SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
9 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-ikel – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-prodotti tal-ikel – Regolament Delegat (UE) 2016/128 – Prodotti tal-ikel intiżi għal skopijiet mediċi speċjali – Rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni – Dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni – Artikolu 5(2)(g) – Indikazzjonijiet obbligatorji addizzjonali – Artikolu 6(2) – Projbizzjoni ta’ repetizzjoni fuq l-ittikkettjar tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni”
Fil-Kawża C‑315/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, L-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ April 2024, fil-proċedura
Nestlé Sverige AB
vs
Miljönämnden i Helsingborgs kommun,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin u N. Fenger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Nestlé Sverige AB, minn F. Sjövall, J. Träsk, advokater, u K. Lewandowska, associate, |
|
– |
għall-Miljönämnden i Helsingborgs kommun, minn F. Lund Rydingsvärd, I. Mideljung u A. Wikhäll, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Faroghi, I. Galindo Martín u B. Rous Demiri, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(g) u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/128 tal‑25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali (ĠU 2016, L 25, p. 30). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nestlé Sverige AB (iktar ’il quddiem “Nestlé”), kumpannija rregolata mid-dritt Svediż, u l-Miljönämnden i Helsingborgs kommun (il-Kummissjoni għall-Ambjent tal-Muniċipalità ta’ Helsingborg, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni għall-Ambjent”) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tordna lil Nestlé tħassar ċerta informazzjoni li tinsab fuq l-imballaġġ ta’ prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali li din il-kumpannija tikkummerċjalizza. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011
|
3 |
Il-premessa 41 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, fil-ĠU 2022, L 35, p. 26, fil-ĠU 2023, L 142, p. 41 u fil-ĠU 2023, L 214, p. 229) hija fformulata kif ġej: “Sabiex tattira lill-konsumatur medju u sabiex isservi l-għan informattiv li għalih iddaħħlet, u minħabba l-livell ta’ għarfien attwali dwar is-suġġett tan-nutrizzjoni, l-informazzjoni pprovduta għandha tkun sempliċi u faċilment komprensibbli. Informazzjoni dwar in-nutrizzjoni parzjalment fil-linja viżiva ewlenija, komunement magħrufa bħala l-‘quddiem tal-pakkett’ u parzjalment fuq naħa oħra tal-pakkett, pereżempju fuq il-‘wara tal-pakkett’, tista’ toħloq konfużjoni għall-konsumaturi. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha tkun fl-istess linji viżivi. Barra minn hekk, fuq bażi volontarja, l-elementi l-iktar importanti tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni jistgħu jkunu ripetuti fil-linja viżiva ewlenija, sabiex il-konsumaturi jiġu megħjuna jaraw faċilment l-informazzjoni essenzjali dwar in-nutrizzjoni meta jixtru l-ikel. Għażla libera dwar l-informazzjoni li tista’ tkun ripetuta tista’ tikkonfondi lill-konsumaturi. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema informazzjoni tista’ tkun ripetuta”. |
|
4 |
L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin: […] l) dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni.” |
|
5 |
L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1)(l) tal-istess regolament, jistipula, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi dan li ġej:
[…] 3. Fejn it-tikkettar ta’ ikel ippakkjat bil-lest jipprevedi d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja tista’ tiġi ripetuta fiha:
|
|
6 |
Taħt it-titolu “Espressjoni għal kull 100 g jew għal kull 100 ml”, l-Artikolu 32 tal-istess regolament jipprovdi, fil-paragrafu 2: “Il-valur enerġetiku u l-ammont ta’ nutrijenti msemmija fl-Artikolu 30(1) sa (5) għandhom ikunu espressi għal kull 100 g jew għal kull 100 ml.” |
|
7 |
Skond l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1169/2011: “1. Fil-każijiet li ġejjin, il-valur enerġetiku u l-ammont ta’ nutrijenti msemmija fl-Artikolu 30(1) sa (5) jistgħu jkunu espressi għal kull porzjon u/jew għal kull unità ta’ konsum, faċilment rikonoxxibbli mill-konsumaturi, sakemm il-porzjon jew l-unità tkun kwantifikata fit-tikketta u li l-għadd ta’ porzjonijiet jew unitajiet li jinsabu fil-pakkett ikun imsemmi:
[…] 2. B’deroga mill-Artikolu 32(2), fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) tal-Artikolu 30(3) l-ammont ta’ nutrijenti u/jew il-perċentwal tal-konsum referenzjali stabbilit fil-Parti B tal-Anness XIII jistgħu jkunu espressi abbażi ta’ unità għal kull porzjoni jew għal kull unità tal-konsum biss. Meta l-ammonti tan-nutrijenti jkunu espressi fuq il-bażi ta’ kull porzjon jew ta’ kull unità ta’ konsum biss skont l-ewwel subparagrafu, il-valur enerġetiku għandu jiġi espress għal kull 100 g jew għal kull 100 ml u fuq il-bażi ta’ kull porzjon jew ta’ kull unità tal-konsum. […] 4. Il-porzjon jew l-unità użati għandhom ikunu indikati fil-qrib ferm tad-dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni. […]” |
Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013
|
8 |
Il-premessi 15, 24 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU 2013, L 181, p. 35, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31), jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
9 |
L-Artikolu 2(2)(g) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “ Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw […]: […]
|
|
10 |
L-Artikolu 9(5) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “It-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jipprovdu informazzjoni għall-użu adegwat ta’ tali ikel, u ma għandhomx jiżgwidaw, jew jattribwixxu lil tali ikel proprjetajiet għall-prevenzjoni, it-trattament jew il-kura tal-mard tal-bniedem, jew jimplikaw tali proprjetajiet.” |
Ir-Regolament Delegat 2016/128
|
11 |
Il-premessi 13 sa 17 tar-Regolament Delegat 2016/128 jipprovdu:
[…]
|
|
12 |
L-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament delegat jipprovdi: “1. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali għandu jikkonforma mar-Regolament [Nru 1169/2011]. 2. Minbarra d-dettalji obbligatorji msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament [Nru 1169/2011], dawn li ġejjin huma dettalji obbligatorji addizzjonali għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali:
[…]
[…]
[…]” |
|
13 |
Taħt it-titolu “Rekwiżiti speċifiċi għall-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni”, l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament delegat jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “B’deroga mill-Artikolu 30(3) tar- Regolament [Nru 1169/2011], l-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali ma għandhiex tiġi ripetuta fuq it-tikketta.” |
|
14 |
L-Artikolu 7 tal-istess regolament delegat huwa fformulat kif ġej: “Indikazzjonijiet/stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma għandhomx isiru fuq l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Ir-rikorrenti, Nestlé, hija impriża fis-settur tal-ikel li tikkummerċjalizza diversi prodotti bħala prodotti tal-ikel intiżi għal skopijiet mediċi speċjali (iktar ’il quddiem il-“prodotti ikkonċernati”). |
|
16 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ tal-prodotti kkonċernati jidhru indikazzjonijiet dwar il-valur enerġetiku u l-kwantità ta’ nutrijenti differenti li dawn jinkludu, bħax-xaħam, il-proteini u l-fibri alimentari, espressi mhux għal kull 100 g jew għal kull 100 ml, iżda għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum (iktar ’il quddiem l-“indikazzjonijiet inkwistjoni”). |
|
17 |
Il-Kummissjoni għall-Ambjent ordnat lil Nestlé tħassar dawn l-indikazzjonijiet inkwistjoni minħabba li dawn kienu jikkostitwixxu, bi ksur tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128, repetizzjoni tal-indikazzjonijiet li jinsabu diġà fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, u li huma espressi, skont l-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-regolament, għal 100 g jew 100 ml. |
|
18 |
Wara li pprovat, mingħajr suċċess, tikseb l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni, Nestlé ppreżentat, quddiem il-Förvaltningsrätten i Malmö (il-Qorti Amministrattiva ta’ Malmö, l-Isvezja), rikors intiż għall-annullament tagħha. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Nestlé sostniet li l-indikazzjonijiet inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu repetizzjoni ta’ dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, iżda kellhom jitqiesu bħala indikazzjonijiet li jikkompletaw din id-dikjarazzjoni, konformement mal-Artikolu 5(2)(g) tar-Regolament Delegat 2016/128. |
|
19 |
Dan ir-rikors ġie miċħud, minħabba li, minkejja li l-indikazzjonijiet kontenzjużi huma espressi għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum u mhux għal kull 100 g jew għal kull 100 ml, dawn jikkostitwixxu repetizzjoni tal-indikazzjonijiet tad-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, ipprojbiti mill-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament delegat. |
|
20 |
Peress li l-appell ġie miċħud mill-Kammarrätten i Göteborg (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Göteborg, l-Isvezja), li qieset hija wkoll li l-indikazzjonijiet inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt l-Artikolu 5(2)(g) tal-imsemmi regolament delegat, iżda kienu jikkostitwixxu repetizzjoni tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, Nestlé ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
21 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ittikkettjar tal-prodotti kkonċernati huwiex konformi mar-Regolament Delegat 2016/128, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-indikazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxux deskrizzjoni addizzjonali tal-proprjetajiet u tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(g) ta’ dan ir-regolament delegat, jew jekk dawn l-indikazzjonijiet humiex biss repetizzjoni mhux awtorizzata ta’ dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, repetizzjoni pprojbita mill-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament delegat. |
|
22 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
23 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(g) u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-indikazzjoni, fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ ta’ prodott tal-ikel intiż għal skopijiet mediċi speċjali, tal-valur enerġetiku u tal-kwantità ta’ diversi nutrijenti li jinkludi dan il-prodott, espressi għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum, filwaqt li d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, li tinsab fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-imballaġġ, tinkludi l-indikazzjoni ta’ dawn l-istess elementi għal 100 g jew 100 ml, tikkostitwixxi “deskrizzjoni tal-kwalitajiet u/jew il-karatteristiki” ta’ prodott, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(g), ta’ dan ir-regolament delegat jew jekk din l-indikazzjoni hija repetizzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament delegat. |
|
24 |
Preliminarjament, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn il-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali jikkostitwixxu, qabel kollox u minkejja l-ispeċifiċitajiet tagħhom, prodotti tal-ikel, ir-Regolament Delegat 2016/128, li jissupplimenta r-Regolament Nru 609/2013, għandu jinftiehem, flimkien ma’ dan tal-aħħar, fid-dawl tat-testi leġiżlattivi l-oħra applikabbli għall-prodotti tal-ikel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Kwizda Pharma, C‑760/21, EU:C:2023:143, punt 59). |
|
25 |
Kif rifless fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 609/2013, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar stabbiliti fir-Regolament Nru 1169/2011 japplikaw, bħala regola ġenerali, għall-kategoriji ta’ prodotti tal-ikel koperti mill-ewwel regolament. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat 2016/128 jirreferi espliċitament u diversi drabi għar-Regolament Nru 1169/2011. B’mod partikolari, mill-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament delegat jirriżulta li, bħala prinċipju, il-prodotti tal-ikel għal finijiet mediċi speċjali għandhom, fil-qasam tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, ikunu konformi mar-Regolament Nru 1169/2011. Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi li jirrigwardaw id-dikjarazzjoni nutrizzjonali, l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament delegat huwa bbażat b’mod wiesa’ fuq ir-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament u jindika espliċitament il-każijiet li fihom għandhom jitwarrbu d-dispożizzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Kwizda Pharma, C‑760/21, EU:C:2023:143, punti 60 u 61). |
|
26 |
Għalhekk, sa fejn il-prodotti tal-ikel intiżi għal skopijiet mediċi speċjali jikkostitwixxu, qabel kollox u minkejja l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, prodotti tal-ikel, l-Artikolu 5(2)(g) u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128, li huma s-suġġett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandhom jinftiehmu fid-dawl tar-Regolament Nru 1169/2011 u tar-Regolament Nru 609/2013. |
|
27 |
Fl-ewwel lok, dwar l-Artikolu 5(2)(g) tar-Regolament Delegat 2016/128, skont din id-dispożizzjoni, minbarra l-indikazzjonijiet obbligatorji elenkati fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, il-prodotti tal-ikel intiżi għal skopijiet mediċi speċjali jinkludu informazzjoni obbligatorja addizzjonali bħal, b’mod partikolari, deskrizzjoni tal-proprjetajiet u tal-karatteristiċi li jippermettu l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti nutrittivi fil-każ ta’ marda, ta’ disturb jew ta’ kundizzjoni medika li għaliha huwa maħsub, b’mod partikolari, skont il-każ, il-partikolaritajiet tal-ipproċessar tiegħu u tal-formulazzjoni tiegħu, in-nutrijenti li ġew miżjuda, imnaqqsa, eliminati jew immodifikati mod ieħor u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tiegħu. |
|
28 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1)(l) tar-Regolament Nru 1169/2011, li għalih jirreferi l-Artikolu 5(2)(g) tar-Regolament Delegat 2016/128, jipprevedi li waħda mill-indikazzjonijiet li għandha obbligatorjament tidher fuq il-prodotti tal-ikel hija “dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni”. |
|
29 |
Skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, dwar il-kontenut ta’ dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, din tal-aħħar tinkludi l-valur enerġetiku u, b’mod partikolari, il-kwantità ta’ ċerti nutrijenti. |
|
30 |
Skont l-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-regolament, il-valur enerġetiku u l-ammonti ta’ nutrijenti msemmija fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni huma espressi għal 100 g jew 100 ml, filwaqt li l-Artikolu 33 tal-istess regolament jirregola l-każijiet li fihom dawn l-elementi jistgħu jiġu espressi għal kull porzjon u/jew unità ta’ konsum. |
|
31 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-valur enerġetiku u l-kwantità ta’ diversi nutrijenti, li jinsabu fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali tal-prodotti inkwistjoni, huma espressi, fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ tagħhom, għal 100 g jew 100 ml, peress li dawn l-istess indikazzjonijiet huma espressi għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ta’ dawn il-prodotti. |
|
32 |
Issa, minn naħa, peress li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(2)(g) tar-Regolament Delegat 2016/128 jirriżulta li dan jikkonċerna l-indikazzjonijiet obbligatorja li tiżdied ma’ dik li diġà għandha tidher skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, il-valur enerġetiku u l-kwantità ta’ diversi nutrijenti, elementi li jikkostitwixxu d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, ma jistgħux jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet obbligatorji skont din l-aħħar dispożizzjoni, u, fl-istess ħin, kunsiderazzjonijiet obbligatorji addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat 2016/128. Fil-fatt, l-informazzjoni obbligatorja prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni tapplika speċifikament għall-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali u tiżdied mal-informazzjoni obbligatorja meħtieġa mir-Regolament Nru 1169/2011. |
|
33 |
Għalhekk, il-kliem tal-Artikolu 5(2)(g) tar-Regolament Delegat 2016/128, li jirrigwarda l-indikazzjoni obbligatorja ta’ informazzjoni oħra minbarra dik prevista fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li indikazzjonijiet bħall-indikazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-ewwel dispożizzjoni. |
|
34 |
Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(g) tar-Regolament Delegat 2016/128 teżiġi “deskrizzjoni” tal-proprjetajiet u tal-karatteristiċi ta’ prodott. Għalkemm din id-dispożizzjoni ma telenkax b’mod eżawrjenti l-indikazzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa li jiġu inklużi f’tali deskrizzjoni, din l-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li dawn huma b’mod partikolari partikolaritajiet tal-manifattura ta’ prodott u tal-formula tiegħu, nutrijenti li ġew miżjuda, imnaqqsa, eliminati jew li għaddew minn modifiki oħra u raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tiegħu. |
|
35 |
Għaldaqstant, mill-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5(2)(g) tar-Regolament Delegat 2016/128 jirriżulta li d-“deskrizzjoni tal-kwalitajiet u/jew il-karatteristiki”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ prodott tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali ma tistax tkopri indikazzjonijiet li diġà jinsabu, għalkemm espressi mod ieħor, fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni li tinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ tal-prodott tal-ikel inkwistjoni u li l-operatur tas-settur tal-ikel sempliċement jirrepeti, fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ dan l-imballaġġ, mingħajr ma dawn l-aħħar indikazzjonijiet ikunu intiżi li jiddeskrivu l-proprjetajiet u l-karatteristiċi ta’ dan il-prodott tal-ikel. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li, kif sostniet Nestlé insostenn tat-teżi tagħha intiża sabiex turi li l-indikazzjonijiet inkwistjoni huma utli, jeżistu differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
37 |
Fil-fatt, għalkemm, fil-verżjoni Franċiża tagħha, ma jsirx riferiment, fid-deskrizzjoni tal-proprjetajiet u tal-karatteristiċi, għall-“utilità” ta’ prodott, b’differenza, pereżempju, tal-verżjonijiet tagħha bil-lingwa Svediża (de egenskaper och/eller kännetecken som gör produkten särskilt användbar), Spanjola (propiedades o características que expliquen la utilidad del producto), Daniża (egenskaber og/eller karakteristika, der gør produktet nyttigt), Ingliża (properties and/or characteristics that make the product useful) kif ukoll fir-Rumena (proprietăților și/sau a caracteristicilor care fac produsul utli) li fihom tinsab tali preċiżazzjoni, tali differenza lingwistika ma hijiex determinanti f’dan il-każ, sa fejn, fi kwalunkwe każ, tkun xi tkun il-verżjoni lingwistika tagħha, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(g) tar-Regolament Delegat 2016/128 timponi deskrizzjoni tal-proprjetajiet u/jew tal-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat, u mhux sempliċi indikazzjoni tal-istess informazzjoni bħal dik li tinsab diġà fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, iżda espressa f’forma oħra. |
|
38 |
Fit-tieni lok, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-possibbiltà, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, ta’ repetizzjoni ta’ indikazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128, b’deroga mill-Artikolu 30(3) tar-Regolament Nru 1169/2011. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, ċertament, għal dak li jirrigwarda l-prodotti tal-ikel b’mod ġenerali, dan l-Artikolu 30(3) jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-repetizzjoni, fuq l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel ippakkjat bil-lest, ta’ ċerti indikazzjonijiet. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, meta l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel ippakkjat bil-lest jinkludi d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, jistgħu jiġu rrepetuti kemm il-valur enerġetiku, jew il-valur enerġetiku, kif ukoll l-ammonti ta’ xaħam, aċidu grass saturat, ta’ zokkor u ta’ melħ. |
|
40 |
Madankollu, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128 jipprevedi projbizzjoni li tiġi rrepetuta, fuq l-ittikkettjar ta’ dawn il-prodotti, l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, b’deroga mill-Artikolu 30(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, l-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għall-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali ma għandhiex tiġi ripetuta. |
|
41 |
Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprojbixxi r-repetizzjoni, fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ ta’ prodott tal-ikel intiż għal skopijiet mediċi speċjali, tal-valur enerġetiku u tal-kwantità ta’ diversi nutrijenti espressi għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum, peress li dawn huma l-istess indikazzjonijiet bħal dawk li huma riprodotti fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, li jinsabu fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-imballaġġ, minkejja li huma espressi għal kull 100 g jew 100 ml. |
|
42 |
Issa, dan huwa preċiżament il-każ, f’dan il-każ, tal-indikazzjonijiet inkwistjoni, sa fejn dawn huma indikazzjonijiet li, fir-rigward tan-natura tagħhom, u mingħajr ma l-forma li fiha huma espressi hija determinanti, jaqgħu tabilħaqq taħt id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1169/2011. |
|
43 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-projbizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128 jew l-obbligu, skont l-Artikolu 5(2)(g) ta’ dan ir-regolament delegat, it-tnejn li huma relatati mal-indikazzjoni ta’ ċerti indikazzjonijiet fuq l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel intiżi għal skopijiet mediċi speċjali, ma jistgħux ivarjaw skont il-forom differenti li fihom din l-informazzjoni hija espressa peress li dawn jirrigwardaw dejjem l-istess sustanza. |
|
44 |
L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5(2)(g) u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128 hija kkorroborata mill-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-għan kemm ta’ dan ir-regolament delegat kif ukoll tar-Regolament Nru 609/2013. |
|
45 |
Fir-rigward, minn naħa, ta’ dan il-kuntest, l-indikazzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2016/128, b’mod partikolari dawk dwar l-użu tal-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali taħt superviżjoni medika, dwar il-kategorija tal-età speċifika li għaliha huma intiżi dawn il-prodotti tal-ikel jew ukoll dwar il-prekawzjonijiet u l-kontraindikazzjonijiet xierqa, imorru lil hinn mill-kuntest tal-kontenut nutrittiv ta’ prodott tal-ikel kkonċernat u huma intiżi li jipprovdu informazzjoni addizzjonali meta mqabbla ma’ dan tal-aħħar. |
|
46 |
Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, jiġifieri, kif jirriżulta, essenzjalment, mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 609/2013, prodotti tal-ikel li ġew ittrattati b’mod speċjali sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti nutrizzjonali ta’ ċerti pazjenti, li jistgħu jintużaw biss taħt superviżjoni medika, u, kif huwa rifless fil-premessa 17 tar-Regolament Delegat 2016/128, li huma intiżi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet nutrizzjonali speċifiċi kkawżati minn marda, disturb jew stat ta’ saħħa partikolari, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni neċessarja għall-użu tajjeb ta’ dawn il-prodotti tal-ikel ma tistax tkun limitata għal sempliċi repetizzjoni tal-indikazzjonijiet diġà eżistenti fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, iżda għandha tispeċifika l-proprjetajiet u l-karatteristiċi tal-imsemmija prodotti tal-ikel. |
|
47 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan tar-Regolament Delegat 2016/128 u tar-Regolament Nru 609/2013, mill-premessa 13 ta’ dan l-ewwel regolament, kif ukoll mill-premessi 15 u 26 tat-tieni regolament, jirriżulta li, billi ppreveda rekwiżiti speċifiċi fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ ċerti prodotti tal-ikel, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli sabiex jippermettilhom jidentifikaw b’mod preċiż il-prodotti li jikkostitwixxu s-sors ta’ ikel parzjali jew uniku tagħhom. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 609/2013 li l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali ma għandhomx iqarrqu. |
|
48 |
Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-fatt li tissemma biss ċerta informazzjoni li diġà tinsab fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni tista’ tippreżenta, b’mod qarrieqi, il-kompożizzjoni ġenerali ta’ prodott tal-ikel u b’hekk tqarraq bil-konsumaturi. L-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni billi jawtorizza, fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, ir-repetizzjoni ta’ ċerta informazzjoni dwar in-nutrizzjoni, jiġifieri li l-konsumaturi jiġu megħjuna jaċċedu faċilment għall-iktar informazzjoni dwar in-nutrizzjoni importanti meta jixtru prodotti tal-ikel, ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, peress li dawn il-prodotti huma intiżi li jiġu kkonsmati taħt il-kontroll tal-professjonisti tas-saħħa. |
|
49 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat 2016/128 jipprojbixxi li l-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali jkunu s-suġġett ta’ indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa. F’dan ir-rigward, kif huwa rifless fil-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, peress li l-konsumaturi tal-prodotti tal-ikel intiżi għal skopijiet mediċi speċjali huma pazjenti li jbatu minn marda, minn disturb jew minn stat ta’ saħħa partikolari u għalhekk huma distinti mill-profil ġenerali tal-popolazzjoni f’saħħa tajba, għandu jiġi evitat li dawn il-prodotti tal-ikel jiġu promossi direttament lill-konsumaturi sabiex jiġi stimulat il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti, peress li l-imsemmija prodotti tal-ikel huma barra minn hekk adattati għal użu taħt il-kontroll tal-professjonisti tas-saħħa. |
|
50 |
Minn dan isegwi li, fid-dawl tan-natura speċifika ta’ dawn il-prodotti tal-ikel, l-interpretazzjoni adottata tal-Artikolu 5(2)(g) u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128 hija wkoll konformi mal-għan imfittex kemm minn dan ir-regolament delegat kif ukoll mir-Regolament Nru 609/2013. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(g) u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat 2016/128 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-indikazzjoni, fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett ta’ prodott tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, tal-valur enerġetiku u tal-kwantità ta’ diversi nutrijenti, espressi għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum, filwaqt li d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, li tinsab fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-imballaġġ, tinkludi l-indikazzjoni ta’ dawn l-istess elementi għal 100 g jew 100 ml, ma tikkostitwixxix “deskrizzjoni tal-kwalitajiet u/jew il-karatteristiki” tal-imsemmi prodott tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(g), ta’ dan ir-regolament delegat, iżda repetizzjoni tal-informazzjoni li tinsab f’din id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament delegat. |
Fuq l-ispejjeż
|
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 5(2)(g) u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/128 tal‑25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
l-indikazzjoni, fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett ta’ prodott tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, tal-valur enerġetiku u tal-kwantità ta’ diversi nutrijenti, espressi għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum, filwaqt li d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, li tinsab fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-imballaġġ, tinkludi l-indikazzjoni ta’ dawn l-istess elementi għal 100 g jew 100 ml, ma tikkostitwixxix “deskrizzjoni tal-kwalitajiet u/jew il-karatteristiki” tal-imsemmi prodott tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(g), ta’ dan ir-regolament delegat, iżda repetizzjoni tal-informazzjoni li tinsab f’din id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament delegat. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.