IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.5.2024
COM(2024) 207 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċitar tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri, id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità u d-Direttiva (UE) 2017/2110/UE dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE
Werrej
1.
Id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (id-Direttiva 2009/45)
1.1.
Introduzzjoni
1.2.
Bażi legali
1.3.
Eżerċitar tad-delega
1.4.
Konklużjonijiet
2.
Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (id-Direttiva 98/41)
2.1.
Introduzzjoni
2.2.
Bażi legali
2.3.
Eżerċitar tad-delega
2.4.
Konklużjonijiet
3.
Id-Direttiva (UE) 2017/2110 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva talKunsill 1999/35/KE (id-Direttiva 2017/2110)
3.1.
Introduzzjoni
3.2.
Bażi legali
3.3.
Eżerċitar tad-delega
3.4.
Konklużjonijiet
1.Id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (id-Direttiva 2009/45)
1.1.Introduzzjoni
Id-Direttiva 2009/45/KE ġiet emendata fl-2017 bid-Direttiva (UE) 2017/2108 . L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/45 kif emendata jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10a. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati tingħata għal perjodu ta’ seba’ snin mill-20 ta’ Diċembru 2017. L-ewwel perjodu ta’ seba’ snin se jintemm fl-20 ta’ Diċembru 2024.
L-atti delegati li għalihom il-Kummissjoni għandha s-setgħa jistgħu jikkonċernaw:
- Emendi għad-Direttiva 2009/45, sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), ta’ dan li ġej:
-id-definizzjonijiet ta’ “Konvenzjonijiet Internazzjonali”, “Kodiċi dwar l-Istabbiltà fi stat intatt”, “Kodiċi ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja”, “GMDSS” u “organizzazzjoni rikonoxxuta”,
-id-dispożizzjonijiet marbuta mal-proċeduri u l-linji gwida għall-istħarriġiet msemmija fl-Artikolu 12 li l-Istat tal-bandiera huwa meħtieġ li jwettaq,
-id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-Konvenzjoni SOLAS
, kif emendata, u l-Kodiċi tal-Inġenji ta’ Veloċità Għolja,
-xi referenzi speċifiċi għall-Konvenzjonijiet Internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet tal-IMO.
- Emendi għall-Annessi tad-Direttiva 2009/45 sabiex:
-jiġu applikati, għall-finijiet tad-Direttiva 2009/45, l-emendi magħmula fil-Konvenzjonijiet Internazzjonali;
-jiġu aġġustati, fid-dawl tal-esperjenza, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi misjuba fl-emendi li saru fil-Konvenzjonijiet Internazzjonali għall-bastimenti tal-klassijiet B, C u D u l-inġenji,
-jiġu ssimplifikati u ċċarati l-elementi tekniċi, fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tagħhom;
-jiġu aġġornati r-referenzi għal strumenti oħra tal-Unjoni applikabbli għal vapuri tal-passiġġieri domestiċi.
1.2.Bażi legali
F’konformità mal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2009/45, il-Kummissjoni trid tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ seba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
1.3.Eżerċitar tad-delega
Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa li tadotta atti delegati li ngħatatilha bid-Direttiva 2009/45/KE darba biss matul il-perjodu ta’ rapportar.
L-att adottat huwa r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/411 tad-19 ta’ Novembru 2019 li jemenda d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri involuti fi vjaġġi domestiċi.
Ir-Regolament Delegat 2020/411 issostitwixxa l-Annessi I, II u III tad-Direttiva 2009/45/KE b’verżjonijiet emendati. Il-ġustifikazzjonijiet għall-emendar tal-annessi kienu dawn li ġejjin:
-Il-Konvenzjonijiet Internazzjonali msemmija fid-Direttiva 2009/45/KE kienu ġew emendati. Barra minn hekk, rieżami dettaljat tal-elementi tekniċi fl-Annessi wera li xi emendi preċedenti tal-Konvenzjonijiet Internazzjonali kienu tħallew barra.
-Id-definizzjoni ta’ “materjal ekwivalenti” fid-Direttiva 2009/45 kienet ġiet emendata bid-Direttiva 2017/2108
sabiex tinkludi l-vapuri tal-aluminju fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata, kien meħtieġ li jiżdiedu xi kjarifiki tekniċi fl-Annessi fir-rigward tal-vapuri tal-aluminju.
-Id-Direttiva (UE) 2017/2108 eskludiet il-vapuri tal-passiġġieri b’tul ta’ inqas minn 24 metru mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45, għalhekk ir-rekwiżiti tekniċi għal dawk il-vapuri kellhom jitħassru mill-Anness I.
-L-esperjenza kienet żvelat diversi ambigwitajiet u inkonsistenzi fir-rekwiżiti tekniċi relatati ma’ referenzi neqsin jew skorretti.
-L-Anness I ġie ristrutturat f’żewġ taqsimiet, għas-simplifikazzjoni, filwaqt li ġew aġġornati xi wħud mir-rekwiżiti.
1.4.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni eżerċitat b’mod effettiv u proporzjonat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati skont id-Direttiva 2009/45.
Meta titqies l-evoluzzjoni kontinwa tar-rekwiżiti tekniċi internazzjonali applikabbli għall-vapuri tal-passiġġieri, li jikkostitwixxu l-bażi għar-rekwiżiti definiti skont id-dritt tal-UE għall-vapuri domestiċi tal-passiġġieri, x’aktarx li l-Kummissjoni se jkollha bżonn tuża s-setgħa mogħtija lilha fil-futur qarib.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li d-delega tas-setgħa mogħtija fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/45 għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodu ta’ seba’ snin, f’konformità mal-Artikolu 10a(2).
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.
2.Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (id-Direttiva 98/41)
2.1.Introduzzjoni
Id-Direttiva 98/41 ġiet emendata fl-2017 bid-Direttiva (UE) 2017/2109. L-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/41 kif emendata jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ma tiġix applikata emenda għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/41, jiġifieri l-Konvenzjoni SOLAS u l-Kodiċi Internazzjonali tal-Ġestjoni tas-Sikurezza. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati tingħata għal perjodu ta’ seba’ snin mill-20 ta’ Diċembru 2017. L-ewwel perjodu ta’ seba’ snin se jintemm fl-20 ta’ Diċembru 2024.
Id-delega tas-setgħa tista’ tintuża biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta tkun debitament ġustifikata minn analiżi xierqa mill-Kummissjoni, sabiex tiġi evitata theddida serja u inaċċettabbli għas-sikurezza marittima jew inkompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni.
2.2.Bażi legali
F’konformità mal-Artikolu 12a(2) tad-Direttiva 98/41, il-Kummissjoni trid tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ seba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
2.3.Eżerċitar tad-delega
Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta l-atti delegati li ngħatatilha bid-Direttiva 98/41/KE.
2.4.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni temmen li, għalkemm sal-lum għadha ma eżerċitatx id-delega tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/41, id-delega għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodu ta’ seba’ snin, f’konformità mal-Artikolu 12a(2).
L-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 qed jevolvu b’mod kostanti u ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 12, il-Kummissjoni tkun meħtieġa tadotta atti delegati.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.
3.Id-Direttiva (UE) 2017/2110 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (id-Direttiva 2017/2110)
3.1.Introduzzjoni
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2017/2110 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ seba’ snin mill-20 ta’ Diċembru 2017. L-ewwel perjodu ta’ seba’ snin se jintemm fl-20 ta’ Diċembru 2024.
Id-delega tas-setgħa tista’ tintuża:
-biex jiġu emendati l-Annessi tad-Direttiva 2017/2110 sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari fi ħdan l-IMO, u biex jittejbu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom fid-dawl tal-esperjenza miksuba
-f’ċirkostanzi eċċezzjonali biex tiġi emendata d-Direttiva 2017/2110 sabiex għall-finijiet ta’ din id-Direttiva ma tiġix applikata emenda għall-istrumenti internazzjonali, dment li l-emenda tkun ġustifikata sabiex tiġi evitata theddida serja u inaċċettabbli għas-sikurezza marittima, għas-saħħa, għall-għajxien abbord il-vapur jew għall-kundizzjonijiet tax-xogħol jew għall-ambjent tal-baħar, jew biex tiġi evitata l-inkompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni.
3.2.Bażi legali
F’konformità mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2017/2110/UE, il-Kummissjoni trid tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ seba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3.3.Eżerċitar tad-delega
Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta l-atti delegati li ngħatatilha bid-Direttiva (UE) Nru 2017/2110.
3.4.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni temmen li, għalkemm sal-lum għadha ma eżerċitatx id-delega tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2017/2110, din id-delega għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodu ta’ seba’ snin, f’konformità mal-Artikolu 13(2).
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.