|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2276 |
12.10.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2276
tad-9 ta’ Ottubru 2026
dwar il-ħatra tal-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq,
Billi:
|
(1) |
Il-mandat tas-Sa Verena ROSS bħala President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-ESMA) jintemm fil-31 ta’ Ottubru 2026. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 jipprevedi li l-President tal-ESMA għandu jintgħażel abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u tas-swieq finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara proċedura miftuħa ta’ għażla. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-Bord tas-Superviżuri għandu jfassal lista ristretta ta’ kandidati kwalifikati, bl-assistenza tal-Kummissjoni. Abbażi ta’ dik il-lista ristretta, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni biex jaħtar il-President, wara konferma mill-Parlament Ewropew. Il-mandat tal-President huwa ta’ ħames snin u jista’ jiġi estiż darba. |
|
(3) |
Fl-20 ta’ Mejju 2026, l-ESMA ppreżentat lill-Kunsill lista ristretta ta’ żewġ kandidati għall-pożizzjoni ta’ President. |
|
(4) |
Fid-9 ta’ Lulju 2026, iż-żewġ kandidati fuq il-lista ristretta għall-pożizzjoni ta’ President ġew intervistati mill-Presidenza tal-Kunsill f’isem l-Istati Membri. |
|
(5) |
Fit-22 ta’ Lulju 2026, il-Kunsill għażel lis-Sur Carlo COMPORTI għall-pożizzjoni ta’ President minn fost iż-żewġ kandidati u nnotifika lill-Parlament Ewropew b’dan, filwaqt li talab il-konferma tiegħu. |
|
(6) |
Fil-15 ta’ Settembru 2026, il-Parlament Ewropew ta l-konferma tiegħu. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li s-Sur Carlo COMPORTI jinħatar bħala President tal-ESMA għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Novembru 2026, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Sur Carlo COMPORTI huwa b’dan maħtur President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Novembru 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2276/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)