10.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/42


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/985

tat-8 ta' Awwissu 2016

li tavża lill-Portugall biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjus bħala neċessarju biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta' finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir qawwi u sostenibbli li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (1), li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika.

(3)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, f'konformità mal-Artikolu 126(6) tat-TFUE, li fil-Portugall kien hemm defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni biex dan jiġi kkoreġut sa mhux aktar tard mill-2013, f'konformità mal-Artikolu 126(7) tat-TFUE u mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Wara t-talba mill-awtoritajiet Portugiżi għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni, mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Portugall (2). Il-Memorandum ta' Ftehim dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika (il-“Memorandum ta' Ftehim”) bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Portugall ġie ffirmat fis-17 ta' Mejju 2011. Minn dakinhar 'l hawn, il-Kunsill indirizza żewġ Rakkomandazzjonijiet ġodda lill-Portugall (fid-9 ta' Ottubru 2012 u fil-21 ta' Ġunju 2013) fuq il-bażi tal-Artikolu 126(7) tat-TFUE, li estendew l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014 u sal-2015 rispettivament. Fiż-żewġ Rakkomandazzjonijiet, il-Kunsill qies li l-Portugall kien ħa azzjoni effettiva, iżda li kienu ġraw avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi ħżiena kbar għall-finanzi tal-gvern (3).

(4)

Skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE, il-Kunsill iddeċieda fit-12 ta' Lulju 2016 li l-Portugall ma kienx ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013.

(5)

Jekk id-dejta effettiva skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 tindika li defiċit eċċessiv ma ġiex korrett minn Stat Membru parteċipanti fil-limiti ta' żmien speċifikati f'rakkomandazzjoni maħruġa taħt l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni minnufih taħt l-Artikolu 126(9) tat-TFUE.

(6)

It-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016 jipprevedi rkupru moderat tal-ekonomija Portugiża. Fl-2016, il-PDG reali huwa previst li jikber b'1,5 % bl-istess ritmu tal-2015, xprunat l-aktar mid-domanda domestika, f'kuntest ta' żbilanċi makroekonomiċi li għadhom għolja. Il-konsum privat huwa mistenni li jitlef ir-ritmu fl-2016 minħabba taxxi indiretti ogħla u rkupru żgħir fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. L-irpiljar qawwi fil-konsum ta' oġġetti durabbli fl-ewwel nofs tal-2015 mhuwiex imbassar li jkompli fuq terminu medju minħabba li l-livelli li għadhom għolja tal-qgħad u tad-dejn huma previsti li se jibqgħu jagħmlu pressjoni għaż-żieda fuq it-tfaddil domestiku. L-investiment min-naħa tal-impriżi diġà naqqas il-pass b'mod sinifikanti matul it-tieni nofs tal-2015 u mhuwiex mistenni li jissokta f'qasir żmien bir-rata ta' tkabbir preċedenti tiegħu, minkejja rata ta' utilizzazzjoni tal-kapaċità relattivament għolja. L-investiment totali huwa mistenni li jżid xi ftit ir-ritmu fl-2017, appoġġat mill-fondi strutturali tal-UE, u mit-titjib fil-kundizzjonijiet ta' finanzjament. L-esportazzjonijiet huma mbassra li jikbru skont id-domanda barranija, iżda l-importazzjonijiet xorta huma mistennija li jkunu akbar mill-esportazzjonijiet. Minħabba f'hekk, il-kontribut tal-kummerċ nett għat-tkabbir tal-PDG huwa mbassar li jibqa' kemxejn negattiv minkejja li ħafna inqas milli kien fl-2015. L-inflazzjoni tal-HICP hija mistennija li tiżdied għal 0,7 % fl-2016, xprunata l-aktar minn taxxi indiretti ogħla. Filwaqt li żdiedu r-riskji ta' reviżjoni 'l isfel tal-prospettiva minn mindu ġie ppubblikat it-tbassir tar-rebbiegħa, id-dejta dwar l-ewwel trimestru tal-2016 u l-informazzjoni preliminari dwar it-tieni trimestru kumplessivament jikkonfermaw il-prospettiva tat-tbassir għall-bqija tas-sena.

(7)

Skont it-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jonqos għal 2,7 % tal-PDG fl-2016. Il-Baġit tal-2016, li daħal fis-seħħ fil-31 ta' Marzu 2016, jimmira lejn defiċit ta' 2,2 % tal-PDG, li ġie kkonfermat fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2016. Id-differenza bejn il-mira tal-gvern u t-tbassir tal-Kummissjoni hija dovuta għax-xenarju makroekonomiku inqas ottimist tal-Kummissjoni, li jwassal għal dħul aktar baxx mit-taxxa u għal infiq soċjali ogħla, kif ukoll għall-valutazzjoni aktar konservattiva tal-Kummissjoni tar-rendiment ta' xi miżuri ta' konsolidament, b'mod partikolari fir-rigward tal-iffrankar ippjanat fil-konsum intermedju u fi nfiq kurrenti ieħor. It-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016 jbassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jkompli jonqos għal 2,3 % tal-PDG fl-2017. It-titjib previst huwa fil-biċċa l-kbira marbut ma' operazzjoni ta' darba li tejbet id-defiċit, li kienet marbuta mal-irkupru mistenni tal-garanzija bankarja tal-Banco Privado Português (BPP), li kienet tiswa daqs

Formula

 % tal-PDG. Permezz tal-aġġustament għal dan l-impatt baġitarju ta' darba, id-defiċit ikun previst li jilħaq 2,6 % tal-PDG fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-rendimenti tal-miżuri indikati fil-Baġit tal-2016 u fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2016, id-defiċit strutturali huwa mistenni li jonqos bi

Formula

 % tal-PDG kull sena fl-2016 u fl-2017 skont it-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016.

(8)

Il-proporzjon tad-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG fil-biċċa l-kbira stabbilizza ruħu matul il-perjodu 2013-2015, u laħaq 129,2 % fl-2013, 130,2 % fl-2014 u 129,0 % fl-2015. Meta jitqiesu l-aġġustamenti sinifikanti bejn il-fondi u l-flussi li jnaqqsu d-dejn fl-2016 u l-bilanċi pożittivi primarji li ma waqfux, it-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016 jipprevedi li l-proporzjon tad-dejn se jonqos għal 126 % tal-PDG fl-2016, u sussegwentement għal 124,5 % tal-PDG fl-2017. Il-Portugall ma jidhirx li qiegħed jiffaċċa riskji konsiderevoli ta' stress fiskali fuq terminu qasir, filwaqt li sfidi fuq terminu qasir xorta waħda mhumiex esklużi (li jirriżultaw minn dejn pubbliku gross u nett, minn ħtiġijiet ta' finanzjament gross, mill-pożizzjoni netta tal-investiment internazzjonali, kif ukoll mil-livell u mill-bidla fil-kwota tas-self improduttiv jew ħtiġijiet ġenerali ta' kapital fis-sistema bankarja). Madankollu, fuq terminu medju, ir-riskji jidhru li huma sinifikanti minħabba l-istokk għoli ta' dejn u s-sensittività għolja tal-proporzjon tad-dejn għal żidiet possibbli fir-rati tal-imgħax u għal xokkijiet possibbli dovuti għal tkabbir nominali negattiv. Fuq terminu twil, sakemm jiġu ppreżervati b'mod konsistenti bilanċi primarji strutturali adegwati, ir-riskji tas-sostenibbiltà jidhru baxxi minħabba r-riformi tal-pensjonijiet implimentati fil-passat.

(9)

Taħt il-miżuri tal-politika fiskali meħuda fil-Baġit tal-2016, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jkun taħt it-3 % tal-PDG fl-2016. Madankollu, skont it-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016, il-marġni ta' sikurezza kontra l-ksur tal-valur referenzjarju tat-Trattat huwa żgħir. Fl-isfond ta' inċertezzi kbar rigward l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-miri baġitarji rrakkomandati għas-sena tal-korrezzjoni għandhom ikunu stabbiliti f'livell li huwa b'mod ċar taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG, sabiex tkun garantita korrezzjoni fit-tul tas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv sal-iskadenza mitluba.

(10)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, fid-Deċiżjoni tiegħu li tavża biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit f'konformità mal-Artikolu 126(9) tat-TFUE, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru jilħaq miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li l-avviż huwa msejjes fuqu, ikunu konsistenti ma' titjib annwali minimu ta' minn tal-inqas 0,5 % tal-PDG bħala parametru referenzjarju, fil-bilanċ tiegħu aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta' darba jew temporanji. Billi dik id-Deċiżjoni tiġi adottata fit-tieni nofs tas-sena, u meta jitqiesu l-istimi attwali tal-Kummissjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa, fl-2016 ikun garantit bilanċ strutturali bla tibdil sabiex jipprovdi biżżejjed marġni ta' sikurezza lejn korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv.

(11)

Għalhekk, perkors kredibbli u sostenibbli ta' aġġustament ikun jirrikjedi li l-Portugall jilħaq defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' 2,5 % tal-PDG fl-2016, li huwa konsistenti ma' bilanċ strutturali bla tibdil fir-rigward tal-2015. Dawk il-miri baġitarji jikkunsidraw il-ħtieġa li jkun hemm kumpens għall-effetti indiretti tal-konsolidament fiskali fuq il-finanzi pubbliċi, minħabba l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija inġenerali.

(12)

Il-mira tad-defiċit implikata mill-perkors ta' aġġustament propost ma tinkorporax il-possibbiltà tal-effett fiskali dirett ta' miżuri potenzjali ta' sostenn għall-banek fit-tieni nofs tal-2016. Dan għaliex hemm inċertezza kbira fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva u tal-irreġistrar f'termini ta' statistika ta' dawn il-miżuri, u għalhekk tal-impatt possibbli tagħhom fuq id-defiċit u fuq id-dejn. Kull miżura possibbli ta' sostenn għas-settur bankarju teħtieġ li timmira lejn li tillimita kemm jista' jkun l-impatt fiskali sabiex is-sostenibbiltà tad-dejn tkun żgurata.

(13)

Sabiex jinkisbu l-miri baġitarji implikati mill-perkors ta' aġġustament propost, miżuri addizzjonali ta' konsolidament b'impatt stmat ta' 0,25 % tal-PDG fl-2016 huma meqjusa bħala neċessarji, anki minħabba d-deterjorament strutturali identifikati fit-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016. B'mod partikolari, il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri inklużi fil-Baġit tal-2016 kif ukoll il-mekkaniżmu ta' kontroll tan-nefqa fl-akkwist ta' oġġetti u servizzi, li bħalissa jissemma fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2016. Ikun jinħtieġ li dan it-tfaddil ikun ikkumplimentat b'miżuri oħra ta' natura strutturali li jistgħu jiffukaw fuq il-lat tad-dħul bl-għan li jiżdied ir-rendiment tat-tassazzjoni indiretta billi titwessa' l-bażi tat-taxxa u jitnaqqas l-infiq tat-taxxa. Mod wieħed kif dan jista' jinkiseb ikun billi jiġi aġġustat l-użu li għadu mifrux tar-rati tal-VAT imnaqqsa.

(14)

Minbarra dan, il-Portugall għandu jsaħħaħ ir-riformi strutturali biex jittejbu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli fuq terminu twil f'konformità mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lill-Portugall fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u b'mod partikolari dawk relatati mal-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi tiegħu. B'mod partikolari, miżuri strutturali ulterjuri huma neċessarji sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-finanzi pubbliċi tal-Portugall. L-implimentazzjoni f'waqtha u stretta tal-Liġi riveduta tal-Qafas tal-Baġit u tal-Liġi tal-Kontroll tal-Impenji kif ukoll titjib ulterjuri fil-ġbir tad-dħul u fil-kontroll tal-infiq jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex tinkiseb u tinżamm pożizzjoni fiskali soda. Jinħtieġ li l-Portugall jippreżenta skeda ċara u jimplimenta passi biex jitħallsu kompletament l-arretrati u jtejjeb l-effiċjenza fis-sistema tal-kura tas-saħħa, biex inaqqas id-dipendenza tas-sistema tal-pensjonijiet fuq it-trasferimenti tal-baġit u biex jiżgura ffrankar fiskali fir-ristrutturar tal-intrapriżi tal-Istat.

(15)

Skont l-Artikolu 126(9) tat-TFUE, il-Kunsill jista', bħala parti mid-Deċiżjoni tiegħu li jagħti avviż taħt dik id-dispożizzjoni, jitlob lill-Istat Membru kkonċernat jippreżenta rapporti dwar l-isforz ta' aġġustament f'konformità ma' skeda speċifika ta' żmien. Skont l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, ir-rapport tal-Istat Membru għandu jinkludi l-miri għan-nefqa u għad-dħul tal-gvern u għandu jispeċifika l-miżuri ta' politika fiskali, sew min-naħa tan-nefqa, u sew minn dik tad-dħul, kif ukoll informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta' politika li qegħdin jittieħdu b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kunsill. Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-iskadenza għall-konformità mar-rakkomandazzjonijiet inklużi f'din id-Deċiżjoni, kif ukoll l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, jinħtieġ li l-Portugall jippreżenta tali rapport sal-15 ta' Ottubru 2016, fl-istess żmien mal-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tiegħu għall-2017.

(16)

Sal-istess skadenza tal-15 ta' Ottubru 2016, jinħtieġ li l-Portugall jippreżenta wkoll programm ta' sħubija ekonomika f'konformità mal-Artikoli 9(1) u 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Il-programm ta' sħubija ekonomika għandu jiddeskrivi l-miżuri ta' politika u r-riformi strutturali meħtieġa biex tiġi żgurata korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, bħala żvilupp tal-programm nazzjonali ta' riforma u l-programm ta' stabbiltà, filwaqt li jqis kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u ta' impjieg.

(17)

Jinħtieġ ukoll li l-Portugall jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif rikjest taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 473/2013 f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 877/2013 (5). Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat għall-ewwel darba sal-15 ta' Jannar 2017 u kull tliet xhur minn dakinhar 'il quddiem,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Portugall għandu jġib fi tmiemha l-qagħda preżenti ta' defiċit eċċessiv sal-2016.

2.   Il-Portugall għandu jnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għal 2,5 % tal-PDG fl-2016. Din il-mira ma tinkludix l-impatt tal-effett dirett ta' sostenn potenzjali għall-banek. Dan it-titjib fid-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa konsistenti ma' bilanċ strutturali bla tibdil fir-rigward tal-2015, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016. Il-Portugall għandu juża wkoll kull qligħ mhux mistenni biex iżid ir-ritmu tat-tnaqqis tad-defiċit u tad-dejn.

3.   Minbarra l-iffrankar diġà inkluż fit-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016, il-Portugall għandu jadotta u jimplimenta kompletament miżuri ta' konsolidament li jammontaw għal 0,25 % tal-PDG fl-2016. B'mod partikolari, il-Portugall għandu jimplimenta kompletament il-miżuri ta' konsolidament inkorporati fil-Baġit tal-2016, inkluż il-kontroll addizzjonali tan-nefqa fl-akkwist ta' oġġetti u servizzi msemmija fil-Programm ta' Stabbiltà. Il-Portugall għandu jikkumplimenta dan l-iffrankar permezz ta' miżuri ulterjuri ta' natura strutturali biex jikseb l-isforz strutturali rakkomandat.

4.   Il-Portugall għandu jkun lest jadotta miżuri ulterjuri f'każ li r-riskji għall-pjanijiet baġitarji jimmaterjalizzaw. Miżuri ta' konsolidament fiskali għandhom jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir.

5.   Biex jiġi żgurat titjib fit-tul tal-finanzi pubbliċi, il-Portugall għandu jimplimenta b'mod strett il-Liġi tal-Qafas tal-Baġit u l-Liġi tal-Kontroll tal-Impenji u jkompli jtejjeb il-ġbir tad-dħul u l-kontroll tan-nefqa. Il-Portugall għandu jippreżenta skeda ċara u jimplimenta passi biex iħallas kompletament l-arretrati u jtejjeb l-effiċjenza fis-sistema tal-kura tas-saħħa, biex inaqqas id-dipendenza tas-sistema tal-pensjonijiet fuq it-trasferimenti tal-baġit u biex jiżgura ffrankar fiskali fir-ristrutturar tal-intrapriżi tal-Istat.

Artikolu 2

Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-15 ta' Ottubru 2016 sabiex il-Portugall jieħu azzjoni effettiva u biex jippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għal din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu jinkludi l-miri għan-nefqa u d-dħul tal-gvern u jispeċifika l-miżuri diskrezzjonarji kemm fuq in-naħa tan-nefqa kif ukoll fuq dik tad-dħul, u wkoll informazzjoni dwar l-azzjonijiet li qegħdin jittieħdu f'konformità mal-Artikolu 1(5).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/344/UE tat-30 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ta' defiċit eċċessiv tal-Portugall jinsabu hawnhekk: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/portugal_en.htm

(4)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(5)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 877/2013 tas-27 ta' Ġunju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l- iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 244, 13.9.2013, p. 23).