|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1691 |
9.7.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (Euratom) 2026/1691
tat-8 ta’ Lulju 2026
dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim fir-rigward ta’ Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101, it-tieni paragrafu tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-approvazzjoni tal-Kunsill,
Billi:
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni (1), il-Kunsill approva l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim fir-rigward ta’ Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), inkluż l-applikazzjoni proviżorja tiegħu, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”). |
|
(2) |
Il-Ftehim ikopri tabilħaqq kemm kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat Euratom, jiġifieri d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni nukleari ċivili. Il-Ftehim jenħtieġ għalhekk li jiġi konkluż ukoll f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt dak it-Trattat. |
|
(3) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, sakemm jidħol fis-seħħ, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom. |
|
(4) |
Għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Ftehim huwa maħsub li japplika fuq bażi proviżorja mill-15 ta’ Lulju 2026. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, anki l-parti tal-Ftehim li tkopri kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat Euratom jenħtieġ li tapplika fuq bażi proviżorja mill-istess data. |
|
(5) |
L-iffirmar, l-applikazzjoni proviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma soġġetti għal proċedura separata, skont dak it-Trattat, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim fir-rigward ta’ Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2), huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat Euratom.
Artikolu 2
Wara l-iffirmar tiegħu, u soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-15 ta’ Lulju 2026.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim fir-rigward ta’ Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) It-test tal-Ftehim (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1691/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)