13.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2137

tal-5 ta’ Diċembru 2019

li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’Ġunju 2017 u f’Ġunju 2018 il-Kunsill stabbilixxa, f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat, li fl-2016 u l-2017, rispettivament, kien hemm devjazzjoni osservata sinifikanti mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tar-Rumanija jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh. Fid-dawl ta’ dawk id-devjazzjonijiet sinifikanti li ġew stabbiliti, il-Kunsill ħareġ ir-Rakkomandazzjonijiet tas-16 ta’ Ġunju 2017 (2) u tat-22 ta’ Ġunju 2018 (3), biex jirrakkomanda li r-Rumanija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tindirizza dawk id-devjazzjonijiet. Il-Kunsill sussegwentement stabbilixxa li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dawk ir-Rakkomandazzjonijiet u ħareġ Rakkomandazzjonijiet riveduti fil-5 ta’ Diċembru 2017 (4) u fl-4 ta’ Diċembru 2018 (5) rispettivament. Il-Kunsill sussegwentement sab li r-Rumanija lanqas ma ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dawk ir-Rakkomandazzjonijiet riveduti.

(2)

Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill sab li fl-2018 reġa’ kien hemm devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fir-Rumanija. Fuq dik il-bażi, il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni (6) biex ir-Rumanija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (7) ma taqbiżx l-4,5 % fl-2019 u l-5,1 % fl-2020, korrispondenti għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2019 u 0,75 % tal-PDG fl-2020. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li r-Rumanija tuża kwalunkwe gwadann mhux previst biex tnaqqas id-defiċit, u qal li jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib fit-tul fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b’mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa skadenza tal-15 ta’ Ottubru 2019 biex ir-Rumanija tirrapporta dwar l-azzjoni li tkun ħadet b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-14 ta’ Ġunju 2019.

(3)

Fil-25 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fir-Rumanija għall-fini ta’ monitoraġġ fil-post taħt l-Artikolu -11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Wara li ttrasmettiet ir-riżultati proviżorji tagħha lill-awtoritajiet Rumeni għall-kummenti, il-Kummissjoni rrapportat il-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill fl-20 ta’ Novembru 2019. Dawk il-konklużjonijiet ġew ippubblikati. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonkludi li l-awtoritajiet Rumeni qed jippjanaw biss li jwettqu aġġustament strutturali mill-2022 u għalhekk ma għandhomx l-intenzjoni li jieħdu azzjoni b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019.

(4)

Fil-15 ta’ Ottubru 2019, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw rapport dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019. Ir-rapport ma fihx projezzjoni komprensiva ta’ kategoriji baġitarji individwali u lanqas ma jinkludi l-impatt baġitarju ta’ kull miżura msemmija. Għalhekk, ir-rapport ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ rappurtar rakkomandati mill-Kunsill. Fir-rapport, l-awtoritajiet Rumeni tennew li l-mira tagħhom għall-2019 tibqa’ defiċit nominali ta’ 2,8 % tal-PDG, li hija l-istess mira bħal tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2019. Jekk dan id-defiċit nominali fil-mira jintlaħaq, ikun jirrappreżenta biss tnaqqis marġinali fid-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika meta mqabbel mal-2018, minkejja li r-Rumanija għaddejja minn tkabbir ekonomiku kbir. Għall-2020, l-awtoritajiet Rumeni qed jimmiraw lejn defiċit nominali ta’ 2,9 % tal-PDG, li huwa ogħla mill-mira ta’ 2,7 % tal-PDG kif stabbilit fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2019. B’mod ġenerali, l-impatt fiskali tal-miżuri rrappurtati ma jissodisfax ir-rekwiżit iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019.

(5)

Fl-2019, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2019, it-tkabbir fl-infiq pubbliku primarju nett huwa pprojettat li jkun 12,8 %, sew ogħla mir-rata rakkomandata ta’ 4,5 % (devjazzjoni ta’ 2,5 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali huwa stabbilit li jiddeterjora b’ 0,8 % tal-PDG kontra t-titjib rakkomandat ta’ 1,0 % tal-PDG (devjazzjoni ta’ 1,8 % tal-PDG). Għalhekk, iż-żewġ pilastri jippuntaw lejn devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat. Il-valutazzjoni kumplessiva tikkonferma devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat fl-2019.

(6)

Fl-2020, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2019, it-tkabbir fl-infiq pubbliku primarju nett huwa pprojettat li jkun 11,1 %, sew ogħla mir-rata rakkomandata ta’ 5,1 % (devjazzjoni ta’ 1,8 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jiddeterjora b’ 0,8 % tal-PDG kontra t-titjib rakkomandat ta’ 0,75 % tal-PDG (devjazzjoni ta’ 1,6 % tal-PDG). Għalhekk, iż-żewġ pilastri jindikaw riskju ta’ devjazzjoni mill-aġġustament meħtieġ tal-istess daqs. Il-valutazzjoni kumplessiva tikkonferma devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat fl-2020.

(7)

Aktar minn hekk, it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2019 jipprojetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 3,6 % fl-2019 u 4,4 % fl-2020, li hu ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG.

(8)

Ir-riżultati ta’ hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li r-reazzjoni tar-Rumanija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 ma kinitx biżżejjed,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Rumanija ma ħaditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 216, 6.7.2017, p. 1).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 3).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 439, 20.12.2017, p. 1).

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018 bil-għan li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 1).

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 210, 21.6.2019, p. 1).

(7)  In-nefqa pubblika primarja netta hija magħmula min-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni kompletament korrisposti mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil mhux diskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni tal-kapital fiss gross iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri diskrezzjonali b’rabta mad-dħul jew ma’ żidiet fid-dħul preskritti bil-liġi qed jitqiesu. Miżuri ta’ darba, kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa, huma esklużi.