European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2478

16.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2478

tal-21 ta’ Ottubru 2025

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi Programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Marzu 2024, permezz tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2024/995 (1), il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera għal pakkett wiesa’ ta’ miżuri relatati mar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Żvizzera. Dawk il-miżuri kellhom jinkludu dispożizzjonijiet istituzzjonali u dwar l-għajnuna mill-Istat fi, u, fejn meħtieġ, adattamenti speċifiċi għal, ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera f’oqsma relatati mas-suq intern, ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fi programmi tal-Unjoni, u ftehim li jifforma l-bażi għall-kontribut permanenti tal-Iżvizzera lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni. Il-Kunsill kien preċedentament awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ftehimiet ġodda dwar l-elettriku, is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fl-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali tal-Unjoni u għall-Ferroviji, u dwar l-emendar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport bl-ajru biex ikun jista’ jsir il-kabotaġġ.

(2)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, pakkett wiesa’ ta’ ftehimiet u protokolli (il-“pakkett”) li jinkludi Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi Programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”); Protokolli dwar dispożizzjonijiet istituzzjonali, dispożizzjonijet dwar l-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet li jemendaw il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera f’oqsma relatati mas-suq intern li fihom tipparteċipa l-Iżvizzera; Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja regolari tal-Iżvizzera lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea; Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-saħħa; Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-elettriku; Protokoll għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli li jistabbilixxi Żona Komuni ta’ Sigurtà Alimentari, u Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.

(3)

Il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fi kwalunkwe programm, attività jew servizz tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, li hija miftuħa għall-parteċipazzjoni tagħha, u jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma, b’mod partikolari fir-riċerka u l-innovazzjoni, il-fużjoni u l-fissjoni nukleari, u l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, l-isport u l-kultura, kif ukoll oqsma oħra ta’ interess komuni bħat-trasformazzjoni diġitali u l-azzjoni fil-qasam tas-saħħa.

(4)

Il-Ftehim huwa intrinsikament marbut mal-istrumenti l-oħra tal-pakkett. F’dak ir-rigward, il-Ftehim jipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa li huwa marbut mill-qrib mal-Ftehim dwar is-Saħħa. Jistgħu jittieħdu miżuri ta’ kumpens skont il-Ftehim f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja regolari tal-Iżvizzera lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea.

(5)

In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu u ġew iffinalizzati fl-istess ħin bħal dawk dwar l-istrumenti l-oħra tal-pakkett. L-Artikolu 17 tal-Ftehim jipprevedi li d-dħul fis-seħħ tiegħu huwa marbut mad-dħul fis-seħħ tal-istrumenti l-oħra tal-pakkett.

(6)

Il-Ftehim għandu jiġi konkluż fl-istess ħin bħall-istrumenti l-oħra tal-pakkett u bħala parti integrali minnu.

(7)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-TFUE, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(8)

Bl-għan li tiżdied il-firxa tal-kooperazzjoni tagħhom, l-Artikolu 18(1) tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet għandhom japplikawh b’mod proviżorju, f’konformità mal-proċeduri u l-leġiżlazzjoni interni rispettivi tagħhom, mill-1 ta’ Jannar 2025, sakemm id-data tal-iffirmar tiegħu ma tkunx wara l-15 ta’ Novembru 2025, f’liema każ il-Partijiet għandhom japplikaw il-Ftehim b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2026.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju mill-Unjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-TFUE.

(10)

Skont l-Artikolu 18(2) tal-Ftehim, l-applikazzjoni proviżorja tiegħu għandha tieqaf mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028 jekk l-Iżvizzera, sa dik id-data, ma tkunx lestiet il-proċeduri interni tagħha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-istrumenti l-oħra tal-pakkett.

(11)

L-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huma soġġetti għal proċedura separata skont dak it-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi Programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”), fir-rigward ta’ kwistjonijiet għajr dawk li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (2).

Artikolu 2

Soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehim, fir-rigward ta’ kwistjonijiet għajr dawk li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, għandu jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (3).

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/995 tat-12 ta’ Marzu 2024 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera dwar dispożizzjonijiet istituzzjonali fi ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera relatati mas-suq intern, dwar ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi programmi tal-Unjoni u dwar ftehim li jifforma l-bażi għall-kontribuzzjoni permanenti tal-Konfederazzjoni Żvizzera għall-koeżjoni tal-Unjoni (ĠU L, 2024/995, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/995/oj).

(2)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2025/2480, 16.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2480/oj

(3)  Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat b’mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2478/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)