European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3118

13.12.2024

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3118

tal-10 ta’ Diċembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1), b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (2), huwa xieraq li jiżdied il-limitu massimu tal-għajnuna de minimis, li impriża waħda tista’ tirċievi għal kull Stat Membru fuq kwalunkwe perjodu ta’ 3 snin, għal EUR 50 000. Dan il-limitu massimu rivedut jikkunsidra bosta fatturi inklużi l-esperjenzi miksuba, l-inflazzjoni speċifika fis-settur agrikolu li seħħet mill-emenda tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 fl-2019 (3) u l-iżviluppi mistennija matul il-perjodu ta’ validità tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013. Dan il-limitu massimu huwa meħtieġ biex jiżgura li kull miżura li taqa’ taħt ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 tista’ titqies li ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma toħloqx distorsjoni jew tħedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(2)

Meta jitqies l-obbligu li tiġi rreġistrata l-informazzjoni dwar id-de minimis mogħtija, f’reġistru ċentrali f’livell nazzjonali jew tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi kkalkolat il-limitu nazzjonali ta’ 2 % tal-medja tal-ogħla tliet valuri ta’ produzzjoni annwali għal kull Stat Membru. Huwa xieraq ukoll li jiġi adattat il-kalkolu tal-limitu nazzjonali biex jikkunsidra s-snin aktar reċenti, f’konformità mal-perjodu ta’ validità tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013. Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li l-perjodu użat għall-kalkolu tal-medja tal-ogħla valuri tal-produzzjoni agrikola annwali jiġi stabbilit mill-2012 għall-2023.

(3)

B’konsegwenza ta’ dan, il-kriterji għall-kalkolu tal-ekwivalenti ta’ għotja gross għas-selfiet u l-garanziji, jenħtieġ li jiġu aġġustati skont il-limiti massimi de minimis miżjuda.

(4)

Sabiex ikun konformi mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2831 (4) il-perjodu li għandu jitqies għall-iskopijiet tal-valutazzjoni tal-komformità mal-limiti massimi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1408/2013, jenħtieġ li jinbidel minn 3 snin fiskali għal 3 snin. Jenħtieġ li dan il-perjodu jiġi vvalutat fuq bażi kontinwa. Għal kull għotja ġdida ta’ għajnuna de minimis, jeħtieġ li jitqies l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija fit-3 snin preċedenti.

(5)

Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu rrispettati u jkunu f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jkollhom l-għodod meħtieġa biex jiżguraw li l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda skont ir-regola de minimis kif ukoll l-ammont kumulattiv ta’ għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru (“limitu nazzjonali”) ma jaqbżux il-limitu massimu ġenerali permissibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-għajnuna mogħtija biex jiżguraw li l-limitu massimu ma jinqabiżx u li r-regoli tal-akkumulazzjoni ikunu ġew imħarsa. Sabiex jikkonformaw ma’ dan l-obbligu u biex ikunu allinjati mar-Regolament (UE) 2023/2831, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni kompluta dwar l-għajnuna de minimis mogħtija f’reġistru ċentrali fil-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2027, u jivverifikaw li kull limitu massimu de minimis kif ukoll il-limitu nazzjonali stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 ma jinqabżux b’xi għotja ġdida ta’ għajnuna. Ir-reġistru ċentrali se jgħin biex jonqos il-piż amministrattiv fuq l-impriżi. L-impriżi mhux se jkunu aktar obbligati jżommu rekord ta’ xi għajnuna de minimis oħra li jirċievu u li jiddikjarawha, ladarba r-reġistru ċentrali jkun fih data għal perjodu ta’ 3 snin. Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013, jenħtieġ li l-kontroll tal-konformità mal-limitu massimu stabbilit fih ikun, fil-prinċipju, ibbażat fuq l-informazzjoni inkluża fir-reġistru ċentrali.

(6)

Kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi reġistru ċentrali nazzjonali. Ir-reġistri ċentrali nazzjonali eżistenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jistgħu jibqgħu jintużaw. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi reġistru ċentrali fil-livell tal-Unjoni, li jista’ jintuża mill-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2026.

(7)

Meta jitqies li l-piż amministrattiv u l-ostakli regolatorji jikkostitwixxu problema għall-maġġoranza tal-SMEs u li l-Kummissjoni timmira li tnaqqas b’25 % il-piż li jirriżulta mir-rekwiżiti ta’ rapportar (5), jenħtieġ li kwalunkwe reġistru ċentrali jiġi stabbilit b’tali mod li jitnaqqas il-piż amministrattiv. Prattiki amministrattivi tajbin, bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jistgħu jintużaw bħala referenza għall-istabbiliment u t-tħaddim tar-reġistru ċentrali fil-livell tal-Unjoni u tar-reġistri ċentrali nazzjonali.

(8)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li l-monitoraġġ tal-limitu massimu settorjali jżid il-piż amministrattiv, b’mod partikolari għall-SMEs. Għalhekk, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv li jirriżulta mir-rekwiżiti ta’ rapportar, huwa xieraq li l-Kummissjoni ma tibqax teħtieġ il-monitoraġġ tal-limitu massimu tas-settur.

(9)

Ir-regoli ta’ trasparenza għandhom l-għan li jiżguraw konformità aħjar, responsabbiltà akbar, valutazzjoni bejn il-pari u fl-aħħar mill-aħħar infiq pubbliku aktar effettiv. Il-pubblikazzjoni, f’reġistru ċentrali, tal-isem tal-benefiċjarju tal-għajnuna sservi l-interess leġittimu ta’ trasparenza billi l-pubbliku jkun qed jingħata l-informazzjoni dwar l-użu tal-fondi tal-Istati Membri. Ma tinterferix bla bżonn mad-dritt tal-benefiċjarji għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom sakemm il-pubblikazzjoni fir-reġistru ċentrali tad-data personali tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data (7). L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jippsewdonimizzaw entrati speċifiċi meta jkun meħtieġ biex jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(10)

Dan ir-Regolament ma jinkludix is-sitwazzjonijiet kollha fejn miżura jista’ ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma tistax toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn benefiċjarju jforni oġġetti jew servizzi lil żona limitata (pereżempju f’reġjun insulari jew reġjun ultraperiferiku) fi Stat Membru u dak il-benefiċjarju huwa improbabbli li jattira klijenti minn Stati Membri oħra, u li ma jistax jiġi previst li l-miżura jkollha aktar minn effett marġinali fuq il-kundizzjonijiet ta’ investimenti jew stabbiliment transfruntier. Jenħtieġ li tali miżuri jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ.

(11)

Fid-dawl tal-ħtieġa akbar għall-użu ta’ għajnuna de minimis u billi l-limiti massimi attwali huma restrittivi bla bżonn, huwa meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 u li l-perjodu ta’ validità tiegħu tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2032.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), in-nota f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(*)

Billi, f’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tal-Qafas ta’ Windsor u l-Anness 5 tiegħu (ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u r-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ tal-24 ta’ Marzu 2023, ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87), ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li għandha x taqsam mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ miżuri li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni jkomplu japplikaw għar-Renju Unit, kull referenza għall-Istati Membri għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandha tinftiehem li tinkludi r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;

(2)

fl-Artikolu 2, jitħassru l-paragrafi 3 u 4;

(3)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu bħala li ma jissodisfawx il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriża waħda ma għandux jaqbeż EUR 50 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ 3 snin.

3.   L-ammont kumulattiv ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli tul kwalunkwe perjodu ta’ 3 snin, ma għandux jaqbeż il-limitu nazzjonali stabbilit fl-Anness.

4.   L-għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li d-dritt legali biex tingħata l-għajnuna jkun konċess lill-impriża skont is-sistema legali nazzjonali applikabbli, irrispettivament mid-data tal-pagament tal-għajnuna de minimis lill-impriża.

5.   Il-limitu massimu de minimis, il-limitu nazzjonali msemmija fil-punti 2 u 3 għandhom japplikaw irrispettivament mit-tip ta’ għajnuna de minimis jew l-objettiv mixtieq u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru tkunx iffinanzjata totalment jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw mill-Unjoni.

6.   Għall-finijiet tal-limitu massimu de minimis u l-limitu nazzjonali msemmija fil-punti 2 u 3, l-għajnuna għandha tiġi espressa bħala għotja fi flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu f’ammonti gross, jiġifieri qabel kull tnaqqis ta’ taxxi jew imposti oħra. Meta għajnuna tingħata f’forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna.

7.   Għajnuna pagabbli f’għadd ta’ pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-imgħax li għandha tintuża għal finijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ skont applikabbli fil-mument li tingħata l-għajnuna.

8.   Meta l-limitu massimu de minimis jew il-limitu nazzjonali msemmija fil-punti 2 u 3 jinqabżu minħabba l-għoti ta’ għajnuna de minimis ġdida, l-ebda parti minn dik l-għajnuna l-ġdida ma tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament.

9.   Fil-każ ta’ fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet, l-għajnuna de minimis kollha li ngħatat qabel lil kwalunkwe impriża li għaddejja minn fużjoni għandha titqies biex jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew akkwirenti taqbiżx il-limitu massimu de minimis rilevanti jew il-limitu nazzjonali. L-għajnuna de minimis mogħtija legalment qabel il-fużjoni jew l-akkwiżizzjoni għandha tibqa’ legali.

10.   Jekk impriża waħda tinqasam f’żewġ impriżi separati jew aktar, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel id-diviżjoni għandha tkun allokata lill-impriża li tkun ibbenefikat minnha, li fil-prinċipju tkun l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom intużat l-għajnuna de minimis. Jekk tali allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis għandha tiġi allokata proporzjonalment fuq il-bażi tal-valur kontabilistiku tal-kapital ta’ ekwità tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tad-diviżjoni.”

;

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

is-self ikun assikurat b’garanzija li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u s-self ikun jammonta jew għal EUR 250 000 fuq perjodu ta’ 5 snin jew għal EUR 125 000 fuq perjodu ta’ 10 snin; jekk l-ammont tas-self ikun inqas minn dawn l-ammonti u/jew jingħata għal tul ta’ żmien inqas minn 5 snin jew 10 snin rispettivament, l-ekwivalenti ta’ għotja gross ta’ dak is-self għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew”;

(b)

fil-paragrafu 6, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u jew l-ammont iggarantit ikun ta’ EUR 375 000 u d-durata tal-garanzija tkun 5 snin jew l-ammont iggarantit ikun ta’ EUR 187 500 u d-durata tal-garanzija tkun 10 snin; jekk l-ammont iggarantit ikun inqas minn dawn l-ammonti u/jew il-garanzija tkun għal perjodu ta’ inqas minn 5 snin jew 10 snin rispettivament, l-ekwivalenti ta’ għotja gross ta’ dik il-garanzija għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon ekwivalenti għal-limiti massimi de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew”;

(5)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Meta impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli u tkun attiva wkoll f’wieħed jew aktar mis-setturi jew ikollha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2831 (*1), l-għajnunade minimis mogħtija għall-attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola f’konformità ma’ dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata mal-għajnuna de minimis mogħtija fir-rigward tal-aħħar settur(i) jew attivitajiet sal-limitu massimu rilevanti stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2023/2831, dment li l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax minn għajnuna de minimis mogħtija f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/2831.

2.   Meta impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli kif wkoll fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, l-għajnunade minimis iggarantita għall-attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola f’konformità ma’ dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata mal-għajnuna de minimis għal attivitajiet f’dan is-settur tal-aħħar, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 717/2014 sal-limitu massimu stabbilit f’xi wieħed minn dawn ir-Regolamenti, dment li l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax minn għajnuna de minimis mogħtija f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 717/2014.

(*1)   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2831 tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis ( ĠU L, 2023/2831, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2831/oj ).”; "

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a   Għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis mogħtija f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2832 (*2).

(*2)   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2832 tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, ( ĠU L, 2023/2832, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2832/oj ).”; "

(6)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Monitoraġġ u rapportar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2027, l-informazzjoni dwar l-għajnuna de minimis mogħtija tkun irreġistrata f’reġistru ċentrali fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni. L-informazzjoni fir-reġistru ċentrali għandu jkollha l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju, l-ammont tal-għajnuna, id-data tal-għotja, l-awtorità tal-għoti, l-istrument tal-għajnuna u s-settur involut abbażi tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (“il-klassifikazzjoni NACE”). Ir-reġistru ċentrali għandu jiġi stabbilit b’tali mod li jippermetti aċċess pubbliku faċli għall-informazzjoni filwaqt li jiżgura l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż permezz tal-psewdonimizzazzjoni ta’ entrati speċifiċi meta jkun meħtieġ.

2.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 fir-reġistru ċentrali dwar l-għajnuna de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fl-Istat Membru kkonċernat fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-għoti tal-għajnuna. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw l-eżattezza tad-data li tinsab fir-reġistru ċentrali.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu rekords tal-informazzjoni rreġistrata dwar l-għajnuna de minimis għal 10 snin mid-data li fiha ngħatat l-għajnuna.

4.   Stat Membru għandu jagħti għajnuna de minimis ġdida f’konformità ma’ dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li l-għajnuna de minimis il-ġdida ma tkunx se tgħolli l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata għal livell ogħla mil-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) u li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu mħarsa.

5.   L-Istati Membri li jużaw reġistru ċentrali fil-livell nazzjonali għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena data aggregata dwar l-għajnuna de minimis mogħtija għas-sena ta’ qabel. Id-data aggregata għandu jkun fiha l-għadd ta’ benefiċjarji, l-ammont kumplessiv tal-għajnuna de minimis mogħti u l-ammont kumplessiv tal-għajnuna de minimis mogħti għal kull settur (bl-użu tal-“klassifikazzjoni NACE”). L-ewwel sottomissjoni tad-data għandha tkun għal għajnuna de minimis mogħtija mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2027. L-Istati Membri jistgħu jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar perjodi aktar bikrija meta d-data aggregata tkun disponibbli.

6.   Fuq talba bil-miktub mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol jew f’perjodu itwal stabbilit fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis li tkun meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis fis-sens ta’ dan ir-Regolament u ta’ regolamenti de minimis oħrajn li xi impriża tkun irċeviet.”

;

(7)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a   Kull għajnuna de minimis individwali mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-20 ta’ Diċembru 2024 f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif applikabbli fil-mument tal-għoti tal-għajnuna għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.”

;

(b)

jiżdied il-punt 5 li ġej:

“5.   Sakemm jiġi stabbilit ir-reġistru ċentrali u jkun ikopri perjodu ta’ 3 snin, meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis lil impriża f’konformità ma’ dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-impriża bil-miktub jew f’forma elettronika bl-ammont tal-għajnuna espress bħala ekwivalenti ta’ għotja gross u l-karattru de minimis tagħha, b’referenza diretta għal dan ir-Regolament. Meta l-għajnuna de minimis tingħata lil impriżi differenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament abbażi ta’ skema u ammonti differenti ta’ għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi taħt dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa l-obbligu tiegħu billi jinforma lill-impriżi b’ammont li jkun jikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ għajnuna li għandu jingħata taħt dik l-iskema. F’każijiet bħal dawn, is-somma fissa għandha tintuża biex jiġi ddeterminat jekk ikunx ġie mħares il-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2). Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru għandu jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża kkonċernata, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn fi kwalunkwe perjodu ta’ 3 snin.”

;

(8)

fl-Artikolu 8, it-tieni punt huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2032 ”;

(9)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(10)

l-Anness II jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1588/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1408/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/316 tal-21 ta’ Frar 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 51 I, 22.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/316/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2831 tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L, 2023/2831, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2831/oj).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs (COM(2023) 535 final tat-12 ta’ Settembru 2023).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj); Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS

Ammonti kumulattivi massimi tal-għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 3(3)

Stat Membru

Ammonti massimi ta’ għajnuna de minimis  (*1)

(f’miljuni ta’ EUR)

Il-Belġju

226,23

Il-Bulgarija

113,84

Iċ-Ċekja

141,28

Id-Danimarka

260,65

Il-Ġermanja

1 415,42

L-Estonja

26,97

L-Irlanda

227,86

Il-Greċja

264,88

Spanja

1 220,06

Franza

1 820,07

Il-Kroazja

59,25

L-Italja

1 375,67

Ċipru

16,45

Il-Latvja

38,45

Il-Litwanja

81,70

Il-Lussemburgu

11,28

L-Ungerija

199,62

Malta

2,70

In-Netherlands

680,95

L-Awstrija

195,56

Il-Polonja

682,85

Il-Portugall

214,27

Ir-Rumanija

447,18

Is-Slovenja

30,11

Is-Slovakkja

56,89

Il-Finlandja

99,45

L-Iżvezja

148,40

Ir-Renju Unit għall-Irlanda ta’ Fuq

59,96


(*1)  L-ammonti massimi għandhom jiġu kkalkulati bħala 2 % tal-medja tal-ogħla tliet valuri tal-produzzjoni agrikola annwali ta’ kull Stat Membru fil-perjodu 2012-2023.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3118/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)