SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

9 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali – Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni – Kuntratt ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur – Pretensjoni għal kumpens tal-passiġġier li jirriżulta minn titjira mdewma – Ċessjoni ta’ din il-pretensjoni lil kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn – Rikors għal kumpens ippreżentat miċ-ċessjonarju kontra t-trasportatur tal-ajru quddiem il-qorti tal-post tat-tluq tal-ajruplan – Kunċett ta’ post tat-twettiq tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba – Post fi Stat Membru fejn, skont il-kuntratt tat-trasport, is-servizzi kienu jew kellhom ikunu pprovduti”

Fil-Kawża C‑551/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Awwissu 2024, fil-proċedura

Deutsche Lufthansa AG

vs

Airhelp Germany GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Deutsche Lufthansa AG, minn M. Korcz, radca prawny,

–

għal AirHelp Germany GmbH, minn P. P. Gad u K. Żbikowska, adwokaci,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”) u AirHelp Germany GmbH (iktar ’il quddiem “AirHelp”), kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja, dwar talba għal ħlas ta’ somma mressqa mit-tieni kumpannija, ċessjonarja ta’ pretensjoni għal kumpens ta’ passiġġier, wara d-dewmien ta’ titjira, kontra l-ewwel waħda quddiem qorti Pollakka.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddikjaraw:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

4

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u t-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, li jinsab fl-imsemmija Sezzjoni 1, jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 5(1) tal-istess regolament, li jinsab fl-istess Sezzjoni 1, jipprevedi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

6

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

–

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati;

c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[…]

(5)

fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-4 ta’ April 2023, AirHelp ippreżentat quddiem is-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Krowodrzy w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Krowodrza, il-Polonja) rikors kontra Lufthansa sabiex tikseb il-kundanna tagħha għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 250, flimkien mal-interessi legali, li jikkorrispondu għall-kumpens dovut lil passiġġier minħabba d-dewmien ta’ titjira operata minn din il-kumpannija tal-ajru bi tluq minn Kraków.

8

Lufthansa opponiet l-ordni ta’ ħlas maħruġa minn din il-qorti u qajmet eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha.

9

Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Diċembru 2023, din il-qorti ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll l-oppożizzjoni.

10

Lufthansa adixxiet lis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’appell minn dan id-digriet. Insostenn tal-appell tagħha, Lufthansa sostniet li s-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Krowodrzy w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Krowodrza) ma setgħetx tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors għad-danni la fuq it-tieni inċiż tal-punt 1 (b) u lanqas fuq il-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma kinux marbuta b’kuntratt ta’ trasport. It-talba ta’ AirHelp toriġina minn kuntratt ta’ trasferiment ta’ pretensjoni konkluż ma’ passiġġier, peress li l-uniku passiġġier huwa marbut ma’ Lufthansa permezz ta’ kuntratt ta’ trasport.

11

Skont Lufthansa, il-qrati Ġermaniżi huma l-uniċi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tali rikors, konformement mar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

12

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija għandha teżamina anki ex officio, f’kull stadju tal-proċedura, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha.

13

Għal dan l-għan, din il-qorti tistaqsi dwar l-applikabbiltà tat-tieni inċiż tal-punt 1 (b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima li tirrigwarda l-irkupru ta’ pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru u ttrasferit lil kumpannija ta’ rkupru ta’ krediti wara trasferiment imwettaq minn konsumatur, li huwa parti f’dan il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru.

14

L-imsemmija qorti tesponi li l-prassi tal-qrati Pollakki tiżvela żewġ linji gwida fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Parti mill-ġurisprudenza tqis li, indipendentement min-natura tal-kuntratt ta’ trasferiment ta’ pretensjoni fid-dritt Pollakk, l-imsemmija dispożizzjonijiet jippermettu li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tali tilwima. Parti oħra mill-ġurisprudenza tibbaża ruħha fuq il-partikolaritajiet ta’ dan il-kuntratt fid-dritt Pollakk sabiex tqis li l-istess dispożizzjonijiet jeskludu l-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati.

15

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-ġurisprudenza favur il-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki, l-enfasi hija fuq ir-rabta stretta li teżisti bejn il-kuntratt u l-qorti adita. Il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati hija għalhekk ibbażata mhux fuq kunsiderazzjonijiet suġġettivi marbuta mal-kwalità tal-partijiet fil-kawża iżda fuq is-suġġett tagħha, jiġifieri talba għall-irkupru ta’ dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew marbut mal-attività ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ stabbiliment ieħor.

16

Din il-qorti tippreċiża wkoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jirkupra pretensjoni bbażata fuq l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru, rikorrent jista’ jadixxi jew il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jew il-qorti tal-post fejn is-servizzi ġew jew kienu se jiġu pprovduti, jiġifieri l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-post tat-tluq jew tal-wasla tat-titjira kkonċernata, konformement mat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Bla ħsara għall-fatt li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li taħtu jaqa’ t-tieni inċiż tal-punt 1(b) u l-punt 5 tal-Artikolu 7 tal-istess regolament, ikunu ssodisfatti, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw anki fil-każ ta’ tilwima bejn bejjiegħa jew fornituri.

17

Madankollu, l-imsemmija qorti tqis li huwa neċessarju li din ir-riżerva tiġi interpretata u tosserva, f’dan ir-rigward, li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima fil-qasam kuntrattwali hija dik tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba. Issa, fil-każ ta’ trasferiment ta’ pretensjoni, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk it-tilwima tikkonċernax l-irkupru ta’ pretensjoni li tirriżulta mill-kuntratt ta’ ċessjoni jew mill-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, f’dan il-każ, kuntratt ta’ trasport bl-ajru.

18

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dritt nazzjonali, pretensjoni tista’, mingħajr il-kunsens tad-debitur, jittrasferixxi l-pretensjoni tiegħu lil terz, sakemm il-liġi, il-kuntratt jew in-natura tal-obbligu ma jipprekludux dan. Is-suġġett ta’ tali trasferiment huwa d-dritt suġġettiv tal-pretensjoni li jeżiġi mid-debitur li jeżegwixxi l-obbligu tiegħu, li ma jinkludix id-drittijiet proċedurali tal-pretensjoni, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jqajjem eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, ta’ preskrizzjoni, ta’ tpaċija, sakemm il-kuntratt ta’ ċessjoni ma jipprevedix dan.

19

Din il-qorti tippreċiża li mill-kuntratt ta’ trasferiment ta’ pretensjoni kkonċernat mill-kawża prinċipali jirriżulta li AirHelp kisbet biss il-locus standi għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ kumpens taċ-ċedent. Konsegwentement, ma jistax jitqies li, skont dan il-kuntratt, AirHelp akkwistat id-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, inklużi d-drittijiet proċedurali li minnhom jibbenefika dan iċ-ċedent bħala konsumatur.

20

Għalhekk jista’ jiġi argumentat li l-bejjiegħ jew fornitur li jakkwista pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru ma jistax validament jinvoka, bħala bażi għar-rikors tiegħu għal kumpens ippreżentat kontra t-trasportatur tal-ajru, l-uniku kuntratt ta’ trasport li jorbot liċ-ċedent ma’ dan it-trasportatur, peress li, abbażi ta’ dan ir-rikors, jinsab il-kuntratt ta’ ċessjoni ta’ pretensjoni li minnu huwa jislet il-locus standi tiegħu. Sa fejn iċ-ċessjonarju ma huwiex parti fil-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, ir-relazzjoni kuntrattwali torbot liċ-ċedent u liċ-ċessjonarju u mhux liċ-ċessjonarju u lit-trasportatur tal-ajru li għandu jħallas il-pretensjoni li tirriżulta mill-kuntratt ta’ trasport.

21

F’dan il-każ, AirHelp ma tistax tinvoka l-ġurisprudenza dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, billi tinvoka t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, kif interpretat fis-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439), peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma humiex marbuta b’kuntratt ta’ trasport.

22

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2021, CNP (C‑913/19, EU:C:2021:399) u tal-21 ta’ Ottubru 2021, T. B. u D. (Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni) (C‑393/20, EU:C:2021:871), jirriżulta li entità li, filwaqt li taġixxi bħala bejjiegħ jew fornitur, tkun akkwistat pretensjoni mingħand parti iktar dgħajfa tista’ tinvoka l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, huwa għalhekk possibbli li tiġi ammessa l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors għall-irkupru ta’ pretensjoni ta’ konsumatur li jirriżulta minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru akkwistat minn bejjiegħ jew fornitur.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Azzjonijiet għal irkupru ta’ talba li tirriżulta minn kuntratt ta’ trasferiment konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, li jkollu s-sede tiegħu barra mit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, li għandu bħala effett li jittrasferixxi l-pretensjonijiet li dan il-konsumatur ikollu fir-rigward ta’ imprenditur li wkoll ikollu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-qrati Pollakki li tirriżulta mit-tieni inċiż tal-[punt]1(b) u tal-[punt]5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 1215/2012]?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda relatata mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (5) tar-Regolament Nru 1215/2012

24

Lufthansa qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tad-domanda magħmula sa fejn din tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 fid-dawl tan-natura ipotetika ta’ din id-domanda, sa fejn ma ġiex allegat, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li l-istabbiliment tagħha fil-Polonja kien involut bi kwalunkwe mod fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport li wassal għat-talba mitluba minn AirHelp.

25

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti tar-rinviju teżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, din il-qorti għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 6; tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 40, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2024, LivaNova,C‑713/22, EU:C:2024:642, punt 54).

26

Hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(a) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, b’mod partikolari, espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti, jew, tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi, kif ukoll espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u r-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

27

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi, fir-rigward tal-kontestazzjonijiet dwar l-operat ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ kwalunkwe stabbiliment ieħor, regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali favur il-qorti tal-post fejn ikunu jinsabu dawn il-fergħa.

28

Għandu jiġi osservat li, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju tirreferi għal dan il-punt 5 tal-Artikolu 7, kemm fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fid-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti ma ssemmi ebda data fattwali dwar atti relatati mal-operat ta’ fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor ta’ Lufthansa fil-Polonja, jew impenji meħuda minnhom f’isem Lufthansa, bħal involviment eventwali ta’ dawn l-entitajiet fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru kkonċernat mill-kawża prinċipali. Għalkemm l-imsemmija qorti tiddedika argumenti estensivi għall-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt li wassal għall-obbligu li fuqu hija bbażata t-talba, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, huwiex il-kuntratt ta’ ċessjoni ta’ pretensjoni jew il-kuntratt ta’ trasport, hija ma tindikax ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

29

Il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha li tippreċiża li hija obbligata tivverifika ex officio l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors li hija adita bih. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li tali verifika tista’ twassalha sabiex teżamina l-kap ta’ ġurisdizzjoni previst fl-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 1215/2012, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex tiżgura ruħha li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni għandha rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

30

Issa, f’dan il-każ, tali ġustifikazzjoni hija nieqsa. Konsegwentement, sa fejn id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 1215/2012, din hija inammissibbli.

Fuq il-mertu

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru għandha ġurisdizzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar rikors għal kumpens ippreżentat kontra trasportatur tal-ajru, stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minn kumpannija ċessjonarja tal-pretensjoni ta’ passiġġier li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż ma’ dan it-trasportatur.

32

Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż li jiġbor ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbilità. Dan ir-regolament ifittex għalhekk għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni ġuridika tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, billi jippermetti kemm lir-rikorrent li jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jadixxi u lill-konvenut li jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jitressaq (sentenza tal-11 ta’ April 2024, Credit Agricole Bank Polska,C‑183/23, EU:C:2024:297, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjonijiet komuni prevista fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq ir-regola ġenerali, iddikjarata fl-Artikolu 4(1) tiegħu li l-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru jitressqu quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat, indipendentement min-nazzjonalità tal-partijiet. Huwa biss b’deroga mir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tipprevedi ċertu numru ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2023, EXTÉRIA,C‑393/22, EU:C:2023:675, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Skont ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita f’din l-aħħar dispożizzjoni, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ talba bbażata fuq kuntratt għall-provvista ta’ servizzi hija l-qorti tal-post fi Stat Membru fejn, skont il-kuntratt, is-servizzi ġew ipprovduti jew kellhom jiġu pprovduti.

35

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 tirreaġixxi għal tħassib dwar il-prossimità, peress li hija mmotivata mill-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib bejn il-kuntratt ikkonċernat u l-qorti li qed tintalab tisma’ dan il-każ. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2023, EXTÉRIA, C‑393/22, EU:C:2023:675, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)

36

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk il-fatt li pretensjoni, li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, ikun ġie ttrasferit minn dan il-konsumatur lil kumpannija speċjalizzata fl-irkupru tal-krediti ta’ passiġġieri tal-ajru huwiex ta’ natura li jipprekludi l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2912, sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal kumpens ippreżentat mill-kumpannija ċessjonarja kontra t-trasportatur tal-ajru.

37

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ma hijiex intiża sabiex tipproteġi lill-parti l-iktar dgħajfa minn relazzjoni kuntrattwali, peress li din ir-regola ma ġietx stabbilita fid-dawl tal-kwalità tal-partijiet kontraenti, iżda hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-qorti adita u l-kuntratt ikkonċernat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-pretensjoni għal kumpens tal-konsumatur ġie ttrasferit lil bejjiegħ jew fornitur ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-imsemmija regola.

38

Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda krediti li jaqgħu taħt materji ta’ delitt jew kważi delitt, trasferiment ta’ krediti, imwettaq mill-pretensjoni inizjali, ma jistax, fih innifsu, ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB,C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 58, u tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide,C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 35).

39

B’mod analogu, tilwima li tirrigwarda l-irkupru ta’ pretensjoni li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi tkompli tippreżenta rabta stretta mal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba, jiġifieri l-post ta’ Stat Membru fejn, skont dan il-kuntratt, is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti, fis-sens tal-imsemmi tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b), minkejja li din il-pretensjoni kien is-suġġett ta’ ċessjoni lil terz.

40

Din l-interpretazzjoni tippermetti li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, b’mod partikolari għall-konvenut, fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, li jirrappreżentaw għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1215/2012, kif jirriżulta mill-premessi 15 u 16 tiegħu, sa fejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali rikors tkun dejjem dik tal-post fejn, skont il-kuntratt, is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti, indipendentement mill-eżistenza ta’ trasferiment tal-pretensjoni li tirriżulta minn dan il-kuntratt.

41

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li AirHelp akkwistat pretensjoni li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru, konkluż bejn konsumatur u Lufthansa, li joriġina minn dewmien fuq titjira operata minn din il-kumpannija tal-ajru, minn Kraków lejn Nice (Franza) b’konnessjoni f’München (il-Ġermanja), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

42

Sa fejn il-post jikkorrispondi għal wieħed mill-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt u jiżgura, għalhekk, konnessjoni mill-qrib, meħtieġa mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali ddikjarati fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, bejn l-imsemmi kuntratt u l-qorti li fit-territorju li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab l-imsemmi post, il-qrati Pollakki jidhru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikors fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Frar 2022, LOT Polish Airlines, C‑20/21, EU:C:2022:71, punt 20).

43

La l-karatteristiċi partikolari tal-kuntratt ta’ ċessjoni ta’ pretensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas l-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejn il-partijiet fil-kawża huma ta’ natura li jikkontestaw din il-ġurisdizzjoni.

44

Minn naħa, il-fatt li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, skont il-kuntratt ta’ trasferiment ta’ pretensjoni kkonċernat, il-konsumatur ċedent ma jittrażmettix, skont id-dritt Pollakk, id-drittijiet proċedurali tiegħu lill-bejjiegħ jew fornitur ċessjonarju ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, din ir-regola hija bbażata fuq l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba, jiġifieri s-suġġett tat-tilwima, iddeterminat minn dak tal-kuntratt ikkonċernat, peress li l-kuntratt ta’ trasferiment ta’ pretensjoni jagħti biss il-locus standi liċ-ċessjonarju.

45

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma humiex direttament marbuta b’kuntratt, invokat kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll minn Lufthansa fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi osservat li, sa fejn il-kuntratt ta’ trasferiment jagħti liċ-ċessjonarju d-drittijiet li jgawdi ċ-ċedent fir-rigward tat-trasportatur u għalhekk dak li jibda proċedura ta’ rkupru tal-pretensjoni li tirriżulta mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, dan il-fatt lanqas ma huwa ta’ natura li jipprekludi l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

46

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru għandha ġurisdizzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar rikors għal kumpens ippreżentat kontra trasportatur tal-ajru, stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minn kumpannija ċessjonarja tal-pretensjoni ta’ passiġġier li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż ma’ dan it-trasportatur, sakemm din il-qorti tkun dik tal-post fejn, skont dan il-kuntratt, is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

 

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

 

qorti ta’ Stat Membru għandha ġurisdizzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar rikors għal kumpens ippreżentat kontra trasportatur tal-ajru, stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minn kumpannija ċessjonarja tal-pretensjoni ta’ passiġġier li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż ma’ dan it-trasportatur, sakemm din il-qorti tkun dik tal-post fejn, skont dan il-kuntratt, is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.