality, ipprovdiet is-servizzi lill-klijenti finali li wettqu x-xiri in-app inkwistjoni hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

21

Din il-qorti tippreċiża li, konformement mal-ġurisprudenza tagħha dwar ix-“xiri f’ħanut”, għandu jitqies li klijent finali li jixtri oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum jew li jibbenefika minn servizzi oħra f’ħanut jixtieq, bħala prinċipju, jistabbilixxi relazzjoni kummerċjali mal-proprjetarju ta’ dak il-ħanut. Dan l-approċċ, li jikkorrispondi għar-realtà ekonomika u kummerċjali, huwa applikabbli wkoll għas-servizzi pprovduti b’mod elettroniku jew bħala servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

22

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk hija tikkonferma s-sentenza tal-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg), hija tidħol f’kunflitt mal-klassifikazzjoni ġuridika tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali adottata minn X u mill-awtoritajiet tat-taxxa Irlandiżi, li jwassal għal nuqqas ta’ tassazzjoni potenzjalment definittiv. Għalhekk, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT japplikax f’sitwazzjoni bħal dik li biha hija adita.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, il-konfermi tal-ordnijiet trażmessi minn X, li jindikaw li l-klijent finali wettaq xiri mingħand Xyrality minn fuq l-app store ta’ X u li jsemmu l-VAT Ġermaniża, iwasslu sabiex jitqies li Xyrality ipprovdiet servizz lill-klijent finali, b’tali mod li, f’dan il-każ, din ma hijiex sitwazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT.

24

Min-naħa l-oħra, anki jekk l-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 sar applikabbli biss mill‑1 ta’ Jannar 2015, il-fatt li din id-dispożizzjoni tikkonkretizza l-kontenut normattiv stabbilit mill-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International (C‑695/20, EU:C:2023:127), jista’ jwassal sabiex jitqies li l-prinċipji stabbiliti fih japplikaw għat-tranżazzjonijiet imwettqa minn Xyrality qabel din id-data. Il-linji gwida mhux vinkolanti li jirriżultaw mit‑tlieta u disgħin laqgħa tal-Kumitat tal-VAT tal‑1 ta’ Lulju 2011 (dokument C – taxud.c.1(2012)1410604 – 709) jistgħu jikkostitwixxu indizju ieħor f’dan ir-rigward.

25

Fit-tieni lok, jekk kellu jitqies li l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa applikabbli f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li minn dan tirriżulta finzjoni legali fejn żewġ servizzi identiċi jiġu pprovduti konsekuttivament. Issa, il-portata ta’ din il-finzjoni hija s-suġġett ta’ kontroversji fil-Ġermanja.

26

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, sabiex ikun applikabbli, l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT jeħtieġ l-eżistenza ta’ mandat li b’eżekuzzjoni tiegħu l-aġent jintervjeni, għall-benefiċċju tal-prinċipal, fil-provvista ta’ servizzi, li jimplika l-konklużjoni, bejn l-aġent u l-prinċipal, ta’ ftehim li għandu bħala għan l-għoti ta’ dan il-mandat. Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi previst, fuq il-livell tal-VAT, li r-relazzjoni ġuridika bejn l-aġent u l-prinċipal li għall-benefiċċju tiegħu huwa jaġixxi kompletament tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-provvista ta’ servizzi li fiha l-aġent jinterċedi bħala intermedjarju, fejn il-finzjoni prevista fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT testendi għalhekk għall-provvista kollha.

27

F’dan il-każ, jekk jitqies li s-servizz huwa pprovdut direttament minn Xyrality, il-post ta’ din il-provvista jkun jinsab fil-Ġermanja. Għaldaqstant, l-istess japplika fir-rigward tas-servizz fittizju pprovdut minn Xyrality lil X.

28

Madankollu, huwa konċepibbli wkoll li tal-inqas il-post tal-provvista li fih l-aġent jinterċedi bħala intermedjarju jiddetermina wkoll il-post fejn is-servizz jiġi pprovdut mill-aġent lill-prinċipal. Minn din il-perspettiva wkoll, il-post tas-servizz fittizju pprovdut minn Xyrality lil X jinsab fil-Ġermanja.

29

Fl-aħħar nett, jista’ jiġi kkunsidrat li l-post tas-servizz li fih l-aġent jinterċedi bħala intermedjarju u l-post tas-servizz ipprovdut mill-aġent lill-prinċipal huma ddeterminati separatament. F’dan il-każ, dan l-approċċ iwassal sabiex il-post tas-servizz fittizju pprovdut minn Xyrality lil X ikun jinsab fl-Irlanda, konformement mal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li X hija persuna taxxabbli li rċeviet is-servizz fittizju għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha. Il-post tas-servizz ipprovdut minn X lill-klijenti finali jinsab ukoll fl-Irlanda, konformement mal-Artikolu 45 tad-Direttiva dwar il-VAT.

30

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina l-konsegwenzi tal-fatt li X, bil-kunsens ta’ Xyrality, bagħtet permezz ta’ posta elettronika konfermi tal-ordnijiet li kienu jindikaw li kien sar xiri mingħand Xyrality fuq l-app store u li jsemmu l-prezz gross kif ukoll il-VAT Ġermaniża inkluża f’dan il-prezz.

31

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Xyrality hijiex, skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT, responsabbli għall-ħlas tal-VAT imsemmija f’isimha u bil-kunsens tagħha, peress li l-konfermi tal-ordnijiet inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu fatturi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn persuna taxxabbli Ġermaniża (żviluppatur) tipprovdi servizz b’mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fit-territorju Komunitarju (klijenti finali) permezz ta’ pjattaforma għat-tniżżil ta’ applikazzjonijiet (iktar ’il-quddiem l-‘appstore’) proprjetà ta’ persuna taxxabbli Irlandiża qabel l‑1 ta’ Jannar 2015, għandu japplika l-Artikolu 28 tad-[Direttiva dwar il-VAT] bir-riżultat li l-persuna taxxabbli Irlandiża tiġi ttrattata bħallikieku kienet irċeviet dawn is-servizzi mingħand l-iżviluppatur u pprovdiethom lill-klijenti finali, peress li huwa biss fil-konfermi tal-ordni maħruġa lill-klijenti finali li l-appstore semma lill-iżviluppatur bħala l-fornitur u indikat il-VAT Ġermaniża?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: il-post li fih ġie pprovdut is-servizz, ipprovdut b’mod fittizju mill-iżviluppatur lill-appstore bis-saħħa tal-Artikolu 28 tad-[Direttiva dwar il-VAT] għandu jitqies li huwa fl-Irlanda konformement mal-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva jew [fil-Ġermanja] konformement mal-Artikolu 45 ta’ din l-istess direttiva?

3)

Jekk mir-risposti għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li l-iżviluppatur ma pprovda l-ebda servizz [fil-Ġermanja]: l-iżviluppatur huwa responsabbli għall-VAT Ġermaniża bis-saħħa tal-Artikolu 203 tad-[Direttiva dwar il-VAT] minħabba li bi ftehim, fil-messaġġi elettroniċi ta’ konferma ta’ ordni mibgħuta lill-klijenti finali l-appstore isemmih bħala l-fornitur u juri l-VAT Ġermaniża, anki jekk il-klijenti finali ma humiex intitolati li jnaqqsu l-VAT tal-input?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru tkun ipprovdiet, qabel l‑1 ta’ Jannar 2015, servizzi b’mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni permezz ta’ pjattaforma ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 28 hija eskluża għar-raġuni li l-konfermi tal-ordnijiet pprovduti, minn din il-persuna taxxabbli tal-aħħar, lill-klijenti finali jindikaw lill-ewwel persuna taxxabbli bħala l-fornitur u jindikaw ir-rata tal-VAT applikabbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dan tal-aħħar.

34

Bis-saħħa tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jaqa taħt it-Titolu IV ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Transazzjonijiet taxxabbli”, meta persuna taxxabbli, li taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, tinterċedi bħala intermedjarja fi provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li rċeviet u pprovdiet is-servizzi inkwistjoni hija stess.

35

Dan l-Artikolu 28, li huwa fformulat b’mod ġenerali, mingħajr ma jinkludi restrizzjonijiet fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jew tal-portata tiegħu, u li għalhekk ikopri l-kategoriji ta’ servizzi kollha, joħloq il-finzjoni ġuridika ta’ żewġ servizzi identiċi pprovduti b’mod konsekuttiv, li abbażi tagħha l-operatur, li jinterċedi bħala intermedjarju f’provvista ta’ servizzi u li huwa l-aġent, huwa meqjus, inizjalment, li jkun rċieva s-servizzi inkwistjoni mill-operatur li għall-benefiċċju tiegħu huwa jkun qiegħed jaġixxi, li huwa l-prinċipal, qabel ma jipprovdi huwa stess, sussegwentement, dawn is-servizzi lil klijent (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International,C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

L-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi għalhekk ir-regola ġenerali li tgħid li l-persuna taxxabbli li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi, taġixxi bħala intermedjarja f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, għandha titqies li hija l-fornitur ta’ dawn is-servizzi (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International,C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 55).

37

Hija l-qorti nazzjonali adita b’tilwima dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT li għandha tfittex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari tan-natura tal-obbligi kuntrattwali tal-aġent fil-konfront tal-klijenti tiegħu, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti jew le (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Henfling et, C‑464/10, EU:C:2011:489, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) qieset li X kienet aġixxiet f’isimha stess fil-kuntest tax-xiri in-app inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li, b’mod partikolari, l-integrazzjoni tal-prodotti fl-interfaċċa tal-app store kellha l-konsegwenza li l-klijent finali medju kellu l-istennija li X tkun il-parti kontraenti u l-bejjiegħ tal-prodotti, u dan iktar u iktar peress li dan il-klijent finali kellu qabelxejn jirreġistra ruħu fl-app store u jaċċetta l-kundizzjonijiet għall-użu tiegħu qabel ma jkun jista’ jakkwista tali prodotti. Mill-banda l-oħra, il-fatt li X kienet qiegħda taġixxi f’isem ħaddieħor ma kienx ċar biżżejjed waqt il-proċess ta’ xiri minn fuq l-app store.

39

Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tikkontestax dawn il-konstatazzjonijiet, hija tistaqsi dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, taċ-ċirkustanza doppja li, fil-konfermi tal-ordnijiet ipprovduti minn X lill-klijenti finali, Xyrality kienet imsemmija bħala fornitur u li l-ammont tal-VAT Ġermaniża kien indikat.

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT ikun jista’ japplika, għandu jkun hemm mandat li permezz tiegħu l-aġent jintervjeni, għall-benefiċċju tal-prinċipal, fil-provvista ta’ servizzi. Madankollu, anki jekk jitqies li, minkejja l-kumplessità tal-ktajjen ta’ tranżazzjonijiet li tista’ tikkaratterizza l-provvista tas-servizzi b’mod elettroniku, il-klijent finali jkun, f’ċerti każijiet, f’pożizzjoni li jkun jaf bl-eżistenza tal-mandat u bl-identità tal-prinċipal, dawn iċ-ċirkustanzi waħedhom ma humiex suffiċjenti sabiex jeskludu li l-persuna taxxabbli, li tinterċedi bħala intermedjarja fil-provvista ta’ servizzi, taġixxi f’isimha, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 28. Fil-fatt, huma qabelxejn is-setgħat li għandha din il-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-provvista li fiha hija tinterċedi bħala intermedjarja li huma importanti (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International,C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-klijent finali jsir jaf bl-identità tal-prinċipal permezz ta’ konfermi tal-ordnijiet, li dan il-klijent finali neċessarjament jirċievi biss wara l-konklużjoni tal-proċess ta’ xiri, ma jippermettix li tiġi eskluża l-applikabbiltà tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT jekk mill-elementi rilevanti l-oħra jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

42

Sa fejn il-qorti tar-rinviju tirreferi, barra minn hekk, għall-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiddetermina l-fornitur għall-finijiet tal-VAT meta servizzi pprovduti b’mod elettroniku jiġu pprovduti permezz ta’ network ta’ telekomunikazzjoni, ta’ interfaċċa jew ta’ portal bħal pjattaforma ta’ tniżżil għall-applikazzjonijiet. F’dan ir-rigward, mis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International (C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 89) jirriżulta li dan l-Artikolu 9a ma jistax jitqies li jikkompleta jew jemenda l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT.

43

Dan l-Artikolu 9a(1), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2015, ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, li tirrigwarda benefiċċji pprovduti matul is-snin 2012 sal‑2014. Madankollu, sa fejn din id-dispożizzjoni tispjega u tiċċara kunċett li jinsab fid-Direttiva dwar il-VAT u li huwa applikabbli sa mill-introduzzjoni ta’ din tal-aħħar, għandu madankollu jsir riferiment għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Leichenich,C‑532/11, EU:C:2012:720, punt 32, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory,C‑605/12, EU:C:2014:2298, punti 44 sa 46).

44

Fi kwalunkwe każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-fatt li l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 ma kienx għadu applikabbli matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu, għal dan il-perijodu, jiġi interpretat b’mod differenti minn dak li jirriżulta minn dan l-Artikolu 9a(1).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru tkun ipprovdiet, qabel l‑1 ta’ Jannar 2015, servizzi b’mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni permezz ta’ pjattaforma ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 28 ma tistax tiġi eskluża għas-sempliċi raġuni li l-konfermi tal-ordnijiet pprovduti, minn din il-persuna taxxabbli tal-aħħar, lill-klijenti finali jindikaw lill-ewwel persuna taxxabbli bħala l-fornitur u jindikaw ir-rata tal-VAT applikabbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dan tal-aħħar.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar il-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru titqies li rċeviet u pprovdiet hija stess servizzi skont l-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, il-post tas-servizzi pprovduti b’mod fittizju lil din il-persuna taxxabbli minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor għandu jiġi ddeterminat konformement mal-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva jew konformement mal-Artikolu 45 tal-istess direttiva peress li l-klijenti finali huma persuni mhux taxxabbli.

47

Kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT joħloq il-finzjoni legali ta’ żewġ servizzi identiċi pprovduti konsekuttivament, li permezz tagħha l-operatur, li jinterċedi bħala intermedjarju fi provvista ta’ servizzi u li huwa l-aġent, jitqies, inizjalment, li jkun irċieva s-servizzi inkwistjoni mill-operatur li għall-benefiċċju tiegħu huwa jkun qiegħed jaġixxi, li huwa l-prinċipal, qabel ma jipprovdi huwa stess, sussegwentement, dawn is-servizzi lil klijent.

48

Fir-rigward tal-post tal-provvista ta’ servizzi, dan għandu jiġi ddeterminat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu V tad-Direttiva dwar il-VAT. F’dan ir-rigward, it-Taqsimiet 2 u 3 ta’ dan il-kapitolu jistabbilixxu rispettivament ir-regoli ġenerali għad-determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi kif ukoll regoli partikolari dwar provvisti ta’ servizzi speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Climate Corporation Emissions Trading,C‑641/21, EU:C:2022:842, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għalhekk, l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-post tas-servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huwa l-post fejn il-persuna taxxabbli stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha. Skont l-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva, il-post tal-provvista ta’ servizzi lil persuna mhux taxxabbli huwa, bħala prinċipju, il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu.

50

Fir-rigward tal-post tal-provvista ta’ servizzi li, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, persuna taxxabbli titqies li rċeviet mingħand persuna taxxabbli oħra, peress li dawn il-persuni taxxabbli jaġixxu rispettivament bħala aġent u prinċipal, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, li la minn dan l-Artikolu 28 u lanqas minn dispożizzjoni oħra tad-Direttiva dwar il-VAT ma jirriżulta li l-post ta’ din il-provvista ta’ servizzi għandu jiġi ddeterminat b’mod derogatorju mir-regoli previsti fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V ta’ din id-direttiva. Għalhekk, il-post tal-imsemmija provvista ta’ servizzi għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva.

51

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-Direttiva dwar il-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru titqies li rċeviet u pprovdiet hija stess servizzi skont l-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, il-post tas-servizzi pprovduti b’mod fittizju lil din il-persuna taxxabbli minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor għandu jiġi ddeterminat konformement mal-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva.

Fuq it-tielet domanda

52

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru tkun ipprovdiet servizzi b’mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni permezz ta’ pjattaforma ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-konsegwenza li din il-persuna taxxabbli tal-aħħar titqies li tkun irċeviet dawn is-servizzi u li tkun ipprovdiethom lill-klijenti finali, l-ewwel persuna taxxabbli tkun responsabbli għall-ħlas tal-VAT fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha skont dan l-Artikolu 203 għar-raġuni li, fil-konfermi tal-ordnijiet trażmessi lill-klijenti finali, din l-ewwel persuna taxxabbli tkun issemmiet, bil-kunsens tagħha, bħala l-fornitur u tkun ġiet indikata r-rata tal-VAT applikabbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha.

53

Skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-VAT hija dovuta minn kull persuna li tindika din it-taxxa fuq fattura.

54

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex telimina r-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali li jista’ joħloq id-dritt għal tnaqqis previst minn din id-direttiva. Għalhekk, din tapplika meta l-VAT tkun ġiet iffatturata b’mod żbaljat u meta jkun jeżisti riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali minħabba l-fatt li d-destinatarju tal-fattura inkwistjoni jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għal tnaqqis ta’ tali VAT (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, Finanzamt Österreich (VAT iffatturata b’mod żbaljat lill-konsumaturi finali), C‑378/21, EU:C:2022:968, punti 20 u 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Il-qorti tar-rinviju tindika li, f’dan il-każ, Xyrality, qabelxejn, awtorizzat lil X sabiex tindikaha bħala fornitur fil-konfermi tal-ordnijiet u sabiex tislet minn dan il-konsegwenzi fil-qasam tal-VAT fir-rigward tal-klijent finali billi qieset il-VAT Ġermaniża bħala l-VAT applikabbli għall-provvisti ta’ servizzi, sabiex sussegwentement tiddefendi l-perspettiva opposta fil-konfront tal-Awtorità tat-Taxxa. Għalhekk, fid-dawl tal-aġir kontradittorju ta’ Xyrality, jista’ jiġi ġġustifikat li jitqies li din il-kumpannija tibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-VAT abbażi tal-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT, u dan sabiex jiġi evitat riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali kkawżat minn kunflitt negattiv ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi u Irlandiżi, li b’riżultat ta’ dan il-VAT ma tinġabarx b’mod definittiv fl-ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri.

56

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu rabta funzjonali mad-dritt għal tnaqqis tal-VAT sa fejn huwa intiż li jevita r-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali li jirriżulta minn sopravalutazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis. Issa, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ipprovduti mhux lil persuni taxxabbli għall-bżonnijiet tal-impriża tagħhom, iżda lil persuni mhux taxxabbli. Fl-assenza ta’ riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali marbut mad-dritt għal tnaqqis tal-VAT iffatturata indebitament, dan l-Artikolu 203 għalhekk ma huwiex intiż li japplika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-konfermi tal-ordnijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu bħala fatturi, kif issostni Xyrality fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jidher irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru tkun ipprovdiet servizzi b’mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni permezz ta’ pjattaforma ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-konsegwenza li din il-persuna taxxabbli tal-aħħar titqies li tkun irċeviet dawn is-servizzi u li tkun ipprovdiethom lill-klijenti finali, l-ewwel persuna taxxabbli ma tistax titqies li hija responsabbli għall-ħlas tal-VAT fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha skont dan l-Artikolu 203 għar-raġuni li, fil-konfermi tal-ordnijiet trażmessi lill-klijenti finali, din l-ewwel persuna taxxabbli tkun issemmiet, bil-kunsens tagħha, bħala l-fornitur u tkun ġiet indikata r-rata tal-VAT applikabbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE, tat‑12 ta’ Frar 2008,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru tkun ipprovdiet, qabel l‑1 ta’ Jannar 2015, servizzi b’mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ pjattaforma ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 28 ma tistax tiġi eskluża għas-sempliċi raġuni li l-konfermi tal-ordnijiet pprovduti, minn din il-persuna taxxabbli tal-aħħar, lill-klijenti finali jindikaw lill-ewwel persuna taxxabbli bħala l-fornitur u jindikaw ir-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dan tal-aħħar.

 

2)

Id‑Direttiva 2006/112, kif emendata bid‑Direttiva 2008/8,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru titqies li rċeviet u pprovdiet hija stess servizzi skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata, il-post tas-servizzi pprovduti b’mod fittizju lil din il-persuna taxxabbli minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor għandu jiġi ddeterminat konformement mal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, kif emendata.

 

3)

L-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2008/8,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru tkun ipprovdiet servizzi b’mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ pjattaforma ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-konsegwenza li din il-persuna taxxabbli tal-aħħar titqies li tkun irċeviet dawn is-servizzi u li tkun ipprovdiethom lill-klijenti finali, l-ewwel persuna taxxabbli ma tistax titqies li hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha skont dan l-Artikolu 203 għar-raġuni li, fil-konfermi tal-ordnijiet trażmessi lill-klijenti finali, din l-ewwel persuna taxxabbli tkun issemmiet, bil-kunsens tagħha, bħala l-fornitur u tkun ġiet indikata r-rata tal-VAT applikabbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.