KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑8 ta’ Mejju 2024 ( 1 )
Kawżi C‑717/22 u C‑372/23
SISTEM LUX OOD
u
VU
vs
Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad, il-Bulgarija) u mill-Administrativen sad Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali u moviment liberu tal-merkanzija — Regolament (UE) Nru 952/2013 — Ksur tal-leġiżlazzjoni doganali — Sanzjonijiet amministrattivi — Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-konfiska tas-suġġett tal-ksur doganali — Oġġetti li jappartjenu lil terz”
|
1. |
Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari, iż-żewġ qrati Bulgari jesprimu d-dubji tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tas-sistema ta’ ksur u tas-sanzjonijiet stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 ( 2 ). |
|
2. |
Essenzjalment, permezz tad-domandi tagħhom, huma jridu jkunu jafu: a) jekk l-intenzjoni li jitwettaq ksur tikkostitwixxix element neċessarju tal-ksur li jikkonsisti f’li l-awtoritajiet doganali ma jingħatawx l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali; u b) jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, il-konfiska tal-merkanzija bħala sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi doganali. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI ( 3 )
|
3. |
Skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”), “‘konfiska’ tfisser penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fil-privazzjoni finali ta’ proprjetà” ( 4 ). |
2. Il‑Kodiċi Doganali
|
4. |
Il-premessa 38 tgħid: “Huwa xieraq li tkun ikkunsidrata l-intenzjoni tajba tal-persuna kkonċernata f’każijiet fejn jinħoloq dejn doganali minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali u biex jitnaqqas l-impatt ta’ negliġenza min-naħa tad-debitur”. |
|
5. |
Il-premessa 45 tipprovdi: “Huwa xieraq li fuq livell tal-Unjoni jkunu stabbiliti r-regoli dwar il-qerda jew it-tneħħija b’mod ieħor ta’ merkanzija mill-awtoritajiet doganali, billi dawn huma materji li qabel kienu jeħtieġu legiżlazzjoni nazzjonali”. |
|
6. |
L-Artikolu 15 (“L-għoti ta’ informazzjon lill-awtoritajiet doganali”) jistabbilixxi: “1. Kwalunkwe persuna direttament jew indirettament involuta fit-twettiq tal-formalitajiet doganali jew ta’ kontrolli doganali, fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali u fi kwalunkwe limitu ta’ żmien speċifikat, għandha tipprovdi lil dawk l-awtoritajiet bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f’forma xierqa, u l-għajnuna kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-formalitajiet jew kontrolli. 2. Il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid jew notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid, minn persuna lill-awtoritajiet doganali, jew il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew kwalunkwe deċiżjoni oħra, tirrendi l-persuna kkonċernata responsabbli għal dan li ġej:
L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-għoti ta’ kwalunkwe informazzjoni fi kwalunkwe forma oħra mitluba minn, jew mogħtija lill-awtoritajiet doganali. Fejn id-dikjarazzjoni, jew in-notifika jkunu ppreżentati, l-applikazzjoni tkun ippreżentata, jew l-informazzjoni tingħata, minn rappreżentant doganali tal-persuna kkonċernata kif imsemmi fl-Artikolu 18, dak ir-rappreżentant doganali għandu jkun marbut ukoll bl-obbligi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu”. |
|
7. |
Fl-Artikolu 42 (“L-applikazzjoni ta’ pieni”), wieħed jaqra: “1. Kull Stat Membru għandu jaħseb għal pieni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2. Fejn jkunu applikati pieni amministrattivi, huma jistgħu, inter alia, jieħdu waħda mill-forom li ġejjin, jew it-tnejn:
[…]”. |
|
8. |
L-Artikolu 79(1) (“Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”), jindika: “Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:
|
|
9. |
L-Artikolu 158 (“Id-dikjarazzjoni doganali ta’ merkanzija u s-superviżjoni doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni”) jipprovdi: “1. Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali, minbarra l-proċedura ta’ żona ħielsa, għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni doganali xierqa għall-proċedura partikolari. 2. F’każijiet speċifiċi, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 6(3), dikjarazzjoni doganali tista’ tkun ppreżentata billi jintużaw mezzi oħra minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku ta’ data. 3. Merkanzija tal-Unjoni ddikjarata għall-esportazzjoni, tranżitu intern fl-Unjoni jew ipproċessar passiv għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali mill-ħin tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sal-ħin li fih tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jew li tkun abbandunata f’idejn l-Istat jew meqruda jew li tkun invalidata d-dikjarazzjoni tad-dwana”. |
|
10. |
Skont l-Artikolu 198 (“Mizuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet doganali”): “1. L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa, inkluż il-konfiska u l-bejgħ, jew il-qerda, biex jeħilsu minn merkanzija fil-każijiet li ġejjin:
[…]”. |
|
11. |
L-Artikolu 233(3) (“L-obbligi tad-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni u ta’ min iġorr u jirċievi l-merkanzija li titmexxa taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni”) jipprovdi: “Min iġorr jew jirċievi merkanzija u jaċċetta merkanzija meta jaf li din qed timxi taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni jkun ukoll responsabbli għall-preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fiż-żmien preskritt u b’konformità mal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet doganali biex jiżguraw l-identifikazzjoni tagħhom”. |
B. Id‑dritt nazzjonali. Zakon za mitnitsite (il‑Liġi Doganali)
|
12. |
L-Artikolu 231 jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni amministrattiva għandhom jittieħdu mid-direttur tal-Aġenzija tad-Dwana jew mill-uffiċjali maħtura minnu. |
|
13. |
Skont l-Artikolu 233: “1. Kull min iċaqlaq jew jittrasporta merkanzija lil hinn mill-fruntiera tal-Istat, jew jipprova jagħmel dan, mingħajr ma jkun jaf jew ma jkun awtorizzat mill-awtoritajiet doganali, huwa punibbli, meta l-att imwettaq ma jikkostitwixxix reat kriminali, b’multa għal kuntrabandu doganali ta’ bejn 100 u 200 % tal-valur doganali tal-merkanzija jew, fil-każ ta’ esportazzjoni, tal-valur tal-merkanzija. […]. 6. Il-prodotti li jkunu s-suġġett ta’ kuntrabandu doganali jiġu ssekwestrati favur l-Istat ikun min ikun il-proprjetarju tagħhom u meta dawn ikunu nieqsa jew ikunu tneħħew, [l-awtur] għandu jiġi kkundannat għall-ekwivalenti tal-valur għal skopijiet doganali tagħhom jew, fil-każ ta’ esportazzjoni, għall-valur tal-merkanzija. […]”. |
II. Il‑fatti, il‑kawżi u d‑domandi preliminari
|
14. |
Fit‑28 ta’ Mejju 2021, VU, ċittadin Serb li kien qiegħed isuq trakk b’semitrejler mimli bil-profili tal-aluminju, ippreżenta ruħu f’post ta’ kontroll doganali Bulgaru ġej mit-Turkija b’destinazzjoni lejn is-Serbja. |
|
15. |
Matul il-verifika tad-dokumenti doganali u tal-użin tal-vettura, ġiet ikkonstatata l-preżenza ta’ kwantità ta’ merkanzija manifestament ogħla minn dik iddikjarata f’dawn id-dokumenti. |
|
16. |
Wara li twettqet spezzjoni korrispondenti, instabet tlettax-il pallet ta’ profili tal-aluminju fil-kompartiment tat-tagħbija tal-vettura. Skont id-dokumentazzjoni, ħamsa minnhom kienu jikkorrispondu kompletament għall-merkanzija ta’ impriża partikolari ta’ esportazzjoni. Il-profili li jinsabu fit-tmien pallets l-oħra, mibgħuta minn impriża oħra, ma kinux ġew iddikjarati. |
|
17. |
Dawn il-fatti taw lok għal żewġ proċeduri ġudizzjarji li fihom kull waħda mill-qrati kompetenti ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
A. Kawża C‑717/22
|
18. |
Fit‑28 ta’ Mejju 2021, it-Teritorialna direktsia “Juzhna morska” (id-Direttorat Reġjonali “Juzhna morska”) beda proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva kontra x-xufier tat-trakk b’semitrejler, minħabba ksur tal-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali. Il-pjanċi tal-aluminju mhux iddikjarati kif ukoll it-trakk bit-trejler, ġew ikkonfiskati. |
|
19. |
Il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ġiet sospiża wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni kriminali għall-istess fatti. |
|
20. |
Ladarba it-twettiq ta’ delitt ġie eskluż u l-proċedura ta’ sanzjoni tkompliet, l-awtorità amministrattiva qieset li l-imġiba tas-sewwieq (jiġifieri t-trasport tal-pjanċi tal-aluminju mingħajr l-għarfien u l-awtorizzazzjoni tal-awtorità doganali lil hinn mill-fruntiera nazzjonali) kienet tissodisfa l-elementi tipiċi tar-reat imsemmi fl-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali. |
|
21. |
Għaldaqstant, l-awtorità amministrattiva:
|
|
22. |
Il-kumpannija Sistem Lux, proprjetarja tal-merkanzija kkonfiskata, ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem ir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Svilengrad, il-Bulgarija), li ddeċidiet li tagħmel tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li minnhom ser nirriproduċi l-ewwel żewġ domandi:
|
B. Kawża C‑372/23
|
23. |
VU, it-trasportatur imsemmi fil-Kawża C‑717/22, ikkontesta kemm il-multa imposta kif ukoll il-konfiska tal-merkanzija quddiem ir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad). Ir-rikors tagħha ġie miċħud permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2022. |
|
24. |
VU appella mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem l-Administrativen sad Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija), li ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi preliminari, li minnhom ser nirriproduċi l-ewwel erba’ domandi preliminari:
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
25. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għall-Kawża C‑717/22 ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Novembru 2022. |
|
26. |
Sistem Lux, it-Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas (id-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas, il-Bulgarija), il-Gvern Bulgaru, Taljan u Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
|
27. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għall-Kawża C‑372/23 ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ġunju 2023. |
|
28. |
It-Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas (id-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas), il-Gvern Belġjan, Bulgaru, Spanjol u Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet f’din it-tieni proċedura. |
|
29. |
Iż-żewġ kawżi ġew magħquda, minħabba l-konnessjoni tagħhom, għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
|
30. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kkunsidratx li ż-żamma ta’ seduta pubblika kienet indispensabbli, talbet sabiex il-konklużjonijiet jikkonċentraw fuq l-ewwel żewġ domandi tal-Kawża C‑717/22 (li jikkorrispondu, essenzjalment, għat-tielet u għar-raba’ domanda tal-Kawża C‑372/23) u għall-ewwel żewġ domandi tal-Kawża C‑372/23. |
IV. Analiżi
|
31. |
L-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑717/22 jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każ speċifiku ta’ ksur doganali, tipprevedi l-konfiska tal-merkanzija kkonċernata. |
|
32. |
L-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑372/23 jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ddeterminata għall-ksur ta’ kuntrabandu doganali. |
|
33. |
Fl-ewwel lok ser nanalizza d-domandi preliminari dwar is-sanzjoni prinċipali (Kawża C‑372/23) u wara ser nindirizza dawk magħmula fil-kuntest tal-konfiska (Kawżi C‑717/22 u C‑372/23). |
|
34. |
Mhux ser nindirizza l-effett tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, peress li l-qrati tar-rinviju ma jesponux ir-raġunijiet li wassluhom, b’mod partikolari, sabiex jitolbu l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
A. Sanzjoni għall‑ksur tal‑obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni doganali (l‑ewwel u t‑tieni domanda preliminari fil‑Kawża C‑372/23)
|
35. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari mal-Artikolu 15, moqri flimkien mal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali) ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tissanzjona ksur doganali mwettaq b’negliġenza, li hija tikklassifika bħala kuntrabandu mhux intenzjonali. |
|
36. |
B’mod konkret, hija tixtieq tkun taf:
|
|
37. |
Infakkar li VU ġie ssanzjonat għal ksur tal-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi fil-Bulgarija t-trasport ta’ merkanzija lil hinn mill-fruntiera tal-Istat mingħajr l-għarfien jew l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali. Hija tkopri n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tingħata lill-awtoritajiet doganali l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali ( 5 ). Tali obbligu ma jiġix osservat jekk l-informazzjoni pprovduta tkun falza, peress li ma tkunx tissodisfa l-kontenut reali tal-merkanzija. |
|
38. |
Għalkemm ma huwiex speċifikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-merkanzija ttrasportata, li ġejja mit-Turkija, kienet iddestinata għas-Serbja, u l-Bulgarija kienet biss pajjiż ta’ tranżitu. F’każ bħal dan, il-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli fl-ewwel lok hija l-Artikolu 158 tal-Kodiċi Doganali. |
|
39. |
Skont dan l-artikolu, il-merkanzija intiża sabiex titqiegħed taħt proċedura doganali (bl-eċċezzjoni taż-żona ħielsa) għandha tkun suġġetta għal dikjarazzjoni doganali xierqa (paragrafu 1) u għandha tkun suġġetta għal sorveljanza doganali mill-mument tal-aċċettazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni sakemm titlaq mit-territorju doganali tal-Unjoni, tiġi abbandunata għall-benefiċċju tal-Istat jew tinqered jew id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata (paragrafu 3). |
|
40. |
Skont l-Artikolu 233(3) tal-Kodiċi Doganali, it-trasportatur tal-merkanzija fi tranżitu huwa responsabbli għall-preżentazzjoni tagħha intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu previst u bl-osservanza tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet doganali sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni tagħha ( 6 ). |
|
41. |
In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni affidabbli fuq il-merkanzija ttrasportata taħt il-proċedura ta’ tranżitu minn VU kkostitwixxa, skont il-qorti tar-rinviju, li ma huwiex ikkontestat u li ma hemmx lok li fil-kuntest ta’ din il-proċedura li jiġi rivedut, ksur tal-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali mwettaq minn din il-persuna ( 7 ). |
|
42. |
Skont l-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali, il-persuna li tintervjeni direttament jew indirettament fit-twettiq tal-formalitajiet doganali jew fil-kontrolli doganali hija obbligata li tipprovdi, f’forma xierqa, l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa mill-awtoritajiet doganali kif ukoll l-assistenza neċessarja li tkun preċiża għat-twettiq tal-imsemmija attivitajiet u kontrolli. |
|
43. |
Skont l-Artikolu 15(2) tal-Kodiċi Doganali, min jissottometti dikjarazzjoni doganali lill-awtoritajiet doganali huwa responsabbli għall-eżattezza u l-kompletezza tagħha, kif ukoll għall-awtentiċità, għall-eżattezza u għall-validità tad-dokumenti ta’ sostenn. |
|
44. |
Skont l-Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali, kull ksur tal-leġiżlazzjoni doganali għandu jiġi ssanzjonat mill-Istati Membri b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv. |
|
45. |
Il-qorti tar-rinviju titlob speċifikament li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk is-sanzjoni imposta hijiex kompatibbli, f’dak li jirrigwarda n-natura intenzjonali tal-ksur, mal-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali u, fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sanzjoni nnifisha, mal-Artikolu 42(1) tal-istess kodiċi. |
|
46. |
Sabiex tingħata tweġiba għall-ewwel waħda minn dawn il-mistoqsijiet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
47. |
L-istess japplika, b’mod partikolari, kif osservat il-Kummissjoni, għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 158 tal-Kodiċi Doganali, li jikkonsisti fil-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali xierqa għas-sistema kkonċernata. |
|
48. |
Minn din il-premessa jirriżulta li l-intenzjoni li jitwettaq ksur ma tikkostitwixxix element neċessarju tal-ksur ta’ kuntrabandu doganali. Fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali mwettaq b’negliġenza, l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjoni skont l-Artikolu 42 tal-istess kodiċi. |
|
49. |
Is-sanzjoni għandha, fi kwalunkwe każ, u f’dak li jirrigwarda lil din il-proċedura, tkun proporzjonata, kif jipprovdi l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali. |
|
50. |
Dak li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑372/23 ma huwiex tant problema ta’ proporzjonalità fis-sens strett iżda, għal darba oħra, ir-rilevanza tal-intenzjonalità għall-aġġustament tas-sanzjoni. |
|
51. |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tinsisti fuq l-intenzjonalità, li issa tqajmet fir-rigward tal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri mill-perspettiva tas-sanzjoni u mhux iktar mill-perspettiva tad-definizzjoni tas-suppożizzjoni fattwali tal-ksur. |
|
52. |
Il-problema sottostanti tibqa’ l-istess, jiġifieri l-kompatibbiltà mal-Kodiċi Doganali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi aġir negliġenti bħala ksur doganali (l-ewwel domanda) u li timponi f’dan il-każ sanzjoni li ma tagħmilx distinzjoni bejn l-aġir negliġenti u l-aġir intenzjonali (it-tieni domanda). |
|
53. |
Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk is-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx proporzjonata jew le minħabba l-ammont konkret tagħha jew minħabba ċirkustanzi oħra, iżda minħabba n-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur. |
|
54. |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li aġir, “kemm jekk intenzjonali jew mhux, jista’ jiġi ssanzjonat bl-istess mod u bl-istess severità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-qorti tar-rinviju, ikun verament “sproporzjonat” li ma ssirx distinzjoni bejn il-ksur intenzjonali u n-negliġenza. |
|
55. |
Ir-riferiment, purament sekondarju, għall-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta ma għandux jiżvija l-attenzjoni. Dak li fil-verità jqum f’dawn id-domandi huwa, nirrepeti, jekk u f’liema kundizzjonijiet il-ksur ta’ kuntrabandu doganali jista’ jiġi ssanzjonat biss meta dan jirriżulta minn aġir intenzjonali. |
|
56. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri ta’ sanzjoni permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u lanqas ma għandhom ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet ( 9 ). |
|
57. |
Konsegwentement, “l-awtoritajiet doganali […] għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, kemm sabiex iwettqu l-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur eventwalment imwettaq kif ukoll sabiex jiddeterminaw, jekk ikun il-każ, is-sanzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali li għandhom jiġu imposti, l-elementi kollha rilevanti, inkluża, jekk ikun hemm lok, il-bona fide tad-dikjarant, sabiex jiġi ggarantit li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi” ( 10 ). |
|
58. |
Ir-rilevanza tal-bona fide għall-finijiet tal-ibbilanċjar tal-portata tas-sanzjonijiet ma timplikax li dawn tal-aħħar huma ammissibbli biss fil-preżenza ta’ ksur intenzjonali. Kif diġà indikajt, il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali”, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali, ikopri kull ksur tal-imsemmija leġiżlazzjoni, irrispettivament minn jekk in-nuqqas ta’ osservanza kienx intenzjonali jew negliġenti. |
|
59. |
Fil-qosor, jiena tal-fehma li r-risposta għat-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑372/23 għandha tkun fl-istess sens bħall-ewwel waħda: peress li l-intenzjoni li jitwettaq ksur ma hijiex element neċessarju għall-ksur ta’ kuntrabandu doganali, u peress li s-sempliċi ksur tal-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali huwa suffiċjenti sabiex l-aġir jiġi kklassifikat bħala sanzjoni skont l-Artikolu 42 ta’ dan il-kodiċi, id-dritt tal-Unjoni ma jeskludix is-sanzjoni ta’ ksur mhux intenzjonali. |
|
60. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali billi ddeċidiet li, fil-każ ta’ għoti ta’ informazzjoni ineżatta f’dikjarazzjoni doganali, tista’ tiġi imposta multa amministrattiva minkejja l-bona fide tal-operatur ikkonċernat ( 11 ). |
|
61. |
Din ir-risposta ma tipprekludix li, sabiex tiġi ddeterminata s-sanzjoni xierqa, ikun hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha (inkluż, jekk ikun il-każ, il-bona fide tal-persuna li wettqet il-ksur) fi ħdan l-iskala li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa, skont liema r-rispons ta’ sanzjonar jista’ jiġi aġġustat ’il fuq jew ’l isfel ( 12 ). |
B. Konfiska fil‑każ ta’ ksur tad‑dmir li l‑awtoritajiet doganali jiġu informati (l‑ewwel u t‑tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑717/22, li jikkoinċidu mat-tielet u mar-raba’ domanda fil-Kawża C‑372/23)
|
62. |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qrati tar-rinviju jixtiequ jkunu jafu, fil-qosor:
|
|
63. |
L-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi Doganali ma jistabbilixxix lista eżawrjenti tal-“forom” (modalitajiet) li jista’ jkollhom is-sanzjonijiet amministrattivi previsti mill-Istati Membri. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tuża l-espressjoni inter alia ( 13 ) jew simili, billi telenka, bħala eżempju, dawn il-forom. |
|
64. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa”. L-Istati Membri, loġikament, “huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu” ( 14 ). |
|
65. |
Minkejja dan, ma narax għalfejn il-konfiska ma tistax tkun prevista bħala sanzjoni amministrattiva anċillari f’każijiet bħal dawk inkwistjoni, jiġifieri f’każijiet ta’ ksur tal-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali ( 15 ). |
|
66. |
Il-Kodiċi Doganali nnifsu (l-Artikolu 198) jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiddisponu mill-merkanzija f’każijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-leġiżlazzjoni doganali. Fost dawn il-miżuri dan isemmi espressament il-konfiska u l-bejgħ jew il-qerda tal-merkanzija kkonċernata. |
|
67. |
Għalhekk, jew bħala sanzjoni amministrattiva (Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali) jew bħala miżura neċessarja f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu doganali (Artikolu 198 tal-istess kodiċi), il-konfiska tal-merkanzija maqbuda, f’każijiet bħal dawk inkwistjoni, hija ammessa fid-dritt tal-Unjoni ( 16 ). |
|
68. |
Wieħed jista’ jistaqsi dwar l-ipoteżijiet li fihom il-konfiska in concreto hija legali, iżda ċertament mhux jekk din il-miżura hijiex kompatibbli, bħala tali, mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
|
69. |
Fir-rigward tal-konfiska ta’ proprjetà li tappartjeni lil terz in bona fide li ma tkunx il-persuna li wettqet il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet b’mod inekwivoku: “fid-dawl tal-preġudizzju sinjifikattiv għad-drittijiet tal-persuni li l-konfiska ta’ proprjetà tinvolvi, jiġifieri t-tneħħija definittiva tad-dritt għall-proprjetà fuq oġġett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ terz in bona fide, li ma kienx jaf u ma setax ikun jaf li l-proprjetà tiegħu intużat sabiex jitwettaq reat, tali konfiska tikkostitwixxi, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tiegħu” ( 17 ). |
|
70. |
L-informazzjoni pprovduta mill-qrati tar-rinviju ma tippermettix li jiġi dedott b’ċertezza jekk il-merkanzija kkonfiskata kinitx verament tappartjeni lil terz li kien qiegħed jaġixxi in bona fide, skont it-termini li għadni kif irriproduċejt. |
|
71. |
Kollox jidher li jindika li din il-merkanzija ma hijiex proprjetà ta’ VU (jiġifieri t-trasportatur issanzjonat), għalkemm ma jidhirx li l-kwalità tiegħu biex jikkontesta l-konfiska tagħha ġiet ikkontestata. Din hija pjuttost il-proprjetà ta’ Sistem Lux, rikorrenti fit-tilwima li tat lok għar-rinviju C‑717/22. |
|
72. |
Madankollu, skont l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet doganali ( 18 ) u tal-Gvern Bulgaru ( 19 ), Sistem Lux hija l-parti prinċipali responsabbli għall-proċedura ta’ tranżitu li għaliha hija suġġetta l-merkanzija kkonfiskata. Jekk dan ikun il-każ, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qrati tar-rinviju, Sistem Lux ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata strettament bħala “terz”. |
|
73. |
L-argumenti tal-awtorità doganali riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑717/22 ( 20 ) juru li d-deċiżjoni amministrattiva ta’ konfiska tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ Sistem Lux tal-obbligi doganali tagħha fir-rigward tal-merkanzija maqbuda. Jekk il-qorti tar-rinviju taċċetta din it-teżi, tali nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali jkun jista’ jwassal għall-adozzjoni tal-miżura ta’ konfiska. |
|
74. |
Fl-aħħar mill-aħħar, anki li kieku Sistem Lux ma wettqitx ir-reat konkret imputat lil VU, hija kienet tkun ħatja ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ obbligu tagħha stess li jista’ jiġġustifika l-konfiska. |
V. Konklużjoni
|
75. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Svilengrad, il-Bulgarija) u lill-Administrativen sad Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija) kif ġej: “L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, flimkien mal-Artikolu 42(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2). Iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”.
( 3 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223).
( 4 ) Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 127, p. 39), din id-definizzjoni hija ssostitwita b’dan li ġej: “ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali”.
( 5 ) L-awtoritajiet ikkonstataw li VU kien ittrasporta merkanzija ta’ valur u ta’ volum kunsiderevoli lil hinn mill-fruntiera tal-Istat mingħajr l-għarfien u l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali u kien importaha fil-Bulgarija, u għalhekk wettaq it-tip tal-ksur amministrattiv “kuntrabandu doganali”, peress li ma kienx issodisfa minn qabel l-obbligu li jiddikjara bil-miktub il-merkanzija ttrasportata. Għall-awtorità amministrattiva, il-fatt li VU kien ikkomunika verbalment li l-merkanzija li kien qiegħed jittrasporta kienet ta’ ċerta kwantità approssimattiva ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-kunċett ta’ “dikjarazzjoni”, li jimplika d-deskrizzjoni eżawrjenti, preċiża u inekwivoka tal-oġġetti ttrasportati u tal-kwantità ta’ kull oġġett f’dikjarazzjoni doganali ppreżentata bil-miktub. L-awtorità kkonkludiet li l-imġiba ssanzjonata kienet negliġenti: skont id-dritt nazzjonali, in-negliġenza ma hijiex eskluża bħala forma ta’ ħtija fit-twettiq ta’ ksur.
( 6 ) L-obbligu li tiġi ppreżentata l-merkanzija “intatta” jinkludi dak li tiġi ppreżentata kif jidher fid-dikjarazzjoni korrispondenti u, għaldaqstant, fil-kwantità rreġistrata fiha.
( 7 ) Huwa s-sewwieq li, lid-dwana, jippreżenta lill-awtoritajiet id-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti dwar il-merkanzija li jittrasporta.
( 8 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali (C‑653/22, EU:C:2023:912, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Korsiv miżjud minni.
( 9 ) Fuq kollox, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker (C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 43).
( 10 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, ZES Zollner Electronic (C‑640/21, EU:C:2023:457, punt 62).
( 11 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali (C‑653/22, EU:C:2023:912), dispożittiv: “L-Artikolu 42(1) ta[l-Kodiċi Doganali], […] ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ lucrum cessans fuq id-dazji doganali kkawżat mill-provvista ta’ informazzjoni ineżatta f’dikjarazzjoni doganali li tirrigwarda merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea, multa amministrattiva li tikkorrispondi, bħala prinċipju, għal 50 % ta’ dan il-lucrum cessans u li hija applikata minkejja l-bona fide tal-operatur ikkonċernat u l-prekawzjonijiet meħuda minnu, peress li din ir-rata ta’ 50 % hija nettament inqas minn dik prevista fil-każ ta’ mala fide ta’ dan l-operatur u, barra minn hekk, hija kunsiderevolment imnaqqsa f’ċerti sitwazzjonijiet ippreċiżati f’din il-leġiżlazzjoni […]”.
( 12 ) F’din il-kawża, is-sanzjoni minima tal-iskala tidher li ġiet imposta fuq VU. Tali fatt ma jirrendix id-domanda inammissibbli, kif isostni l-Gvern Spanjol, peress li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tmur lil hinn minn din il-konstatazzjoni.
( 13 ) Din hija l-espressjoni Latina użata fil-verżjoni Spanjola u dik Ingliża. Il-verżjoni Franċiża tuża t-terminu “notamment”; dik Portugiża tuża l-avverbju “nomeadamente” u dawk Ġermaniżi u Taljani jużaw l-espressjonijiet “unter anderem” u “tra l’altro”, rispettivament.
( 14 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker (C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 42).
( 15 ) Il-konfiska msemmija fid-Deċiżjoni Qafas 2005/212 ma hijiex applikabbli ratione materiae f’sitwazzjonijiet bħal dawk f’dan il-każ, fejn l-att imwettaq ma jikkostitwixxix reat kriminali. Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Otdel Mitnichesko razsledvane i razuznavane (C‑752/21, EU:C:2023:179, punti 42 sa 48 u d-dispożittiv).
( 16 ) Il-qrati tar-rinviju jassumu li, f’din il-kawża, il-konfiska ġiet adottata bħala sanzjoni anċillari, u huwa għalhekk li d-domandi tagħhom jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, li jaqa’ fil-kuntest tar-rispons ta’ sanzjonar. L-effetti prattiċi ta’ jekk dan huwiex il-każ jew jekk, sempliċement, hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali, essenzjalment ma jinbidlux, kif ser nispjega iktar ’il quddiem. Fi kwalunkwe każ, il-qrati tar-rinviju ma jitolbux l-interpretazzjoni tal-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali.
( 17 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura — Haskovo et Apelativna prokuratura — Plovdiv (C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 55).
( 18 ) Punt 48 tal-osservazzjonijiet tad-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas.
( 19 ) Punt 48 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru.
( 20 ) Punt 7.3 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li tirriproduċi l-pożizzjoni tad-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas.