European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3986

20.8.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Italja

(C/2025/3986)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment tiegħu, fuq perjodu ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (3) f'dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Italja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta' REPowerEU.

(4)

Fit-30 ta' April 2021, l-Italja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-13 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja (6), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fit-8 ta' Diċembru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (7). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Italja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Italja (8). Il-pjan ġie ppreżentat f'konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, u jkopri l-perjodu mill-2025 sal-2029 u jippreżenta firxa ta' aġġustamenti fiskali fuq seba' snin.

(6)

Fis-26 ta' Novembru 2024 il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju tal-2025 tal-Italja. Fl-istess data, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2025, li fih hija identifikat l-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kienet meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (9) fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025.

(7)

Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta' ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa' kosteffettiva, favur il-kompetittività, b'mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta' enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta' kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)

Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa fl-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.

(10)

Fl-4 ta' Ġunju 2025 il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Italja. F'dan ġie vvalutat il-progress tal-Italja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż u tqieset l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Italja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Italja. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet l-Italja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(11)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Italja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Italja għall-finijiet ta' dan ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta' Mejju 2025 (10). Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari għad hemm vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn għoli tal-gvern u t-tkabbir dgħajjef fil-produttività, li għandhom rilevanza transfruntiera. Fl-2024, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern kien f'livell ogħla milli kien qabel il-pandemija u baqa' jiżdied, tant li reġġa' lura t-tnaqqis osservat matul il-perjodu ta' wara l-2020, anki jekk id-defiċit naqas u nkiseb surplus primarju peress li r-ritmu tat-tkabbir tal-PDG nominali naqas b'mod sinifikanti u l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi li jżidu d-dejn saru mdaqqsa minħabba li l-impatt tal-krediti tat-taxxa għar-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjonijiet tas-snin preċedenti dam ma nħass fuq is-self ta' flus. L-indikaturi tas-suq tax-xogħol komplew jitjiebu. Il-banek Taljani saħħew b'mod sinifikanti l-kwalità tal-assi u l-profittabbiltà tagħhom; l-esponiment tagħhom għar-riskju sovran u l-istokk ta' self garantit mill-Istat naqsu xi ftit iżda għadhom sinifikanti. Xi politiki diġà indirizzaw il-vulnerabbiltajiet identifikati, iżda l-implimentazzjoni kontinwa u effettiva tar-riformi u l-investimenti, b'mod partikolari dawk fl-RRP u fil-pjan fiskali strutturali fuq terminu medju, flimkien ma' pożizzjoni fiskali prudenti jibqgħu kruċjali. L-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri fil-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Italja hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-proporzjon għoli tad-dejn tal-gvern ma jibqax jiżdied aktar fuq terminu medju. Ġew implimentati diversi politiki biex titrawwem is-sostenibbiltà fiskali, bħat-tisħiħ tar-rieżami annwali tal-infiq, il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, it-tnaqqis permanenti tal-porzjon tat-taxxa, u r-reviżjoni tan-nefqiet tat-taxxa. Ir-riformi wasslu wkoll għal progress sinifikanti fil-qafas tal-insolvenza u fis-suq tas-self improduttiv. Il-liġi qafas (l-Att dwar il-Kumpaniji scale-up) ġiet adottata biex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapital ta' riskju u tippromwovi l-involviment tal-investituri istituzzjonali. Il-miżuri tal-RRP jappoġġaw il-kisbiet fil-produttività u jgħinu biex jiġi sfruttat aktar il-potenzjal tax-xogħol tal-Italja, li ser jiffaċilita t-tnaqqis tad-dejn pubbliku. L-implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-miżuri hija essenzjali.

Valutazzjoni tar-Rapport ta' Progress Annwali

(12)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għall-Italja: 1,3 % fl-2025, 1,6 % fl-2026, 1,9 % fl-2027, 1,7 % fl-2028 u 1,5 % fl-2029, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għall-2023 ta' -0,7 % fl-2025, 0,9 % fl-2026, 2,8 % fl-2027, 4,6 % fl-2028 u 6,2 % fl-2029. Fl-2025–2026, dawn ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv f'konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (11), kif rakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (12). Fit-30 ta' April 2025 l-Italja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali (13) tagħha dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, għall-implimentazzjoni ta' sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Italja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(13)

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE, biex tinkiseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża, u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025.

(14)

Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat (14), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Italja naqas minn 7,2 % tal-PDG fl-2023 għal 3,4 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 134,6 % tal-PDG fl-aħħar tal-2023 għal 135,3 % fl-aħħar tal-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta' tkabbir tan-nefqa netta ta' -2,2 % fl-2024. Fir-Rapport ta' Progress Annwali tal-2025, l-Italja tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 huwa ta' - 2,1 %. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (15), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, kienet restrittiva, bi 3,2 % tal-PDG fl-2024.

(15)

Skont ir-Rapport ta' Progress Annwali x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji tal-Italja jipprevedi li l-PDG reali jikber b'0,6 % fl-2025 u b'0,8 % fl-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 2,1 % fl-2025 u 1,9 % fl-2026. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'0,7 % fl-2025 u b'0,9 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 1,8 % fl-2025 u ta' 1,5 % fl-2026.

(16)

Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 3,3 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 136,6 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 1,3 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 3,3 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment żieda fis-surplus primarju (għal 0,6 % tal-PDG, minn 0,4 % fl-2024) u nefqa fl-imgħax mhux mibdula bħala sehem tal-PDG. B'mod partikolari, iż-żieda fis-surplus primarju hija dovuta għal tkabbir qawwi fid-dħul, li jkompli jibbenefika mill-prestazzjoni pożittiva tas-suq tax-xogħol, aktar milli mit-tpaċija tat-tnaqqis permanenti fil-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol u ż-żieda fin-nefqa kapitali. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta' 1,2 % fl-2025. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, hija pprojettata li tkun ġeneralment newtrali fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 136,7 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment ħtiġijiet ta' self imdaqqsa relatati mal-impatt li dam ma nħass fuq il-flus tal-krediti tat-taxxa għar-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjonijiet, li fis-snin preċedenti affettwaw id-defiċits.

(17)

In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,6 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, apparagun ta' 0,2 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn tal-Italja.

(18)

In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż fl-Italja ammontat għal 1,4 % tal-PDG fl-2021 u għal 1,2 % tal-PDG kemm fl-2022 kif ukoll fl-2023 (16). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata għal 1,3 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Din tikkorrispondi għal tnaqqis ta' 0,1 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021.

(19)

Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Italja hija pprojettata li tikber b'1,2 % fl-2025 u li tonqos b'1,0 % b'mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Italja fl-2025 huwa pprojettat li jkun taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata stabbilita mill-perkors korrettiv, kemm annwalment kif ukoll meta jitqiesu l-2024 u l-2025 f'daqqa. Għalhekk, il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Italja qed tinżamm sospiża.

(20)

Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 2,8 % tal-PDG fl-2026, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied għal 137,6 % sa tmiem l-2026. Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2027. Min-naħa l-oħra, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 137,4 % fl-2027. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 2,9 % tal-PDG fl-2026. It-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż fl-2026 jirrifletti żieda ulterjuri fis-surplus primarju (għal 1,1 % tal-PDG), prinċipalment xprunat minn tnaqqis tas-sussidji għall-investimenti, parzjalment ikkumpensat minn żieda marġinali fin-nefqa fuq l-imgħax. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 1,5 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, hija pprojettata li tkun ġeneralment newtrali fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 138,2 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment l-impatt li dam ma nħass fuq il-flus tal-krediti tat-taxxa għar-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjonijiet.

(21)

Ir-rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fuq terminu medju tal-Italja tispeċifika s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, flimkien ma' skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn jinkludu miżuri eżistenti u intensifikati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll riformi u investimenti addizzjonali fl-oqsma tal-ġustizzja ċivili, it-tassazzjoni, inkluż il-konformità mar-regoli tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, l-ambjent tan-negozju, l-amministrazzjoni pubblika, l-indukrar tat-tfal u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, u r-razzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi tal-istat. Filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Italja fir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha, il-Kummissjoni tqis li r-riformi u l-investimenti li jirfdu estensjoni, li kienu dovuti sat-30 ta' April, ġew implimentati jew bħalissa qed jiġu vvalutati fil-kuntest ta' talba għal pagament skont l-RRF.

Sfidi ta' politika ewlenin

(22)

L-Italja hija wieħed mill-Istati Membri bl-iktar popolazzjoni anzjana, bl-inqas rata tat-twelid u bl-età tan-nisa li jwelldu l-ewwel tarbija tagħhom ogħla mill-medja. Il-bilanċ tal-migrazzjoni għadu pożittiv, iżda ma għadux jikkumpensa għar-rata baxxa tat-twelid. B'riżultat ta' dan, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed tkompli tonqos, u b'hekk tillimita t-tkabbir potenzjali. Perkorsi ta' migrazzjoni legali ġestiti sew jistgħu jikkontrobattu t-tnaqqis demografiku, b'mod partikolari fuq terminu qasir u medju. Fis-snin li ġejjin, pressjonijiet fiskali sinifikanti, huma mistennija li jkunu ta' piż fuq il-finanzi pubbliċi, inkluż l-ispejjeż li qed jiżdiedu relatati mal-iżviluppi demografiċi. B'mod aktar speċifiku, l-infiq tal-gvern fl-Italja jxaqleb lejn il-protezzjoni soċjali (fl-2024, 20,3 % tal-PDG u 43,6 % tan-nefqa primarja), li huwa diffiċli jinżamm minħabba l-pressjonijiet demografiċi. Barra minn hekk, l-infiq fil-pensjonijiet tal-Italja huwa fost l-ogħla fl-UE, u dan jagħmilha aktar diffiċli li titrażżan in-nefqa pubblika. Għalkemm l-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2011 ser tnaqqas gradwalment il-piż, xorta waħda hija mistennija li tiżdied fuq terminu medju minħabba x-xejriet demografiċi u l-effett tal-iskemi ta' rtirar bikri. Huwa meħtieġ sforz ikkoordinat biex jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq pubbliku, li jibni fuq il-miżuri ppjanati mill-Italja fil-pjan fiskali strutturali tagħha fuq terminu medju.

(23)

Id-dħul mit-taxxa tal-Italja b'rabta mal-PDG huwa relattivament għoli meta mqabbel mal-Istati Membri pari, bil-kontribuzzjoni ewlenija ġejja mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol. Il-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol għadu ferm ogħla mill-medja tal-UE, minkejja l-miżuri adottati. Ir-reġimi speċjali u l-firxa wiesgħa ta' nefqiet tat-taxxa, inkluż fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud, jagħmlu s-sistema tat-taxxa ferm kumplessa u jnaqqru l-bażi tat-taxxa, u dan jirriżulta f'telf sinifikanti ta' dħul. It-trasferiment tal-piż tat-taxxa attwalment għoli fuq ix-xogħol għal sorsi oħra ta' dħul mhux daqstant użati, li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, jgħin biex jiżdied il-potenzjal ekonomiku tal-Italja. Barra minn hekk, it-taxxi fuq l-enerġija mhumiex imfassla biex jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni lejn teknoloġiji nodfa. Fl-aħħar nett, l-evażjoni tat-taxxa għadha għolja, għalkemm il-kontromiżuri ambizzjużi meħuda f'dawn l-aħħar snin, inkluż skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, qed jagħtu l-frott. Fl-istess ħin, miżuri reċenti simili għall-amnestiji tat-taxxa jirriskjaw li jkunu kontroproduttivi f'termini ta' konformità mar-regoli tat-taxxa, filwaqt li s-sistema ta' ftehim minn qabel bejn l-amministrazzjoni u n-negozji ż-żgħar dwar l-obbligazzjonijiet tat-taxxa tagħhom teħtieġ monitoraġġ mill-qrib. Il-valuri katastali għadhom mhumiex konformi mal-valuri tas-suq kurrenti, peress li għad iridu jiġu aġġornati kompletament u komprensivment. Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju jindirizza parzjalment din il-kwistjoni bl-aġġornament tar-reġistri katastali għal ċerti proprjetajiet, bħala l-ewwel pass f'riforma usa' tal-politiki relatati mal-akkomodazzjoni.

(24)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u mal-Anness V, il-kriterju 2.2 ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin u li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tlestija tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Italja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta' Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għat tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta' Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirrieżaminawhom, u tisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. L-Italja diġà għamlet progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha, bi 63 % tal-allokazzjoni żborżata. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Italja taċċellera l-implimentazzojni tar-riformi u tal-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti. L-Italja tibbenefika mit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, b'mod partikolari fil-livell lokali, u mid-detezzjoni u l-indirizzar ta' dewmien potenzjali fil-ħin. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(25)

L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), aċċellerat fl-Italja. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. L-Italja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, l-Italja qed tkompli tiffaċċa sfidi, inklużi dawk relatati mat-tisħiħ tal-kompetittività fil-kuntest tat-tranżizzjoni industrijali, l-aċċellerar tat-tranżizzjoni tal-enerġija, iż-żieda fir-reżiljenza tal-ilma, speċjalment fir-reġjuni tan-Nofsinhar u l-akkomodazzjoni b'mod partikolari fi bliet metropolitani u bliet b'popolazzjoni turistika u tal-istudenti kbira. Barra minn hekk, il-pajjiż qed jiffaċċa sfidi fit-tisħiħ tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tiegħu biex jissodisfa l-ħtiġijiet li qed jevolvu tan-negozji, inkluż iż-żieda fil-parteċipazzjoni tat-tagħlim għall-adulti u t-trawwim tal-inklużjoni ta' gruppi sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol, bħan-nisa, iż-żgħażagħ, u dawk bi sfond ta' migrazzjoni. F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), l-Italja hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni – li tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta' April 2025 (18) jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta' nofs it-terminu għal wara l-31 ta' Marzu 2025. Dawn jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għal ħames oqsma ta' prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f'teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f'setturi ta' prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+.

(26)

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta' investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta' 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-Programm InvestEU li jappoġġa investimenti f'oqsma ta' prijorità. L-Italja tista' tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta' teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(27)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, jenħtieġ li l-Italja tindirizza b'mod effettiv l-isfidi li jonqos relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-politika industrijali u l-kompetizzjoni, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll il-ġustizzja u l-amministrazzjoni pubblika.

(28)

Minkejja l-investimenti skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju, il-potenzjal tal-innovazzjoni u tat-tkabbir tal-Italja huwa mxekkel minn investiment limitat fir-R&Ż kemm mis-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku. Fl-2023, in-nefqa tan-negozju fuq ir-R&Ż kienet biss ta' 0,76 % tal-PDG, ferm taħt il-medja tal-UE ta' 1,49 %. Il-qafas tal-inċentivi tar-R&Ż tal-Italja huwa inqas komprensiv u ġeneruż minn dawk tal-pari tagħha fl-UE u jibbenefika minn allokazzjoni aktar strateġika tar-riżorsi eżistenti lejn l-innovazzjoni u l-kollaborazzjonijiet pubbliċi-privati. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi diversi inizjattivi li jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn in-negozji u d-dinja akkademika, li, madankollu, jibbenefikaw minn anqas frammentazzjoni u minn governanza nazzjonali koerenti. L-akkwist tal-innovazzjoni (19) jista' wkoll jaqdi rwol importanti biex tingħata spinta lid-domanda għall-innovazzjoni. Biex ikun effettiv, ikun jeħtieġ pjan ta' azzjoni nazzjonali biex jappoġġa użu dejjem akbar ta' din l-għodda, inkluż miri tal-infiq vinkolanti fejn xieraq. Il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Italja hija limitata minn fatturi strutturali, b'mod partikolari d-daqs tad-ditti. Ditti żgħar (b'inqas minn 20 impjegat) jiġġeneraw 32,5 % tal-fatturat totali tan-negozju (il-medja tal-UE: 22,9 %), filwaqt li ditti kbar (b'250 impjegat jew aktar) – li għandhom ekonomiji ta' skala akbar, investimenti akbar fir-R&Ż u aċċess aktar faċli għall-finanzjament – jirrappreżentaw biss 37,5 % (il-medja tal-UE: 51,1 %). Il-promozzjoni tal-espansjoni ta' negozji ġodda u l-aggregazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jgħinu biex jiżdied l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u tingħata spinta lill-produttività. Is-swieq kapitali tal-Italja għandhom jiġu żviluppati aktar, bil-ħsieb li jiżdiedu l-kwotazzjonijiet ġodda fis-suq ewlieni tal-kambju.

Dan iġib miegħu aktar opportunitajiet ta' konsolidazzjoni għad-ditti domestiċi u aktar aċċess għall-ġid li jkun ogħla mill-medja tal-unitajiet domestiċi Taljani. L-aċċess għal finanzjament mhux bankarju huwa limitat għal negozji innovattivi, peress li s-suq domestiku tal-kapital tar-riskju u tat-tkabbir għadu sottożviluppat, għalkemm fit-triq tat-tkabbir. Il-miżuri fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jipprovdu appoġġ pubbliku addizzjonali għall-kapital tar-riskju, u t-tfassil ta' qafas biex jiġu attirati investituri istituzzjonali, huma l-ewwel pass biex jingħelbu dawn il-limitazzjonijiet. Madankollu, is-swieq kapitali relattivament inqas żviluppati jillimitaw l-opzjonijiet ta' ħruġ għall-investituri tal-ekwità privata u tal-kapital ta' riskju, u jkomplu jiggravaw in-nuqqas ta' sorsi ta' finanzjament għall-innovazzjoni, li huwa l-ingredjent ewlieni għal kompetittività mtejba. Il-promozzjoni tal-aċċess ta' ditti innovattivi għal finanzjament mhux bankarju teħtieġ azzjoni ulterjuri biex jiġu appoġġati l-kwotazzjonijiet tal-offerti pubbliċi inizjali (IPO) u biex tiżviluppa ekosistema vibranti għall-kapital ta' riskju u tkabbir. Dan jinkludi l-istimulazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' investituri istituzzjonali domestiċi u ta' korporazzjonijiet kbar kemm fis-swieq tal-ekwità kkwotati kif ukoll f'dawk mhux ikkwotati. Fl-aħħar nett, is-sistema tar-riċerka u tal-università tal-Italja hija vitali għall-innovazzjoni iżda qed tiffaċċa sfidi sinifikanti. Il-finanzjament għall-edukazzjoni postsekondarja u dik għolja żdied fl-aħħar sentejn, jekk jitqies ukoll l-għadd kbir ta' riżorsi ddedikati għall-interventi infrastrutturali. Sejħiet kompetittivi nazzjonali għal proġetti saru b'mod aktar regolari fl-aħħar snin. L-użu mifrux ta' kuntratti għal perjodu qasir u mingħajr traċċar taż-żamma fil-kariga għar-riċerkaturi, flimkien ma' progressjoni fil-karriera bil-mod u inċerta ġie indirizzat permezz ta' diversi riformi strutturali li għaddejjin, li jrawmu kemm l-attrazzjoni għal riċerkaturi b'talent kif ukoll iż-żamma tagħhom. Barra minn hekk, l-inċentivi limitati għall-universitajiet u r-riċerkaturi biex jikkummerċjalizzaw ir-riċerka jfixklu l-eżiti tal-innovazzjoni. L-uffiċċji tat-trasferiment tat-teknoloġija, għalkemm qed jitjiebu, għadhom relattivament żgħar fl-iskala u ma għandhomx riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex lir-riżultati tar-riċerka jgħinuhom jissarfu f'opportunitajiet ġodda ta' negozju. Is-sinerġiji tagħhom mal-investituri tal-kapital ta' riskju jistgħu jitjiebu wkoll.

(29)

L-Italja tibbenefika minn strateġija industrijali nazzjonali biex tidderieġi l-allokazzjoni tar-riżorsi pubbliċi, tappoġġa t-teknoloġiji strateġiċi u tippromwovi l-iżvilupp tan-Nofsinhar. Filwaqt li l-adozzjoni tal-Green Book u l-pjan strateġiku għaż-Żona Ekonomika Speċjali nedew mill-ġdid id-dibattitu pubbliku dwar l-iżvilupp industrijali, l-adozzjoni ta' diversi pjanijiet industrijali b'governanza differenti, in-nuqqas ta' koordinazzjoni, u l-eżistenza ta' aktar minn 2 000 miżura ta' inċentiv ma jmorrux fid-direzzjoni ta' strateġija nazzjonali ċara għat-tkabbir. Fil-qafas eżistenti, l-identifikazzjoni ta' setturi strateġiċi ma tqisx xejriet u teknoloġiji industrijali ġodda, u n-nuqqas ta' dimensjoni territorjali huwa limitu għall-istrateġija ta' żvilupp għad-distretti industrijali ewlenin. Dan huwa partikolarment rilevanti fuq sfond ta' tnaqqis fil-produzzjoni industrijali nazzjonali u disparitajiet reġjonali sinifikanti, fejn in-Nofsinhar għadu lura f'termini ta' innovazzjoni u kompetittività. L-istrateġija industrijali tibbenefika minn koordinazzjoni aħjar mal-ippjanar tal-investiment infrastrutturali, filwaqt li l-miżuri ta' politika li jippromwovu t-taħriġ u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jenħtieġ li jiġu integrati f'viżjoni industrijali nazzjonali usa', inkluż billi jiġu allinjati l-investimenti pubbliċi mmirati lejn setturi strateġiċi.

(30)

Skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-impenji tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, l-Italja qed timplimenta riforma ambizzjuża tal-amministrazzjoni pubblika li hija mistennija timmodernizza l-ġestjoni tar-riżorsi umani, ittejjeb il-forniment tas-servizzi, u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva f'livell ċentrali u sottonazzjonali. L-aspetti ewlenin ta' din ir-riforma u tal-impenn skont il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jinkludu: (i) l-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-Pjan Integrat għall-Attività Organizzattiva (PIAO), li jipprovdi stampa komprensiva tal-livelli ta' persunal, tal-ħiliet u tal-ħtiġijiet ta' kapaċità ta' kull amministrazzjoni; (ii) portal diġitali ċentralizzat għar-reklutaġġ ibbażat fuq profili professjonali standardizzati (inPA); (iii) pjattaforma nazzjonali għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati pubbliċi (Syllabus); u (iv) ir-rilaxx ta' pjattaforma diġitali ġdida (Minerva), li tippermetti l-interoperabbiltà. Il-bini ta' approċċ immexxi mid-data għall-ippjanar tal-forza tax-xogħol ibbażat fuq l-integrazzjoni ta' dawn l-għodod ikun ta' aktar benefiċċju għall-effettività tal-amministrazzjoni pubblika Taljana. Dan jippermetti lill-amministrazzjonijiet, speċjalment fuq livell lokali biex jidentifikaw il-lakuni speċifiċi fil-kapaċità tagħhom u jieħdu azzjoni xierqa, kemm jekk permezz ta' reklutaġġ kif ukoll permezz ta' taħriġ immirat. Dan l-approċċ jista' jgħin lill-amministrazzjonijiet ċentrali jfasslu miżuri ta' appoġġ li jkunu mfassla aħjar għall-ħtiġijiet tal-amministrazzjonijiet individwali, isaħħu l-koordinazzjoni u jagħmlu t-twassil tas-servizz pubbliku aktar effettiv.

(31)

Skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-impenji tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, l-Italja qed timplimenta riforma kbira tas-sistema ġudizzjarja, li għandha l-għan li tnaqqas ix-xogħol b'lura u ż-żminijiet ta' disponiment fi proċedimenti ċivili u kriminali. Il-ħolqien ta' uffiċċji tal-proċessi kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi, li jipprovdu appoġġ organizzazzjonali u legali lill-imħallfin, ikkontribwew għal titjib fl-effiċjenza tal-qorti. Madankollu, għad fadal xi sfidi. Filwaqt li ż-żmien ta' disponiment f'kawżi ċivili u kummerċjali fil-qrati tal-prim'istanza beda qed jonqos mill-2020 'l hawn, dan jibqa' fost l-itwal fl-UE. F'konformità mal-impenn skont il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, l-istituzzjonalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-uffiċċji tal-proċessi u l-introduzzjoni ta' inċentivi strutturali bbażati fuq il-prestazzjoni għall-qrati jgħinu biex tiżdied aktar l-effiċjenza tas-sistema.

(32)

Kundizzjonijiet ta' qafas aħjar għall-kompetizzjoni jippermettu allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi u jwasslu għal titjib fil-kompetittività u fil-produttività. Aktar kompetizzjoni u titjib fir-regolamentazzjoni settorjali jkunu ta' benefiċċju wkoll għall-konsumaturi. Skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Italja għamlet progress tajjeb f'xi setturi importanti, inkluż l-enerġija, it-trasport u l-ekosistema tan-negozji ġodda, kif ukoll billi mmodernizzat ir-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-fużjonijiet. Ir-riforma tas-servizzi pubbliċi lokali skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għamlet l-għoti ta' kuntratti aktar kompetittiv, iżda huwa meħtieġ aktar sforz biex jiżdied il-monitoraġġ tal-ġestjoni tas-servizzi u jiġi żgurat il-forniment ta' servizzi ta' kwalità lill-utenti kollha. Inizjattivi leġiżlattivi oħra huma ġġustifikati wkoll għal: (i) kummerċ bl-imnut, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli għall-ftuħ tal-ħwienet u t-tmexxija tal-promozzjonijiet tal-bejgħ; (ii) professjonijiet regolati, b'mod partikolari biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet mhux proporzjonali; u (iii) is-settur ferrovjarju, fejn l-għoti ta' kuntratti reġjonali u ta' bejn il-bliet jeħtieġ li jkun miftuħ għall-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, għad hemm ostakli sinifikanti f'għadd ta' setturi oħra, inkluż tal-kura tas-saħħa u tal-farmaċewtiċi, tat-trasport mhux lineari u tas-servizzi portwarji. B'mod partikolari, il-kompetizzjoni jenħtieġ li tiġi promossa fi: (i) l-akkwist ta' prodotti farmaċewtiċi (speċjalment għal prodotti bijosimili); (ii) l-akkreditazzjoni (accreditamento) ta' kumpaniji privati fis-sistema tas-saħħa pubblika; (iii) il-forniment ta' servizzi tat-trasport mhux lineari fuq livell lokali; (iv) is-sejħa għall-offerti ta' konċessjonijiet portwarji; u (v) il-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-indipendenza finanzjarja u tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-port.

(33)

L-Italja għadha qed tiffaċċa ostakli strutturali biex tħaffef l-elettrifikazzjoni tas-sistema tal-enerġija tagħha u żżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, minkejja l-potenzjal sostanzjali tagħha solari u eoliku. Ostaklu ewlieni jibqa' l-kumplessità u l-frammentazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' permessi, li jdewmu l-implimentazzjoni tal-proġetti u jfixklu l-fiduċja tal-investituri. Barra minn hekk, il-proporzjon tal-prezz tal-enerġija elettrika apparagun tal-gass huwa fost l-ogħla fl-UE. Ir-riformi appoġġati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza bdew jindirizzaw l-ostakli amministrattivi fil-proċeduri għall-għoti ta' permessi għall-enerġija rinnovabbli, iżda huma meħtieġa aktar simplifikazzjoni u konsolidazzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-għoti tal-permessi biex titħaffef it-tnedija tagħhom. Fl-istess ħin, l-integrazzjoni ta' ishma ogħla ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli varjabbli teħtieġ investimenti kkoordinati fl-infrastruttura tal-grilja tal-elettriku, b'mod partikolari biex tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema permezz ta' teknoloġiji li mhumiex tal-fjuwils fossili bħal mekkaniżmi ta' ħżin u rispons għad-domanda (eż. tariffi tal-użu tal-ħin, skemi ta' pprezzar dinamiku, sistemi ta' kejl intelliġenti, u l-parteċipazzjoni tal-aggregaturi u tal-konsumaturi industrijali fis-swieq tal-ibbilanċjar). L-interkonnessjonijiet transfruntieri għadhom ukoll sottożviluppati f'partijiet tan-network, u dan jillimita l-kapaċità tal-Italja li tibbenefika mill-ibbilanċjar reġjonali u l-konverġenza tal-prezzijiet. It-tisħiħ tar-reżiljenza u l-interkonnettività tal-grilja jgħin biex jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni billi jwassal aktar elettriku rinnovabbli lis-setturi koperti mir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi – b'mod partikolari t-trasport u l-bini, u jikkontribwixxi biex jiġi indirizzat id-distakk għall-mira tal-ESR (Effort Sharing Regulation). Dan jgħin ukoll biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-enerġija u jitnaqqsu l-ogħla livelli marbuta mal-ġenerazzjoni tal-gass f'suq volatili.

(34)

L-esponiment għoli tal-Italja għar-riskji klimatiċi, b'mod partikolari għar-riskji idroġeoloġiċi, għandu impatt fuq l-ekonomija, b'mod partikolari fuq l-SMEs. Madankollu, il-governanza tal-politiki dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima hija frammentata bejn diversi awtoritajiet u korpi, kemm fuq livell ċentrali kif ukoll fuq dak lokali, u l-potenzjal ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura mhuwiex sfruttat bis-sħiħ. Barra minn hekk, it-telf u d-degradazzjoni tal-ħamrija jeħtieġu miżuri biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-ħamrija biex jitnaqqsu r-riskji idroġeoloġiċi u l-impatt ta' nixfa. Barra minn hekk, filwaqt li l-kopertura tal-assigurazzjoni għal avvenimenti relatati mal-klima għadha qed tiżviluppa, rekwiżit tal-assigurazzjoni obbligatorju għad-ditti jidħol fis-seħħ minn Marzu 2025, u ser jiġi implimentat bis-sħiħ sa tmiem is-sena. It-telf minħabba eventi bħal dawn ikompli jixħet dawl fuq id-diskrepanza kbira fl-assigurazzjoni tal-klima li teħtieġ it-tisħiħ tal-qafas eżistenti. L-Italja għandha prestazzjoni ogħla mill-medja tal-UE f'termini ta' ekonomija ċirkolari. Madankollu, id-defiċits infrastrutturali għall-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart, b'mod partikolari fir-reġjuni tan-Nofsinhar, għandhom impatti serji fuq l-ambjent, b'kostijiet konsiderevoli u bi dħul mitluf mit-taxxa għall-ekonomija Taljana.

(35)

Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u d-dgħufijiet fil-kwalità tal-impjiegi għadhom sfidi kbar fl-Italja, b'inċidenza li qed tonqos iżda li għadha relattivament għolja ta' kuntratti atipiċi u għal terminu fiss, b'mod partikolari fost in-nisa, iż-żgħażagħ u l-migranti. It-tkabbir strutturalment baxx fil-produttività tax-xogħol jirrestrinġi t-tkabbir fil-pagi. Matul l-aħħar għaxar snin, filwaqt li l-produttività tax-xogħol staġnat, il-pagi nominali żdiedu inqas mill-inflazzjoni; b'riżultat ta' dan, il-pagi reali naqsu. It-tisħiħ tan-negozjar kollettiv jista' jgħin biex jitrawwem tkabbir fil-pagi flessibbli u sostenibbli li jirrifletti l-produttività tal-kumpaniji u l-kundizzjonijiet lokali. Fl-2024, is-sehem ta' ħaddiema li huma f'riskju ta' faqar kien ogħla mill-medja tal-UE, inkluż kemm għall-ħaddiema full-time kif ukoll għal dawk part-time. Flimkien ma' pagi baxxi, l-użu mifrux ta' kuntratti atipiċi jikkontribwixxi wkoll għall-faqar fost dawk li jaħdmu billi jnaqqas l-għadd ta' sigħat maħduma. Il-kuntratti permanenti qed jiżdiedu fl-Italja iżda s-sehem ta' impjegati b'kuntratt għal terminu fiss, għalkemm qed jonqos minn 15,7 % fl-2023 għal 14,4 % fl-2024, baqa' fost l-ogħla fl-UE, u t-tranżizzjonijiet minn impjiegi temporanji għal impjiegi permanenti huma ferm taħt il-medja tal-UE. Il-ħaddiema part-time u dawk b'kuntratt għal terminu fiss jiffaċċaw riskju ogħla ta' faqar kemm mill-medja tal-UE kif ukoll mill-ħaddiema permanenti full-time tal-Italja. Aktar minn 50 % tal-kuntratti part-time u 10 % tal-kuntratti temporanji kienu involontarji, u dan jirrifletti l-potenzjal li jiżdied id-dħul permezz ta' kuntratti stabbli u intensità tax-xogħol akbar. Is-sehem ta' persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom fost il-persuni b'impjieg, filwaqt li qed jonqos, huwa għoli wkoll meta mqabbel mal-medja tal-UE. Flimkien, il-pagi baxxi u forom ta' xogħol mhux standard mifruxa jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inaqqsu l-attraenza u l-kwalità tal-impjiegi u jġiegħlu lil ħafna gradwati żgħażagħ jemigraw biex ifittxu prospetti aħjar ta' karriera u ta' pagi barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fl-Italja għadha baxxa.

Id-differenza fl-impjiegi bejn in-nisa u l-irġiel hija waħda mill-aktar wiesgħa fl-UE, b'19,4 punti perċentwali, u ma wriet l-ebda sinjal ta' titjib matul dawn l-aħħar għaxar snin. Fin-Nofsinhar, id-differenza tilħaq it-28 punt perċentwali. Dan jirrifletti wkoll nuqqasijiet importanti fil-provvista tas-servizzi ta' kura għat-tfal u għall-anzjani, u dawn tal-aħħar huma partikolarment importanti meta titqies ix-xejra fit-tixjiħ demografiku. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tat-titjib fil-konverġenza soċjali, f'konformità mal-analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (20). Huma meħtieġa sforzi kontinwi biex l-għoti ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u ta' servizzi ta' kura fit-tul affordabbli jibqgħu jiġu estiżi, filwaqt li jkomplu jissaħħu l-investimenti u r-riformi mwettqa taħt l-RRF u l-impenn tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jqiegħed fil-mira reġjuni b'kopertura baxxa biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u tiżdied l-affordabbiltà tal-indukrar tat-tfal.

(36)

Ir-riformi reċenti adottati taħt l-RRF għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-isfidi relatati max-xogħol mhux iddikjarat. Madankollu, l-iskala tal-problema, b'mod partikolari f'ċerti setturi, titlob azzjoni ulterjuri. It-titjib tal-produzzjoni tad-data granulari f'waqtha dwar ix-xogħol mhux iddikjarat jgħin biex l-ispezzjonijiet kif ukoll ir-rispons politiku jiġu mmirati aħjar. Barra minn hekk, filwaqt li jissaħħu l-miżuri li qed jiġu implimentati skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, setturi bħall-agrikoltura u l-ħidma domestika jeħtieġ li jiġu mmirati b'interventi apposta, pereżempju billi jissaħħu l-attivitajiet ta' infurzar u jitnaqqsu l-inċentivi biex persuni jiddependu fuq ix-xogħol irregolari. Fl-aħħar nett, il-monitoraġġ mill-qrib tal-miżuri implimentati reċentement, b'mod partikolari għas-setturi l-aktar affettwati, huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom u biex dawn jindirizzaw strutturalment din l-isfida persistenti.

(37)

Aktar investiment fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u r-riformi strutturali tagħhom jibqgħu kruċjali biex jiġu indirizzati l-istaġnar fil-produttività u d-diskrepanzi fil-ħiliet. Ir-riżultati tal-istħarriġ PISA tal-OECD tal-2022 juru livell aktar baxx mill-medja tal-UE fil-prestazzjoni tal-ħiliet bażiċi, bil-prestazzjoni ġenerali titjieb fil-qari, tibqa' stabbli fix-xjenza u tmur għall-agħar fil-matematika. In-nuqqas ta' prestazzjoni huwa partikolarment evidenti fost l-istudenti żvantaġġati u dawk irreġistrati fil-perkors tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali (VET), li jiggrava l-inugwaljanzi soċjali. Sabiex l-istudenti jiġu mgħammra b'kompetenzi bażiċi adegwati, huma meħtieġa miżuri mmirati. Dawn jinkludu l-inċentivar ta' għalliema b'esperjenza biex jaħdmu fi skejjel żvantaġġati, l-espansjoni tal-edukazzjoni full-time (tempo pieno), u t-twessigħ tal-firxa ta' inizjattivi bħall-programm tal-iskola tas-sajf “Piano Estate”. Barra minn hekk, il-promozzjoni ta' metodi innovattivi ta' tagħlim b'enfasi fuq is-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM, science, technology, engineering and mathematics) u t-titjib tat-taħriġ tal-għalliema fis-servizz jistgħu jgħinu biex tiżdied il-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi. Il-pajjiż għandu t-tieni l-aktar rata baxxa fl-UE fil-kisba tal-edukazzjoni terzjarja. L-immodernizzar tal-kurrikuli postsekondarji biex jiġu integrati l-ħiliet trasversali rilevanti u l-għarfien orjentat lejn ix-xogħol jista' jħejji aħjar lill-gradwati għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel b'ħeffa, u b'hekk tittejjeb l-impjegabbiltà tagħhom.

(38)

Għalkemm ir-rata ġenerali tal-postijiet tax-xogħol battala fl-Italja għadha relattivament baxxa b'madwar 2 %, setturi bħall-kostruzzjoni, il-kura tas-saħħa u l-ICT qed jiffaċċaw nuqqas ta' ħaddiema. Is-sostenn tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' suċċess promossi taħt l-RRF fil-VET, inkluż istituti tekniċi għolja, u l-allinjament tal-kurrikuli mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari fil-ħiliet trasversali, ekoloġiċi u diġitali, huma kruċjali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali. Barra minn hekk, l-espansjoni tat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, b'enfasi fuq it-taħriġ fuq terminu qasir u l-mikrokredenzjali mmirati lejn setturi b'rata għolja ta' tkabbir u b'domanda għolja, hija essenzjali biex jittaffa n-nuqqas ta' ħaddiema fuq terminu qasir.

(39)

Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti fl-Italja għadha fost l-aktar baxxi fl-UE u qed tonqos, u dan ifixkel it-tkabbir tal-produttività fost forza tax-xogħol li qed tixjieħ b'rata mgħaġġla. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ħiliet fuq terminu medju sa twil u biex jitrawwem il-potenzjal tal-programmi ta' taħriġ li jikkontribwixxu għall-kompetittività nazzjonali, huwa essenzjali li s-sistema tat-tagħlim għall-adulti tissaħħaħ strutturalment u li l-politiki tat-taħriġ jiġu allinjati mal-prijoritajiet industrijali, bħall-inizjattivi Transizione 4.0 u Transizione 5.0, li jiffukaw fuq l-għoti ta' taħriġ għal ħiliet mitluba minn setturi b'rata għolja ta' tkabbir. Abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt, il-miżuri tal-RRF ta' suċċess, inkluż is-sistema doppja u l-garanzija tal-impjegabbiltà tal-ħaddiema (garanzia di occupabilità dei lavoratori - GOL) skont politiki attivi tas-suq tax-xogħol, jenħtieġ li jiġu estiżi lil hinn mill-2026 u jsiru aktar prevedibbli għall-atturi tas-suq tax-xogħol. Il-pjanijiet reġjonali tal-ħiliet fl-ambitu tal-RRF jenħtieġ li jiġu allinjati mal-istrateġiji industrijali nazzjonali, bħal-Libro Bianco, biex jiġi żgurat żvilupp koerenti tal-ħiliet li jappoġġa l-prijoritajiet ekonomiċi.

(40)

Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Italja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), (5) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (1), (4) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.

(41)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3) (5) u (6). Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn għoli tal-gvern. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3), (5) u (6) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta ma' tkabbir dgħajjef fil-produttività, li b'estensjoni jappoġġa t-tkabbir potenzjali tal-PDG, u b'riżultat ta' dan jgħin wkoll għall-indirizzar tar-rakkomandazzjoni (1). Ir-rakkomandazzjonijiet (1), (3), (5) u (6) jikkontribwixxu kemm għall-indrizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, f'konformità mal-premessa 40,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:

1.

Jissaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir ta' nefqa netta rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025, bil-għan li ttemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv. Timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta' aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025. F'konformità mal-objettivi tas-sostenibbiltà fiskali, is-sistema tat-taxxa ssir aktar favorevoli għat-tkabbir, billi tkompli tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, tnaqqas il-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol u n-nefqiet tat-taxxa li jifdal, inkluż dawk relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud u s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, kif ukoll taġġorna l-valuri katastali, filwaqt li tibni fuq l-impenn tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju bħala parti minn rieżami usa' tal-politiki relatati mal-akkomodazzjoni, filwaqt li tiżgura l-ekwità. Iżżid l-isforzi biex ittejjeb l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa pubblika. Ittaffi l-effetti tat-tixjiħ fuq it-tkabbir potenzjali u s-sostenibbiltà fiskali, inkluż billi tillimita ulterjorment l-użu ta' skemi ta' rtirar bikri u billi tindirizza l-isfidi demografiċi, filwaqt li tattira u żżomm ukoll forza tax-xogħol ta' kwalità għolja.

2.

Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Tħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta' nofs it-terminu. Isir użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività.

3.

Tappoġġa l-innovazzjoni billi tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn in-negozji u d-dinja akkademika, l-akkwist tal-innovazzjoni, il-kapital tar-riskju korporattiv u l-opportunitajiet għat-talenti. Tagħti spinta lir-rwol tal-universitajiet fl-innovazzjoni billi żżid ulterjorment il-fokus tagħhom fuq il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u billi ttejjeb il-perkors tal-karriera tar-riċerkaturi. Tippromwovi t-tkabbir u l-aggregazzjoni tal-SMEs u tan-negozji ġodda, anke fid-dawl tal-impenji fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Timplimenta strateġija industrijali biex tnaqqas d-distakk territorjali, billi tissimplifika l-miżuri ta' politika attwali u billi tqis il-proġetti infrastrutturali ewlenin.

4.

Iżżid ulterjorment l-effettività u l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika u ssaħħaħ aktar il-kapaċità amministrattiva, b'mod partikolari fil-livell lokali. Tkompli tnaqqas ix-xogħol b'lura u ż-żmien ta' disponiment tas-sistema ġudizzjarja. Tindirizza r-restrizzjonijiet li fadal għall-kompetizzjoni, inkluż fis-servizzi pubbliċi lokali, fis-servizzi tan-negozju u fis-settur ferrovjarju.

5.

Tħaffef l-elettrifikazzjoni u tintensifika l-isforzi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli, inkluż billi tnaqqas il-frammentazzjoni tar-regolamentazzjoni dwar l-għoti tal-permessi u tinvesti fil-grilja tal-elettriku. Tindirizza r-riskji relatati mal-klima u timmitiga l-impatt ekonomiku tagħhom, permezz ta' aktar koordinazzjoni istituzzjonali, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u b'assigurazzjoni klimatika li tkoprihom. Tindirizza l-ineffiċjenzi li fadal fil-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart billi tnaqqas il-lakuni infrastrutturali.

6.

Tippromwovi l-kwalità tal-impjiegi u tnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, anke biex tappoġġa pagi adegwati, u żżid l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għal gruppi sottorappreżentati, inkluż billi tkompli ssaħħaħ il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u ttejjeb l-aċċess affordabbli għall-kura tat-tfal u fit-tul ta' kwalità, filwaqt li tqis d-disparitajiet reġjonali. Tkompli għaddejja bl-isforzi biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, b'mod partikolari fis-setturi l-aktar milquta. Tkompli tippromwovi l-VET postsekondarji u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol f'setturi b'domanda għolja biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-ħiliet fuq terminu qasir, filwaqt li ssaħħaħ it-tagħlim għall-adulti billi jiġi estiż it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol f'setturi b'rata għolja ta' tkabbir. Ittejjeb l-eżiti edukattivi filwaqt li tiffoka fuq l-istudenti żvantaġġati, inkluż billi ssaħħaħ il-ħiliet bażiċi.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax; (ii) il-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja (ST 10160/2021).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja (ST 16051/2023).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Italja (ĠU C, C/2025/651, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/651/oj).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).

(10)  Il-Kummissjoni Ewropea (2025), In-Depth Review 2025 – Italy, EUROPEAN ECONOMY, Dokument Istituzzjonali 310.

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fl-Italja (ST 5035/25).

(13)  Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(14)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.

(15)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(16)  Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista' tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(18)   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu - COM(2025) 123 final.

(19)  Skont il-gwida tal-Kummissjoni C(2018)3051, l-“akkwist tal-innovazzjoni” jirreferi għal kwalunkwe akkwist li għandu wieħed mill-aspetti li ġejjin jew it-tnejn li huma: ix-xiri tal-proċess tal-innovazzjoni – servizzi ta' riċerka u żvilupp – b'riżultati (parzjali); ix-xiri tal-eżiti tal-innovazzjoni maħluqa minn oħrajn. L-akkwist tal-innovazzjoni għalhekk ikopri l-akkwist tar-riċerka u l-iżvilupp, l-akkwist pubbliku tas-soluzzjonijiet innovattivi kif ukoll l-akkwist pubbliku li jixtri taħlita kemm ta' riċerka u ta' żvilupp kif ukoll is-soluzzjonijiet innovattivi li jirriżultaw.

(20)   SWD(2025)95 – Second-stage country analysis on social convergence in line with the Social Convergence Framework (SCF), 2025.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3986/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)