KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
COLLINS
ippreżentati fis‑26 ta’ Settembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑254/23
INTERZERO Trajnostne rešitve za svet brez odpadkov d.o.o.,
Interzero Circular Solutions Europe GmbH
et,
Surovina, družba za predelavo odpadkov d.o.o.,
DINOS, družba za pripravo sekundarnih surovin d.o.o.
et
vs
Državni zbor Republike Slovenije
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is‑Slovenja))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2006/123/KE – Direttiva 2008/98/KE – Artikoli 16 u 17 tal-Karta – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità)
I. Introduzzjoni
|
1. |
Ir-Repubblika tas-Slovenja introduċiet skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi (iktar ’il quddiem ir-“REP”) ( 2 ) fir-rigward ta’ kategoriji partikolari ta’ prodotti għall-konsumatur. Taħt l-iskema, ir-responsabbiltà għat-twettiq tal-obbligi tar-REP għal kull waħda mill-imsemmija kategoriji hija fdata lil organizzazzjoni waħda, li topera mingħajr skop ta’ lukru. L-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja) qiegħda tagħmel għaxar domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema mar-regoli dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ’”), mas-suq intern u ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE. |
II. Il‑kuntest legali
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva dwar is-Servizzi
|
2. |
Il-premessi 8, 40 u 70 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Servizzi”) jiddikjaraw dan li ġej:
[…]
[…]
|
|
3. |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi: “[…] 2. Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas mil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi. 3. Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi lanqas l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mal-liġi Komunitarja, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skond ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu suġġetti għalihom. […]” |
|
4. |
L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprovdi li ma tapplikax għal servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jiddefinixxi t-termini “rekwiżit” u “raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku” kif ġej:
|
|
5. |
Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi: “1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet. 2. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha suġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:
[…]
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.” |
|
6. |
Skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi: “L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti. L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu. […]” |
|
7. |
Skont l-Artikolu 17(1)(e) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Artikolu 16 ma japplikax għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma pprovduti fi Stat Membru ieħor, inkluż it-trattament tal-iskart. |
2. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart
|
8. |
Skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi ( 4 ) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva Qafas dwar l-Iskart”): “L-introduzzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur f’din id-Direttiva hija waħda mill-mezzi ta’ appoġġ għal tfassil u produzzjoni ta’ merkanzija li jieħdu kont sħiħ u jiffaċilitaw l-użu effiċjenti tar-riżorsi matul iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tagħhom inkluż it-tiswija, l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u r-riċiklaġġ tagħhom mingħajr ma tkun kompromessa ċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fis-suq intern.” |
|
9. |
L-Artikolu 3(21) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ( 5 ) jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur” bħala “sett ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw li l-produtturi tal-prodotti jġorru r-responsabbiltà finanzjarja jew ir-responsabbiltà finanzjarja u organizzattiva għall-immaniġġjar tal-istatus tal-iskart taċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott.” |
|
10. |
Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ( 6 ): “Sabiex jissaħħu l-użu mill-ġdid u l-prevenzjoni, ir-riċiklaġġ u rkupru ieħor ta’ l-iskart, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi biex jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li professjonalment tiżviluppa, timmanifattura, tipproċessa, tittratta, tbigħ jew timporta prodotti (produttur tal-prodott) ikollha responsabbiltà estiża tal-produttur. Tali miżuri jistgħu jinkludu aċċettazzjoni ta’ prodotti meħudin lura u ta’ l-iskart li jibqa’ wara li dawk il-prodotti jkunu ntużaw, kif ukoll l-immaniġġar sussegwenti ta’ l-iskart u r-responsabbiltà finanzjarja għal tali attivitajiet. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-obbligu li tingħata informazzjoni li tkun disponibbli għall-pubbliku dwar il-punt sa fejn il-prodott jista’ jiġi wżat mill-ġdid jew riċiklat. Meta tali miżuri jinkludu l-istabbiliment ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, ir-rekwiżiti ġenerali minimi stipulati fl-Artikolu 8a għandhom japplikaw. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-produtturi ta’ prodotti li jieħdu responsabbiltà finanzjarji jew responsabbiltajiet finanzjarji u organizzattivi għall-immaniġġjar tal-istadju tal-iskart taċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott minn jeddhom għandhom japplikaw ir-rekwiżiti minimi ġenerali, kollha jew uħud minnhom, stipulati fl-Artikolu 8a.” |
|
11. |
L-Artikolu 8a tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ( 7 ) jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali minimi għall-iskemi tar-REP. Skont dawn ir-rekwiżiti, moqrija fid-dawl tal-premessa 14 tad-Direttiva 2018/851, il-produtturi jistgħu jissodisfaw l-obbligi tar-REP individwalment jew kollettivament. |
B. Id‑dritt nazzjonali
|
12. |
Dik li kienet iż-Zakon o varstvu okolja ( 8 ) (il-Liġi l-antika dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent) kienet tipprovdi li l-produtturi tal-prodotti setgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-immaniġġjar tal-iskart individwalment jew kollettivament permezz tal-ħolqien ta’ assoċjazzjoni ma’ produtturi oħra. Il-produtturi tal-prodotti setgħu wkoll jiddependu minn operatur ekonomiku wieħed jew iktar għal dak il-għan. |
|
13. |
Iż-Zakon o varstvu okolja ( 9 ) il-ġdida (il-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent) tħassar dik il-leġiżlazzjoni. Il-produtturi ta’ prodotti għall-konsumatur għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP permezz ta’ organizzazzjoni kollettiva li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jawtorizzaw għal dak il-għan. Il-produtturi li jqiegħdu fis-suq mill-inqas 51 % ta’ kategorija partikolari ta’ prodotti għandhom jistabbilixxu organizzazzjoni kollettiva sabiex timmaniġġja l-iskart konness ma’ dawk il-prodotti ( 10 ). Il-produtturi ta’ tali prodotti li ma jkunux azzjonisti ta’ organizzazzjoni kollettiva għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP billi jikkonkludu kuntratt ma’ dik l-organizzazzjoni. Filwaqt li kull organizzazzjoni kollettiva tgawdi monopolju legali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi tar-REP, huma joperaw mingħajr skop ta’ lukru. L-organizzazzjonijiet kollettivi jiżguraw il-ġbir u t-trattament tal-iskart konness ma’ kategorija partikolari ta’ prodotti, iżda la jiġbru u lanqas jittrattaw dak l-iskart. Dawn il-kompiti jitwettqu minn operaturi indipendenti taħt kuntratti li l-organizzazzjonijiet kollettivi jagħtu ta’ kull sena ( 11 ). Sew jekk ikunu membri ta’ organizzazzjoni kollettiva u sew jekk jikkonkludu kuntratt magħha, il-produtturi kollha jħallsu l-istess tariffa, ikkalkulata fuq bażi ta’ rkupru tal-ispejjeż, għas-servizzi li tipprovdi l-organizzazzjoni kollettiva. |
III. Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
14. |
Fid‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tas-Slovenja u fiha esprimiet il-fehma li din tal-aħħar naqset milli tittrasponi d-Direttiva 2018/851 fiż-żmien preskritt ( 12 ). F’Marzu 2022, ir-Repubblika tas-Slovenja adottat il-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. Fi Frar 2023, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ ksur fir-rigward tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/851. |
|
15. |
Interzero Trajnostne rešitve za svet brez odpadkov d.o.o. (iktar ’il quddiem “Interzero”) u Surovina družba za predelavo odpadkov d.o.o. (iktar ’il quddiem “Surovina”) huma impriżi kummerċjali li jipprovdu servizzi tal-immaniġġjar tal-iskart fis-Slovenja. Interzero hija sussidjarja ta’ Interzero Circular Solutions Europe GmbH, kumpannija stabbilita fl-Awstrija (iktar ’il quddiem “Interzero Austria”). Fl‑2022, Interzero, Interzero Austria, Surovina, diversi kumpanniji kummerċjali Sloveni attivi fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart u għadd ta’ produtturi suġġetti għall-obbligi tar-REP bdew proċeduri quddiem l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) fejn sostnew li l-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent kienet tmur kontra ċerti dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Slovena u tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikoli 49, 56, 102 u 106 TFUE, l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u d-Direttiva dwar is-Servizzi. Huma kkontestaw il-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent għar-raġuni li biddlet l-attività ekonomika tal-immaniġġjar tal-iskart f’attività mhux ekonomika rriżervata għall-monopolji. Interzero u Surovina sostnew li l-Gvern Sloven la kien wera li s-sistema operata taħt il-Liġi l-antika dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent kienet ineffettiva u lanqas spjega għaliex l-attività tal-immaniġġjar tal-iskart għandha tiġi eżerċitata fuq bażi mingħajr skop ta’ lukru mingħajr kompetizzjoni. |
|
16. |
Il-Gvern Sloven sostna li l-bidliet li daħħlet il-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent kienu meħtieġa sabiex jittrasponu d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u sabiex jiġi żgurat li l-obbligi tar-REP, jiġifieri l-ġbir u t-trattament tal-iskart, ikunu ssodisfatti. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprevedi li l-organizzazzjonijiet awtorizzati mingħajr skop ta’ lukru maħluqa taħtha jkunu ddedikati sabiex jippromwovu objettivi ambjentali, mingħajr xkiel minn fatturi kummerċjali. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jeħtieġu t-twettiq tal-obbligi tar-REP permezz tat-twaqqif ta’ organizzazzjoni kollettiva waħda stabbilita u ġestita minn produtturi fir-rigward ta’ kategorija ta’ prodott partikolari ( 13 ). Fl-opinjoni tal-Gvern Sloven, sistema bħal din hija iktar effettiva minn lat ambjentali, iktar effiċjenti minn aspett ekonomiku u iktar faċli sabiex tiġi ssorveljata minn perspettiva ta’ konformità. Il-Gvern Sloven jenfasizza li l-ġbir u t-trattament tal-iskart ikomplu jkunu attività ekonomika eżerċitata minn terzi. |
|
17. |
Fid‑19 ta’ Mejju 2022, l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) issospendiet l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, sakemm tingħata s-sentenza tagħha f’dawn il-proċeduri. |
|
18. |
L-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) tistaqsi jekk it-twettiq tal-obbligi tar-REP permezz tat-twaqqif ta’ network ta’ organizzazzjonijiet kollettivi inkarigati bil-ġestjoni ta’ dak il-kompitu jistax jikkostitwixxi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi jekk it-twaqqif ta’ monopolju mingħajr skop ta’ lukru jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix lill-Istati Membri jiddeċiedu li attività ekonomika partikolari għandha tiġi eżerċitata bħala attività mhux ekonomika. Jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu hekk, jekk humiex meħtieġa jistabbilixxu perijodu tranżitorju u/jew jikkumpensaw lill-operaturi ekonomiċi affettwati minn din il-bidla. L-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) tixtieq ukoll tivverifika jekk ċerti regoli speċifiċi, bħal dawk li jirregolaw is-sħubija ta’ organizzazzjonijiet kollettivi u l-attivitajiet li dawn il-korpi jistgħu jeżerċitaw, humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Finalment, hija għandha dubji dwar jekk rekwiżit li l-produtturi li ma jkunux azzjonisti ta’ organizzazzjoni kollettiva rilevanti jkollhom jidħlu f’kuntratti ma’ din tal-aħħar sabiex jimmaniġġjaw l-iskart huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
|
19. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
20. |
Interzero, Surovina, il-Gvern Ċek, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Interzero, Surovina, il-Gvern Ċek, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali u rrispondew id-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Evalwazzjoni
A. L‑ewwel domanda
|
21. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika jekk organizzazzjoni fdata bit-twettiq kollettiv tal-obbligi tar-REP tistax tkun impriża responsabbli għall-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE. |
|
22. |
L-ebda waħda mill-partijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkontesta li l-Istati Membri jgawdu marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni meta jikklassifikaw servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Il-Kummissjoni tosserva li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex servizz ikun hekk ikklassifikat. Stat Membru għandu formalment jafda operatur bir-responsabbiltà sabiex jipprovdi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Dak l-Istat Membru għandu jispjega wkoll għaliex dan is-servizz huwa tant differenti minn attivitajiet ekonomiċi oħra li jiġġustifika din il-klassifikazzjoni. Suġġett għal verifika tal-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni taċċetta li t-twaqqif tal-organizzazzjonijiet kollettivi, li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, jista’ jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. |
|
23. |
Il-Gvern Sloven jispjega li l-operat tas-sistema taħt il-Liġi l-antika dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ma kienx sodisfaċenti. L-operaturi ekonomiċi responsabbli sabiex jiżguraw konformità mal-obbligi tar-REP ittrattaw ammont insuffiċjenti ta’ skart mill-imballaġġ ( 14 ). Konsegwentement, is-servizzi tal-iskart muniċipali kienu meħtieġa jaħżnu ammont sinjifikattiv ta’ skart mill-imballaġġ, u b’hekk ħolqu riskji għas-saħħa tal-bniedem, għas-sigurtà pubblika u għall-ambjent. Sabiex jiġu eliminati dawn ir-riskji, l-awtoritajiet pubbliċi ħadu f’idejhom it-trattament ta’ dan l-iskart u l-ispejjeż assoċjati miegħu. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Repubblika tas-Slovenja ddeċidiet li tafda lill-organizzazzjonijiet kollettivi li jipprovdu SIEĠ bir-responsabbiltà sabiex jiksbu l-objettivi tar-REP. |
|
24. |
Interzero ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi l-ewwel domanda fin-negattiv għal ħames raġunijiet. L-ewwel, skont il-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, l-organizzazzjonijiet kollettivi jwettqu kompiti ta’ natura purament amministrattiva li ma humiex servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. It-tieni, l-awtoritajiet Sloveni ma adottawx att formali li bih fdaw lill-organizzazzjonijiet kollettivi b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. It-tielet, l-ispjegazzjoni għat-trattament inadegwat ta’ ċertu ammont ta’ skart mill-imballaġġ miġbur mis-servizzi muniċipali kienet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ dakinhar eżentat mill-obbligi tar-REP lill-produtturi li jqiegħdu fis-suq inqas minn 15‑il tunnellata ta’ imballaġġ fis-sena. Ir-raba’, il-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent waqqfet sistema li hija inqas effiċjenti mill-predeċessur tagħha. Il-ħames, kwistjonijiet li kienu nqalgħu mit-trattament tal-iskart mill-imballaġġ ġew solvuti sal-punt li ma għad hemm ebda falliment tas-suq. |
|
25. |
Il-Gvern Ċek huwa tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi jekk l-organizzazzjonijiet kollettivi jipprovdux servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. |
|
26. |
L-Artikolu 14 TFUE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 26”), li jfittex li jinterpreta dan l-artikolu tat-Trattat, jirrikonoxxu li s-SIEĠ għandhom rwol essenzjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Permezz tal-Artikolu 36 tal-Karta, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għas‑SIEĠ skont it-Trattati. Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 106(2) TFUE jipproteġi s-SIEĠ mid-dritt tal-Unjoni sal-punt meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni sħiħa tiegħu ma tostakolax it-twettiq, fid-dritt jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari assenjati lilhom. L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jgawdu għalhekk diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-ħolqien, l-ikkummissjonar u l-organizzazzjoni ta’ tali servizzi ( 15 ), u l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni jista’ jiġi kkontestat b’suċċess biss fejn tiġi eżerċitata b’mod manifestament żbaljat ( 16 ). |
|
27. |
Filwaqt li l-Artikolu 106(2) TFUE la jiddefinixxi l-kunċett ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u lanqas il-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ japplika dan il-kunċett, il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni tipprovdi tliet sinjali f’din id-direzzjoni. |
|
28. |
L-ewwel, Stat Membru jitqies li jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu b’mod legali meta jintwera li l-forzi tas-suq naqsu milli jissodisfaw talba li kellha tiġi ssodisfatta fl-interess ġenerali ( 17 ). Il-Kummissjoni tapprova wkoll il-preżenza ta’ falliment tas-suq bħala prerekwiżit għal Stat Membru li jistabbilixxi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ( 18 ). Fejn il-forzi tas-suq jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti marbuta mal-interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġestjoni tal-iskart, Stat Membru jkun iġġustifikat li joħloq servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex jissodisfa dawk il-ħtiġijiet ( 19 ). |
|
29. |
It-tieni, Stat Membru li jkun jixtieq jistabbilixxi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għandu wkoll jirrispetta ċerti kriterji li jistgħu jitqiesu ta’ natura iktar formali. Awtorità pubblika għandha tafda lill-operaturi bir-responsabbiltà li jwettqu missjoni komprensiva u obbligatorja fl-interess ġenerali ( 20 ). Il-liġi tipprovdi flessibbiltà konsiderevoli fir-rigward tal-istatus tal-att li permezz tiegħu jiġi fdat servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali: dan jista’ jikkonsisti f’ġabra ta’ miżuri ( 21 ) jew jieħu l-forma ta’ kuntratt; l-att għandu jkun, madankollu, identifikabbli ( 22 ). Il-fatt li operatur kien involut fil-proċess li jkun wassal sabiex ikun fdat bir-responsabbiltà li jwettaq servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jipprekludix att ta’ awtorità pubblika li jafda lil dak l-operatur bir-responsabbiltà li jwettaq dan il-kompitu ( 23 ). Stat Membru għandu jindika wkoll għaliex huwa tal-fehma li n-natura speċifika tal-attività rilevanti hija tant differenti li tista’ tiġi kkaratterizzata bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Dawn ir-rekwiżiti jiffaċilitaw reviżjoni oġġettiva ta’ kwalunkwe żball manifest li Stat Membru jista’ jagħmel fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tiegħu li jistabbilixxi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ( 24 ). L-Istati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu b’mod ċar l-obbligi li bihom jafdaw lill-impriżi, u dan jippreżupponi definizzjoni preċiża tan-natura, tat-tul u tal-portata ta’ dawn ir-responsabbiltajiet ( 25 ). |
|
30. |
It-tielet, l-Artikolu 106(2) TFUE jagħmilha ċara li huma l-“impriżi” li jwettqu SIEĠ. Filwaqt li t-Trattat ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ impriża, il-ġurisprudenza sostniet b’mod konsistenti li dan ikopri kull entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata ( 26 ). L-attività ekonomika tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti u servizzi bi ħlas. Ir-remunerazzjoni tikkostitwixxi kunsiderazzjoni għall-provvista ta’ merkanzija u/jew servizzi ( 27 ). Ladarba l-prodotti jew is-servizzi jiġu pprovduti inkambju għal remunerazzjoni, huwa irrilevanti jekk il-fornitur ikunx jopera mingħajr skop ta’ lukru ( 28 ), jew ikunx igawdi monopolju legali ( 29 ). |
|
31. |
Jiena nipproponi li l-ewwel domanda tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet. |
|
32. |
Il-Gvern Sloven jargumenta li, skont il-Liġi l-antika dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, l-operaturi ekonomiċi responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tar-REP naqsu milli jiżguraw li l-imballaġġ miġbur mis-servizzi tal-iskart muniċipali jiġi ttrattat kif suppost, u b’hekk ħolqu riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem li kienu jeħtieġu l-intervent ta’ dak il-gvern. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonferma l-veraċità ta’ dawn l-avvenimenti, jidher li tkun qiegħda turi l-preżenza ta’ falliment tas-suq, li hija biżżejjed sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tas-Slovenja li toħloq servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex tindirizza ħtieġa pubblika li ma hijiex issodisfatta. |
|
33. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-awtorizzazzjonijiet li permezz tagħhom l-awtoritajiet Sloveni inkarigaw lill-organizzazzjonijiet kollettivi bir-responsabbiltà li jiżguraw it-twettiq kollettiv tal-obbligi tar-REP fir-rigward ta’ kategoriji partikolari ta’ prodotti humiex atti li jafdawhom bit-twettiq ta’ missjoni komprensiva u obbligatorja permezz ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. B’dan il-mod, din il-qorti għandha teżamina wkoll jekk l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fihomx raġunijiet adegwati għall-adozzjoni tagħhom u tiddefinixxi bi preċiżjoni suffiċjenti n-natura, it-tul u l-portata tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li bihom huma jafdaw lill-organizzazzjonijiet kollettivi. |
|
34. |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-organizzazzjoni kollettiva responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tar-REP għal kategorija ta’ prodotti tiċċarġja tariffa kkalkolata b’riferiment għall-ispiża tal-provvista tagħha ta’ dawn is-servizzi, fosthom is-servizz li torganizza offerti għall-ġbir u t-trattament tal-iskart u s-servizz li tiżgura li l-produtturi jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP. Din it-tariffa għalhekk tikkostitwixxi remunerazzjoni għall-provvista ta’ dawn is-servizzi ( 30 ). B’riferiment għall-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kemm‑il darba jiġu stabbiliti, dawn il-fatti juru li l-organizzazzjonijiet kollettivi previsti mil-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent huma impriżi fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE. |
|
35. |
Għalhekk, jiena nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi l-ewwel domanda billi tgħid li l-Artikolu 106(2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni fdata bir-responsabbiltà għat-twettiq kollettiv tal-obbligi tar-REP tista’ tkun impriża awtorizzata sabiex twettaq servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali meta jkun hemm interess ġenerali leġittimu, bħall-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa pubblika, li l-forzi tas-suq ikunu naqsu milli jissodisfaw b’mod adegwat; meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu fdawha b’mod ċar b’missjoni ta’ servizz pubbliku permezz ta’ atti li jkun fihom raġunijiet adegwati għall-adozzjoni tagħhom u meta jkun jidher li hija involuta f’attività ekonomika. |
B. It‑tieni domanda
|
36. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fdar bir-responsabbiltà għat-twettiq tal-obbligi tar-REP lil organizzazzjoni waħda li topera mingħajr skop ta’ lukru jmurx kontra l-Artikoli 49, 56 u 106(2) TFUE, l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, id-Direttiva dwar is-Servizzi jew l-Artikolu 8a tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. |
|
37. |
Interzero, sostnuta minn Surovina, issostni li l-fdar b’tali responsabbiltà lil organizzazzjoni li twettaq kompiti purament amministrattivi jmur kontra l-Artikolu 106(2) TFUE. Projbizzjoni fuq operaturi oħra li jwettqu kompiti amministrattivi tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment (l-Artikolu 49 TFUE) u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 56 TFUE). Li kellu l-Gvern Sloven jinvoka l-protezzjoni tal-ambjent bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika din id-deċiżjoni, Interzero u Surovina jsostnu li huwa ma weriex li l-miżuri adottati huma indispensabbli u proporzjonati sabiex jintlaħaq dan il-għan. Skont Surovina, miżuri inqas restrittivi, bħall-ħolqien ta’ entità speċifika sabiex tissorvelja l-attivitajiet tal-operaturi ekonomiċi inkarigati li jissodisfaw l-obbligi tar-REP, huma disponibbli għall-awtoritajiet Sloveni. Interzero u Surovina jkomplu jenfasizzaw li l-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ser tirrikjedi li huma jtemmu l-attivitajiet tagħhom fis-Slovenja. Għal raġunijiet simili, huma jsostnu li l-liġi hija wkoll kuntrarja għad-Direttiva dwar is-Servizzi. |
|
38. |
Sa fejn tista’ tapplika d-Direttiva dwar is-Servizzi, il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ armonizzazzjoni sħiħa li tistabbilixxi din id-direttiva tagħmel inutli eżami tat-tieni domanda, fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi oħra. Fil-fehma tal-Kummissjoni, filwaqt li l-fdar bir-responsabbiltà għat-twettiq tal-kompiti inkwistjoni lil organizzazzjoni waħda jista’ jkun restrizzjoni kwantitattiva/territorjali u/jew jirriżerva l-aċċess għall-attivitajiet fis-sens tal-Artikolu 15(2)(a) u (d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-obbligu li tali organizzazzjoni topera mingħajr skop ta’ lukru jidher li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mal-libertà ta’ stabbiliment. Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, kwalunkwe rekwiżiti imposti fuq l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għandhom ikunu nondiskriminatorji, meħtieġa sabiex jipproteġu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonati ( 31 ). Ir-regoli inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju ma jiddiskriminawx abbażi tan-nazzjonalità u jfittxu, inter alia, li jipproteġu l-ambjent, li huwa għan ta’ interess ġenerali. Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-proporzjonalità ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni tiddubita jekk l-istess riżultat setax jintlaħaq mingħajr ma l-organizzazzjonijiet fdati bit-twettiq tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jingħataw drittijiet esklużivi. L-obbligu li jitwettqu dawk il-kompiti mingħajr skop ta’ lukru jista’ wkoll jiffaċilita l-ilħiq ta’ għanijiet ambjentali. Filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma japplikawx għas-SIEĠ meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu jistgħu jostakolaw it-twettiq, fid-dritt jew fil-fatt, tal-kompiti assenjati lilhom, il-Kummissjoni ssostni li ma hemm xejn x’jissuġġerixxi li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar is-Servizzi japplika fiċ-ċirkustanzi preżenti. |
|
39. |
Il-Gvern Ċek, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Sloven isostnu li l-Istati Membri jgawdu marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni kemm‑il darba jiddeċiedu li jafdaw bit-twettiq tal-obbligi tar-REP lil organizzazzjoni waħda jew lil diversi organizzazzjonijiet meħtieġa li joperaw mingħajr skop ta’ lukru ( 32 ). F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, il-Gvern Sloven isostni li, b’kuntrast man-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni preċedenti, is-sistema stabbilita minnha hija kemm effettiva kif ukoll ekonomikament effiċjenti, u b’hekk tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, huwa josserva li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tapplika biss għall-prodotti maħsuba għall-użu domestiku. Il-Gvern Olandiż isostni li jista’ jkun iktar effiċjenti u sempliċi, f’pajjiż żgħir, li t-twettiq tal-obbligi tar-REP jiġi fdat lil organizzazzjoni waħda, inter alia, sabiex tiġi evitata l-problema tal-parassitazzjoni (‘free-rider’ problem) li tista’ tqum fejn ċerti produtturi jipprovaw jagħmlu mill-anqas kemm jista’ jkun sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP. |
|
40. |
Sa fejn ir-regoli nazzjonali tiegħu jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Gvern Sloven isostni li dawn ir-restrizzjonijiet huma ġġustifikati mill-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, li huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda ma tobbligax lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżuri quddiem il-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta jew tad-Direttiva dwar is-Servizzi. |
|
41. |
Minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu l-Istati Membri, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 106(2) TFUE tippermetti eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat sakemm dawn l-eżenzjonijiet ikunu meħtieġa għat-twettiq ta’ kompiti partikolari assenjati lil impriża fdata b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u jkunu proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex ( 33 ). Huwa biżżejjed għal Stat Membru li juri li, fin-nuqqas tal-għoti jew iż-żamma tad-drittijiet inkwistjoni, ikun impossibbli għall-impriża inkarigata mit-twettiq tal-kompiti assenjati jew fdati lilha li hija twettaqhom taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli ( 34 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 106(2) TFUE jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lill-impriżi li huma jafdaw bl-operat tas-SIEĠ drittijiet esklużivi li jirrestrinġu, jew saħansitra jeskludu, il-kompetizzjoni, sakemm l-għoti ta’ tali drittijiet ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-kompiti assenjati ( 35 ). |
|
42. |
F’dan il-każ, Interzero u Surovina joġġezzjonaw għall-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil organizzazzjoni waħda fir-rigward ta’ skart konness ma’ kategoriji partikolari ta’ prodotti. Huma jikkontestaw ukoll l-obbligu li organizzazzjonijiet bħal dawn għandhom joperaw mingħajr skop ta’ lukru. |
|
43. |
Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet esklużivi, u b’hekk jeliminaw il-kompetizzjoni kollha f’suq partikolari, sakemm dik l-għotja tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta’ ċerti kompiti fl-interess ġenerali. L-atti tal-proċess jindikaw li l-Gvern Sloven fada bit-twettiq ta’ dawn il-kompiti lil organizzazzjoni waħda, li topera mingħajr skop ta’ lukru, preċiżament minħabba li l-leġiżlazzjoni preċedenti, li taħtha għadd ta’ impriżi bi skop ta’ lukru kkompetew sabiex jipprovdu dawk is-servizzi, naqset milli twettaq dawk il-kompiti għas-sodisfazzjon tiegħu. Il-koeżistenza ta’ diversi operaturi ekonomiċi wasslet sabiex kulħadd jagħżel dak li jaqbillu ( 36 ) u impedixxiet il-monitoraġġ tal-operat tas-sistema. L-iskop ta’ lukru għalhekk serva sabiex jostakola, iktar milli jiffaċilita, l-għan li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-ambjent. Barra minn hekk, il-Gvern Sloven isostni li d-deċiżjoni tiegħu li jafda bit-twettiq tal-kompiti inkwistjoni lil organizzazzjoni waħda fir-rigward ta’ kull kategorija ta’ prodotti tgħin sabiex jiġi żgurat li l-iskart kollu konness ma’ dawn il-prodotti jinġabar u jiġi ttrattat b’mod li ma huwiex ta’ perikolu u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn l-argumenti humiex sostnuti bil-provi jew jekk il-Gvern Sloven għandux mezzi manifestament inqas restrittivi għad-dispożizzjoni tiegħu li jippermettulu jilħaq livell komparabbli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika. |
|
44. |
L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, moqri flimkien mal-premessa 8 tagħha, jeskludu mill-portata tagħha SIEĠ li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, kienu rriżervati għal entitajiet pubbliċi jew privati ( 37 ). Peress li l-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ġiet adottata wara li daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar is-Servizzi, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar japplikaw għall-fatti tal-kawża pendenti quddiem l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali). Madankollu, id-Direttiva dwar is-Servizzi jista’ jkollha ftit li xejn jew ebda effett fuq ir-risposta għat-tieni domanda għar-raġunijiet li ġejjin. Sa fejn il-fdar bit-twettiq tal-kompiti rilevanti għal kull kategorija ta’ prodotti lil organizzazzjoni waħda jista’ jkun rekwiżit li jirriżerva aċċess għal attivitajiet għal fornituri partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, dak ir-rekwiżit għandu jkun iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 38 ) u jkun proporzjonat ( 39 ). Analiżi tat-tieni domanda fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment ma tirriżultax, fil-fehma tiegħi, f’risposta differenti minn dik proposta fil-punti 41 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi japplika għas-SIEĠ biss sal-punt li dawk id-dispożizzjonijiet ma jostakolawx it-twettiq, fid-dritt jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari assenjati lill-impriżi li jipprovdu SIEĠ ( 40 ). Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jistabbilixxi li r-rekwiżiti dwar l-aċċess għal attività ta’ servizz stabbiliti fl-Artikolu 16 tagħha ma japplikawx għas-SIEĠ. |
|
45. |
F’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tat-Trattati ( 41 ). Restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, bħal miżura li tafda organizzazzjoni waħda bir-responsabbiltà li twettaq ċerti kompiti, ma għandhiex għalfejn tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 49 u 56 TFUE ( 42 ). Sal-punt li d-Direttiva dwar is-Servizzi ma tipprevedix rekwiżit legali ta’ operat mingħajr skop ta’ lukru, il-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-libertajiet tas-suq intern. |
|
46. |
Miżuri li jipprojbixxu, jostakolaw jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jitqiesu bħala restrizzjonijiet fuqu ( 43 ). Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva aċċess għal attività ekonomika għall-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru tista’ tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment sal-punt li tfixkel l-eżerċizzju ta’ dik il-libertà minn entitajiet bi skop ta’ lukru. Tali restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment huma permessi biss meta jkunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u jkunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 44 ). |
|
47. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, li jikklassifika fost wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni ( 45 ), jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ( 46 ). Il-Gvern Sloven isostni li l-inċentiv sabiex isir profitt, li l-Liġi l-antika dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent iffaċilitat, impedixxa milli jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni adegwata tal-ambjent. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-fatti sottomessi quddiemha, kienx hemm mezzi inqas restrittivi disponibbli għall-awtoritajiet Sloveni li bihom setgħu jilħqu dan l-għan. |
|
48. |
Ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet previsti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta f’kuntest fejn ikun biżżejjed għal dan il-għan li tiġi eżaminata l-legalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fid-dawl tal-Artikoli 49 u 56 TFUE ( 47 ). Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprovdi li jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta sakemm dawk il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, ikunu jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet hekk protetti u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, neċessarjament u ġenwinament jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li tirrikonoxxi l-Unjoni Ewropea jew jissodisfaw il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. L-Artikolu 16 tal-Karta jipproteġi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera ( 48 ). Madankollu, dawn il-libertajiet ma humiex assoluti u l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun ukoll suġġett għal firxa ta’ interventi mill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi limitazzjonijiet imposti fl-interess ġenerali ( 49 ). Id-dritt għall-proprjetà li jirrikonoxxi l-Artikolu 17(1) tal-Karta lanqas ma huwa assolut u l-eżerċizzju tiegħu jista’ wkoll ikun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali li ma jkunux jikkostitwixxu, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u inaċċettabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit ( 50 ) Jiena għalhekk tal-fehma li ma hemmx il-ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta sabiex tirrispondi t-tieni domanda, peress li dan l-eżerċizzju ma jirriżultax f’risposta differenti minn dik li tirriżulta mill-analiżi tagħha ta’ din id-domanda fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE. |
|
49. |
Finalment, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8a(5) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jobbliga lill-Istati Membri, meta jkunu jeżistu fl-istess ħin numru ta’ organizzazzjonijiet, jaħtru korp indipendenti jew awtorità pubblika sabiex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-obbligi tar-REP ( 51 ). Din id-dispożizzjoni jidher li ma għandha xejn xi tgħid fir-rigward tas-setgħat tal-Istati Membri li jafdaw bit-twettiq tal-obbligi tar-REP fir-rigward ta’ kategorija partikolari ta’ prodotti lil organizzazzjoni waħda. |
|
50. |
Għalhekk nagħti l-parir lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi t-tieni domanda fis-sens li l-Artikoli 49, 56 u 106(2) TFUE, l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, id-Direttiva dwar is-Servizzi u l-Artikolu 8a tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma jipprekludux Stat Membru milli jafda bir-responsabbiltà li jiġu ssodisfatti l-obbligi tar-REP lil organizzazzjoni waħda li topera mingħajr skop ta’ lukru, fejn dawk il-miżuri jfittxu li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika u fejn ma jkunx hemm mezzi inqas restrittivi disponibbli sabiex jintlaħaq dak l-għan. |
C. It‑tielet, ir‑raba’ u l‑ħames domanda
|
51. |
Permezz tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk bidla ta’ leġiżlazzjoni li taħtha attività bi skop ta’ lukru eżerċitata minn diversi operaturi ekonomiċi tinbidel f’attività li tista’ tiġi eżerċitata minn organizzazzjoni waħda biss mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ma jiġi previst perijodu tranżitorju u/jew l-għoti ta’ kumpens adegwat għal kwalunkwe telf li dawk l-operaturi ekonomiċi setgħu ġarrbu bħala konsegwenza ta’ dik il-bidla, tmurx kontra l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. |
|
52. |
Filwaqt li Interzero u Surovina jirrikonoxxu li l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jippretendu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiġix emendata ( 52 ), huma jsostnu li, fiċ-ċirkustanzi tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali tobbliga lill-Istati Membri jintroduċu perijodu tranżitorju u jagħtu kumpens adegwat lill-operaturi ekonomiċi affettwati minn tali bidliet. |
|
53. |
Il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni jsostnu li l-Istati Membri jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni bil-konsegwenza li l-eżerċizzju ta’ attività bi skop ta’ lukru minn numru ta’ operaturi ekonomiċi jista’ jiġi fdat lil organizzazzjoni waħda, li topera mingħajr skop ta’ lukru. Il-Gvern Sloven isostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa osservat ladarba r-regoli adottati għal dan il-għan ikunu ċari. Il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi huwa osservat ukoll peress li bidliet leġiżlattivi ta’ dan it-tip ilhom prevedibbli sa mill-promulgazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Peress li l-bidliet leġiżlattivi kienu legali ma kienx hemm bżonn li l-operaturi ekonomiċi jiġu kkumpensati għal kwalunkwe telf li setgħu ġarrbu. Minkejja l-premess, il-Kummissjoni ma teskludix li, f’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li Stat Membru jagħti lill-operaturi perijodu tranżitorju xieraq sabiex jippermettilhom jadattaw għal leġiżlazzjoni ġdida. Il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi quddiem il-qorti tar-rinviju jikkostitwixxux wieħed minn dawn il-każijiet għandha tiġi vverifikata mill-istess qorti tar-rinviju. |
|
54. |
Il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom josservaw dawn il-prinċipji meta jagħtu effett lid-direttivi tal-Unjoni Ewropea ( 53 ). |
|
55. |
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jemendaw il-leġiżlazzjoni ( 54 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-korollarju tiegħu huwa l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli, speċjalment fejn dawn ir-regoli jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi għall-individwi u għall-impriżi affettwati ( 55 ). Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni tkun abbozzata b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu preċiżament l-portata ta’ kwalunkwe obbligi li tista’ timponi fuqhom u li jaċċertaw mingħajr ebda ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom taħt din il-leġiżlazzjoni sabiex ikunu jistgħu jieħdu passi sabiex jipproteġu lilhom infushom minn tali konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnha ( 56 ). |
|
56. |
Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu l-għan li jiżgura li, meta awtorità nazzjonali tagħti assigurazzjonijiet preċiżi lil operatur ekonomiku, dak l-operatur ikun jista’ jinvoka dawn l-assigurazzjonijiet kontra din l-awtorità. Fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet ta’ dan it-tip, fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jagħżlu li jbiddlu sitwazzjoni partikolari fi kwalunkwe ħin, l-operaturi ekonomiċi ma jkollhomx aspettattiva leġittima li din is-sitwazzjoni ser tkompli teżisti ( 57 ). |
|
57. |
Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma għandhomx l-effett li jżommu lil Stat Membru milli jemenda liġi b’effett immedjat mingħajr ma jagħmel ebda arranġamenti tranżitorji ( 58 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teskludix kompletament il-possibbiltà li operaturi ekonomiċi li jkunu għamlu investimenti jqumu ħafna flus sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ skema leġiżlattiva jistgħu jinvokaw il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta din l-iskema tiġi rtirata qabel data li tkun diġà tħabbret mingħajr ma jkun ingħata biżżejjed żmien lil dawk l-operaturi ekonomiċi sabiex jadattaw ruħhom għall-konsegwenzi ta’ dak l-irtirar ( 59 ). |
|
58. |
Finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika ċ-ċirkustanzi li fihom tkun ġiet ippromulgata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża quddiemha. Madankollu, jiena nosserva li, sa fejn il-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tafda lil organizzazzjoni waħda li topera mingħajr skop ta’ lukru bir-responsabbiltà li twettaq l-obbligi tar-REP, jidher li hija espressa bi kliem ċar u preċiż. Lanqas jidher li hemm xi indikazzjoni fl-atti tal-proċess li awtorità nazzjonali kompetenti tat xi assigurazzjonijiet lill-operaturi ekonomiċi li l-Liġi l-antika dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ma kinitx ser titħassar jew li kienet ser tibqa’ fis-seħħ għal xi perijodu ta’ żmien partikolari. |
|
59. |
Għalhekk, nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda fis-sens li l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali ma jipprekludux bidla ta’ leġiżlazzjoni li taħtha attività bi skop ta’ lukru eżerċitata minn diversi operaturi ekonomiċi tinbidel f’attività fdata lil organizzazzjoni waħda li topera mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ma jiġi previst perijodu tranżitorju u/jew l-għoti ta’ kumpens adegwat għal kwalunkwe telf li dawk l-operaturi ekonomiċi setgħu ġarrbu bħala konsegwenza ta’ dik il-bidla. |
D. Is‑sitt domanda
|
60. |
Is-sitt domanda tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha l-produtturi li jqiegħdu fis-suq mill-inqas 51 % ta’ ċerta kategorija ta’ prodotti għandhiex twaqqaf organizzazzjoni li tkun responsabbli sabiex tissodisfa l-obbligi tar-REP (iktar ’il quddiem ir-“regola tal‑51 %”) u li tali produtturi biss jistgħu jkunu azzjonisti ta’ dik l-organizzazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“regola tal-azzjonisti”) tmurx kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta, id-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. |
|
61. |
Interzero ssostni li r-regola tal‑51 % tirrestrinġi l-libertà ta’ intrapriża li jiggarantixxi l-Artikolu 16 tal-Karta. Ma hemm l-ebda raġuni għalfejn organizzazzjoni kollettiva, li tiżgura l-implimentazzjoni tal-obbligi tar-REP, għandha tiġi stabbilita minn produtturi ta’ ċerti prodotti, partikolarment peress li dawk il-produtturi ma humiex esperti fl-immaniġġjar tal-iskart. Interzero ssostni wkoll li r-regola tal‑51 % tammonta għal diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità peress li l-impriżi nazzjonali huma maġġoranza netta tal-produtturi li jqiegħdu prodotti għall-konsumatur fis-suq fis-Slovenja. |
|
62. |
Il-Gvern Sloven isostni li r-regola tal‑51 % għandha l-għan li tiżgura li tinħoloq organizzazzjoni kollettiva unika b’responsabbiltà għall-iskart konness ma’ kull kategorija ta’ prodotti għall-konsumatur. |
|
63. |
Il-Kummissjoni ssostni li r-regola tal‑51 % hija restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment minħabba li tista’ tiddisswadi lill-produtturi milli jistabbilixxu ruħhom fis-Slovenja ( 60 ). Anki jekk din ir-regola tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-protezzjoni tal-ambjent, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun proporzjonata sabiex jintlaħaq dan il-għan u li ma jkunux jeżistu arranġamenti inqas restrittivi li jiggarantixxu r-responsabbiltà għall-immaniġġjar tal-iskart konness ma’ kull kategorija ta’ prodotti. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li r-regola tal-azzjonisti tista’ tkun sproporzjonata, għalkemm taqbel li din hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju. |
|
64. |
Bla ħsara tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għas-sitt domanda tista’ tinstab bl-applikazzjoni tal-osservazzjonijiet magħmula fil-punti 41 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
65. |
L-ewwel, sa fejn ir-regola tal‑51 % u r-regola tal-azzjonisti jidhru li jikkostitwixxu rekwiżiti li jirrigwardaw l-ishma fil-kapital ta’ kumpannija għall-finijiet tal-Artikolu 15(2)(ċ) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Sabiex dawn ir-rekwiżiti jkunu kompatibbli mad-Direttiva dwar is-Servizzi, għandhom ikunu nondiskriminatorji, ikunu meħtieġa għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u jkunu proporzjonati ( 61 ). |
|
66. |
Għalkemm Interzero ssostni li r-regola tal‑51 % tikkostitwixxi forma ta’ “diskriminazzjoni inversa” abbażi tan-nazzjonalità, hija ma tikkontestax li, minn perspettiva legali, din ir-regola hija nondiskriminatorja peress li tapplika bl-istess mod għall-produtturi kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Iċ-ċirkustanza li f’suq partikolari jistgħu jkunu attivi iktar produtturi nazzjonali minn produtturi fi Stati Membri oħra tista’ tinbidel maż-żmien u għalhekk ma tagħmilx ir-regola tal‑51 % diskriminatorja. Fir-rigward tal-ħtieġa li jkun hemm raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ir-regola tal‑51 % tfittex li tiżgura li organizzazzjoni kollettiva waħda biss tkun tista’ titwaqqaf fir-rigward ta’ kull kategorija ta’ prodotti bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni tal-ambjent. Ir-regola tal-azzjonisti tfittex ukoll li tilħaq dak l-għan billi tiżgura li l-produtturi jerfgħu r-responsabbiltà organizzattiva sħiħa għall-immaniġġjar tal-iskart konness mal-prodotti tagħhom. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-partijiet f’din il-kawża ma ssuġġerixxew ebda arranġamenti inqas restrittivi li jistgħu jiksbu l-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent li jaspiraw għalih l-awtoritajiet Sloveni. |
|
67. |
It-tieni, kif jindika l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment jew fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, ma hemmx għalfejn tiġi eżaminata l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet tas-suq intern tat-TFUE. Fi kwalunkwe każ, ir-regola tal‑51 % għandha tiġi analizzata mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment. Kwalunkwe ostakolu għall-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jkunu jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom sabiex jiżguraw it-twettiq kollettiv tal-obbligi tar-REP jirriżulta bħala konsegwenza tal-għoti ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali lil organizzazzjoni waħda għal kull kategorija ta’ prodotti. Għalhekk, ma huwiex konsegwenza tar-regola tal‑51 %. Ir-regola tal‑51 % tista’ madankollu tagħmel inqas attraenti l-possibbiltà għall-produtturi li jistabbilixxu ruħhom fis-Slovenja, u għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment ( 62 ). Ir-regola tal-azzjonisti tikkostitwixxi restrizzjoni oħra fuq il-libertà ta’ stabbiliment peress li tipprevjeni impriżi oħra milli jkollhom interess finanzjarju f’organizzazzjonijiet kollettivi ( 63 ). Ma jirriżultax li xi waħda minn dawn ir-regoli tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Kif ninnota fil-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-impożizzjoni ta’ tali restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li jinkludu l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, dejjem bla ħsara tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
|
68. |
It-tielet, il-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma identifikaw ebda dispożizzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart li tista’ tkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tar-regola tal‑51 %. Kemm din ir-regola kif ukoll ir-regola tal-azzjonisti jidhru li għandhom l-għan li jiżguraw li l-produtturi jerfgħu responsabbiltà finanzjarja u organizzattiva għall-istadju tal-immaniġġjar tal-iskart taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tagħhom, ġustifikazzjonijiet li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jippermetti. |
|
69. |
Ir-raba’, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidher li kwalunkwe evalwazzjoni ta’ dawn ir-regoli fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta ma tistax tkun indispensabbli u, fi kwalunkwe każ, ma twassalx għal riżultat differenti fiċ-ċirkustanzi ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
70. |
Għalhekk nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi s-sitt domanda fis-sens li l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta, id-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha l-produtturi li jqiegħdu fis-suq mill-inqas 51 % ta’ ċerta kategorija ta’ prodotti għandhom jistabbilixxu organizzazzjoni responsabbli sabiex tiżgura t-twettiq tal-obbligi tar-REP u li tali produtturi biss jistgħu jkunu azzjonisti ta’ dik l-organizzazzjoni. |
E. Is‑seba’, it‑tmien u d‑disa’ domanda
|
71. |
Is-seba’, it-tmien u d-disa’ domanda, li jistgħu jingħataw risposta flimkien, għandhom l-għan li jivverifikaw jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevjeni lil azzjonisti ta’ organizzazzjonijiet kollettivi milli jeżerċitaw attivitajiet ta’ ġbir u trattament ta’ skart, milli jkollhom ishma fi kwalunkwe operatur involut f’dawn l-attivitajiet, u li timponi l-istess projbizzjoni fuq il-membri tal-bordijiet ta’ tmexxija u tal-korpi ta’ sorveljanza ta’ dawk l-organizzazzjonijiet kollettivi (iktar ’il quddiem ir-“regoli dwar il-kunflitt ta’ interess”), tmurx kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta, id-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. |
|
72. |
Interzero tqis li l-għan li jiġu evitati kunflitti ta’ interess seta’ jintlaħaq permezz ta’ mezzi inqas restrittivi, bħal pereżempju billi l-organizzazzjonijiet kollettivi jiġu pprojbiti milli jidħlu f’kuntratti ma’ operaturi b’interess finanzjarju fihom. |
|
73. |
Il-Gvern Sloven isostni li r-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess huma neċessarji sabiex jipprevjenu kunflitti li jinqalgħu bejn organizzazzjonijiet kollettivi u operaturi attivi fil-ġbir u fit-trattament tal-iskart b’konsegwenzi negattivi sinjifikattivi għat-twettiq tal-kompiti assenjati lil dawk tal-ewwel. Il-Gvern Ċek jaqbel u jirrimarka li l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess bejn organizzazzjonijiet kollettivi u operaturi tal-ġbir u tat-trattament tal-iskart hija fost l-għanijiet segwiti mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. |
|
74. |
Il-Kummissjoni tammetti li projbizzjoni fuq l-azzjonisti ta’ organizzazzjoni kollettiva li jkollhom kwalunkwe investiment f’operaturi tal-ġbir u tat-trattament tal-skart tidher li hija restrizzjoni xierqa sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess. |
|
75. |
Il-prinċipji stabbiliti fil-punti 41 sa 49 u 64 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet jgħinu sabiex tingħata risposta għas-seba’, it-tmien u d-disa’ domanda, bla ħsara tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 64 ). |
|
76. |
Sa fejn ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess huma rekwiżiti li jirrigwardaw l-ishma fil-kapital ta’ kumpannija fis-sens tal-Artikolu 15(2)(ċ) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, dawn għandhom ikunu nondiskriminatorji, ikunu meħtieġa għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u jkunu proporzjonati ( 65 ). Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess jidhru li huma xierqa sabiex jilħqu l-iskop li għalih ġew adottati. Fl-aħħar mill-aħħar, huma jfittxu li jiżguraw, inter alia, il-protezzjoni tal-ambjent, billi jevitaw ir-riskju li offerenti li ma jkunux l-iktar effiċjenti ekonomikament u/jew ambjentalment jintgħażlu minħabba raġunijiet jew konnessjonijiet kummerċjali. Hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-partijiet, li għandha tivverifika jekk hemmx mezzi inqas restrittivi disponibbli li permezz tagħhom is-Slovenja tista’ tilħaq dan il-għan. |
|
77. |
Għalhekk, nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi s-seba’, it-tmien u d-disa’ domanda fis-sens li l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta, id-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevjeni lill-azzjonisti ta’ organizzazzjonijiet kollettivi milli jeżerċitaw attivitajiet ta’ ġbir u trattament tal-iskart, milli jkollhom ishma fi kwalunkwe operaturi involuti f’dawk l-attivitajiet, u li timponi l-istess projbizzjoni fuq il-membri tal-bordijiet ta’ tmexxija u tal-korpi ta’ sorveljanza tal-organizzazzjonijiet kollettivi, sakemm ma jkunx hemm mezzi inqas restrittivi sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess li joffru l-istess livell ta’ protezzjoni għall-ambjent u għas-saħħa pubblika. |
F. L‑għaxar domanda
|
78. |
L-għaxar domanda tal-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu tal-produtturi li ma jkunux azzjonisti ta’ organizzazzjoni kollettiva li jidħlu f’kuntratti ma’ din tal-aħħar sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP imurx kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE u l-Artikolu 16 tal-Karta. |
|
79. |
Interzero targumenta li dan l-obbligu huwa restrizzjoni fuq il-libertà ta’ intrapriża ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta, ma huwiex iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fi kwalunkwe każ, huwa sproporzjonat peress li l-produtturi għandu jkollhom l-għażla li jissodisfaw l-obbligi tar-REP tagħhom jew billi joħolqu l-organizzazzjonijiet tagħhom stess jew billi jidħlu f’kuntratti xierqa mal-organizzazzjonijiet tal-għażla tagħhom. |
|
80. |
Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li tali obbligu jista’ jevita l-parassitazzjoni minn ċerti produtturi li jfittxu li jagħmlu mill-inqas kemm jista’ jkun sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP. |
|
81. |
Il-Kummissjoni ssostni li dan l-obbligu huwa restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE u fuq il-libertà ta’ intrapriża taħt l-Artikolu 16 tal-Karta. Filwaqt li jidher li jfittex li jilħaq l-għan, inter alia, tal-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni tistieden lill-qorti tar-rinviju tivverifika li ma jeżistux mezzi alternattivi inqas restrittivi sabiex jintlaħaq dan il-għan. |
|
82. |
Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-għaxar domanda hija marbuta mill-qrib ma’ dik li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lit-tieni waħda. Jekk id-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jafdaw lil organizzazzjoni kollettiva waħda bir-responsabbiltà li tiżgura t-twettiq tal-obbligi tar-REP, isegwi li l-produtturi li ma jkunux azzjonisti ta’ organizzazzjoni kollettiva ser ikunu meħtieġa jidħlu f’kuntratti ma’ dik l-organizzazzjoni peress li dan ikun l-uniku mezz legali li bih ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP. |
|
83. |
Għalhekk nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-għaxar domanda fis-sens li meta d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jafdaw lil organizzazzjoni kollettiva waħda bir-responsabbiltà li tiżgura t-twettiq tal-obbligi tar-REP, il-produtturi li ma jkunux azzjonisti ta’ din l-organizzazzjoni jistgħu jkunu obbligati li jidħlu f’kuntratt ma’ din tal-aħħar sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP. |
V. Konklużjoni
|
84. |
Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) L-Istati Membri għandhom jadottaw skemi tar-REP sabiex jiżguraw li l-produtturi tal-prodotti jerfgħu responsabbiltà finanzjarja u organizzattiva għall-immaniġġjar tal-iskart konness mal-prodotti tagħhom.
( 3 ) ĠU 2006 L 376, p. 36.
( 4 ) ĠU 2008 L 312, p. 3.
( 5 ) Kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (ĠU 2018, L 150, p. 109), liema Direttiva fittxet li tiddefinixxi l-kunċett tar-REP u tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal din tal-aħħar.
( 6 ) Kif emendata bid-Direttiva 2018/851.
( 7 ) Imdaħħal bid-Direttiva 2018/851.
( 8 ) Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 39/06.
( 9 ) Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 44/22.
( 10 ) Organizzazzjoni kollettiva tista’ tiżgura li l-obbligi tar-REP jiġu ssodisfatti fir-rigward ta’ diversi kategoriji ta’ prodotti.
( 11 ) L-organizzazzjonijiet kollettivi u l-azzjonisti tagħhom huma pprojbiti milli jipprovdu servizzi ta’ ġbir u ta’ mmaniġġjar tal-iskart u ma jistax ikollhom interess finanzjarju dirett jew indirett f’impriżi li jipprovdu dawk is-servizzi. Il-produtturi li jidħlu f’kuntratt ma’ organizzazzjoni kollettiva sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom tar-REP ma huma suġġetti għal ebda waħda minn dawn ir-restrizzjonijiet.
( 12 ) Skont l-Artikolu 2 tagħha, l-Istati Membri kellhom jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva 2018/851 sa mhux iktar tard mill‑5 ta’ Lulju 2020.
( 13 ) Il-Gvern Sloven iżid jgħid li r-Repubblika Ċeka u l-Estonja jipprevedu leġiżlazzjoni simili.
( 14 ) Il-Gvern Sloven iżid jgħid li l-operaturi ekonomiċi inkarigati sabiex jiżguraw kollettivament it-twettiq tal-obbligi tar-REP instabu li kisru d-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni billi daħlu fi ftehim antikompetittiv orizzontali.
( 15 ) Barra minn hekk, il-Protokoll Nru 26 jiddikjara li t-Trattati bl-ebda mod ma jaffettwaw il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw servizzi ta’ interess ġenerali li ma humiex ekonomiċi.
( 16 ) Ara, għal dan il-għan, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali. Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni (C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, Franza vs Il-Kummissjoni (T‑366/13, EU:T:2017:135; punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, SNCM vs Il-Kummissjoni (T‑454/13, EU:T:2017:134, punt 111).
( 17 ) L-Avukat Ġenerali Sharpston osserva li l-“karatteristika essenzjali ta’ impriża li tipprovdi SIEĠ hija l-provvista ta’ xi ħaġa li meta tingħata tkun taqdi l-interess pubbliku iżda li ma kinitx tingħata (jew tingħata biss taħt kundizzjonijiet differenti f’termini ta’ kwalità oġġettiva, sikurezza, prezz xieraq, ugwaljanza fit-trattament jew aċċess universali) mis-suq ħieles fl-assenza ta’ intervent pubbliku (l-hekk imsejjaħ ‘test ta’ falliment tas-suq’)”: Konklużjonijiet fil-kawża Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:492, punt 90). Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni (C‑66/16 P sa C‑69/16 P, C‑70/16 P u C‑81/16 P, EU:C:2017:654, punt 122) iddefendew l-istess argument. Bl-istess mod, ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, Franza vs Il-Kummissjoni (T‑366/13, EU:T:2017:135; punt 123) u s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, SNCM vs Il-Kummissjoni (T‑454/13), EU:T:2017:134, punt 172), fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu SIEĠ fejn dan ikun jissodisfa ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku u l-forzi tas-suq ma jkunux jissodisfaw din id-domanda.
( 18 ) Ara l-paragrafu 14 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali fl-Ewropa (ĠU 2001, C 17, p. 4), p. 3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, bit-titolu “Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa”, tal‑20 ta’ Diċembru 2011 (KUMM/2011/0900 finali) u l-punt 48 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4; iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ”). Għal analiżi tal-ġurisprudenza dwar ir-rekwiżit ta’ falliment tas-suq fil-kuntest tas-SIEĠ, ara Szyszczak, E., “Services of General Economic Interest, State Aid and State Measures Affecting Competition”, Journal of European Competition Law & Practice, 2017, vol. 8, Nru 10, p. 680‑683. Ara wkoll Collins, A. M., Martínez Navarro, M., “Economic Activity, Market Failure and Services of General Economic Interest: It Takes Two to Tango”, Journal of European Competition Law & Practice, 2021, vol. 12, Nru 5, p. 384‑386.
( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (C‑360/96, EU:C:1998:525, punt 52); is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus (C‑209/98, EU:C:2000:279, punt 75); u s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Engie Cartagena (C‑523/18, EU:C:2019:1129, punt 33).
( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs (127/73, EU:C:1974:25, punt 20); is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 172); u s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 78).
( 21 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 79).
( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 52 tal-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ.
( 23 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni (T‑17/02, EU:T:2005:218, punt 188).
( 24 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 172).
( 25 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 79). Ara wkoll il-punt 52 tal-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SIEĠ.
( 26 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 45 u 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27) u s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 46).
( 29 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il-Kummissjoni (T‑696/17, EU:T:2019:652, punt 98).
( 30 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġerixxiet li organizzazzjoni privata mingħajr skop ta’ lukru, approvata mill-awtoritajiet pubbliċi, li tkun irċeviet kontribuzzjonijiet minn produtturi inkambju għas-servizz li jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi tar-REP ta’ dawn tal-aħħar, kienet impriża: sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC (C‑556/19, EU:C:2020:844, punti 31 sa 51).
( 31 ) L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-Kummissjoni tqis ukoll li r-regoli li jirregolaw servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għandhom ikunu meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat il-kompitu partikolari ta’ servizz pubbliku li bih impriża hija fdata li twettaq u għandhom ikunu proporzjonati.
( 32 ) Il-Gvern Ungeriż iżid jgħid li d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma tobbligax lill-Istati Membri jagħmluha possibbli li l-produtturi jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-REP billi jiġbru u jittrattaw l-iskart huma stess.
( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni (C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 29); is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Inpost Paczkomaty u Inpost vs Il‑Kummissjoni (T‑282/16 u T‑283/16, EU:T:2019:168, punt 115); u s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Achema u Achema Gas Trade vs Il‑Kummissjoni (T‑193/19, EU:T:2021:558, punt 102).
( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 1998, Dusseldorp et (C‑203/96, EU:C:1998:316, punt 65); is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance (C‑437/09, EU:C:2011:112, punt 76); u s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni (C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 30).
( 35 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C‑320/91, EU:C:1993:198, punt 14) u s-sentenza tas‑27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, EU:C:1994:171, punt 46).
( 36 ) Skont il-Gvern Sloven, l-operaturi ekonomiċi ffokaw fuq it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jħallu iktar qligħ bi ħsara ta’ dawk li kienu jħallu inqas qligħ (bħal, pereżempju, servizzi pprovduti f’żoni rurali).
( 37 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑171/17, EU:C:2018:881, punti 41 sa 43). L-Artikolu 15(4) u l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jsostnu l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li, altrimenti, dawk id-dispożizzjonijiet jidhru li huma bla skop.
( 38 ) Kif iddefinit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, moqri flimkien mal-premessa 40 tagħha.
( 39 ) L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.
( 40 ) L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.
( 41 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 118) u s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑729/17, EU:C:2019:534, punti 52 u 54).
( 43 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 61).
( 44 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, il-punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 45 ) Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Derrybrien Wind Farm) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 115).
( 46 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 71) u s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 69).
( 47 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 60) u s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 50).
( 48 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et (C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 82).
( 49 ) Ibid., punt 83.
( 50 ) Ibid., punt 85.
( 51 ) Dan jipprovdi li “[m]eta, fit-territorju ta’ Stat Membru, organizzazzjonijiet multipli jimplimentaw l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi ta’ prodotti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaħtar għall-inqas korp wieħed indipendenti minn interessi privati jew jinkariga awtorità pubblika biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur”.
( 52 ) Interzero tammetti li, sal‑2023, l-operaturi ekonomiċi setgħu pprevedew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, ser tiġi emendata f’ċerti aspetti.
( 53 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 43).
( 54 ) Ibid., punt 49.
( 55 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due (C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Ibid., punt 30.
( 57 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Gestore dei Servizi Energetici (C‑148/23, EU:C:2024:555, punt 54).
( 58 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Wolfgang und Dr. Wilfried Rey Grundstücksgemeinschaft GbR (C‑332/14, EU:C:2016:417, punt 56).
( 59 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 52) u s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Admiral Gaming Network et (C‑475/20 sa C‑482/20, EU:C:2022:714, punt 64).
( 60 ) Il-Kummissjoni inizjalment sostniet li r-regola tal‑51 % kienet tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi iżda rtirat din il-pretensjoni fis-seduta.
( 61 ) Ara l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.
( 62 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 63 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑89/09, EU:C:2010:772, il-punti 44 sa 49).
( 64 ) Kif jindikaw dawn il-punti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex meħtieġ li jsir eżami separat ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tas-suq intern tat-TFUE jew tal-Karta. Nosserva wkoll li l-partijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma identifikaw l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart li tipprevjeni l-adozzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess.
( 65 ) Ara l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-kuntest tas-SIEĠ.