31982R0897



Official Journal L 106 , 21/04/1982 P. 0007 - 0008
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 14 P. 0245
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 25 P. 0009
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 14 P. 0245
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 25 P. 0009


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 897/82

tal-20 ta’ April 1982

li jemenda għat-tielet darba r-Regolament (KEE) Nru 1842/81 fir-rigward ta’ l-għoti ta’ rifużjonijiet aġġustati fil-każ ta’ ċereali esportati fil-forma ta’ ċertu xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2727/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali [1] kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3808/81 [2], u partikolarment Artikoli 16(6) u 24 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1188/81 ta’ 28 April 1981 li jippreskrivi regoli ġenerali għall-għoti ta’ rifużjonijiet aġġustati fil-każ ta’ ċereali esportati fil-forma ta’ xorb ta’ l-ispirtu u l-kriterji iffissati ta’ l-ammont ta’ dawk ir-rifużjoniet u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3035/80 dwar ċerti prodotti mhux koperti b’Anness II tat-Trattat [3], u partikolarment Artikolu 12 tiegħu,

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1842/81 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3487/81 [5], jippreskrivi l-proċedura għall-għoti ta’ rifużjonijiet aġġustati fuq ċereali esportati fil-forma ta’ ċertu xorb spirituż;

Billi Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1842/81 jippreskrivi li d-dikjarazzjoni ta’ ħlas għandha tinkludi il-piż nett tal-prodotti; billi, ukoll, Artikolu 4(3) ta’ l-istess Regolament jippreskrivi li ċ-ċereali jew xgħir tal-birra impjegati għandhom ikunu ta’ kwalità tajba li tinbiegħ; billi, fl-interess taċ-ċarezza, il-kunċett ta’ l-umidità użat f’dak ir-Regolament għandu jkun imfisser;

Billi l-kontenut ta’ umidità taċ-ċereali normalment ma jeċċedix 16 %; billi ċereali b’umidità li taqbeż 16 % jintużaw kultant fil-produzzjoni tal-whisky; billi għandha ssir dispożizzjoni għal tnaqqis; billi t-tnaqqis għandu jkun akbar fil-każijiet fejn il-kontenut ta’ umdità taċ-ċereali jaqbeż 18 %, biex jitqies il-fatt li dawk iċ-ċereali ma jkunux tnixxfu;

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2731/75 [6], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1156/77 [7], jippreskrivi wkoll metodu standard ta’ l-ittestjar għal kontenut ta’ umidità fiċ-ċereali; billi għandha ssir referenza għal dak il-metodu, waqt li jitħalla li jkunu użati metodi komunement użati, sakemm dawn ta’ l-aħħar joffru garanziji suffiċjenti;

Billi l-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taċ-Ċereali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1842/81 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. Fil-paragrafu 2 il-punt (ċ) li ġej huwa miżjud:

"(ċ) il-kontenut ta’ umdità."

2. Jiżdied it-tielet paragrafu li ġej:

"3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-piż nett taċ-ċereali użati għandu jkun il-piż nett tagħhom b’kontenut ta’ umdità li ma jaqbiżx 16 %. Jekk il-kontenut ta’ l-umidità taċ-ċereali użati huwa iżjed minn 16 % imma mhux iżjed minn 17 % il-piż li għandu jitqies għall-iskop ta’ ħlas għandu jkun il-piż nett b’1 % anqas. Jekk il-kontenut ta’ umdità taċ-ċereali użati huwa ta’ iżjed minn 17 % imma mhux iżjed minn 18 % it-tnaqqis għandu jkun ta’ 2 %. Jekk il-kontenut ta’ umdità taċ-ċereali użati jaqbeż 18 % it-tnaqqis għandu jkun ta’ 2 % għal kull 1 % ta’ umdità il fuq minn 16 %.

Il-metodu standard Komunitarju għad-determinazzjoni tal-kontentut ta’ l-umdità taċ-ċereali maħsuba għall-produzzjoni ta’ xorb spirituż msemmi fir-Regolament (KEE) Nru 1188/81 għandu jkun dak muri f’Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 2731/75.

Iżda, l-użu ta’ metodi komunement użati għandhom ikunu awtorizzati, sakemm jipproduċu riżultati li ma jkunux differenti b’aktar minn ħames punti deċimali minn dawk tal-metodu standard.

Il-metodi, li ma jkunux il-Metodu Standard Komunitarju, msemmi fit-tielet subparagrafu, għandhom ikunu komunikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 1982.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, l-20 April 1982.

Għall-Kummissjoni

Poul Dalsager

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 281, ta’ l-1.11.1975, p. 1.ĠU L 136, tat-2.6.1977, p. 11.

[2] ĠU L 382, tal-31.12.1981, p. 37.

[3] ĠU L 121, tal-5.5.1981, p. 3.

[4] ĠU L 183, ta’ l-4.7.1981, p. 10.

[5] ĠU L 352, tat-8.12.1981, p. 18.

[6] ĠU L 281, ta’ l-1.11.1975, p. 22.

[7] ĠU L 136, tat-2.6.1977, p. 11.

--------------------------------------------------