KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl‑10 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑614/20

AS Lux Express Estonia

vs

Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Servizzi pubbliċi tat-trasport tal-vjaġġaturi bil-ferrovija u bit-triq – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Regola ġenerali li timponi obbligu ta’ trasport b’xejn għal ċerti kategoriji ta’ persuni – Artikolu 2(e) u l-Artikolu 3(2) – Obbligu ta’ servizz pubbliku – Dritt għal kumpens – Artikolu 4(1)(b)(i) – Setgħa ta’ Stat Membru li jeskludi l-kumpens – Artikolu 3(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni”

1.

Il-leġiżlazzjoni tal-Estonja tobbliga lill-impriżi tat-trasport bit-triq jittrasferixxu lil ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi b’xejn (fil-qosor, tfal fl-età preskolastika u persuni b’diżabbiltà).

2.

It-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) tistaqsi, essenzjalment, jekk dan id-dmir legali jaqax taħt il-kunċett ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku ddefinit mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ( 2 ) u, jekk dan huwa l-każ, jekk l-impriżi kkonċernati għandhomx dritt għal kumpens għat-telf ta’ dħul korrispondenti.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni. Regolament Nru 1370/2007

3.

Skont l-Artikolu 1 (“Skop u kamp ta’ applikazzjoni”):

“1.   L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.

[…]”.

4.

L-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘trasport pubbliku għall-passiġġieri’ tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

[…]

(e)

‘obbligu ta’ servizz pubbliku’ tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens;

(f)

‘dritt esklussiv’ tfisser dritt li jintitola operatur ta’ servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f’żona partikolari, bl-esklużjoni ta’ tali operatur ieħor;

(g)

‘kumpens ta’ servizz pubbliku’ tfisser kwalunkwe benefiċċju, b’mod partikolari benefiċċju finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti [awtorità pubblika] mill-fondi pubbliċi matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jew f’konnessjoni ma’ dak il-perijodu;

[…]

(l)

‘regola ġenerali’ tfisser miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri ta’ l-istess tip f’żona ġeografika partikolari li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli;

[…]”

5.

Skont l-Artikolu 3 (“Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali”):

“1.   Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ regoli ġenerali. F’konformità mal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma’ l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Dan hekk għandu jkun minkejja d-dritt ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f’kuntratti għal servizz pubbliku.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament regoli ġenerali dwar kumpens finanzjarju għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jistabilixxu tariffi massimi għal tfal ta’ l-iskola, studenti, apprentisti u persuni b’mobilità mnaqqsa. Dawn ir-regoli ġenerali għandhom jiġu nnotifikati skond l-Artikolu 88 tat-Trattat. Kwalunkwe tali notifika għandha tinkludi informazzjoni kompluta dwar il-miżura, u b’mod partikolari, dettalji dwar il-metodu ta’ kalkolu”.

6.

L-Artikolu 4 (“Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali”) jipprovdi li:

“1.   Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

(a)

jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta’ servizz pubbliku li magħhom għandhu jkun konformi l-operatur ta’ servizz pubbliku u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

(b)

jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti:

(i)

il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

(ii)

in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija, b’mod li jevita l-kumpens żejjed.

[…]”.

7.

L-Artikolu 6 (“Kumpens għas-servizz pubbliku”) jiddetermina li:

“1.   Kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4 […]”.

8.

Skont l-Anness (“Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)”):

“1.   Il-kumpens marbut ma’ kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija direttament skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6) jew ma’ regola ġenerali għandu jiġi kkalkulat skond ir-regoli mniżżla f’dan l-Anness.

2.   Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta’ l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta’ konformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta’ l-operatur ta’ servizz pubbliku. L-effetti għandhom ikunu valutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. Sabiex jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett, l-awtorità kompetenti għandha tkun iggwidata mill-iskema segwenti:

[…]

3.   Konformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku jista’ jkollu impatt fuq attivitajiet possibbli ta’ trasport ta’ operatur lil hinn mill-obbligu(i) ta’ servizz pubbliku in kwistjoni. Għalhekk, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed jew nuqqas ta’ kumpens, għandu jittieħed kont ta’ effetti finanzjarji kwantifikabbli fuq ir-rettikolati kkonċernati ta’ l-opertur meta jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett.

[…]”.

B.   Id-dritt Estonjan. Ühistranspordiseadus ( 3 )

9.

L-Artikolu 34 jipprevedi li:

“F’linja nazzjonali li tifforma parti mit-trasport bit-triq, fuq l-ilma jew bil-ferrovija, it-trasportatur huwa obbligat jittrasporta, b’xejn, lit-tfal li fl‑1 ta’ Ottubru tas-sena skolastika li tkun għaddejja jkollhom inqas minn 7 snin, lit-tfal li l-bidu tat-tagħlim obbligatorju tagħhom ġie pospost, lill-persuni b’diżabbiltà li għandhom inqas minn 16‑il sena, lill-persuni b’diżabbiltà gravi li għandhom iktar minn 16‑il sena, lill-persuni b’diżabbiltà viżiva gravi u lill-persuni li jakkumpanjaw persuna b’diżabbiltà viżiva gravi jew sinjifikattiva, kif ukoll lill-klieb gwida jew ta’ assistenza ta’ persuni b’diżabbiltà. It-trasportatur ma għandu jirċievi l-ebda kumpens għat-trasport b’xejn tal-vjaġġaturi li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji”.

II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari

10.

Fil‑5 ta’ Ġunju 2019, Eesti Buss OÜ u AS Lux Express Estonia, impriżi intiżi għat-trasport kummerċjali ta’ vjaġġaturi bit-triq ( 4 ), talbu lill-Ministru għall-Ekonomija u għall-Infrastruttura tal-Estonja kumpens għan-nuqqas ta’ profitt mill-bejgħ ta’ biljetti skont l-Artikolu 34 tal-ÜTS.

11.

Fl‑10 ta’ Lulju 2019, il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Infrastrutturi ċaħad it-talbiet abbażi tal-fatt li, skont l-Artikolu 34 tal-ÜTS, l-impriżi ma kellhom dritt għal ebda kumpens għat-trasport b’xejn tal-vjaġġaturi li jaqgħu fil-kategoriji speċifikati fih.

12.

Fit‑12 ta’ Awwissu 2019, Lux Express Estonia ressqet talba quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) li permezz tagħha fittxet, primarjament, il-kumpens għad-danni ( 5 ) u, b’mod sussidjarju, il-kundanna għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju ta’ ammont raġonevoli, flimkien mal-interessi, stabbilit mill-qorti.

13.

Skont il-qorti tar-rinviju:

–

L-Artikolu 34 tal-ÜTS jistabbilixxi regola ġenerali, fis-sens li l-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, billi jistabbilixxi tariffa massima (b’xejn) għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat li dawn il-vjaġġaturi jkollhom trasport ekonomiku ggarantit. Ma huwiex probabbli li imprenditur jiżgura t-trasport b’xejn tal-vjaġġaturi jekk ma jkunx hemm intervent mill-awtoritajiet pubbliċi.

–

Mill-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1370/2007 jidher li t-trasportatur għandu jkun ikkumpensat, iżda l-Artikolu 4(1)(b)(i) tal-istess regolament jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jeskludu l-kumpens abbażi tad-dritt nazzjonali.

–

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jeżentaw mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ir-regoli ġenerali dwar il-kumpens finanzjarju għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxi tariffi massimi għal tfal tal-iskola, studenti, apprendisti u persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

14.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-ipoteżi li r-Regolament Nru 1370/2007 ma huwiex applikabbli, il-kumpens jistax ikun ibbażat fuq att ieħor tal-Unjoni (pereżempju, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)) jew jekk il-kawża għandhiex tiġi deċiża esklużivament skont id-dritt nazzjonali.

15.

Finalment, fil-każ li jingħata kumpens lit-trasportatur, id-dubji tagħha jestendu għar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-ammont tiegħu konformement mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

16.

F’dan il-kuntest, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn) tagħmel dawn id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Għandu jkun ikkunsidrat, fil-każ li l-liġi timponi b’mod uniformi fuq kwalunkwe impriża privata li topera fit-territorju nazzjonali, bħala attività kummerċjali, servizz regolari tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, bil-vjaġġaturi fuq l-ilma interni u bil-ferrovija, obbligu tat-trasport ta’ ċerti kategoriji ta’ passiġġieri mingħajr ħlas (tfal li għadhom ma laħqux l-età tal-iskola, minuri b’diżabbiltà taħt is‑16‑il sena, persuni b’diżabbiltà severa ta’ 16‑il sena u iktar, persuni b’indeboliment viżiv serju, persuni li jakkumpanjaw il-persuni b’indeboliment viżiv qawwi jew serju, klieb gwida jew ta’ assistenza li jakkumpanjaw persuni b’diżabbiltà), li hemm obbligu ta’ servizz pubbliku fis-sens tal-Artikolu 2(e) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 […]?

2)

Fil-każ ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament Nru 1370/2007, l-Istat Membru għandu d-dritt, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007, li jeskludi permezz ta’ liġi nazzjonali l-għoti ta’ kumpens lit-trasportatur għall-eżekuzzjoni ta’ tali obbligu?

Fil-każ li l-Istat Membru jkollu d-dritt li jeskludi l-għoti ta’ kumpens lit-trasportatur, taħt liema kundizzjonijiet jista’ jagħmel dan?

3)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti wkoll l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ta’ regoli ġenerali intiżi sabiex jiffissaw tariffi massimi għal kategoriji ta’ passiġġieri barra minn dawk intiżi minn din id-dispożizzjoni?

L-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni previst fl-Artikolu 108 TFUE japplika wkoll meta r-regoli ġenerali li jiffissaw it-tariffi massimi ma jipprevedux l-għoti ta’ kumpens lit-trasportatur?

4)

Jekk ir-Regolament Nru 1370/2007 ma japplikax f’dan il-każ, il-kundanna għall-għoti ta’ kumpens tista’ tkun ibbażata fuq att ieħor tad-dritt tal-Unjoni (bħall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)?

5)

Il-kumpens li, skont il-każ, sejjer jingħata lit-trasportatur, liema kundizzjonijiet għandu jissodisfa sabiex jikkonforma mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Novembru 2020.

18.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Lux Express Estonia, mill-Gvern Estonjan u mill-Kummissjoni Ewropea.

19.

Iż-żamma ta’ seduta ma ġietx ikkunsidrata bħala indispensabbli.

IV. Analiżi

A.   L-ewwel domanda preliminari

20.

Fir-Repubblika tal-Estonja, l-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku ta’ vjaġġaturi hija rregolata mill-ÜTS. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tinkludi t-trasport ta’ passiġġieri bit-triq, li jista’ jieħu l-forma ta’ servizzi regolari, okkażjonali u ta’ taxi.

21.

Is-servizzi regolari, li jinkludu l-mezzi tat-trasport pubbliku bl-art, għandhom jiġu pprovduti jew fil-kuntest ta’ kuntratti għal servizz pubbliku jew fil-forma ta’ servizzi kummerċjali ( 6 ).

22.

It-tariffa applikabbli għas-servizzi regolari kummerċjali hija ffissata mit-trasportatur. Għas-servizzi regolari offruti fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku, it-tariffa massima għal kull kilometru jew il-prezz massimu tal-biljett tat-trasport huma ffissati mill-awtorità kompetenti.

23.

L-Artikolu 34 tal-ÜTS jobbliga lil kull operatur jipprovdi servizz regolari nazzjonali sabiex jittrasporta mingħajr ħlas lil ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, bħat-tfal ta’ età preskolastika u persuni b’diżabbiltà, fit-termini diġà esposti ( 7 ). L-operatur ma jirċievi ebda kumpens għat-trasport mingħajr ħlas minn dawn il-vjaġġaturi.

24.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dmir ta’ trasport mingħajr ħlas stabbilit mil-leġiżlazzjoni Estonjana jaqax taħt il-kunċett ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tar-Regolament Nru 1370/2007.

25.

Ir-Regolament Nru 1370/2007, b’“obbligu ta’ servizz pubbliku” jfisser ir-“rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens” ( 8 ).

26.

L-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku hija mezz ta’ intervent mill-awtoritajiet kompetenti fis-settur tat-trasport tal-vjaġġaturi li r-Regolament Nru 1370/2007 innifsu jikklassifika bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (Artikolu 2(a)). Hija intiża sabiex “[…] [tiggarantixxi] l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti” ( 9 ).

27.

Sabiex jiġi implimentat obbligu ta’ servizz pubbliku, ir-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti l-użu ta’ żewġ tipi ta’ għodod ġuridiċi: il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali ( 10 ).

28.

Wieħed mill-obbligi ta’ servizz pubbliku ċċitati bħala eżempju mir-Regolament Nru 1370/2007 huwa, ġustament li “jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi […] għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri” permezz ta’ regoli ġenerali (Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007).

29.

Il-Gvern Estonjan jirrikonoxxi li l-Artikolu 34 tal-ÜTS ( 11 ) jimponi fuq it-trasportaturi kummerċjali l-obbligu kontenzjuż, bil-għan li “jippermetti lill-familji bi tfal ta’ età żgħira u lill-persuni b’diżabbiltà jużaw it-trasport pubbliku billi jagħmluh iktar abbordabbli u aċċessibbli għalihom” ( 12 ).

30.

Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Estonjan juru b’mod ċar li l-istabbiliment ta’ tariffa “żero” favur ċerti gruppi soċjali fuq ir-rotot tal-karozzi tal-linja kummerċjali għandu għan ta’ interess ġenerali, konformement ma’ kriterji soċjali.

31.

Tali interess soċjali ma jkunx kopert b’mod gratwit minn operatur li huwa interessat biss fil-profitti tal-operat kummerċjali tiegħu. Il-provvista ta’ servizz mingħajr remunerazzjoni ma tagħmilx parti mil-loġika tas-suq u, minħabba f’hekk, il-liġi tittrasforma l-impożizzjoni tad-dmir ta’ trasport mingħajr ħlas f’obbligu ta’ servizz pubbliku li t-twettiq tiegħu huwa neċessarju (f’dan il-każ, impost b’“regola ġenerali”).

32.

B’hekk, l-Artikolu 34 tal-ÜTS jirrifletti obbligu ġenwin ta’ servizz pubbliku, impost fuq l-operaturi li jipprovdu servizz nazzjonali regolari, li jikkonsisti fit-trasport b’xejn ta’ ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi ( 13 ).

33.

Peress li l-ÜTS tieħu l-limitazzjoni tariffarja fl-estrem (ammont “żero”), ir-riżultat huwa li, permezz ta’ regola ġenerali, hija tissuġġetta lit-trasportaturi għal obbligu reali ta’ servizz pubbliku intiż sabiex jiffavorixxi “ċerti kategoriji ta’ passiġġieri”.

34.

Dan ma huwiex il-każ jekk, skont ir-Regolament Nru 1370/2007, dan l-obbligu għandu jkun akkumpanjat minn kumpens ( 14 ) għat-trasportatur, li huwa s-suġġett tat-tieni domanda preliminari.

B.   It-tieni domanda preliminari

35.

Il-qorti tar-rinviju tifhem, ġustament, li jekk l-ÜTS tikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament Nru 1370/2007, bħala prinċipju u skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, it-trasportatur li jissodisfa dan l-obbligu għandu jiġi kkumpensat.

36.

Madankollu, hija tistaqsi jekk Stat Membru jistax, skont l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007, jevita, permezz ta’ liġi nazzjonali, il-ħlas ta’ dan il-kumpens lit-trasportatur u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet.

37.

Fl-analiżi ta’ din id-domanda preliminari, fl-ewwel lok għandu jiġi indirizzat il-kumpens u, fit-tieni lok, l-esklużjoni possibbli tiegħu skont l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007.

1. Korrispettiv għall-obbligi ta’ servizz pubbliku

38.

Ir-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi korrispettiv ( 15 ) għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma ta’ piż għall-impriżi kkonċernati. L-operatur tat-trasport li jassumi dawn l-obbligi għandu dritt jew għal kumpens ( 16 ) jew għall-għoti ta’ dritt esklużiv ( 17 ).

39.

Il-kunċett ta’ “kumpens ta’ servizz pubbliku” jorbot vantaġġ, b’mod partikolari finanzjarju, mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li jinvolvi t-twettiq ta’ servizzi li ma għandhomx interess kummerċjali.

40.

Il-testi li ppreċedew ir-Regolament Nru 1370/2007 jsegwu l-istess ħsieb, u li jista’ jissejjaħ “kumpens”:

–

Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 65/271/KEE ( 18 ), l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni, fuq it-trasport ta’ vjaġġaturi, ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet imposti minn Stat Membru għall-benefiċċju ta’ kategorija soċjali partikolari jew iktar kellhom ikunu suġġetti għal kumpens.

–

Din l-istess previżjoni kienet prevista mir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 ( 19 ), fl-Artikolu 1(4) u fl-Artikolu 9 tiegħu. Skont l-Artikolu 1(4), “[il-p]iżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta’ l-obbligi imsemmija fil-paragrafu 2, jew minħabba l-applikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3 [imposti minn Stat Membru għall-benefiċċju ta’ kategorija soċjali partikolari waħda jew iktar], għandhom ikunu soġġetti għal kumpens maħdum skond il-proċeduri komuni li jinsabu f’dan ir-Regolament” ( 20 ).

–

Skont ir-Regolament Nru 1191/69, l-obbligu tariffarju li l-ispiża tiegħu kellha tiġi kkumpensata lit-trasportatur kienet dik li kienet tissodisfa l-kundizzjoni doppja li jiġu introdotti miżuri tariffarji “speċifiċi”, intiżi għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, u li jmorru kontra l-interess kummerċjali tal-impriża ( 21 ).

41.

Il-prinċipju tal-kumpens għall-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku issa huwa stabbilit f’diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007:

–

L-Artikolu 3(2) huwa espress f’termini imperattivi: “l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa” l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti b’mod unilaterali mill-awtorità pubblika.

–

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) huwa wkoll espliċitu meta jagħmel riferiment għall-“kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku […], jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu […]”.

–

Fil-punt 3 tal-anness dwar ir-regoli applikabbli għall-kumpens jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti finanzjarji kwantifikabbli fuq in-networks tal-operatur “sabiex jiġi evitat […] nuqqas ta’ kumpens”.

–

L-Artikolu 2a(2) il-ġdid ( 22 ) jagħmel riferiment għall-“ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett tal-obbligi ta’ servizz pubbliku”.

42.

B’hekk jiġi żgurat li l-obbligi ta’ servizz pubbliku, meta jkunu bi ħlas, ma jkunux jagħmlu ħsara ekonomika lill-operaturi li għandhom iwettquhom: jew, nirrepeti, jiġu kkumpensati għall-ispejjeż li jirriżultaw minnhom, jew inkella jingħataw drittijiet esklużivi.

43.

Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jipprevedix li l-ispiża li tirriżulta mill-obbligi ta’ servizz pubbliku stabbiliti għall-benefiċċju ta’ ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi għandha tiġi sostnuta biss mill-operaturi tat-trasport (f’liema każ, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, huwa probabbli li ebda wieħed ma jaċċetta li jipprovdi s-servizz, li huwa nieqes minn interess kummerċjali fih innifsu).

44.

Fil-qosor, tali obbligi, li jistgħu jkunu fil-forma ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku jew, bħalma jseħħ f’dan il-każ, fil-forma ta’ regola ġenerali, għandhom ikunu akkumpanjati minn kumpens finanzjarju xieraq jew mill-għoti ta’ dritt esklużiv.

45.

Għandu jiġi speċifikat li r-regoli ġenerali fil-qasam tariffarju bħal dawk inkwistjoni ma għandhomx l-istess natura bħar-regoli tas-sigurtà tal-vjaġġaturi, tal-protezzjoni tal-ambjent u tax-xogħol jew tal-kwalità tas-servizz tat-trasport ( 23 ). L-osservanza ta’ dawn tal-aħħar, sa fejn jikkostitwixxu l-qafas regolatorju – li huwa differenti mis-sistema tat-tariffi – li fih hija pprovduta l-attività, ma tagħtix dritt għal kumpens.

2. Esklużjoni possibbli tal-korrispettiv?

46.

L-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 jagħmel riferiment għall-“parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat” ( 24 ).

47.

Dan l-inċiż, li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tiegħu, ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti setgħa lill-Istati Membri li jagħtu kumpens jew le. Huwa pjuttost jirrifletti l-possibbiltà li, meta jiġi konkluż kuntratt ta’ servizz pubbliku, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, “awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv”, bħala alternattiva għall-kumpens finanzjarju.

48.

Jekk il-“korrispettiv tat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku”, kif jeżiġi l-Artikolu 3(1), għandu jiġi fformalizzat f’kuntratt ta’ servizz pubbliku ( 25 ), dan ma jkunx il-każ meta l-obbligu li jikkonċerna l-iffissar tat-tariffi massimi jkun impost mir-“regoli ġenerali” (Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007).

49.

F’dan il-każ tal-aħħar (li huwa l-każ inkwistjoni), diġà fakkart li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, “l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma’ l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed”.

50.

Wieħed jista’ jargumenta li, peress li l-obbligu ta’ servizz pubbliku jikkonċerna bl-istess mod lit-trasportaturi kollha, dan ma għandux ikun neċessarjament kumpensabbli, peress li dan ma jinvolvix żvantaġġi kompetittivi għal uħud minnhom favur oħrajn.

51.

Madankollu ma nemminx li r-Regolament Nru 1370/2007 jsostni din it-teżi.

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-Regolament Nru 1191/69, li huwa l-predeċessur tar-regolament attwali, kien jawtorizza “lill-Istati Membri jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq impriża pubblika inkarigata li tiżgura t-trasport pubbliku ta’ passiġġieri f’komun u li [kien jipprevedi], fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minn dawn l-obbligi, għall-għoti ta’ kumpens iddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament” ( 26 ).

53.

Ir-regolament Nru 1370/2007 jipprovdi bażi ekwivalenti għaż-żamma ta’ din il-pożizzjoni. Il-fatt li, fil-kawża deċiża bis-sentenza Antrop, l-operatur kien impriża pubblika u f’din il-kawża huwa impriża privata, ma jikkostitwixxix ostakolu ( 27 ). Għall-kuntrarju, l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ piż finanzjarju ta’ servizz pubbliku fuq entitajiet privati, ta’ natura kummerċjali, li jiġu mċaħħda minn parti mir-remunerazzjoni relatata mal-attività tagħhom ( 28 ), tiġġustifika l-introduzzjoni ta’ kumpens sabiex jiġu bbilanċjati l-effetti negattivi li jistgħu jaffettwaw il-kompetittività tagħhom fis-suq.

54.

Ċertament, ir-Regolament Nru 1370/2007 huwa intiż sabiex ma jkunx hemm kumpens żejjed, li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u li ser nirreferi għalih iktar ’il quddiem. Għaldaqstant, jipprevedi sensiela ta’ mekkaniżmi ta’ limitazzjoni ( 29 ), iżda ma jippermettix li jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku mingħajr kumpens bħal dak inkwistjoni hawnhekk.

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-intensità tal-kumpens u l-konformità tagħhom mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ( 30 ). Sakemm mhux qiegħed niżbalja, hija ma ddeċidietx dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li, fis-settur tat-trasport ta’ vjaġġaturi, sempliċiment teskludi l-kumpens għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku bħal dak inkwistjoni bħalissa.

56.

Fis-sentenza Altmark ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-legalità ta’ ċerti sussidji pubbliċi intiżi sabiex jippermettu l-operat ta’ servizzi regolari ta’ trasport. Fid-determinazzjoni ta’ jekk dawn is-sussidji kinux suġġetti għall-Artikolu 107 TFUE, hija kellha tevalwa jekk dawn setgħux “jkun ikkunsidrat [ikunu kkunsidrati] bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku” ( 32 ).

57.

Is-sentenza Altmark għalhekk kienet tippreżupponi li l-impriża responsabbli mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, iddefiniti b’mod ċar, kellha dritt għal korrispettiv (rimbors), li l-kalkolu tiegħu ma kellux jaqbeż il-livell neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ( 33 ).

58.

B’dan il-mod, is-sentenza Altmark ikkorroborat il-prinċipju ġenerali (dak li jiġi kkumpensat it-trasportatur għall-provvista ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li huwa ta’ piż għalih), filwaqt li ħadet ħsieb li tindika r-rekwiżiti “sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ma jiġix kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat” ( 34 ).

59.

Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab, bħalma diġà indikajt, fil-fatt li l-liġi nazzjonali tneħħi l-kumpens. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni hija jekk ir-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdix sostenn lill-fornitur ta’ servizzi sabiex jeżiġi dan il-kumpens, fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Istat Membru.

60.

Fil-fehma tiegħi, id-dritt li wieħed jitħallas għas-servizzi pprovduti lill-utenti ma jistax jiġi sseparat mill-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali fis-settur tat-trasport bit-triq tal-vjaġġaturi, meta l-impriża tat-trasport ma jkollhiex dħul ieħor minbarra t-tariffi ( 35 ). Il-ħlas ta’ dawn is-servizzi għandu jiġi żgurat jew mill-utenti, jew mill-awtoritajiet li jimponu l-obbligu li l-utenti jiġu ttrasferiti mingħajr ħlas.

61.

Barra minn hekk, il-limitazzjoni imposta ma għandhiex effett fuq “sempliċi interessi jew opportunitajiet ta’ natura kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom tifforma parti sħiħa mis-sustanza stess tal-attivitajiet ekonomiċi iżda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni legali miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il-proprjetarju tagħhom” ( 36 ).

62.

Konsegwentement, l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma jawtorizzax l-evitar ta’ kumpens xieraq f’każ bħal dan.

C.   It-tielet domanda preliminari

63.

Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jwassalx sabiex jeżenta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ir-regoli ġenerali li jiffissaw tariffi massimi għal kategoriji ta’ passiġġieri minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni ( 37 ).

64.

Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “regoli ġenerali dwar kumpens finanzjarju għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jistabilixxu tariffi massimi għal tfal ta’ l-iskola, studenti, apprentisti u persuni b’mobilità mnaqqsa”.

65.

Tali possibbiltà hija suġġetta għan-notifika mill-Istat Membru ta’ dawn ir-regoli ġenerali lill-Kummissjoni, billi jipprovdi “informazzjoni kompluta dwar il-miżura, u b’mod partikolari, dettalji dwar il-metodu ta’ kalkolu”.

66.

Il-leġiżlazzjoni preċedenti, li tinsab fir-Regolament Nru 1191/69 ( 38 ), kienet tipprevedi wkoll għażla analoga, li kienet applikabbli għall-impriżi li l-attività tagħhom kienet limitata għall-ħidma ta’ servizzi urbani, suburbani jew reġjonali.

67.

Issa, bħal f’kawżi oħra diġà eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 39 ), il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 lanqas ma huma ssodisfatti f’dan il-każ, jekk wieħed jikkunsidra l-informazzjoni pprovduta mid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet li intervjenew f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

68.

Abbażi ta’ din l-informazzjoni u tal-osservazzjonijiet, xejn ma jindika li r-Repubblika tal-Estonja wriet ir-rieda tagħha li teskludi r-regoli ġenerali tagħha (dwar it-tariffi massimi applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ persuni) mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 u lanqas ma kkomunikathom lill-Kummissjoni.

69.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet domanda preliminari għandha natura pjuttost ipotetika (u, għaldaqstant, hija inammissibbli), peress li fil-kawża ma humiex preżenti l-kunsiderazzjonijiet fattwali li magħhom hija marbuta l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007.

70.

Fi kwalunkwe każ, is-setgħa ta’ esklużjoni ta’ dawn ir-regoli ġenerali mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 ma tawtorizzax lill-Istati Membri jinjoraw l-eżiġenzi li jirriżultaw minn regoli u prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni. Ma nemminx li huwa neċessarju li nespandi fuq dan il-punt, għaliex, bħalma diġà indikajt, ir-Repubblika tal-Estonja ma għamlitx użu minn din is-setgħa.

D.   Ir-raba’ domanda preliminari

71.

Ir-raba’ domanda preliminari hija magħmula “[j]ekk ir-Regolament Nru 1370/2007 ma japplikax f’dan il-każ”. F’din l-ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għoti ta’ kumpens jistax ikun ibbażat fuq att ieħor tal-Unjoni, bħall-Karta.

72.

Ir-risposta għal din id-domanda ma hijiex neċessarja peress li r-Regolament Nru 1370/2007 japplika għall-kawża u peress li jistabbilixxi s-sistema applikabbli għall-kumpens inerenti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti permezz ta’ regoli ġenerali.

73.

Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tintuża l-Karta sabiex tingħata bażi legali għall-kumpens inkwistjoni f’din il-kawża.

74.

Il-Karta tista’ tintuża bħala strument ermenewtiku fid-dawl tal-fatt li, kif jirrikonoxxi l-Gvern tal-Estonja, l-Artikolu 34 tal-ÜTS jinvolvi limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-operaturi tat-trasport. Dan il-gvern jirrepeti, diversi drabi ( 40 ), li dan l-artikolu ma jirrestrinġix b’mod eċċessiv il-libertà tal-impriża ( 41 ) u d-dritt għall-proprjetà, u għaldaqstant jaċċetta li din ir-restrizzjoni teżisti.

75.

Ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali jistgħu jkunu permessi jekk ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 42 ). Għas-setturi li fihom l-Unjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha, bħal dawk tat-trasport tal-vjaġġaturi bit-triq, il-bilanċ bejn ir-rikonoxximent tad-dritt fundamentali u l-limitazzjonijiet ammissibbli (ibbażati fuq għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali), skont dan l-artikolu tal-Karta, huwa stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 43 ).

76.

Il-bilanċ jintlaħaq, f’dak li jirrigwarda l-kumpens eżiġibbli mill-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport tal-vjaġġaturi bit-triq, permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007.

E.   Il-ħames domanda preliminari

77.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, “[i]l-kumpens li, skont il-każ, sejjer jingħata lit-trasportatur, liema kundizzjonijiet għandu jissodisfa sabiex jikkonforma mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat?”.

78.

Ifformulata b’dan il-mod, id-domanda tixbah konsultazzjoni iktar milli verament domanda preliminari li tfittex l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett fuq il-kawża.

79.

Inevitabbilment, ir-risposta għandha tkun fl-istess livell ta’ astrazzjoni, li huwa limitat sabiex ifakkar li:

–

Skont l-Artikolu 93 TFUE, integrat fit-Titolu VI (“It-Trasport”), “[m]iżuri ta’ għajnuna […] li jikkorrispondu ma’ rimborżi dwar ċerti piżijiet li jeżistu fil-prinċipju ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati”.

–

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi li l-awtorità kompetenti għandha “għandha tikkumpensa lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma’ l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed”.

–

Dan il-kumpens għandu jkun konformi mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6 kif ukoll mal-anness tar-Regolament Nru 1370/2007. L-anness fih ir-regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) (obbligi ta’ servizz pubbliku imposti minn regoli ġenerali), b’tali mod li dan ma jkunx eċċessiv ( 44 ).

–

Sa fejn il-kumpens sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tariffarji stabbiliti skont ir-regoli ġenerali jitħallas skont ir-Regolament Nru 1370/2007, dan il-kumpens huwa kompatibbli mas-suq intern u huwa eżentat mill-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni ( 45 ).

–

Huwa biss jekk il-kumpens ikun eċċessiv, meta mqabbel mal-parametri ta’ kalkolu stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, li dan jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108 TFUE ( 46 ).

–

Finalment, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark ( 47 ) sabiex jiġi ddeterminat meta jkun hemm għajnuna mill-Istat, kif imsemmi fl-Artikolu 107 TFUE. Għaldaqstant, għajnuna mill-Istat għandha tinftiehem bħala għajnuna li tipprovdi vantaġġ, u mhux strettament għajnuna kumpensatorja. L-“għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma tidentifikax ruħha bħala dik purament kumpensatorja tat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ( 48 ).

80.

Il-funzjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-kawża tmur lil hinn mill-kompitu li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, l-ammont tal-kumpens għandux jiġi kkalkolat abbażi tal-lucrum cessans li minnu setgħet issofri l-impriża trasportatur, ikkalkolat abbażi tat-tariffa bażika tal-biljett jew ta’ parametri oħra li hija tqis xierqa. Id-dispożizzjonijiet tal-anness tar-Regolament Nru 1370/2007, li l-qorti appellat minnhom fil-parti finali tad-digriet tar-rinviju, jipprovdulha indikazzjonijiet dwar dan il-kompitu.

V. Konklużjoni

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) kif ġej:

“1)

L-Artikolu 2(e) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku r-regola ġenerali li timponi l-obbligu fuq l-impriżi kollha li jipprovdu servizzi regolari ta’ trasport ta’ passiġġieri bit-triq li jittrasportaw mingħajr ħlas ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi.

2)

L-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma jawtorizzax l-evitar, permezz ta’ liġi nazzjonali, tal-ħlas lit-trasportatur tal-kumpens dovut taħt dan l-obbligu ta’ servizz pubbliku.

3)

Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, Stat Membru jista’ jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ir-regoli ġenerali dwar il-kumpens finanzjarju għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu t-tariffi massimi għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, billi jinnotifikawhom lill-Kummissjoni permezz ta’ informazzjoni kompluta dwar il-miżura.

4)

Il-kumpens dovut għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jkun konformi mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6 kif ukoll mal-anness tar-Regolament Nru 1370/2007. Meta, sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tariffarji stabbiliti skont ir-regoli ġenerali, il-kumpens jitħallas skont ir-Regolament Nru 1370/2007, dan ma jitqiesx bħala għajnuna mill-Istat, ikun kompatibbli mas-suq intern u jkun eżentat mill-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

( 3 ) Il-Liġi dwar it-Trasport tal-Vjaġġaturi (RT I, 23.03.2015, 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (RT I, 30.06.2020, 24). Iktar ’il quddiem “ÜTS”.

( 4 ) Minn Awwissu 2013 u Marzu 2015, rispettivament, dawn l-impriżi kellhom liċenzji separati għat-trasport ta’ passiġġieri, li permezz tagħhom ipprovdew servizzi regolari ta’ trasport kummerċjali bil-karozza tal-linja fit-territorju Estonjan. Wara l-inkorporazzjoni tagħhom fid‑29 ta’ Lulju 2019, kienet Lux Express Estonia li kompliet l-attività.

( 5 ) Mit-talba amministrattiva, l-ammont mitlub varja f’termini tal-portata ratione temporis tiegħu, sabiex ikopri l-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u l‑31 ta’ Jannar 2020.

( 6 ) Skont il-Gvern Estonjan (punti 7 sa 9 tal-osservazzjonijiet tiegħu), meta s-servizzi regolari ta’ trasport jiġu pprovduti liberament minn impriżi privati, dawn tal-aħħar jassumu r-riskju kummerċjali tagħhom stess, jagħżlu r-rotta ta’ linja regolari li tinteressahom u, jippreżentaw applikazzjoni għal liċenzja sabiex joperawh. Jekk linja ma tkunx ekonomikament attraenti għat-trasportaturi kummerċjali u tkun ta’ interess għall-utenti, l-awtorità kompetenti tistabbilixxi obbligu ta’ servizz pubbliku permezz tal-iffirmar ta’ kuntratt għal servizz pubbliku. Dan normalment jingħata permezz ta’ sejħa għal offerti u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-provvista tiegħu u s-sussidji relatati miegħu.

( 7 ) Punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) L-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007. Il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament hija fformulata b’mod simili: “ħafna mis-servizzi għal trasport ta’ passiġġieri fuq l-art li huma meħtieġa fl-interess ekonomiku ġenerali ma jistgħux jitħaddmu fuq bażi kummerċjali. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaġixxu biex jiżguraw li tali servizzi jiġu pprovduti. Il-mekkaniżmi li jistgħu jużaw biex jiżguraw li servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jiġu pprovduti jinkludu dawn li ġejjin: l-għoti ta’ drittijiet esklussivi lill-operaturi ta’ servizz pubbliku, l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-operaturi ta’ servizz pubbliku u d-definizzjoni tar-regoli ġenerali għall-operat tat-trasport pubbliku li huma applikabbli għall-operaturi kollha”.

( 9 ) Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1370/2007.

( 10 ) Iddefiniti, rispettivament, fl-Artikolu 2(i) u (l) tar-Regolament Nru 1370/2007. Il-kuntratt għal servizz pubbliku jirrifletti “ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku”. Ir-regola ġenerali timplika “miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri ta’ l-istess tip f’żona ġeografika partikolari”.

( 11 ) Hemm ftit li xejn dubju dwar il-kunsiderazzjoni tal-leġiżlatur Estonjan bħala awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1370/2007.

( 12 ) Osservazzjonijiet tal-Gvern Estonjan, punt 11. Skont dan il-gvern, l-ÜTS “tirrifletti l-Kostituzzjoni Estonjana” u “l-attenzjoni partikolari li s-soċjetà tagħti lill-familji bi tfal minuri u persuni b’diżabbiltà, b’tali mod li r-restrizzjonijiet għad-drittijiet fundamentali għandhom, għal dan il-għan, jitqiesu li huma leġittimi. Il-leġiżlatur għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jillimita d-drittijiet fundamentali għal finijiet tal-politika soċjali”. Ir-rikonoxximent li jkun hemm restrizzjoni ta’ dawn id-drittijiet huwa rrepetut: mhux biss fil-punt 11 (darbtejn), iżda wkoll fil-punti 12, 22, 49 u 50 tal-osservazzjonijiet tiegħu.

( 13 ) Fis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Viesgo Infraestructuras Energéticas (C‑683/19, EU:C:2021:847), il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala obbligu ta’ servizz pubbliku (fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55)) dmir bi profili simili: id-dmir impost fuq l-impriżi ta’ distribuzzjoni li jipprovdu l-elettriku b’tariffa mnaqqsa lill-konsumaturi vulnerabbli.

( 14 ) Fis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Viesgo Infraestructuras Energéticas (C‑683/19, EU:C:2021:847), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2009/72 ma tipprekludix “li s-sistema ta’ finanzjament ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fil-provvista tal-elettriku b’tariffa mnaqqsa għal ċerti konsumaturi vulnerabbli, tiġi stabbilita […] mingħajr miżura kumpensatorja” (punt 61).

( 15 ) L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jagħmel riferiment b’mod speċifiku għat-“tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku”.

( 16 ) Għall-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kumpens huwa identifikat bħala “kwalunkwe benefiċċju, b’mod partikolari benefiċċju finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti mill-fondi pubbliċi matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jew f’konnessjoni ma’ dak il-perijodu”.

( 17 ) L-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 1370/2007 jikkunsidra bħala tali “[d]-dritt li jirriżerva lil operatur ta’ servizz pubbliku partikolari l-possibbiltà li jopera servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta, netwerk jew żona determinata, bl-esklużjoni ta’ operaturi oħra”.

( 18 ) Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferroviji, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU 1965, L 88, p. 1500; EE 07/01, p. 91).

( 19 ) Regolament tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19).

( 20 ) Minkejja li r-riforma introdotta mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91 tal‑20 ta’ Ġunju 1991, li jemenda r-Regolament Nru 1191/69 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), ħassret l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1191/69, hija żammet l-Artikolu 9, u b’hekk żammet il-kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw għall-impriżi mill-applikazzjoni fuq it-trasport tal-vjaġġaturi ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet imposti fl-interess ta’ kategorija soċjali partikolari waħda jew iktar.

( 21 ) L-obbligu ta’ kumpens għalhekk la kien jestendi għall-“miżuri ġenerali ta’ politika ta’ prezzijiet” u lanqas għall-“miżuri meħuda fir-rigward ta’ rati ta’ trasport u kondizzjonijiet b’mod ġenerali bil-għan li jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu”. Ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1973, Nederlandse Spoorwegen (36/73, EU:C:1973:130), punti 11 sa 13.

( 22 ) Miżjud bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 22).

( 23 ) Il-premessa 17 tar-Regolament Nru 1370/2007 tagħmel riferiment għalihom.

( 24 ) Enfasi miżjuda minni.

( 25 ) Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (ĠU 2014, C 92, p. 1), (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”), it-tieni paragrafu tal-punt 2.2.3.

( 26 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Antrop et (C‑504/07, EU:C:2009:290; iktar ’il quddiem is-“sentenza Antrop”, punt 21).

( 27 ) Skont il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1370/2007, “[h]uwa rrilevanti mill-aspett tal-liġi Komunitarja jekk servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri humiex mħaddma minn impriżi pubbliċi jew privati”.

( 28 ) Il-Gvern Estonjan u Lux Express Estonia jvarjaw fil-kunsiderazzjoni tagħhom tal-effett reali tal-miżura f’termini ekonomiċi. Għall-Gvern Estonjan, dan l-effett huwa “mnaqqas” (punt 15 tal-osservazzjonijiet tiegħu), filwaqt li, għall-operatur, dan jolqot kunsiderevolment il-volum tan-negozju tiegħu.

( 29 ) Artikolu 4, Artikolu 6 u l-Anness.

( 30 ) Sentenza Antrop, punt 23: “l-Artikolu 73 KE jistabbilixxi, fil-qasam tat-trasport, deroga mir-regoli ġenerali li japplikaw għall-għajnuna mill-Istat, billi jipprovdi li l-għajnuniet meħtieġa għall-koordinament tat-trasport jew li jikkorrispondu għal rimborżi ta’ ċerti piżijiet inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat”.

( 31 ) Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415; iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”).

( 32 ) Ibidem, punt 87.

( 33 ) Ir-rekwiżiti tas-sentenza Altmark jidhru li ispiraw il-formulazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007.

( 34 ) Sentenza Altmark, punt 88.

( 35 ) Lux Express Estonia tenfasizza (punt 3 tal-osservazzjonijiet tagħha) li l-uniku sors ta’ dħul tagħha huwa l-bejgħ ta’ biljetti, peress li hija ma tirċevix sussidji mill-Istat. Hija żżid (punt 28 ta’ dawn l-osservazzjonijiet) li hija lanqas ma tibbenefika minn elementi kumpensatorji oħra, bħall-għoti ta’ drittijiet esklużivi.

( 36 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (C-398/13 P, EU:C:2015:535), punt 60. Kwistjoni differenti hija, bħalma diġà għidt, kif dan id-dritt jiġi kkwantifikat f’kull każ. Ċerti obbligi imposti (pereżempju, dak dwar it-tfal żgħar ħafna li ma jokkupawx post) jista’ ma jkollhomx riperkussjonijiet negattivi fuq il-kontijiet tal-operatur.

( 37 ) Il-lista tal-benefiċjarji tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 (tfal tal-iskola, studenti, apprendisti u persuni b’mobbiltà mnaqqsa) tista’ tinkludi, b’analoġija, il-kategoriji tal-Artikolu 34 tal-ÜTS. Dan tal-aħħar jagħmel riferiment għat-tfal ta’ età preskolastika, minbarra persuni oħra, minuri u maġġorenni, b’diżabbiltà. Kif jiddikjara l-Gvern Estonjan (punt 41 tal-osservazzjonijiet tiegħu), ir-regoli ġenerali li jistabbilixxu t-tariffi massimi għal kategoriji ta’ vjaġġaturi simili għal dawk tal-imsemmi Artikolu 3(3) għandhom ikunu koperti minnu, għall-istess raġunijiet ta’ interess ġenerali.

( 38 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) fil-formulazzjoni li tikkorrispondi għar-Regolament Nru 1893/91.

( 39 ) Sentenza tat‑3 ta’ April 2014, CTP (C‑516/12 sa C‑518/12, EU:C:2014:220), punt 20: “ma hemm xejn fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li r-Repubblika Taljana użat il-possibbiltà, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1191/69, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-impriżi li l-attività tagħhom tkun limitata esklużivament għat-tħaddim ta’ servizzi urbani, suburbani jew reġjonali. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma għal kollox applikabbli għall-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet”. Ara wkoll is-sentenza Antrop, punt 17.

( 40 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Billi jiġi impost “obbligu li jista’ jaffettwa l-attività ekonomika [tiegħu]” fuq it-trasportatur, jiġi attivat id-dritt għal-libertà tal-impriża, protett mill-Artikolu 16 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:689), punt 82), fl-istess ħin li jiġi attivat id-dritt tal-proprjetà.

( 42 ) Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 88): “[skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta,] jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din tal-aħħar, sakemm tali limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, li jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji [u] effettivament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew, skont il-bżonn, li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn”.

( 43 ) Minbarra, loġikament, l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità tar-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.

( 44 ) Il-kumpens ma għandux iqiegħed lill-operatur f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tiegħu fis-suq. B’hekk, skont il-punt 2 tal-anness tar-Regolament Nru 1370/2007, l-effett finanzjarju huwa evalwat “bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat”. Jekk il-limitu tal-effett finanzjarju nett jinqabeż, l-eċċess jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

( 45 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, punt 2.4.1: “Fil-każ ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku bil-ferrovija u bit-triq, sakemm il-kumpens għal dawk is-servizzi jitħallas skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, dan il-kumpens għandu jitqies kompatibbli mas-suq intern u għandu jkun eżentat mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE skont l-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament”.

( 46 ) Ibidem, punt 2.2.4.

( 47 ) Ibidem, punt 2.4.1: “Sabiex ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat, dan il-kumpens irid jirrispetta l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark”.

( 48 ) Sentenza Altmark, punt 87.