SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Eżenzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Żball ta’ traduzzjoni fil-verżjoni bil-lingwa Rumena ta’ dan ir-regolament – Effetti legali tar-regolament li jikkoreġi dan l-iżball – Possibbiltà ta’ rkupru ta’ għajnuna mogħtija qabel ir-rettifika fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-verżjoni tar-regolament li fiha l-iżball ta’ traduzzjoni – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali”
Fil-Kawżi magħquda C‑416/24 u C‑417/24,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ April 2024, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ġunju 2024, fil-proċeduri
On Air Media Professionals SRL (C‑416/24)
vs
Agenţia pentru Întreprinderi Mici şi Mijlocii Iaşi,
u
Different Media SRL (C‑417/24)
vs
Ministerul Antreprenoriatului şi Turismului – Agenţia pentru Întreprinderi Mici şi Mijlocii, Atragere de Investiţii şi Promovare a Exportului Iaşi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, A. Kumin, u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn Ł. Habiak, M. Lagrue, L. Nicolae u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑22 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l‑Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 71) (iktar ’il quddiem ir-“RĠEK”), tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/452 tal‑15 ta’ Marzu 2021 li jikkoreġi l-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2021, L 89, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ rettifika”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. |
|
2 |
Dawn it-talbiet, ifformulati f’termini identiċi, tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fir-rigward tal-ewwel waħda, On Air Media Professionals SRL (iktar ’il quddiem “On Air Media”), kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Rumen, u l-Agenția pentru Întreprinderi Mici și Mijlocii Iaşi (l-Aġenzija għall-Impriżi Żgħar u Medji ta’ Iaşi, ir-Rumanija) u, fir-rigward tat-tieni waħda, Different Media SRL, li hija wkoll kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Rumen, u l-Ministerul Antreprenoriatului și Turismului – Agenția pentru Întreprinderi Mici și Mijlocii, Atragere de Investiții și Promovare a Exportului Iaşi (il-Ministeru għall-Intrapriża u għat-Turiżmu – Aġenzija għall-Impriżi Żgħar u Medji intiżi li jattiraw l-investiment u jippromwovu l-esportazzjonijiet ta’ Iaşi, ir-Rumanija) dwar talbiet għal rimbors ta’ sussidji mogħtija indebitament lil dawn iż-żewġ kumpanniji fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ mogħtija lill-impriżi affettwati mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-RĠEK
|
3 |
Il-premessa 14 tar-RĠEK hija fformulata kif ġej: “Għajnuna mogħtija lil intrapriżi f’diffikultà għandha tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, billi din l-għajnuna għandha tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ intrapriżi f’diffikultà tal-1 ta’ Ottubru 2004 kif estiżi mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni [Ewropea] dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà tal-1 ta’ Ottubru 2004 jew il-Linji Gwida suċċessivi, biex dawn ma jkunx hemm min idur magħhom, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara li ċerti diżastri naturali jikkawżaw. Għal finijiet ta’ ċertezza legali, għandhom jiġu ddefiniti kriterji ċari li ma jeħtiġux evalwazzjoni tal-partikularitajiet kollha tas-sitwazzjoni ta’ impriża sabiex jiġi ddeterminat jekk din għandhiex titqies li hija impriża f’diffikultà għall-finijiet ta’ dan ir-regolament.” |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Dan ir-Regolament ma japplikax għal: […]
[…]” |
|
5 |
Skont il-verżjoni inizjali bil-lingwa Rumena tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
Ir-Regolament ta’ rettifika
|
6 |
Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament ta’ rettifika huma fformulati b’dan il-mod:
|
|
7 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ rettifika jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Ir-[RĠEK] huwa rrettifikat kif ġej: L-ewwel sentenza tal-punt 18(a) tal-Artikolu 2 hija ssostitwita b’dan li ġej: ‘Fil-każ ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata (minbarra SME li tkun ilha teżisti għal anqas minn tliet snin jew, għall-għanijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna ta’ finanzjament ta’ riskju, SME li fi żmien 7 snin minn meta l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħha jikkwalifika għal investimenti ta’ finanzjamenti ta’ riskju wara diliġenza dovuta mill-intermedjarju finanzjarju magħżul), fejn aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha jkun sparixxa bħala riżultat ta’ telf akkumulat.’” |
|
8 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ rettifika jipprovdi: “Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.” |
Id-Deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2020
|
9 |
Il-Kummissjoni awtorizzat l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat, intitolata “Appoġġ għas-SME u għall-impriżi l-kbar sabiex jegħlbu l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19”, li r-Rumanija kienet innotifikatilha fl‑20 ta’ Awwissu 2020, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5949 final tas‑27 ta’ Awwissu 2020 – Għajnuna mill-Istat SA.58166 (2020/N) – Ir-Rumanija – COVID‑19: Appoġġ għas-SME u għal ċerti impriżi kbar sabiex jegħlbu l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2020, C 302, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2020”). |
|
10 |
Il-premessi 16 u 47 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdu:
[…]
|
Id‑dritt Rumen
L-OUG Nru 130/2020
|
11 |
L-Artikolu 4(1) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 130/2020 privind unele măsuri pentru acordarea de sprijin financiar din fonduri externe nerambursabile, aferente Programului operațional Competitivitate 2014-2020, în contextul crizei provocate de COVID‑19, precum și alte măsuri în domeniul fondurilor europene (id-Digriet Governattiv ta’ Emerġenza Nru 130 dwar Ċerti Miżuri Intiżi li Jagħtu Għajnuna Finanzjarja minn Fondi Esterni Mhux Rimborsabbli, b’Rabta mal-Programm Operattiv fil-Qasam tal-Kompetittività 2014‑2020, fil-Kuntest tal-Kriżi Kkawżata mill-COVID‑19, kif ukoll Miżuri Oħra fil-Qasam tal-Fondi Ewropej), tal‑31 ta’ Lulju 2020 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 705, tas‑6 ta’ Awwissu 2020) (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 130/2020”), jipprovdi: “Il-mikrosussidji għandhom jammontaw għal EUR 2000 u għandhom jingħataw darba waħda biss, fil-forma ta’ ammont f’daqqa, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 [ĠU 2013, L 347, p. 289, rettifika fil-ĠU 2016, L 330, p. 25], kif emendat, u skont l-Artikolu 67(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 [ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155].” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 6 tal-OUG Nru 130/2020: “Il-mikrosussidji previsti fl-Artikolu 4(1) għandhom jingħataw, abbażi ta’ kuntratt ta’ għajnuna mill-Istat, lill-benefiċjarji li jissodisfaw b’mod kumulattiv il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
13 |
L-Artikolu 32 tal-OUG Nru 130/2020 jipprovdi: “(1) Ir-regoli għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat huma ddefiniti fl-iskema ta’ għajnuna mill-Istat – Appoġġ għas-SME, suġġett għall-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea. (2) Kull modifika u/jew żieda mal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat – Appoġġ għas-SME – tidħol fis-seħħ mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.” |
Id-Digriet Nru 1060/2857/2020
|
14 |
L-Anness tal-Ordinul nr. 1060/2857/2020 pentru aprobarea Schemei de ajutor de stat – Sprijin pentru IMM-uri în vederea depășirii crizei economice generate de pandemia de COVID 19 (id-Digriet Nru 1060/2857/2020 għall-Approvazzjoni tal-Iskema ta’ Għajnuna mill-Istat – Appoġġ għas-SME Sabiex Tingħeleb il-Kriżi Ekonomika Kkawżata mill-Pandemija tal-COVID‑19), tat‑8 ta’ Settembru 2020 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 835 tal‑11 ta’ Settembru 2020) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 1060/2857/2020”), adottat mill-Ministerul Economiei, Energiei și Mediului de Afaceri (il-Ministeru għall-Ekonomija, għall-Enerġija u għall-Qasam tan-Negozju, ir-Rumanija) u l-Ministerul Fondurilor Europene (il-Ministeru tal-Fondi Ewropej, ir-Rumanija), jinkludi d-definizzjoni li ġejja, fil-punt 3.6 tiegħu: “‘Impriżi f’diffikultà’ – skont il-punt 18(a) tal-Artikolu 18 tar-(RĠEK), impriża titqies li tinsab f’diffikultà fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
|
15 |
Skont il-punt 6.19 ta’ dan l-anness ta’ dan id-digriet: “Il-kriterji ġenerali ta’ eliġibbiltà għall-benefiċjarji li japplikaw għal finanzjament taħt il-miżuri ta’ din l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat huma dawn li ġejjin:
|
Id-Digriet Nru 2989/2020
|
16 |
Il-punt 8.11 tal-Anness tal-Ordinul nr. 2989/2020 privind aprobarea Procedurii de implementare a măsurii “Microgranturi acordate din fonduri externe nerambursabile” din cadrul schemei de ajutor de stat instituite prin Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 130/2020 privind unele măsuri pentru acordarea de sprijin financiar din fonduri externe nerambursabile, aferente Programului operațional Competitivitate 2014 – 2020, în contextul crizei provocate de COVID‑19, precum și alte măsuri în domeniul fondurilor europene (id-Digriet Nru 2989/2020 dwar l-Approvazzjoni tal-Proċedura tal-Implimentazzjoni tal-Miżura “Mikrosussidji Mogħtija minn Fondi Esterni li Ma Jistgħux Jiġu Rrimborsati” fil-Kuntest tal-Iskema ta’ Għajnuna mill-Istat Stabbilita bid-Digriet Governattiv ta’ Emerġenza Nru 130/2020 dwar Ċerti Miżuri Intiżi li Jagħtu Għajnuna Finanzjarja minn Fondi Esterni Mhux Rimborsabbli, b’Rabta mal-Programm Operattiv fil-Qasam tal-Kompetittività 2014‑2020, fil-Kuntest tal-Kriżi Kkawżata mill-COVID‑19, kif ukoll Miżuri Oħra fil-Qasam tal-Fondi Ewropej), tat‑30 ta’ Settembru 2020 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 902 tal‑5 ta’ Ottubru 2020, jistabbilixxi, essenzjalment, li għajnuna mill-Istat għandha tiġi rkuprata kollha kemm hi jekk, wara l-verifiki mwettqa wara l-iffirmar tal-kuntratti ta’ finanzjament, jiġi kkonstatat li l-benefiċjarju ma jaqax taħt il-kategorija tal-benefiċjarji eliġibbli previsti mill-OUG Nru 130/2020. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
|
17 |
Fl‑20 ta’ Awwissu 2020, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni skema ta’ għajnuna, intitolata “Appoġġ għas-SME u għall-impriżi l-kbar sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19”. Il-Kummissjoni awtorizzat din l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat permezz tad-Deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2020. |
|
18 |
Skont il-premessa 16 ta’ din id-deċiżjoni, ma setgħet tingħata ebda għajnuna mill-Istat, abbażi tal-iskema awtorizzata, lil impriżi li kienu f’diffikultà, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK, fil‑31 ta’ Diċembru 2019. Kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-imsemmija deċiżjoni, din kienet waħda mill-kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna neċessarja, xierqa u proporzjonata, u għalhekk kompatibbli mas-suq intern. |
|
19 |
Wara n-notifika tad-Deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2020, l-iskema ta’ għajnuna ġiet implimentata mill-awtoritajiet Rumeni permezz tad-Digriet Nru 1060/2857/2020. |
|
20 |
Il-punt 6.1 tal-anness ta’ dan id-digriet kien jipprevedi l-għoti ta’ għajnuna f’ammont massimu ekwivalenti għal EUR 2000 għal kull benefiċjarju għal ċerti kategoriji ta’ SME. |
|
21 |
Skont id-Deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2020, wieħed mill-kriterji ġenerali ta’ eliġibbiltà li kellhom jiġu ssodisfatti mill-benefiċjarji li jitolbu finanzjament kien, skont il-punt 6.19 tal-Anness tal-imsemmi digriet, li ma jkunux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK. Id-definizzjoni ta’ “impriża f’diffikultà”, mogħtija f’din id-dispożizzjoni, kienet imfakkra fil-punt 3.6(i) tal-Anness tal-istess digriet. |
|
22 |
Fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna hawn fuq imsemmija, On Air Media u Different Media kkonkludew, fl‑10 ta’ Diċembru 2020, kuntratti ta’ finanzjament li permezz tagħhom kull waħda minn dawn il-kumpanniji bbenefikat minn mikrosussidju fl-ammont ta’ RON 9679 (madwar EUR 1945), intiż sabiex jgħinhom jegħlbu l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19. |
|
23 |
Kull wieħed minn dawn il-mikrosussidji kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru, rispettivament fid-data tat‑8 ta’ Novembru 2022 għal On Air Media u tat‑18 ta’ Ottubru 2022 għal Different Media. L-awtoritajiet Rumeni qiesu li dawn il-kumpanniji ma kinux jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet legali sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni, minħabba li, fil‑31 ta’ Diċembru 2019, kienu “impriżi f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 3.6(i) tal-Anness tad-Digriet Nru 1060/2857/2020, peress li t-telf ta’ kapital irreġistrat mill-imsemmija kumpanniji f’din id-data kien jaqbeż sewwa nofs il-kapital sottoskritt tagħhom. |
|
24 |
On Air Media u Different Media ressqu azzjonijiet kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tribunalul Neamț (il-Qorti tal-Kontea ta’ Neamț, ir-Rumanija). Huma sostnew li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti għall-kisba tal-mikrosussidji u, b’mod partikolari, li ma kellhomx il-karatteristiċi ta’ impriżi f’diffikultà, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, fil-verżjoni bil-lingwa Rumena ta’ dan ir-regolament, jeskludu mill-kategorija tal-“impriżi f’diffikultà” s-“SME li jkunu ilhom jeżistu għal tal-inqas tliet snin”. Issa, On Air Media u Different Media sostnew li huma kienu ilhom jeżistu tlettax u tmintax-il sena, rispettivament, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament tagħhom. |
|
25 |
It-Tribunalul Neamț (il-Qorti tal-Kontea ta’ Neamț) ċaħdet dawn l-azzjonijiet. Dik il-qorti bbażat ruħha fuq il-fatt li l-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK kienet ġiet irrettifikata permezz tar-Regolament ta’ rettifika wara l-għoti tas-sussidji lil On Air Media u lil Different Media u li, kif irrettifikat, ir-RĠEK jipprovdi li huma biss is-SME li jkunu ilhom jeżistu għal inqas minn tliet snin, u mhux, bħal fil-verżjoni inizjali, SME li jkunu ilhom jeżistu iktar minn tliet snin, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “impriżi f’diffikultà” u għaldaqstant huma eliġibbli għall-għajnuna inkwistjoni. |
|
26 |
Dik il-qorti ddeċidiet li r-Regolament ta’ rettifika ma kienx emenda r-RĠEK iżda sempliċement irrettifika l-verżjoni bil-lingwa Rumena tiegħu, peress li l-verżjoni oriġinali, bl-Ingliż, kienet tirreferi, sa mill-adozzjoni tiegħu, għall-impriżi “li jkunu ilhom jeżistu inqas minn tliet snin”. Konsegwentement, hija applikat il-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK, kif irrettifikat permezz tar-Regolament ta’ rettifika, u kkonstatat li On Air Media u Different Media ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha fid-data tat-talbiet tagħhom għal sussidji. |
|
27 |
Dawn il-kumpanniji ressqu appelli mis-sentenzi tal-ewwel istanza quddiem il-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
28 |
Quddiem din il-qorti, huma jqisu, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet Rumeni applikaw b’mod retroattiv ir-Regolament ta’ rettifika, peress li dan ġie adottat fix-xahar ta’ Marzu 2021, jiġifieri iktar minn tliet xhur wara l-iffirmar tal-kuntratti ta’ finanzjament inkwistjoni u anki wara li s-sussidji intużaw għax-xiri ta’ tagħmir. |
|
29 |
Fit-tieni lok, huma jsostnu li l-kunċett ta’ “verżjoni oriġinali tar-Regolament” bil-lingwa Ingliża, li jinsab fil-motivi tas-sentenza tal-ewwel istanza, huwa nieqes minn bażi legali, peress li l-lingwa Rumena hija waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bl-istess mod bħal kwalunkwe waħda mit-23 lingwa l-oħra. |
|
30 |
Fit-tielet lok, huma jirrilevaw li, fid-data tal-iffirmar tal-kuntratti ta’ finanzjament inkwistjoni, il-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK kienet ilha fis-seħħ mingħajr emenda għal iktar minn sitt snin u li t-test ta’ dan ir-regolament kien perfettament konformi mal-atti normattivi l-oħra kollha applikabbli għal dan il-każ, b’mod partikolari mad-Digriet Nru 1060/2857/2020, li kien fih test identiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma jsostnu li ppreżentaw it-talba tagħhom għal għajnuna mill-Istat, iffirmaw il-kuntratt ta’ finanzjament u eżegwewh b’bona fide sħiħa. |
|
31 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha taqta’ l-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ regolament li jirrettifika l-verżjoni lingwistika ta’ regolament preċedenti tal-Unjoni tinvolvix l-applikazzjoni retroattiva tal-verżjoni rrettifikata mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament preċedenti jew jekk din tipproduċix effetti biss mid-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ rettifika. |
|
32 |
Hija tistaqsi wkoll jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat mogħtija fl-osservanza tal-kundizzjonijiet li kienu jinsabu inizjalment fil-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK, f’kuntest bħal dak tal-kawżi adita bihom. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, hija tosserva li l-ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex uniformi fuq dawn il-kwistjonijiet. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
35 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament ta’ rettifika għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrettifika l-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK b’mod retroattiv, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. |
|
36 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżisti, għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, interess manifest li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-għan li tiżgura skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi,C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 37 u 38, kif ukoll tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez,C‑351/14, EU:C:2016:447, punt 61). |
|
37 |
Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jiġi kkunsidrat waħdu u teżiġi, għall-kuntrarju, li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht,19/67, EU:C:1967:49, p. 456, u tal‑10 ta’ April 2025, Tartisai,C‑238/24, EU:C:2025:258, punt 30). |
|
38 |
Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll b’mod kostanti, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ test tad-dritt tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, EU:C:198:152, punt 36, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, AFAÏA,C‑228/23, EU:C:2024:829, punt 38). |
|
39 |
Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha hija tikkostitwixxi element (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau,30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u tal‑10 ta’ April 2025, Tartisai,C‑238/24, EU:C:2025:258, punt 30). |
|
40 |
Madankollu, tali interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli mill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2005, BĊE vs Il‑Ġermanja, C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31, u tat‑3 ta’ Settembru 2024, Illumina u Grail, C‑611/22 P u C‑625/22 P, EU:C:2024:677, punt 126). |
|
41 |
In-nuqqas ta’ qbil bejn il-verżjoni bil-lingwa Rumena, li l-formulazzjoni tagħha kienet ċara u inekwivoka, u l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK wassal lill-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament ta’ rettifika li wassal għall-kawżi prinċipali. |
|
42 |
Ir-RĠEK, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 1(4)(c) tiegħu, l-“impriżi f’diffikultà”, li d-definizzjoni tagħhom tinsab fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tiegħu. |
|
43 |
Filwaqt li, f’termini kompletament mhux ambigwi, il-verżjoni bil-lingwa Rumena inizjali ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, ippubblikata fis‑26 ta’ Ġunju 2014 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kienet teskludi mill-kategorija ta’ impriżi f’diffikultà, fir-rigward tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, is-SME li kienu ilhom mill-inqas tliet snin jeżistu, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, ippubblikati fl-istess jum f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kienu jeskludu, bl-istess mod b’mod ċar, minn din il-kategorija s-SME li kienu ilhom inqas minn tliet snin jeżistu. |
|
44 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament ta’ rettifika għandux portata retroattiva, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 297 TFUE, l-atti tal-Unjoni jidħlu fis-seħħ fid-data li huma jiffissaw jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom. |
|
45 |
Sussegwentement, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’differenza mir-regoli proċedurali li huma ġeneralment meqjusa li japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ rettifika, li jirrigwarda regola sostantiva, jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, li dan jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ma jipprevedix espressament li jidħol fis-seħħ f’data preċedenti. |
|
47 |
Madankollu, il-portata retroattiva tar-Regolament ta’ rettifika tirriżulta b’mod ċar mill-għan tiegħu. |
|
48 |
Kif jindikaw il-premessi 1 u 2 tar-Regolament ta’ rettifika, l-għan tiegħu huwa li jirrettifika l-verżjoni bil-lingwa Rumena, bl-esklużjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, tal-ewwel sentenza tal-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-RĠEK u tal-ewwel sentenza tal-punt 18(b) tal-Artikolu 2 tiegħu, liema verżjoni fiha żbalji li jbiddlu t-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
49 |
Mill-għan innifsu tiegħu jirriżulta li r-Regolament ta’ rettifika huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid l-uniformità tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ din id-dispożizzjoni, billi jikkoreġi ab initio, b’mod retroattiv, l-iżball ta’ traduzzjoni li bih il-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK kienet ivvizzjata. |
|
50 |
Fil-fatt, kieku r-Regolament ta’ rettifika kien ikkoreġa l-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK biss għall-futur, dan kien iħalli li jeżistu flimkien verżjonijiet inkompatibbli ta’ dan ir-regolament, it-tnejn li huma bbażati fuq formulazzjoni ċara u preċiża, matul il-perijodu bejn id-dħul fis-seħħ tar-RĠEK u dak tiegħu. |
|
51 |
Tali interpretazzjoni tar-Regolament ta’ rettifika ma tistax tiġi adottata mingħajr ma jinkiser ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni mfakkar fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza. |
|
52 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament ta’ rettifika għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jirrettifika l-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK b’mod retroattiv, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
|
53 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-irkupru, abbażi tar-Regolament ta’ rettifika, tal-għajnuna mogħtija mir-Rumanija qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament taħt l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mid-Deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2020. |
|
54 |
Kif ġie deċiż fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament ta’ rettifika jikkoreġi l-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK, b’mod retroattiv, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. |
|
55 |
Fid-dawl tal-verżjoni bil-lingwa Rumena rrettifikata, huwa paċifiku li On Air Media u Different Media kellhom jitqiesu bħala impriżi f’diffikultà, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-REĠS, u għalhekk kellhom jiġu esklużi mill-benefiċċju tas-sussidji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. |
|
56 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna għandha bħala prinċipju twassal għall-irkupru tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 33, u d-digriet tat‑28 ta’ Frar 2024, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑797/22 P, EU:C:2024:174, punt 71). |
|
57 |
Madankollu, peress li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, dawn l-awtoritajiet huma obbligati josservaw il-prinċipji fundamentali tiegħu, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tal‑1 ta’ April 1993, Lageder et, C‑31/91 u C‑44/91, EU:C:1993:132, punt 33, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2024, Novo Banco et, C‑498/22 sa C‑500/22, EU:C:2024:686, punt 100). |
|
58 |
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li leġiżlazzjoni għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom (sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑209/96, EU:C:1998:448, punt 35, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 41). |
|
59 |
Għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkollha l-bidu tad-dekorrenza tagħha stabbilit qabel il-pubblikazzjoni jew in-notifika tiegħu, jista’ jkun mod ieħor, b’mod eċċezzjonali, meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati (sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, EU:C:1979:14, punt 20, u tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 10), kif ukoll sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tar-regoli kkonċernati li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 119, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dedotta mill-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka dan il-prinċipju jippreżumi li l-persuna kkonċernata tkun irċeviet garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Fil-fatt, prassi ta’ Stat Membru li ma tkunx konformi ma’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni ma tistax tnissel aspettattivi leġittimi f’individwu partikolari li jibbenefika mis-sitwazzjoni li tkun inħolqot b’dan il-mod (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1982, Maizena, 5/82, EU:C:1982:439, punt 22, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna, C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038, punt 131). |
|
62 |
Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tan-natura imperattiva tal-kontroll ta’ għajnuna statali mwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE, minn naħa, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fin-natura regolari tal-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura tkun ġiet osservata (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta wkoll il-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li fuqhom jista’ leġittimament jibbaża l-aspettattivi tiegħu fir-rigward tan-natura regolari ta’ din l-għajnuna u li jopponi, konsegwentement, l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑5/89, EU:C:1990:320, punt 16). |
|
64 |
F’dan il-każ, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-aspettattivi li On Air Media u Different Media seta’ jkollhom fir-rigward tal-fatt li huma jidħlu fil-kamp tal-benefiċjarji tal-għajnuna li tista’ tiġi awtorizzata abbażi tar-RĠEK ma kinux ibbażati biss fuq l-aġir tal-awtoritajiet Rumeni, b’mod partikolari fuq l-iskema ta’ għajnuna nazzjonali u d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ din l-għajnuna meħuda f’dan il-kuntest, iżda wkoll fuq it-test ċar, għalkemm żbaljat, tal-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li għalih kienet tirreferi din l-iskema ta’ għajnuna. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, On Air Media u Different Media ma jistgħux jiġu kkritikati, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, li ma vverifikawx il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK, meta xejn fit-test tal-verżjoni bil-lingwa Rumena inizjali ta’ din id-dispożizzjoni ma kien iqajjem xi diffikultà ta’ interpretazzjoni. |
|
66 |
Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna nazzjonali inkwistjoni, debitament innotifikata lill-Kummissjoni, kienet ġiet awtorizzata minn din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2020, li kienet ukoll ta’ natura li toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal-għajnuna mogħtija abbażi ta’ din l-iskema. |
|
67 |
Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-irkupru, abbażi tar-Regolament ta’ rettifika, tal-għajnuna mogħtija mir-Rumanija qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament taħt l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2020. |
Fuq l-ispejjeż
|
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.