KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑8 ta’ Mejju 2025 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑580/23 u C‑795/23

Mio AB,

Mio e-handel AB,

Mio Försäljning AB

vs

Galleri Mikael & Thomas Asplund Aktiebolag

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea Hovrätt Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ, l-Isvezja))

u

konektra GmbH,

LN

vs

USM U. Schärer Söhne AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2 – Dritt ta’ riproduzzjoni – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet tal-arti applikata – Eżami tal-oriġinalità tax-xogħol tal-arti applikata – Kunċett ta’ ‘għażliet liberi u kreattivi’ – Kriterji għall-evalwazzjoni tal-għażliet liberi u kreattivi – Evalwazzjoni tal-ksur tad-drittijiet esklużivi”

Introduzzjoni

1.

Żewġ deċiżjonijiet reċenti mill-qrati ta’ żewġ Stati Membri, li jikkonċernaw oġġetti ikoniċi fid-dinja tad-disinn, juru sew id-dilemmi marbuta mal-problema mqajma f’dawn il-kawżi magħquda, jiġifieri l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet tal-arti applikata. Għalhekk, it-tribunal judiciaire de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) irrikonoxxiet żewġ mudelli ta’ basktijiet “Kelly” u “Birkin” tad-ditta Hermès bħala “xogħol” fis-sens tad-drittijiet tal-awtur ( 2 ). Ftit jiem wara, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja, waħda mill-qrati tar-rinviju f’dawn il-kawżi magħquda) irrifjutat l-istess klassifikazzjoni għal żewġ mudelli ta’ sandlijiet tad-ditta Birkenstock ( 3 ).

2.

Id-diffikultajiet li taffaċċja l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ oġġetti huma marbuta mal-fatt li dawn jinsabu fuq id-demarkazzjoni li tiddistingwixxi bejn ix-xogħlijiet tal-arti “pura” u s-sempliċi oġġetti utilitarji: huma jappartjenu għal dawn iż-żewġ gruppi, iżda mingħajr ma jaqgħu kompletament taħt ebda wieħed minnhom. Barra minn hekk, il-kategorija tax-xogħlijiet tal-arti applikata hija stess ma hijiex uniformi, sa fejn dawn jaqgħu kemm taħt xogħlijiet tal-arti pura li għandhom funzjoni utilitarja addizzjonali kif ukoll taħt oġġetti utilitarji li l-kreaturi tagħhom tawhom aspett “artistiku”, fis-sens l-iktar wiesa’ tat-terminu. Dan mingħajr ma nalludu għal oġġetti li l-klassifikazzjoni tagħhom bħala xogħlijiet tal-arti pura jew bħala xogħlijiet tal-arti applikata tkun diffiċli, bħal elementi ta’ haute couture, ġojjellerija jew ċerti fliexken tal-fwieħa.

3.

Konsegwentement, anki jekk jeżistu sistemi ta’ protezzjoni sui generis għal dawn it-tipi ta’ oġġetti, bħas-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni fid-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni tal-protezzjoni tagħhom permezz tad-drittijiet tal-awtur tibqa’ tqum. Sistemi legali differenti jagħtu risposti differenti għal din id-domanda, li jvarjaw mill-esklużjoni tal-protezzjoni ta’ oġġetti utilitarji mid-drittijiet tal-awtur, għal protezzjoni sħiħa, ibbażata fuq l-istess kriterji bħal dawk applikati għal kategoriji oħra ta’ xogħlijiet, skont it-teorija tal-unità tal-arti ( 4 ), jew għal protezzjoni limitata jew suġġetta għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk għal kategoriji oħra ta’ xogħlijiet.

4.

Jidher li dawn is-sistemi għandhom bħala punt komuni n-nuqqas ta’ sodisfazzjon fir-rigward tal-funzjonament tagħhom. Dan huwa dovut, minn naħa, għall-assenza ta’ demarkazzjoni ċara bejn l-oġġetti utilitarji li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u dawk li huma esklużi minnha u, min-naħa l-oħra, l-imprevedibbiltà u l-assenza ta’ ċertezza legali li tirriżulta minnha. Għal din ir-raġuni, is-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni tax-xogħlijiet tal-arti applikata jinsabu f’bidla leġiżlattiva u ġurisprudenzjali kostanti, fi tfittxija għal soluzzjonijiet iktar adattati għall-bżonnijiet tal-pubbliku kkonċernat ( 5 ).

5.

Id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni jistabbilixxu, għax-xogħlijiet tal-arti applikata, il-prinċipju ta’ protezzjoni mingħajr rekwiżiti partikolari. Il-kwistjoni tal-modalitajiet ta’ din il-protezzjoni diġà tqajmet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ). F’dawn il-kawżi magħquda, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tirfina l-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, ma huwiex il-każ li jiġi stabbilit standard uniku ta’ protezzjoni li jippermetti li jiġi ddeterminat b’mod ċert jekk oġġett huwiex kopert minn din il-protezzjoni; tali ambizzjoni tkun utopika. Il-klassifikazzjoni ta’ xogħol bħala dritt tal-awtur teżiġi evalwazzjonijiet kumplessi u neċessarjament parzjalment suġġettivi li jistgħu jsiru biss każ b’każ. B’kuntrast, din il-klassifikazzjoni għandha tiġi armonizzata fi ħdan is-suq intern sabiex l-eliġibbiltà għall-protezzjoni tal-basket “Birkin” u dik tas-sandlijiet Birkenstock ikunu evalwati fuq il-bażi tal-istess kriterji f’kull Stat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

6.

L-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( 7 ) jipprovdu:

“Artikolu 2

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

[…]”

Id-dritt Svediż

7.

Skont il-punt 6 tal-Artikolu 1(1) tal-Lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk (il-Liġi (1960: 729) dwar id-Drittijiet tal-Awtur fuq ix-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi), huma protetti, b’mod partikolari, ix-xogħlijiet tal-arti applikata.

8.

Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, id-drittijiet tal-awtur jinkludu, bla ħsara għal ċerti limitazzjonijiet, id-dritt esklużiv li wieħed jiddisponi mix-xogħol permezz tar-riproduzzjoni jew tat-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku, kemm jekk fil-forma oriġinali tiegħu kif ukoll f’forma mmodifikata, tradotta jew adattata f’ġeneru letterarju jew artistiku ieħor jew f’teknika oħra. Kwalunkwe riproduzzjoni ta’ xogħol diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, bi kwalunkwe mezz u fi kwalunkwe forma, totali jew parzjali, għandha titqies bħala riproduzzjoni. Ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, pereżempju, meta x-xogħol jiġi trażmess lill-pubbliku jew meta kopji tax-xogħol jiġu offruti għall-bejgħ, għall-kiri jew għas-self jew trażmessi b’xi mod ieħor lill-pubbliku.

Id‑dritt Ġermaniż

9.

L-Artikolu 2 tal-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965, intitolat “Xogħlijiet protetti”, jipprovdi, fil-punt 4 tal-paragrafu 1 tiegħu, li x-xogħlijiet protetti jinkludu b’mod partikolari x-xogħlijiet tal-belle arti, inkluż xogħlijiet ta’ arkitettura u ta’ arti applikata, kif ukoll id-disinni ta’ tali xogħlijiet u, fil-paragrafu 2 tiegħu, jipprovdi li huma biss il-kreazzjonijiet intellettwali personali li huma xogħlijiet fis-sens ta’ din il-liġi.

Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑580/23

10.

Galleri Mikael & Thomas Asplund Aktiebolag, kumpannija rregolata mid-dritt Svediż (iktar’ il quddiem “Asplund”), timmanifattura u tiddisinja prodotti u għamara interni, fosthom imwejjed tas-serje “Palais Royal”.

11.

Mio AB, Mio e-handel AB u Mio Försäljning AB, kumpanniji rregolati mid-dritt Svediż (iktar ’il quddiem, konġuntament, “Mio”), jeżerċitaw attività ta’ kummerċ bl-imnut fis-settur tal-għamara u oġġetti dekorattivi interni. Il-firxa ta’ għamara ta’ Mio tinkludi, b’mod partikolari, imwejjed tas-serje ta’ għamara “Cord”.

12.

Fix-xahar ta’ Ottubru 2021, Asplund ippreżentat rikors quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ, l-Isvezja), intiż, essenzjalment, sabiex Mio tiġi pprojbita milli timmanifattura, tikkummerċjalizza jew tbigħ il-mejda “Cord” minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha fir-rigward tal-mejda “Palais Royal”.

13.

Mio tikkontesta l-fatt li l-mejda “Palais Royal” hija protetta mid-drittijiet tal-awtur peress li din il-mejda ma għandhiex oriġinalità suffiċjenti sabiex tikseb tali protezzjoni. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, anki jekk dan kien il-każ, din il-protezzjoni hija limitata u ristretta u d-differenzi li jeżistu bejn iż-żewġ tabelli inkwistjoni huma biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li ma hemmx ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ Asplund. Barra minn hekk, Mio ssostni li l-mejda “Cord” ġiet żviluppata b’mod indipendenti u ma tikkostitwixxix kopja tal-mejda “Palais Royal”.

14.

Il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ) laqgħet it-talba ta’ Asplund permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2022. Mio appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti f’Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fl-evalwazzjoni dwar jekk oġġett tal-arti applikata jistħoqqlux il-protezzjoni estiża tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol fis-sens tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( 8 ), kif għandu jitwettaq l-eżami – u liema fatturi għandhom jew ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni – fil-kwistjoni dwar jekk l-oġġett jirriflettix il-personalità tal-awtur billi jesprimi l-għażliet kreattivi u liberi tiegħu? F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari, l-eżami tal-oriġinalità għandux jiffoka fuq fatturi relatati mal-proċess kreattiv u fuq l-ispjegazzjoni tal-awtur dwar l-għażliet konkreti li huwa jkun għamel fil-ħolqien tal-oġġett jew fuq fatturi relatati mal-oġġett innifsu u mar-riżultat finali tal-proċess kreattiv u dwar jekk l-oġġett innifsu jesprimix effett artistiku.

2)

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda u għall-kwistjoni dwar jekk oġġett tal-arti applikata jirriflettix il-personalità tal-awtur billi jesprimi l-għażliet liberi u kreattivi tiegħu, x’importanza għandu l-fatt li:

a)

l-oġġett jikkonsisti f’elementi li jinsabu f’disinni komuni?

b)

l-oġġett jibni fuq u jikkostitwixxi varjazzjoni ta’ disinn preċedenti magħruf jew ta’ tendenza attwali ta’ disinn?

c)

oġġett identiku jew simili jkun inħoloq qabel jew – indipendentement u mingħajr għarfien tal-oġġett tal-arti applikata intiż li jiġi protett bħala xogħol – wara l-ħolqien tal-oġġett inkwistjoni?

3)

Kif għandha titwettaq l-evalwazzjoni tax-xebh – u x’tip ta’ xebh huwa meħtieġ – fl-eżami dwar jekk oġġett tal-arti applikata allegatament kontrafatt huwiex kopert mill-kamp ta’ protezzjoni ta’ xogħol u jekk jiksirx id-dritt esklussiv għax-xogħol li, skont l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE, għandu jingħata lill-awtur? F’dan ir-rigward, b’mod partikolari għandu jiġi ddeterminat jekk l-eżami għandux jiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk ix-xogħol jistax jiġi rrikonoxxut fl-oġġett allegatament kontrafatt jew jekk dan għandux jiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk l-oġġett allegatament kontrafatt joħloqx l-istess impressjoni globali bħax-xogħol, jew fuq xiex iktar għandu jiffoka l-eżami.

4)

Sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda u għall-kwistjoni dwar jekk oġġett tal-arti applikata allegatament kontrafatt huwiex kopert mill-kamp ta’ protezzjoni ta’ xogħol u jekk jiksirx id-dritt esklussiv għax-xogħol, x’importanza għandu:

a)

il-grad ta’ oriġinalità tax-xogħol għall-portata tal-protezzjoni tax-xogħol?

b)

il-fatt li x-xogħol u l-oġġett tal-arti applikata allegatament kontrafatt jikkonsistu f’elementi li jinsabu f’disinni komuni jew jibnu fuq u jikkostitwixxu varjazzjonijiet ta’ disinni preċedenti magħrufa jew ta’ tendenza attwali ta’ disinn?

c)

il-fatt li oġġett identiku jew simili ieħor ikun inħoloq qabel jew – indipendentement u mingħajr għarfien tax-xogħol – wara l-ħolqien tax-xogħol?”

Il-Kawża C‑795/23

16.

USM U. Schärer Söhne AG, kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru (iktar ’il quddiem “USM”), timmanifattura u tikkummerċjalizza sistema ta’ għamara modulari “USM Haller”. Din is-sistema ta’ għamara hija kkaratterizzata mill-asemblaġġ ta’ tubi tondi kromati li jleqqu permezz ta’ blalen ta’ konnessjoni sabiex tiġi fformata struttura li fiha jiddaħħlu pannelli metalliċi kkuluriti. L-istrutturi hekk maħluqa jistgħu jiġu kkombinati liberament kemm vertikalment kif ukoll orizzontalment.

17.

Konektra GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, u LN, id-direttur tagħha (iktar ’il quddiem, konġuntament, “Konektra”), kienu joffru online, mingħajr ma ġew ikkontestati minn USM, partijiet ta’ bdil u estensjonijiet għas-sistema “USM Haler” li l-forma tagħha u, fil-parti l-kbira, il-kulur tagħha kienu jikkorrispondu għall-komponenti ta’ USM. Mill‑2018, is-sit internet ta’ Konektra jelenka l-komponenti kollha neċessarji għall-assemblaġġ komplet tal-għamara “USM Haller” u jirreklama wkoll l-għamara mmontata bi stampi. Barra minn hekk, il-kunsinni mwettqa minn Konektra jinkludu istruzzjonijiet għall-montaġġ ta’ għamara sħiħa u din toffri lill-klijenti tagħha servizz ta’ montaġġ.

18.

Skont USM, Konektra ma għadhiex tillimita ruħha li tipproponi partijiet għall-bdil għas-sistema “USM Haller”, iżda timmanifattura, toffri u tikkummerċjalizza s-sistema tagħha stess ta’ għamara, identika għal dik ta’ USM. USM tqis li l-offerta ta’ Konektra tikser id-drittijiet tal-awtur tagħha fir-rigward tas-sistema “USM Haler” bħala xogħol tal-arti applikata jew, tal-inqas, tikkostitwixxi imitazzjoni illegali fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.

19.

Għaldaqstant, USM ħarrket lil Konektra quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fejn talbet mandat ta’ inibizzjoni, provvista ta’ informazzjoni u preżentazzjoni ta’ kontabbbiltà, rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u konstatazzjoni tal-obbligu tagħha ta’ kumpens. Din il-qorti laqgħet dawn it-talbiet billi bbażat id-deċiżjoni tagħha, prinċipalment, fuq id-drittijiet tal-awtur.

20.

B’kuntrast, il-qorti tal-appell, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, ċaħdet it-talbiet ta’ USM ibbażati fuq id-drittijiet tal-awtur u laqgħet biss dawk ibbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni.

21.

Iż-żewġ partijiet ippreżentaw rikors għal reviżjoni minn din id-deċiżjoni quddiem il- Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tqis li s-suċċess tar-rikors għal reviżjoni ta’ USM jiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “oriġinalità”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mir-relazzjoni bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tad-dritt tad-disinni.

22.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ arti applikata, teżisti relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni taħt id-dritt tad-disinni u l-protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur fis-sens li, meta tkun qiegħda tiġi eżaminata l-oriġinalità ta’ dawn ix-xogħlijiet fid-dawl tad-drittijiet tal-awtur, għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-għażliet liberi u kreattivi tad-disinjatur rekwiżiti ogħla, fatt li ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ xogħlijiet?

2)

Meta tkun qiegħda tiġi eżaminata l-oriġinalità fid-dawl tad-drittijiet tal-awtur, huwa neċessarju li wieħed jibbaża ruħu (wkoll) fuq il-perċezzjoni suġġettiva tad-disinjatur fir-rigward tal-proċess kreattiv u d-disinjatur għandu b’mod partikolari ikun għamel l-għażliet liberi u kreattivi b’mod intenzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala tali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja]?

3)

Fil-każ fejn, meta tkun qiegħda tiġi eżaminata l-oriġinalità, ikun neċessarju li wieħed jibbaża ruħu b’mod deċiżiv fuq il-punt dwar jekk, u sa fejn, ix-xogħol huwa l-espressjoni oġġettiva ta’ kreazzjoni artistika: jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll għal dan l-eżami ċirkustanzi sussegwenti għall-mument li fih tkun inħolqot il-kreazzjoni, determinanti għall-evalwazzjoni tal-oriġinalità, bħall-preżentazzjoni tal-kreazzjoni f’wirjiet tal-arti jew f’mużewijiet, jew anki r-rikonoxximent tagħha fl-oqsma speċjalizzati?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑580/23 u C‑795/23 waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fil‑21 ta’ Settembru u fil‑21 ta’ Diċembru 2023. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati, fil-Kawża C‑580/23, mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea u, fil-Kawża C‑795/23, mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Mejju 2024, iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. Il-partijiet fil-kawża prinċipali fiż-żewġ kawżi, kif ukoll il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, ġew irrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fit‑30 ta’ Jannar 2025.

Analiżi

24.

Id-domandi preliminari magħmula f’dawn il-kawżi magħquda jikkonċernaw il-kunċett ta’ “xogħol”, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u jqajmu diversi kwistjonijiet legali, jiġifieri r-relazzjoni bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tad-dritt tad-disinni (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑795/23), il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-oriġinalità ta’ xogħol (l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑580/23 kif ukoll it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑795/23) u l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur protetti (it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑580/23). Huwa f’din l-ordni li ser nindirizza dawn il-kwistjonijiet f’dawn il-konklużjonijiet.

Fuq ir-relazzjoni bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tad-dritt tad-disinni

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑795/23 tistaqsi, essenzjalment, jekk teżistix fid-dritt tal-Unjoni, relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni taħt id-dritt tad-disinni u l-protezzjoni taħt tad-drittijiet tal-awtur, bil-konsegwenza li, waqt l-eżami tal-oriġinalità tax-xogħlijiet tal-arti applikata, għandhom jiġu applikati rekwiżiti ogħla minn dak li huwa l-każ għal tipi oħra ta’ xogħlijiet.

26.

Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda tqajmet b’konnessjoni mad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 52 tas-sentenza Cofemel, li tipprovdi li “għalkemm il-protezzjoni tad-disinni u l-protezzjoni assoċjata mad-drittijiet tal-awtur jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, jingħataw b’mod kumulattiv għall-istess għan, dan il-kumulu jista’ jiġi kkunsidrat biss f’ċerti sitwazzjonijiet”. Fil-kuntest tal-analiżi ta’ din id-domanda, ser infakkar fil-qosor il-pedamenti tal-protezzjoni taħt dawn iż-żewġ sistemi.

27.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “xogħol”, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni, jippreżupponi l-għaqda ta’ żewġ elementi kumulattivi. Minn naħa, dan il-kunċett jimplika li jeżisti oġġett oriġinali, fis-sens li dan ikun kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ xogħol hija rriżervata għall-elementi li huma l-espressjoni ta’ tali kreazzjoni ( 9 ).

28.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, sabiex oġġett ikun jista’ jitqies bħala oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, bħala espressjoni tal-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, meta t-twettiq ta’ oġġett ikun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, permezz ta’ regoli jew restrizzjonijiet oħra, li ma ħallewx lok għall-eżerċizzju ta’ libertà kreattiva, dan l-oġġett ma jistax jitqies li jkollu l-oriġinalità neċessarja sabiex jikkostitwixxi xogħol ( 10 ).

29.

Fir-rigward tal-aspett tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li oġġett li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ oriġinalità jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, anki jekk it-twettiq tiegħu jkun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, sakemm tali determinazzjoni ma tkunx ipprekludiet lill-awtur milli jirrifletti l-personalità tiegħu f’dan l-oġġett, bħala espressjoni tal-għażliet liberi u kreattivi. Madankollu, jeħtieġ mhux biss li tkun eżistiet il-possibbiltà ta’ għażla tal-forma tal-oġġett, iżda wkoll li l-awtur tagħha jkun esprima l-kapaċità kreattiva tiegħu b’mod oriġinali permezz ta’ għażliet liberi u kreattivi u jkun iddisinja l-prodott b’mod li jirrifletti l-personalità tiegħu ( 11 ).

30.

Ir-riflessjoni tal-personalità tal-awtur fil-forma tal-oġġett li fir-rigward tiegħu tintalab il-protezzjoni tikkostitwixxi għalhekk il-pedament tal-kunċett ta’ “oriġinalità” u, konsegwentement, il-kundizzjoni fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni. Il-marka personali tal-awtur tista’ timmanifesta ruħha fi gradi differenti, tista’ saħansitra tkun vaga ħafna, iżda għandha tkun preżenti. Hija din li tagħti lill-oġġett il-karattru “uniku”, fis-sens li dan ikun differenti minn kull oġġett simili maħluq minn persuna oħra.

31.

Huwa f’dan il-kuntest li għandha tinftiehem il-formulazzjoni “għażliet liberi u kreattivi” tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, mhux biss l-għażliet li ma humiex liberi, fis-sens li huma ddettati minn restrizzjonijiet tekniċi jew oħrajn, ma humiex kreattivi, iżda wkoll dawk li, minkejja li ma jkunux marbuta b’tali restrizzjonijiet, jirriżultaw kemm minn kunsiderazzjonijiet purament utilitarji, kif ukoll minn metodi jew standards użati komunement fil-manifattura tal-oġġetti inkwistjoni, kif ukoll dawk li huma kompletament insinjifikattivi jew banali.

32.

Konsegwentement, għalkemm kull oġġett materjali għandu neċessarjament forma u din il-forma tkun tirriżulta minn għażla ftit jew wisq libera tal-kreatur tagħha, huwa biss oġġett li l-forma tiegħu, iddeterminata tal-inqas parzjalment mill-għażliet kreattivi tal-awtur tiegħu, tirrifletti l-personalità tiegħu li jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Huwa għalhekk kriterju ta’ protezzjoni suġġettiva li jintuża fid-drittijiet tal-awtur ( 12 ).

33.

B’kuntrast, id-dritt tad-disinni juża kriterju ta’ protezzjoni oġġettiv, jiġifieri dak tan-novità u tal-karattru individwali ( 13 ). Dan il-kriterju għandu jiġi evalwat fir-rigward tad-disinni preċedenti: jista’ jibbenefika mill-protezzjoni kwalunkwe disinn li jiddistingwi ruħu b’mod suffiċjenti sabiex joħloq impressjoni viżiva ġenerali differenti. L-ebda rekwiżit ma huwa impost fir-rigward tal-karatteristiċi tad-disinn innifishom, għajr jekk dawn ma jkunux iddettati biss mill-funzjoni teknika tal-oġġett li fir-rigward tiegħu jkun applikat id-disinn.

34.

Għalhekk ma naħsibx li d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 52 tas-sentenza Cofemel, tista’ tinftiehem bħala li tistabbilixxi relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni tad-dritt tad-disinni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

35.

Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ protezzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, id-differenzi li jikkonċernaw l-għanijiet tagħhom u r-regoli li jirregolawhom. Hija enfasizzat ukoll, fil-punt segwenti, li l-għoti tal-protezzjoni żgurata mid-drittijiet tal-awtur ma jistax iwassal sabiex l-għanijiet tagħhom jiġu ppreġudikati.

36.

F’dan il-kuntest, il-punt 52 tas-sentenza Cofemel jidhirli li jikkostitwixxi sempliċi twissija lill-qrati nazzjonali li ma jeżisti ebda awtomatiżmu bejn l-għoti tal-protezzjoni tad-dritt tad-disinni u dik tad-drittijiet tal-awtur u li l-kundizzjonijiet ta’ din il-protezzjoni, jiġifieri dawk, minn naħa, ta’ novità u ta’ karattru individwali u, min-naħa l-oħra, ta’ oriġinalità, ma għandhomx jiġu konfużi. Fil-fatt, oġġett ma għandux neċessarjament ikun oriġinali, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur, sabiex jitqies li huwa ġdid u li għandu karattru individwali, fis-sens tad-dritt tad-disinni. Min-naħa l-oħra, anki jekk fil-prattika din is-sitwazzjoni hija inqas frekwenti, oġġett oriġinali jista’ ma jkollux natura individwali jekk ma jkunx differenti biżżejjed, fir-rigward tal-aspett viżiv, mill-forom eżistenti.

37.

Huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kumulu tal-protezzjoni taħt dawn iż-żewġ mekkaniżmi huwa possibbli biss “f’ċerti sitwazzjonijiet”. Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li minn din il-konstatazzjoni tista’ tinsilet il-konklużjoni li, sabiex dan il-kumulu jiġi limitat għal ċerti każijiet, għall-oġġetti utilitarji għandu jiġi applikat limitu ta’ oriġinalità ogħla minn dak applikat għal kategoriji oħra ta’ xogħlijiet. Tali konklużjoni tmur kontra dak li jirriżulta b’mod ċar mill-punt 48 tas-sentenza Cofemel, kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din is-sentenza, jiġifieri li n-natura oriġinali tax-xogħlijiet tal-arti applikata għandha tiġi evalwata skont l-istess kriterji bħal dawk użati għal kategoriji oħra ta’ xogħlijiet.

38.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑795/23 għandha tkun li, fid-dritt tal-Unjoni, ma teżistix relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni tad-dritt tad-disinni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bil-konsegwenza li, waqt l-eżami tal-oriġinalità tax-xogħlijiet tal-arti applikata, għandhom jiġu applikati rekwiżiti ogħla minn dak li huwa l-każ għal tipi oħra ta’ xogħlijiet.

Fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-oriġinalità

39.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑580/23, kif ukoll tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawża C‑795/23, li nipproponi li jiġu analizzati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, kif għandha tiġi evalwata l-oriġinalità tax-xogħlijiet tal-arti applikata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(a), tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 u, b’mod iktar partikolari, jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, matul din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi marbuta mal-proċess kreattiv u mal-intenzjonijiet tal-kreatur jew inkella biss il-fatturi li huma perċettibbli fix-xogħol innifsu. Dawn il-qrati jistaqsu wkoll liema rwol għandhom fl-imsemmija evalwazzjoni elementi addizzjonali, bħall-użu fil-kreazzjoni tax-xogħol ta’ forom diġà disponibbli, l-ispirazzjoni tal-kreatur minn oġġetti eżistenti, il-probabbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti jew ukoll ir-rikonoxximent tal-kreazzjoni mill-oqsma speċjalizzati.

Fuq l-evalwazzjoni tal-oriġinalità tax-xogħlijiet tal-arti applikata

40.

Fir-rigward tal-kwistjoni preliminari dwar kif għandha tiġi stabbilita n-natura oriġinali ta’ xogħol tal-arti applikat, ir-risposta tirriżulta mir-rimarki tiegħi, fil-punti 27 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar il-kunċett ta’ oriġinalità tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni. Għalhekk, il-qorti għandha tevalwa jekk l-oġġett li tintalab il-protezzjoni tiegħu jikkostitwixxix l-espressjoni ta’ għażliet liberi u kreattivi li jirriflettu l-personalità tal-awtur tiegħu. Jidhirli li ebda preċiżazzjoni addizzjonali ma tista’ tiġi fformolata f’dan l-istadju b’mod astratt. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “oriġinalità” huwa kunċett ġenerali ħafna, sabiex ma ngħidx vag, u huwa intiż li japplika għal għanijiet ta’ natura differenti ħafna, u għalhekk ma huwiex adattat għal definizzjoni ġurisprudenzjali rigoruża u sistematika ( 14 ). L-applikazzjoni tagħha għandha ssir f’kull każ konkret, abbażi ta’ evalwazzjonijiet fattwali.

41.

Madankollu, din l-applikazzjoni għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tat-tip ta’ xogħlijiet ikkonċernati. Ix-xogħlijiet tal-arti applikata huma distinti minn kategoriji oħra ta’ xogħlijiet minħabba l-fatt li jikkostitwixxu, fl-ewwel lok, oġġetti utilitarji. Issa, tali oġġetti huma l-frott tan-‘know-how’ u tal-għażliet tal-kreaturi tagħhom. Dawn l-għażliet jistgħu jkunu ddettati minn restrizzjonijiet tekniċi, ergonomiċi jew ta’ sigurtà, jew jirriżultaw minn standards jew konvenzjonijiet adottati fis-settur ikkonċernat. Huma jistgħu wkoll ikunu liberi, iżda jekk ma jkun hemm ebda effett personali lill-oġġett, huma setgħu kienu l-istess kieku persuna oħra kienet il-kreatur. Madankollu, ma huwiex neċessarju li jsiru għażliet kreattivi, fis-sens imfakkar fil-punti 28 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jinħoloq oġġett utilitarju. L-għażliet kreattivi huma żieda eventwali possibbli iżda mhux neċessarja tal-essenza stess tal-oġġett inkwistjoni. Għalkemm dawn l-għażliet jistgħu jkunu intrinsiċi għall-forma ta’ oġġett partikolari ( 15 ), xorta jibqa’ l-fatt li oġġett ieħor, li jkollu l-istess funzjonijiet utilitarji, jista’ jinħoloq — kif spiss ikun il-każ — mingħajr iż-żieda ta’ tali għażliet kreattivi.

42.

Il-Qorti adita bil-kwistjoni tal-oriġinalità ta’ tali oġġett għandha għalhekk tfittex u tidentifika dawn l-għażliet kreattivi fil-forma tiegħu sabiex tkun tista’ tiddikjarah protett mid-drittijiet tal-awtur. Kuntrarjament għal kategoriji oħra ta’ xogħlijiet, li għalihom l-unika deċiżjoni li tinħoloq diġà hija għażla kreattiva, ma teżisti l-ebda preżunzjoni f’dan ir-rigward fil-każ ta’ xogħlijiet tal-arti applikata. B’mod partikolari, il-fatt li l-kreatur ta’ oġġett utilitarju jkun għamel għażliet li ma humiex marbuta minn restrizzjonijiet, tekniċi jew oħrajn, ma jagħtix lok għall-preżunzjoni tan-natura kreattiva, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur, ta’ dawn l-għażliet.

43.

Irrid inżid kumment tal-aħħar ta’ natura terminoloġika. Fil-fatt, jidhirli li jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta l-kliem “artistiku” jew “estetiku” jintużaw sabiex jikkaratterizzaw l-għażliet magħmula mill-awtur ta’ xogħol jew ir-riżultat tal-kreazzjoni tiegħu. Huwa minnu li, f’ċerti sensi, dawn it-termini jistgħu jinftiehmu bħala sinonimi ta’ “għażliet kreattivi”. Huwa minnu wkoll li, bl-użu tal-lingwa, qegħdin nitkellmu dwar xogħlijiet tal-arti applikata. Madankollu, it-terminu “artistiku” jevoka ġudizzju ta’ valur fis-sens ta’ grad relattivament għoli ta’ suċċess artistiku. Madankollu, tali sentenzi ma humiex rilevanti għad-drittijiet tal-awtur: il-protezzjoni bl-ebda mod ma hija kkundizzjonata mill-kwalità artistika (jew oħra) tax-xogħol, inkluż fir-rigward tax-xogħlijiet tal-arti applikata. Fir-rigward tal-kelma “estetika”, din tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għall-għażliet kollha tal-kreatur li ma humiex marbuta ma’ restrizzjonijiet tekniċi jew funzjonali. Madankollu, mhux kull għażla estetika neċessarjament tirrifletti l-personalità tal-kreatur u għalhekk mhux kull għażla estetika tikkonferixxi oriġinalità ( 16 ). Għaldaqstant, huwa iktar prudenti, fil-fehma tiegħi, li jintużaw it-termini “għażliet liberi u kreattivi li jirriflettu l-personalità tal-awtur”.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-proċess kreattiv u tal-intenzjonijiet tal-awtur

44.

Il-qrati tar-rinviju jistaqsu, b’mod iktar speċifiku, jekk l-oriġinalità tal-oġġett li tintalab il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għalih għandhiex tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-intenzjonijiet tal-awtur waqt il-proċess ta’ kreazzjoni jew jekk din għandhiex tkun viżibbli fix-xogħol innifsu. Jidhirli li r-risposta tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “xogħol”.

45.

Kif diġà fakkart, skont din il-ġurisprudenza, sabiex oġġett ikun jista’ jitqies bħala oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, bħala espressjoni tal-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar ( 17 ). L-użu tat-termini “jirrifletti” u “espressjoni” juru b’mod ċar li tali għażliet kif ukoll il-personalità tal-awtur għandhom ikunu viżibbli fl-oġġett li tintalab il-protezzjoni tiegħu. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li l-kreatur ikun għamel għażliet liberi u kreattivi: dawn għandhom ikunu perċettibbli għal terzi permezz tax-xogħol innifsu.

46.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minbarra n-natura oriġinali, il-kunċett ta’ “xogħol” jimplika neċessarjament l-eżistenza ta’ oġġett identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti. Fil-fatt, minn naħa, l-awtoritajiet responsabbli li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi inerenti fid-drittijiet tal-awtur għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw, b’mod ċar u preċiż, l-oġġett hekk protett. L-istess japplika għal terzi li kontra tagħhom tista’ tiġi invokata l-protezzjoni mitluba mill-awtur ta’ dan l-oġġett. Min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi eskluż kull element ta’ suġġettività, li huwa ta’ detriment għaċ-ċertezza legali, fil-proċess ta’ identifikazzjoni tal-imsemmi oġġett jippreżupponi li dan tal-aħħar ikun ġie espress b’mod oġġettiv ( 18 ).

47.

Dan ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ oġġett identifikabbli bħala xogħol huwa r-riflessjoni tal-prinċipju fundamentali tad-drittijiet tal-awtur li jipprovdi li ma humiex l-ideat iżda biss l-espressjonijiet li huma protetti. Madankollu, l-intenzjonijiet tal-awtur jagħmlu parti mill-ideat. Huma protetti biss sa fejn l-awtur ikun wettaqhom fix-xogħol, jiġifieri l-oġġett identifikabbli, li huwa l-uniku espressjoni rilevanti tagħhom. Konsegwentement, il-qorti adita bil-kwistjoni tan-natura oriġinali tal-oġġett li qiegħda tintalab il-protezzjoni tiegħu ma tistax tibbaża l-evalwazzjoni tagħha b’mod determinanti fuq elementi li ma humiex espressi f’dan l-oġġett innifsu.

48.

Barra minn hekk, huwa possibbli li l-prova tal-intenzjonijiet tal-kreatur tal-oġġett li tintalab il-protezzjoni tiegħu sempliċement ma tkunx disponibbli quddiem il-qorti adita b’din il-kwistjoni jew li din il-qorti ma tqisx tali prova bħala konvinċenti. L-uniku element li għandu neċessarjament jiġi ppreżentat lill-qorti huwa l-oġġett inkwistjoni nnifsu, għaliex inkella din ma tkunx f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha.

49.

Din il-kunsiderazzjoni twieġeb ukoll il-mistoqsija dwar jekk l-għażliet kreattivi tal-awtur għandhomx neċessarjament ikunu deliberati. Dawn l-għażliet għandhom jiġu identifikati u meħuda inkunsiderazzjoni kif jidhru fix-xogħol. Peress li l-intenzjonijiet tal-awtur ma humiex deċiżivi, ikun superfluwu li wieħed jipprova jistabbilixxi l-istat tal-moħħ tiegħu matul il-proċess kreattiv.

50.

Min-naħa l-oħra, jekk il-prova tal-intenzjonijiet tad-disinjatur tkun disponibbli, il-qorti adita tista’ teħodha inkunsiderazzjoni, fost indizji oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura oriġinali tal-oġġett inkwistjoni. Madankollu, dan ma jistax jitqies bħala suffiċjenti. Il-qorti għandha hija stess tkun konvinta li hemm oġġett li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħeu bħala espressjoni tal-għażliet liberi u kreattivi tiegħu. Huwa biss f’dan il-każ li jkun possibbli għaliha li tistabbilixxi l-oriġinalità ta’ dan l-oġġett u għalhekk tikklassifikah bħala xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra

51.

Il-qrati tar-rinviju jistaqsu wkoll liema piż għandu jingħata, fl-evalwazzjoni tal-oriġinalità ta’ xogħol tal-arti applikat, lil fatturi bħall-użu mill-kreatur ta’ forom ġeneralment disponibbli, l-ispirazzjoni tal-kreatur minn xogħlijiet eżistenti, il-fatt jew il-possibbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti jew anki ċ-ċirkustanzi suċċessivi għall-kreazzjoni tax-xogħol, bħall-preżentazzjoni tiegħu f’wirjiet jew f’mużewijiet jew, b’mod iktar ġenerali, ir-rikonoxximent mill-oqsma speċjalizzati.

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li, sabiex jiġi evalwat jekk l-oġġett inkwistjoni huwiex kreazzjoni oriġinali u għalhekk protett mid-drittijiet tal-awtur, hija l-qorti adita li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tat-tilwima ( 19 ). Fir-rigward tal-eżistenza ta’ privattiva preċedenti u l-effikaċja tal-forma tal-oġġett inkwistjoni sabiex jinkiseb l-istess riżultat tekniku, hemm lok li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn dawn jippermettu li jiġu żvelati l-kunsiderazzjonijiet li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tal-forma tal-prodott ikkonċernat ( 20 ).

53.

L-istess japplika għaċ-ċirkustanzi msemmija mill-qrati tar-rinviju. Dawn l-elementi kollha jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi rilevanti sabiex tiġi evalwata l-oriġinalità ta’ xogħol. Madankollu, wieħed għandu dejjem iżomm f’moħħu l-element fundamentali ta’ din l-evalwazzjoni: it-tfittxija, fix-xogħol, tal-espressjoni tal-għażliet liberi u kreattivi tal-awtur li jirriflettu l-personalità tiegħu.

54.

Għalhekk, l-ewwel nett, l-użu mill-kreatur ta’ forom ġeneralment disponibbli ma jeskludix, fih innifsu, l-oriġinalità. Dawn il-forom jistgħu fil-fatt jiġu kkompletati b’forom oriġinali. Xogħol kompost biss minn forom disponibbli jista’ wkoll ikun oriġinali, peress li l-awtur ikun esprima l-għażliet kreattivi tiegħu fl-arranġament ta’ dawn il-forom. Min-naħa l-oħra, oġġett kompost minn forom disponibbli li l-arranġament tagħhom ikun konvenzjonali ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, anki jekk il-kreatur tiegħu jkun għamel għażliet liberi fis-selezzjoni jew fl-arranġament ta’ dawn il-forom, peress li dawn l-għażliet ma jkunux kreattivi.

55.

It-tieni nett, fir-rigward tal-ispirazzjoni, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet differenti. Meta x-xogħol il-ġdid ikun varjant ta’ xogħol ieħor, li huwa stess ikun oriġinali, mill-istess awtur, dan jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi protett b’mod sħiħ. Fil-fatt, l-elementi kreattivi riprodotti jibqgħu fix-xogħol il-ġdid u jikkostitwixxu t-timbru tal-personalità tal-istess awtur. B’kuntrast, meta f’tali każ, l-awturi jkunu differenti, ix-xogħol il-ġdid ikun għalhekk xogħol idderivat jew ispirat ( 21 ). Huwa jista’, madankollu, jibbenefika wkoll mill-protezzjoni, bil-kundizzjoni, u sa fejn, ikun jippreżenta elementi kreattivi tiegħu stess. Għaldaqstant, il-protezzjoni tkun limitata għal dawn l-elementi.

56.

It-tielet nett, għalkemm id-drittijiet tal-awtur ma jimponux kundizzjoni ta’ novità, il-kreazzjoni indipendenti ta’ oġġetti simili jew anki identiċi għall-oġġett inkwistjoni, qabel jew wara l-kreazzjoni tiegħu, tista’ tikkostitwixxi indizju tal-grad baxx, jew saħansitra tal-assenza, tal-oriġinalità ta’ dan l-oġġett. Fil-fatt, kif diġà indikajt ( 22 ), permezz ta’ għażliet kreattivi li jirriflettu l-personalità tiegħu, l-awtur huwa mistenni li joħloq xogħol uniku, differenti minn dawk li nħolqu jew li ser jinħolqu b’mod indipendenti minn oħrajn.

57.

Madankollu, din il-kunsiderazzjoni tapplika faċilment għal kategoriji ta’ xogħlijiet li fir-rigward tagħhom il-libertà ta’ kreazzjoni tal-awturi ma hijiex limitata ħafna jew fejn il-kumplessità tal-forma ta’ espressjoni trendi l-kreazzjoni parallela identika prattikament improbabbli. Hawnhekk qiegħed naħseb, b’mod partikolari, f’xogħlijiet tal-arti “puri”, f’xogħlijiet mużikali jew ukoll f’xogħlijiet letterarji.

58.

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ xogħlijiet tal-arti applikata, fejn diversi restrizzjonijiet jillimitaw ħafna l-libertà tal-awturi u fejn l-elementi kreattivi huma ta’ spiss ftit, ma jistax jiġi eskluż kompletament li żewġ awturi jkunu għamlu għażliet simili ħafna, jew saħansitra identiċi, u li dawn l-għażliet jistgħu xorta jkunu kreattivi. Il-fatt jew il-possibbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti ma tistax għalhekk, fiha nnifisha u mingħajr indizji oħra tal-assenza ta’ oriġinalità, teskludi oġġett utilitarju mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

59.

Ir-raba’, u l-aħħar nett, fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-oġġett f’wirjiet tal-arti jew f’mużewijiet u r-rikonoxximent mill-oqsma speċjalizzati, dawn iċ-ċirkustanzi huma esterni u suċċessivi għall-kreazzjoni tal-oġġett li tintalab il-protezzjoni tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 37 tas-sentenza Brompton Bicycle, li l-evalwazzjoni tal-oriġinalità għandha ssir “indipendentement mill-fatturi esterni u sussegwenti għall-kreazzjoni tal-prodott”.

60.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rriproduċietx din ir-riżerva fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza, u ddeċidiet biss li l-qorti adita għandha tivverifika jekk l-oġġett li tintalab il-protezzjoni tiegħu ikunx oriġinali “billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tat-tilwima”. Għalhekk nifhem l-imsemmija riżerva fis-sens li tfisser li l-fatturi esterni u suċċessivi għall-kreazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma determinanti għall-finijiet ta’ din il-verifika. B’kuntrast, iċ-ċirkustanzi bħall-preżentazzjoni tal-oġġett f’wirjiet tal-arti jew f’mużewijiet u r-rikonoxximent minn oqsma speċjalizzati jistgħu jikkostitwixxu indizju li jikkonferma l-valur artistiku ta’ dan l-oġġett u, għalhekk, l-oriġinalità tiegħu. Fil-fatt, għalkemm ma huwiex neċessarju li oġġett ikollu kwalità artistika għolja sabiex jitqies bħala oriġinali, min-naħa l-oħra jista’ jiġi preżunt li xogħol li għandu tali kwalità jitqies bħala oriġinali, sa fejn l-attività artistika tikkonsisti preċiżament fil-kreazzjoni ta’ oġġetti uniċi li għandhom it-timbru tal-personalità tal-awturi tagħhom.

61.

Jeħtieġ ukoll li l-oġġett inkwistjoni jkun ġie ppreżentat f’wirja jew f’mużew minħabba l-valur kreattiv tiegħu. Fil-fatt, jista’ jkun li r-rikonoxximent ta’ disinn minn oqsma speċjalizzati fid-disinn sempliċement ikun dovut għan-novità tiegħu, għall-ħila teknika tiegħu jew għall-valuri funzjonali eċċezzjonali tiegħu, mingħajr ma dan id-disinn jippreżenta l-karatteristiċi kreattivi meħtieġa mix-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Il-preżentazzjoni tal-oġġett inkwistjoni f’wirjiet tal-arti jew f’mużewijiet u r-rikonoxximent minn oqsma speċjalizzati ma huma għalhekk bl-ebda mod neċessarji u lanqas suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-oriġinalità tal-oġġett li tintalab il-protezzjoni tiegħu. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu, l-iktar l-iktar, jikkostitwixxu indizju fost oħrajn ta’ din l-oriġinalità.

Ir-risposta għad-domandi

62.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑580/23 kif ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑795/23 għandha tkun li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi xogħol, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, oġġett li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, bl-espressjoni tal-għażliet liberi u kreattivi tiegħu (oġġett oriġinali). L-għażliet iddettati minn diversi restrizzjonijiet li jkunu rabtu lill-awtur waqt il-kreazzjoni tal-oġġett inkwistjoni ma jkunux kreattivi, u lanqas dawk li, għalkemm liberi, ma jkollhomx it-timbru tal-personalità tal-awtur bl-għoti lill-imsemmi oġġett ta’ aspett uniku. B’mod partikolari, il-possibbiltà li jsiru għażliet liberi waqt il-kreazzjoni ma toħloqx preżunzjoni tan-natura kreattiva tagħhom. Ċirkustanzi bħall-intenzjonijiet tal-awtur waqt il-proċess kreattiv, is-sorsi ta’ ispirazzjoni tiegħu u l-użu ta’ forom magħrufa, il-probabbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti jew ir-rikonoxximent tal-oġġett minn oqsma speċjalizzati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura oriġinali tal-oġġett inkwistjoni. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi f’ebda każ ma jkunu deċiżivi, peress li l-qorti adita għandha tiżgura ruħha li hemm inkwistjoni oġġett oriġinali sabiex tkun tista’ tiddikjara li jkun protett mid-drittijiet tal-awtur.

Fuq l-evalwazzjoni tal-ksur

63.

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li nipproponi li jiġu analizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑580/23 tistaqsi, essenzjalment, kif għandha ssir l-evalwazzjoni ta’ eventwali ksur tad-drittijiet esklużivi tal-awtur skont l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29. Din id-domanda tirrigwarda, b’mod iktar preċiż, minn naħa, il-punt dwar jekk ix-xogħol inkwistjoni għandux jiġi rrikonoxxut fl-oġġett allegatament kontrafatt jew inkella jekk l-istess impressjoni viżiva ġenerali hijiex suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, l-effett fuq din l-evalwazzjoni ta’ fatturi bħall-“grad ta’ oriġinalità” tax-xogħol, l-ispirazzjoni komuni taż-żewġ oġġetti kunfliġġenti u l-fatt jew il-possibbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti.

64.

Bħala rimarka preliminari, nenfasizza l-importanza ta’ dawn il-kwistjonijiet għall-preżervazzjoni tal-għanijiet rispettivi taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni inkwistjoni. Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni korretta tal-kriterji rispettivi ta’ kull sistema għall-konstatazzjoni ta’ ksur hija importanti daqs dik tal-kriterji għall-għoti tal-protezzjoni. Madankollu, jidhirli li r-riflessjoni, kemm ġudizzjarja kif ukoll duttrinali, ħafna drabi tkun iffokata fuq dan it-tieni aspett, għad-detriment tal-ewwel.

Fuq il-kriterji tal-ksur

65.

Il-kriterji għall-konstatazzjoni tal-ksur huma bbażati fuq loġika differenti fiż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni inkwistjoni. Fid-drittijiet tal-awtur, il-ksur ikun il-konsegwenza ta’ użu tax-xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur ( 23 ). Dan l-użu jista’ jikkonsisti, b’mod partikolari, fir-riproduzzjoni tax-xogħol u, possibbilment, f’komunikazzjoni sussegwenti ta’ din ir-riproduzzjoni lill-pubbliku jew fid-distribuzzjoni ta’ kopji tax-xogħol riprodott. Fir-rigward tar-riproduzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li din tista’ tkun parzjali u tikkonċerna anki parti relattivament żgħira tax-xogħol, peress li din il-parti, bħala tali, tesprimi l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess ( 24 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, essenzjalment, fir-rigward tal-fonogrammi, li sabiex tikkostitwixxi ksur, ir-riproduzzjoni għandha tkun perċettibbli fl-oġġett kontrafatt ( 25 ). Fil-fehma tiegħi, din il-kunsiderazzjoni tista’ tiġi trasposta għax-xogħlijiet.

66.

B’kuntrast, fid-dritt tad-disinni, ir-riproduzzjoni ta’ elementi tal-oġġett protett b’ebda mod ma hija neċessarja sabiex jiġi kkonstatat il-ksur. Il-portata tal-protezzjoni taħt dan id-dritt testendi għal kull disinn li ma jipproduċix impressjoni viżiva ġenerali differenti mid-disinn protett ( 26 ). F’din is-sistema ta’ protezzjoni, huwa għalhekk irrilevanti jekk id-disinn protett ikunx rikonoxxibbli fl-oġġett allegatament kontrafatt, peress li hija l-impressjoni globali li tgħodd, u jekk ix-xebh bejn iż-żewġ oġġetti kunfliġġenti jirriżultax mir-riproduzzjoni jew mill-kreazzjoni indipendenti, peress li l-kriterju ta’ protezzjoni huwa oġġettiv.

67.

Għalhekk, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur, il-qorti adita għandha tiddetermina jekk elementi kreattivi fix-xogħol protett, jiġifieri dawk li huma l-espressjoni tal-għażliet li jirriflettu l-personalità tal-awtur, ġewx riprodotti b’mod rikonoxxibbli fl-oġġett allegatament kontrafatt. Naturalment, ir-riproduzzjoni ta’ elementi kreattivi f’oġġett funzjonali tal-istess tip tista’ wkoll twassal għall-konstatazzjoni li ma teżistix impressjoni globali differenti bejn iż-żewġ oġġetti kunfliġġenti. Madankollu, dan ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur u, fil-prattika, lanqas ma għandu jitqajjem mill-qorti. Fid-drittijiet tal-awtur, dak li jiddistingwi żewġ xogħlijiet ma huwiex l-impressjoni globali iżda d-dettalji li jippersonalizzawhom b’mod uniku.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra

68.

L-ewwel nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-“grad ta’ oriġinalità” bħala fattur determinanti tal-portata tal-protezzjoni, dan jidhirli li huwa bbażat fuq il-loġika tad-dritt tad-disinni. Fil-fatt, f’din is-sistema, kemm l-eliġibbiltà ta’ oġġett għal protezzjoni kif ukoll il-ksur tal-protezzjoni tiegħu jiġu evalwati billi jsir paragun tal-impressjonijiet viżivi globali prodotti mid-disinni inkwistjoni, fejn il-grad tal-libertà tal-kreatur jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-paragun ( 27 ). Għalhekk, il-livell ta’ individwalità jiddetermina l-portata tal-protezzjoni.

69.

Madankollu, fid-drittijiet tal-awtur, ma hemmx lok għal din il-loġika. L-oriġinalità ma tiddependix mid-differenza bejn ix-xogħol protett u oġġetti oħra, iżda hija inerenti għax-xogħol u tirriżulta mit-timbru personali tal-awtur. Ladarba xogħol ikun oriġinali, dan ikun protett, b’mod partikolari, kontra r-riproduzzjoni ta’ elementi kreattivi, minkejja l-“intensità” li biha l-awtur ikun esprima din il-kreattività. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat espressament li l-portata tal-protezzjoni skont id-Direttiva 2001/29 ma tiddependix mill-grad ta’ libertà kreattiva li kellu l-awtur u li għalhekk din il-protezzjoni hija ugwali għax-xogħlijiet kollha li jaqgħu taħt din id-direttiva ( 28 ).

70.

Din il-konklużjoni tapplika, naturalment, bla ħsara għar-regola li, fil-każ ta’ riproduzzjoni parzjali ta’ xogħol, tkun biss ir-riproduzzjoni b’mod rikonoxxibbli ta’ elementi kreattivi li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur ( 29 ). Madankollu, fil-każ ta’ tali riproduzzjoni, il-fatt li l-modifiki jkunu saru għal elementi li ma jkunux kreattivi ma jippermettix li tiġi evitata l-konstatazzjoni ta’ kontrafazzjoni.

71.

It-tieni nett, fir-rigward tas-sors ta’ ispirazzjoni komuni taż-żewġ oġġetti kunfliġġenti, jistgħu jinħolqu diversi sitwazzjonijiet, iżda l-prinċipju jibqa’ l-istess, jiġifieri li tiġi identifikata r-riproduzzjoni perċettibbli ta’ elementi kreattivi. Meta l-oġġett li fir-rigward tiegħu tiġi invokata l-protezzjoni jkun ikkostitwit minn elementi magħrufa li l-arranġament tagħhom biss ikun oriġinali, riproduzzjoni ta’ dan l-arranġament tikkostitwixxi ksur, filwaqt li s-sempliċi riproduzzjoni ta’ elementi magħrufa ma jkunx jikkostitwixxi ksur. Meta ż-żewġ oġġetti kunfliġġenti jkunu ispirati mill-istess oġġett jew disinn preċedenti, huma biss l-elementi kreattivi “ġodda” li jkunu oriġinali fix-xogħol idderivat u hija biss ir-riproduzzjoni ta’ dawn l-elementi ġodda li tikkostitwixxi kontrafazzjoni ta’ dan ix-xogħol. Fl-aħħar nett, is-sempliċi fatt li tiġi segwita l-istess tendenza jew kurrent artistiċi bħall-awtur ta’ xogħol preċedenti ma jikkostitwixxix, naturalment, ksur fl-assenza ta’ riproduzzjoni ta’ elementi kreattivi ta’ dan ix-xogħol.

72.

It-tielet nett, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti, kif diġà osservajt ( 30 ), fil-każ ta’ xogħlijiet tal-arti applikata, li fir-rigward tagħhom il-marġni kreattiv tal-awturi jkun relattivament limitat, tali possibbiltà ma hijiex eskluża, anki fil-preżenza ta’ ċerta oriġinalità. Fit-tilwima prinċipali fil-Kawża C‑580/23, Mio ssostni, b’mod partikolari, li l-mudell tagħha, allegatament kontrafatt, tfassal b’mod indipendenti u ma jikkostitwixxix riproduzzjoni tal-mudell ta’ Asplund. Kieku l-qorti tar-rinviju tikkonkludi, abbażi tal-elementi rilevanti tal-kawża prinċipali, li dan huwa effettivament il-każ, dan iwassalha sabiex tikkonkludi li ma hemmx ksur. B’kuntrast, is-sempliċi eventwalità ta’ kreazzjoni simili indipendenti ma tkunx tiġġustifika rifjut ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jekk tkun ikkonstatata r-riproduzzjoni ta’ elementi kreattivi.

Ir-risposta għad-domandi

73.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑580/23 għandha tkun li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur, il-qorti adita għandha tiddetermina jekk elementi kreattivi tax-xogħol protett ikunux ġew riprodotti b’mod rikonoxxibbli fl-oġġett allegatament kontrafatt. Is-sempliċi assenza ta’ impressjoni globali differenti bejn iż-żewġ oġġetti kunfliġġenti ma tistax titqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat tali ksur. Il-kunċett ta’ “grad ta’ oriġinalità” tax-xogħol protett ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Għalkemm kreazzjoni simili indipendenti ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur, is-sempliċi eventwalità ta’ tali kreazzjoni indipendenti madankollu ma tiġġustifikax ir-rifjut tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jekk tkun ġiet ikkonstatata r-riproduzzjoni ta’ elementi kreattivi tax-xogħol protett.

Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Svea Hovrätt Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ, l-Isvezja) u mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

1)

Fid-dritt tal-Unjoni, ma teżistix relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni tad-dritt tad-disinni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bil-konsegwenza li, waqt l-eżami tal-oriġinalità tax-xogħlijiet tal-arti applikata, għandhom jiġu applikati rekwiżiti ogħla minn dak li huwa l-każ għal tipi oħra ta’ xogħlijiet.

2)

L-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jikkostitwixxi xogħol, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, oġġett li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, bl-espressjoni tal-għażliet liberi u kreattivi tiegħu (oġġett oriġinali). L-għażliet iddettati minn diversi restrizzjonijiet li jkunu rabtu lill-awtur waqt il-kreazzjoni tal-oġġett inkwistjoni ma jkunux kreattivi, u lanqas dawk li, għalkemm liberi, ma jkollhomx it-timbru tal-personalità tal-awtur bl-għoti lill-imsemmi oġġett ta’ aspett uniku. B’mod partikolari, il-possibbiltà li jsiru għażliet liberi waqt il-kreazzjoni ma toħloqx preżunzjoni tan-natura kreattiva tagħhom. Ċirkustanzi bħall-intenzjonijiet tal-awtur waqt il-proċess kreattiv, is-sorsi ta’ ispirazzjoni tiegħu u l-użu ta’ forom magħrufa, il-probabbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti jew ir-rikonoxximent tal-oġġett minn oqsma speċjalizzati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura oriġinali tal-oġġett inkwistjoni. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi f’ebda każ ma jkunu deċiżivi, peress li l-qorti adita għandha tiżgura ruħha li hemm inkwistjoni oġġett oriġinali sabiex tkun tista’ tiddikjara li jkun protett mid-drittijiet tal-awtur.

3)

L-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur, il-qorti adita għandha tiddetermina jekk elementi kreattivi tax-xogħol protett ikunux ġew riprodotti b’mod rikonoxxibbli fl-oġġett allegatament kontrafatt. Is-sempliċi assenza ta’ impressjoni globali differenti bejn iż-żewġ oġġetti kunfliġġenti ma tistax titqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat tali ksur. Il-kunċett ta’ “grad ta’ oriġinalità” tax-xogħol protett ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Għalkemm kreazzjoni simili indipendenti ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur, is-sempliċi eventwalità ta’ tali kreazzjoni indipendenti madankollu ma tiġġustifikax ir-rifjut tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jekk tkun ġiet ikkonstatata r-riproduzzjoni ta’ elementi kreattivi tax-xogħol protett.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tas‑7 ta’ Frar 2025, RG 22/09210. Ara wkoll Söğüt, A, Design or art? French court rules that Birkin Bag is a copyright work, https://ipkitten.blogspot.com.

( 3 ) Sentenza tal‑20 ta’ Frar 2025, I ZR 16/24. Ara wkoll Pemsel, M., Birkenstock’s sandals are not sufficiently artistic to enjoy copyright protection, https://ipkitten.blogspot.com.

( 4 ) Skont din it-teorija, ma hemmx differenza bejn “arti pura” u “arti applikata”, peress li l-kreazzjonijiet kollha jistħoqqilhom protezzjoni bl-istess mod, indipendentement mill-għan tagħhom.

( 5 ) Għal stampa tas-sitwazzjoni f’pajjiżi differenti Ewropej u non-Ewropej, ara Derclaye, E. (dir.), The Copyright/Design Interface, Cambridge University Press, 2018.

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, iktar ’il quddiem is-sentenza Cofemel, EU:C:2019:721), u tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle (C‑833/18, iktar ’il quddiem is-sentenza Brompton Bicycle, EU:C:2020:461).

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

( 9 ) Ara s-sentenza Cofemel (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara s-sentenza Cofemel (punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brompton Bicycle (punti 26 u 32 sa 35).

( 12 ) Dwar il-kunċett ta’ “oriġinalità” fid-dritt Franċiż, li jidher li huwa viċin dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara, b’mod partikolari, Pollaud-Dulian, F., Propriété intellectuelle. Le droit d’auteur, Economica, Paris, 2014, p. 156 sa 168.

( 13 ) Ara l-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120), kif ukoll l-Artikoli 4 sa 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142, rettifika fil-ĠU L 2025/90303, 2.4.2025).

( 14 ) Ara, għal analiżi duttrinali profonda, The Protection of Works of Applied Art under EU Copyright Law. Opinion of the European Copyright Society in MIO/konektra (Cases C‑580/23 and C‑795/23) (europeancopyrightsociety.org).

( 15 ) B’dan ma rridx infisser li l-forma għandha neċessarjament tkun insperabbli mill-oġġett innifsu, konformement mat-teorija ta’ “ conceptual separability” li tidher li hija sors ta’ applikazzjoni diffiċli mill-qrati tal-Istati Uniti (ara, fir-rigward ta’ dan il-punt, Ginsburg, J.C., ‘Courts Have Twisted Themselves into Knots’ (and the Twisted Knots Remain to Untangle): US Copyright Protection for Applied Art after Star Athletica, dans Derclaye, E., op.cit., p. 297).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cofemel (punti 53 sa 55).

( 17 ) Ara s-sentenza Cofemel (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll il-punt 28 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 18 ) Ara s-sentenza Cofemel (punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Sentenza Brompton Bicycle (dispożittiv).

( 20 ) Sentenza Brompton Bicycle (punt 36).

( 21 ) B’”xogħol ispirat” nifhem xogħol li ma jirriproduċix elementi kreattivi ta’ xogħol ieħor, iżda jispira ruħu b’mod ieħor.

( 22 ) Ara l-punt 30 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 23 ) Naturalment, barra mill-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi.

( 24 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 48).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et (C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 1 tad-dispożittiv).

( 26 ) Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002.

( 27 ) Ikbar ma jkun il-grad ta’ libertà, iktar id-disinni kunfliġġenti jkollhom ikunu distakkati minn xulxin sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cofemel (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara l-punt 65 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 30 ) Ara l-punt 58 tal-konklużjonijiet preżenti.