|
22.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 224/4 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 796/2013
tal-21 ta’ Awwissu 2013
dwar ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni tas-sustanza 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen bħala addittiv fl-għalf
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistabbilixxi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għar-rifjut ta’ din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 tar-Regolament jistipula l-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2). |
|
(2) |
Is-sustanza 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen kienet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien skont id-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv fl-għalf għall-użu fl-ispeċi tal-annimali kollha bħala parti mill-grupp ‘sustanzi aromatizzanti u palatabbli — Il-prodotti kollha naturali u sintetiċi korrispondenti’. Dik is-sustanza ddaħħlet fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf tal-Unjoni Ewropea bħala prodott eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, b’numru CAS 2530-10-1 u numru Flavis 15.024. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għar-rievalwazzjoni ta’ din is-sustanza bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet tal-annimali kollha, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi sensorji” u fil-grupp funzjonali “komposti aromatiċi”. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-partikolaritajiet u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(4) |
Is-sustanza 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen kienet ukoll inkluża fil-lista ta’ sustanzi aromatizzanti fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (3), bħala sustanza aromatizzanti taħt evalwazzjoni li għaliha kella ġiet sottomessa dejta xjentifika addizzjonali. Din id-dejta ġiet sottomessa. |
|
(5) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjoni tagħha tal-15 ta’ Mejju 2013 (4) dwar l-użu ta’ din is-sustanza bħala sustanza li tagħti t-togħma fl-ikel li din is-sustanza hija mutaġenika in vitro u in vivo u kkonkludiet li l-użu tagħha bħala sustanza li tagħti t-togħma fl-ikel tqajjem tħassib għas-sikurezza. |
|
(6) |
Din l-evalwazzjoni tindika li 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen x’aktarx li hija mutaġenika wkoll għall-annimali li jikkunsmaw għalf li fih din is-sustanza bħala addittiva sensorja. Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li dik is-sustanza ma għandhiex effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali meta tintuża bħala addittiv tal-għalf skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu. |
|
(7) |
Għalhekk il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, mhux sodisfatti. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen bħala addittiv fl-għalf għandhom jiġu rifjutati. |
|
(8) |
Peress li l-użu ulterjuri ta’ 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen bħala addittiv fl-għalf jista’ jikkawża riskju għas-saħħa tal-annimali, għandu jitneħħa mis-suq mill-aktar fis possibbli. |
|
(9) |
B’kunsiderazzjoni tar-raġunijiet prattiċi, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ħażniet eżistenti ta’ għalf li fih is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen diġà fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-awtorizzazzjoni ta’ 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen bħala addittiv fl-għalf tal-annimali hija rrifjutata.
Artikolu 2
Ħażniet eżistenti tal-3-aċetil-2,5-dimetiltijofen u taħlitiet lesti minn qabel li fihom lilha għandhom jitneħħew mis-suq mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-11 ta’ Ottubru 2013. L-għalf kompost prodott li jkun fih it-3-aċetil-2,5-dimetiltijofen qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jista’ tintuża sakemm jispiċċaw il-ħażniet u mhux aktar tard mill-11 ta’ Ottubru 2013.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.
(2) ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1.
(3) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.
(4) The EFSA Journal 2013; 11 (5): 3227.