Brussell, 26.9.2019

COM(2019) 560 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà


1.Introduzzjoni

1.1.Sfond

Id-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà 1 (“id-Direttiva”) huwa t-tielet strument adottat taħt il-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (“il-Pjan Direzzjonali” 2 ). Fil-11 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan Direzzjonali u inkludieh bħala parti mill-Programm ta' Stokkolma, li għandu l-għan li jiżgura Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini 3 .

L-UE adottat sitt direttivi f’dan il-qasam: din id-Direttiva, kif ukoll id-Direttivi dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni 4 ; dwar id-dritt għall-informazzjoni 5 ; dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess 6 ; dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal 7 u dwar l-għajnuna legali 8 . Il-Kummissjoni Ewropea diġà pproduċiet rapporti ta’ implimentazzjoni dwar id-Direttivi dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni u dwar id-dritt għall-informazzjoni 9 .

Dawn is-sitt direttivi għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-objettiv ġenerali li tiżdied il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri billi tkun permessa applikazzjoni aħjar tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li hija l-pedament taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE. Id-Direttivi jagħmlu dan billi jipprovdu standards minimi komuni għal drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali kollha, u billi jipprovdu implimentazzjoni aktar konsistenti tad-dritt għal proċess ġust, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (TFUE 10 ) u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

1.2.Għan u elementi ewlenin tad-Direttiva

Id-Direttiva tittratta d-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkollhom aċċess għal avukat irrispettivament jekk ikunux imċaħħda mil-libertà. Tittratta wkoll id-dritt tagħhom li jikkomunikaw mal-familja tagħhom, qraba, u terzi persuni oħra kif ukoll ma’ awtoritajiet konsulari meta jiġu mċaħħda mil-libertà. Tgħaqqad żewġ miżuri fil-Pjan Direzzjonali, li inizjalment tressqu bħala żewġ proposti separati. (i) id-dritt għal parir legali (parti mill-Miżura C tal-Pjan Direzzjonali); kif ukoll (ii) id-dritt li jikkomunikaw mal-qraba, impjegatur u awtoritajiet konsulari (il-Miżura D tal-Pjan Direzzjonali).

Id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi għall-persuni suspettati jew akkużati kollha fi ħdan l-UE irrispettivament mill-istatus legali, ċittadinanza jew nazzjonalità tagħhom. Hija mfassal biex tgħin biex jiġu evitati żbalji ġudizzjarji u tnaqqas in-numru ta’ appelli. Id-drittijiet mogħtija fid-Direttiva japplikaw kemm fi proċedimenti kriminali kif ukoll fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

Raġuni importanti oħra biex ikun hemm regoli minimi komuni f’dan il-qasam hija li tista’ żżid il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Għal dak il-għan, tibni fuq u tfittex li tippromwovi d-drittijiet stipulati fi, pereżempju, l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet li ġejjin:

·id-dritt ta’ aċċess għal avukat (Artikoli 3, 4, 8, 9 u 10);

·id-dritt li persuna terza tiġi infurmata dwar iċ-ċaħda tal-libertà (Artikoli 5, 8 u 10(3));

·id-dritt għall-komunikazzjoni ma’ persuni terzi matul iċ-ċaħda tal-libertà (Artikoli 6 u 10(3));

·id-dritt ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsulari (Artikolu 7 u 10(3)).

Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Salduz 11 , bosta Stati Membri diġà bdew jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Id-Direttiva tieħu kont ta’ din il-ġurisprudenza f’għadd ta’ dispożizzjonijiet. Kienu meħtieġa aġġustamenti ulterjuri tal-leġiżlazzjoni f’xi Stati Membri minħabba l-ambitu tad-Direttiva, li tkopri b’mod espliċitu wkoll persuni suspettati u akkużati li ma jiġux imċaħħda mil-libertà (l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva); dan japplika b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet relatati mad-dritt ta’ aċċess għal avukat.

1.3.L-ambitu ta’ dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni

L-implimentazzjoni tad-Direttiva ġiet evalwata skont l-Artikolu 16 tagħha, li jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapport sal-28 ta’ Novembru 2019 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva.

Id-deskrizzjoni u l-analiżi f’dan ir-rapport huma bbażati primarjament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, issupplimentata minn studji disponibbli pubblikament, imwettqa minn: (i) l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali 12 ; jew (ii) minn partijiet interessati esterni li jivvalutaw id-Direttivi dwar id-Drittijiet Proċedurali bl-użu ta’ għotjiet mill-programm dwar il-ġustizzja 13 . Informazzjoni miġbura minn sottomissjonijiet minn ċittadini tal-UE lill-Kummissjoni spiss ikkonfermat din id-data.

Ir-rapport jiffoka fuq il-miżuri li l-Istati Membri ħadu s’issa sabiex jimplimentaw id-Direttiva. Dan jivvaluta jekk l-Istati Membri implimentawx id-Direttiva fiż-żmien stipulat, u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tilħaqx l-objettivi u tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva.

2.Valutazzjoni ġenerali

Skont l-Artikolu 15, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sas-27 ta’ Novembru 2016. Fid-data ta’ skadenza tal-perjodu tat-traspożizzjoni, disa’ Stati Membri ma kinux ikkomunikaw il-miżuri neċessarji lill-Kummissjoni: Il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, is-Slovenja u s-Slovakkja. Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet f’Jannar 2017 li tniedi proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE kontra dawn id-disa’ Stati Membri talli naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri tagħhom ta’ traspożizzjoni. Minn dak iż-żmien, l-Istati Membri kollha nnotifikaw traspożizzjoni sħiħa. Provvedimenti ta’ ksur għadhom għaddejjin peress li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva ġew trasposti.

L-għan prinċipali tal-Kummissjoni kien li tiżgura li l-Istati Membri kollha jittrasponu r-rekwiżiti tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom, sabiex id-drittijiet li tinkludi d-Direttiva jiġu protetti madwar l-Unjoni Ewropea kollha. It-traspożizzjoni tad-Direttiva hija prerekwiżit sabiex jiġi vvalutat, kif xieraq, il-punt sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Direttiva.

L-impatt tad-Direttiva huwa limitat għall-istabbiliment ta’ regoli minimi, u għalhekk tħalli l-possibbiltà għad-differenzi bejn il-liġijiet proċedurali kriminali nazzjonali. Minkejja dan, timponi obbligi ċari fuq l-Istati Membri.

Il-valutazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali qajmet qajjem ċerti kwistjonijiet ta’ konformità f’diversi Stati Membri. Il-kwistjonijiet l-iktar prominenti huma:

·l-ambitu tad-drittijiet previsti mid-Direttiva — f’xi ġurisdizzjonijiet id-drittijiet previsti mid-Direttiva jeħtieġu att formali sabiex jiġi attivat jew jista’ ma japplikax għal persuni li ma jkunux imċaħħda mil-libertà;

·il-firxa ta’ derogi possibbli, b’mod partikolari mid-dritt ta’ aċċess għal avukat;

·ir-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat; kif ukoll

·id-dritt ta’ aċċess għal avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

Sakemm ma jiġux rimedjati, tali diverġenzi jistgħu jillimitaw l-effettività tad-drittijiet previsti mid-Direttiva. Il-Kummissjoni se tieħu kull miżura xierqa biex tiżgura l-konformità mad-Direttiva fl-UE kollha, inkluż, fejn meħtieġ, il-bidu ta’ proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE.

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw li mhux qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex ikkunsidrati fil-valutazzjoni segwenti.

3.Punti speċifiċi ta’ valutazzjoni

3.1.Is-suġġett (Artikolu 1)

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jispeċifika li d-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom aċċess għal avukat, li jkollhom parti terza infurmata dwar iċ-ċaħda tal-libertà u li jikkomunikaw ma’ terzi persuni u ma’ awtoritajiet konsulari matul iċ-ċaħda tal-libertà.

Stati Membri diġà kellhom leġiżlazzjoni dwar dawn id-drittijiet. Il-proċess ta’ traspożizzjoni għalhekk kien jinvolvi fil-parti l-kbira Stati Membri li kienu qed jemendaw kwalunkwe leġiżlazzjoni li kienet teżisti qabel, jew jadottaw leġiżlazzjoni aktar speċifika. Komponent ġdid kien jikkonsisti f’dispożizzjonijiet dwar id-dritt li jinħatar avukat fl-Istat Membru li joħroġ mandat ta' arrest Ewropew (Artikolu 10(4) U (5) tad-Direttiva).

3.2.Ambitu (Artikolu 2)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jiddeskrivi l-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

3.2.1.Ambitu tal-applikazzjoni — Artikolu 2(1) u (2)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jistipula li d-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Id-Direttiva tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkluż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell. Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, tapplika wkoll għal persuni suġġetti għal proċedimenti ta’ mandat ta' arrest Ewropew (“persuni rikjesti”) mill-mument tal-arrest tagħhom fl-Istat Membru li jeżegwixxi.

Fir-rigward tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma jindirizzawx speċifikament il-mument li fih persuna suspettata jew akkużata “tiġi infurmata” dwar is-suspett jew l-akkuża, u lanqas ma jispeċifikaw li d-drittijiet previsti mid-Direttiva japplikaw matul il-proċedimenti kriminali. Madankollu, analiżi sistematika tal-istadji differenti tal-proċedimenti kriminali fil-kuntesti legali nazzjonali rispettivi turi li tista’ tiġi dedotta konformità għal numru kbir ta’ Stati Membri. Madankollu, f'erba’ Stati Membri, drittijiet skont id-Direttiva jiddependu fuq att formali. Dan l-att formali ħafna drabi huwa wkoll il-kundizzjoni għall-kisba ta’ status ta’ suspettat jew akkużat. F’numru żgħir ta’ Stati Membri, il-leġiżlazzjoni hija nieqsa miċ-ċarezza dwar persuni li mhumiex imċaħħda mil-libertà.

Fir-rigward tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri applikaw id-drittijiet previsti mid-Direttiva billi applikaw ir-regoli proċedurali kriminali ġenerali għall-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mutatis mutandis (jiġifieri applikazzjoni bil-modifiki neċessarji). Madankollu, il-liġi nazzjonali f’sitt Stati Membri ma tiżgurax li d-drittijiet kollha żgurati mid-Direttiva huma applikabbli wkoll fi proċedimenti ta’ mandat ta’ Ewropew. Dan huwa indikattiv tal-problemi ta’ traspożizzjoni.

3.2.2.Xhieda li jsiru persuni suspettati — Artikolu 2(3)

L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva jikkjarifika li japplika wkoll, taħt l-istess kundizzjonijiet kif previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, lil persuni li mhumiex persuni suspettati jew akkużati li, matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi, isiru persuni suspettati jew akkużati.

Kważi l-Istati Membri kollha kkonformaw ma’ din id-dispożizzjoni. Xi żewġ Stati Membri ttrasponew id-Direttiva kważi litteralment, u bosta Stati Membri jirreferu b’mod espliċitu għall-bidla fl-istatus proċedurali matul l-interrogazzjoni. F’oħrajn, it-traspożizzjoni hija inqas evidenti, iżda xorta waħda tista’ tiġi dedotta minn dispożizzjonijiet b’ambitu wiesa’, li jagħtu aċċess għal avukat lill-partijiet kollha tal-proċedimenti u li jiżguraw li x-xhieda jkunu intitolati għal avukat matul l-interrogazzjoni. Ma setgħu jiġu identifikati ebda regoli speċifiċi dwar dan il-punt fil-leġiżlazzjoni ta’ erba’ Stati Membri.

3.2.3.Reati minuri — Artikolu 2(4)

L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva jistipula li għal reati minuri, japplika biss għal proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali:

a.fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta' sanzjoni minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u quddiem jew lil tali qorti jkun jista' jsir appell kontra l-impożizzjoni ta' tali sanzjoni jew ir-rinviju tagħha; jew

b.fejn iċ-ċaħda tal-libertà ma tkunx tista' tiġi imposta bħala sanzjoni.

Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt għal proċess ġust. Id-dispożizzjoni tkompli biex tiddikjara li fi kwalunkwe każ id-Direttiva tapplika bis-sħiħ meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun imċaħħda mil-libertà, irrispettivament mill-istadju tal-proċedimenti kriminali. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk ta’ rilevanza partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat.

Id-dispożizzjoni hija rilevanti għal ħafna mill-Istati Membri fejn l-awtoritajiet amministrattivi, il-pulizija jew il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet mhux kriminali huma responsabbli fir-rigward ta’ reati minuri. Huwa biss f’ħames Stati Membri li l-leġiżlazzjoni tipprevedi eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal avukat fir-rigward ta’ reati minuri. F’bosta Stati Membri, il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix sistema speċifika għal reati minuri. Fi Stati Membri oħra, fejn teżisti tali leġiżlazzjoni speċifika, jew tipprevedi applikazzjoni mutatis mutandis tar-regoli ġenerali ta’ proċedimenti kriminali, jew tirrifletti d-drittijiet previsti fid-Direttiva fil-leġiżlazzjoni dwar reati minuri stess. Madankollu, f'żewġ Stati Membri, li jużaw it-teknika tal-aħħar, mhux is-salvagwardji kollha previsti mid-Direttiva huma żgurati f’każijiet ta’ reati minuri.

3.3.Id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali (Artikolu 3)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jistipula li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.

3.3.1.Skeda ta’ żmien — Artikolu 3(2)

F’konformità mal-Artikolu 3(2), u kont meħud tal-Premessa 20 tad-Direttiva, id-dritt ta’ aċċess għal avukat għandu jingħata mingħajr dewmien bla bżonn lill-persuni suspettati jew akkużati. Id-Direttiva tirreferi għal numru ta’ punti ta’ żmien li minnhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat għandu jiġi żgurat, skont liema jseħħ l-ewwel.

Filwaqt li żewġ Stati Membri ttrasponew id-dispożizzjoni litteralment, il-ħtieġa li jingħata d-dritt “mingħajr dewmien bla bżonn” jista’ jiġi dedott minn tliet sorsi: (i) dispożizzjonijiet li jiddikjaraw in-natura immedjata tad-dritt jew l-informazzjoni dwarha; (ii) il-fatt li d-dritt jingħata mill-mument li jinkiseb l-istatus ta’ persuna suspettata jew akkużata; jew (iii) permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ ambitu wiesa’, li jiżguraw id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti.

3.3.1.1. Dritt ta’ aċċess għal avukat qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar ġudizzjarja — Artikolu 3(2)(a)

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ġie traspost b’mod preċiż minn diversi Stati Membri. Madankollu, disa’ Stati Membri ttrasponew id-dispożizzjoni biss parzjalment. Ir-raġunijiet li wasslu lil xi wħud minn dawn l-Istati Membri biex jittrasponu biss parzjalment l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva affettwa wkoll it-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) (ara 3.2.1.). Barra minn hekk, fi tnejn minn dawn l-Istati Membri, id-dritt ta’ aċċess għal avukat jiġi ddikjarat b’mod ċar biss waqt interrogazzjoni, mhux qabel. F’uħud mill-Istati Membri l-oħra, hemm dubji dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat qabel l-interrogazzjoni, għall-inqas għal ċerti kategoriji ta’ persuni. Fi Stat Membru wieħed, jekk il-persuna tkun irċeviet stedina bil-miktub għal interrogazzjoni, huwa preżunt li qabel l-interrogazzjoni tkun saret konsultazzjoni ma’ avukat.

3.3.1.2. Dritt ta’ aċċess għal avukat meta jitwettaq att ta’ investigazzjoni jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont l-Artikolu 3(3)(c) — Artikolu 3(2)(b)

Maġġoranza sostanzjali tal-Istati Membri kkonformaw ma’ din id-dispożizzjoni, u żewġ Stati Membri ttrasponewha litteralment. F’oħrajn, it-traspożizzjoni korretta tista’ tiġi konkluża minħabba li l-liġi: (i) tirreferi b’mod speċifiku għall-atti ta’ ġbir ta’ provi msemmija fl-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva; jew (ii) tiżgura d-dritt permezz ta’ dispożizzjonijiet b’ambitu wiesa’ li jiżguraw id-dritt ta’ aċċess għal avukat mill-bidu jew fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti jew li jagħmlu referenza għal kwalunkwe att investigattiv. Għal numru żgħir ta’ Stati Membri, madankollu, ir-raġunijiet li wasslu għal traspożizzjoni parzjali tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva affettwaw ukoll it-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva (ara 3.2.1.).

3.3.1.3. Dritt ta’ aċċess għal avukat mingħajr dewmien bla bżonn wara ċ-ċaħda tal-libertà — Artikolu 3(2)(c)

Kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew din id-dispożizzjoni jew permezz ta’ leġiżlazzjoni dwar iċ-ċaħda tal-libertà jew permezz ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura d-dritt ta’ aċċess għal avukat fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali. Traspożizzjoni sħiħa hija biss dubjuża fir-rigward ta’ Stat Membru wieħed fejn il-kriterju “mingħajr dewmien bla bżonn” mhuwiex stabbilit b’mod ċar fi strument leġiżlattiv relevanti.

3.3.1.4. Id-dritt ta’ aċċess għal avukat fejn persuni jkunu ġew imħarrka biex jidhru quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti — Artikolu 3(2)(d)

Għalkemm il-leġiżlazzjoni fi tliet Stati Membri tista’ tkun nieqsa miċ-ċarezza. b’mod partikolari fir-rigward taż-żmien debitu biex titħejja l-kawża, ma rriżultaw ebda kwistjonijiet partikolari ta’ traspożizzjoni għal din id-dispożizzjoni.

3.3.2.Kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat — Artikolu 3(3)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jistipula l-elementi li jinvolvu d-dritt ta’ aċċess għal avukat, fi kliem ieħor jiddeskrivi l-kontenut tad-dritt.

3.3.2.1.Laqgħa fil-privat u komunikazzjoni mal-avukat, inkluż qabel l-interrogazzjoni — l-Artikolu 3(3)(a)

Skont din id-dispożizzjoni, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat u jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;

Filwaqt li tliet Stati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni litteralment, il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri oħra tirreferi għal kunċetti bħal komunikazzjoni, laqgħat, kuntatt jew diskussjoni. Madankollu, kien hemm kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni parzjali f’ħdax-il Stati Membri. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, nuqqasijiet bħal dawn relatati ma’ kwistjonijiet identifikati wkoll fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikoli 2(1) u 3(2)(a) tad-Direttiva (ara 3.2.1. u 3.3.1.1.). F’uħud minn dawn l-Istati Membri, kwistjonijiet relatati mat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva kellhom ukoll impatt negattiv fil-kuntest tal-Artikolu 3(3)(a) (ara 3.4.).

Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità f’seba’ Stati Membri. Stat Membru wieħed, pereżempju, jipprevedi l-preżunzjoni li persuna li tkun irċeviet stedina bil-miktub għal interrogazzjoni kellha konsultazzjoni kunfidenzjali ma’ avukat qabel dik l-interrogazzjoni (ara 3.3.1.1.). Xi żewġ Stati Membri jippermettu deroga mill-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjoni mal-avukat (ara 3.4.), u f’xi Stati Membri oħra l-komunikazzjoni hija ristretta għal 30 minuta qabel (l-ewwel) l-interrogazzjoni jew kuntatt telefoniku ma’ avukat ta’ persuni li jinsabu l-ħabs darba fil-ġimgħa bħala regola.

3.3.2.2.Preżenza u parteċipazzjoni effettiva tal-avukat waqt interrogazzjoni — Artikolu 3(3)(b)

L-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva jistipula d-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jkollhom l-avukat tagħhom preżenti u li jipparteċipaw b’mod effettiv meta jiġu interrogati. Filwaqt li tali parteċipazzjoni teħtieġ li tkun konformi mal-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, jeħtieġ li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Il-kunċett ta’ parteċipazzjoni effettiva huwa spjegat aktar fil-Premessa 25 tad-Direttiva bħala l-possibbiltà li l-avukat jagħmel mistoqsijiet, jitlob kjarifika u jagħmel dikjarazzjonijiet, li għandhom jiġu rreġistrati f’konformità mal-liġi nazzjonali. Il-fatt li l-avukat ipparteċipa għandu jiġi rreġistrat.

Fl-Istati Membri kollha, l-avukat jista’ jkun preżenti matul l-interrogazzjoni u din iċ-ċirkostanza tiġi rreġistrata wkoll. Ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-avukat jistgħu jiġu identifikati għal numru sinifikanti ta’ Stati Membri. F’sitt Stati Membri, madankollu, mhux is-suspettati u l-akkużati kollha huma intitolati għal dan id-dritt. Dawn in-nuqqasijiet huma fil-biċċa l-kbira relatati ma’ kwistjonijiet identifikati wkoll fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikoli 2(1) (ara 3.2.1).

Madankollu, f’16-il Stat Membru, l-effettività tal-parteċipazzjoni hija dubjuża. Bosta minnhom jippermettu li avukat jipparteċipa biss fi tmiem l-interrogazzjoni. Dan jista’ joħloq problemi, b’mod partikolari f’każijiet aktar kumplessi fejn l-interrogazzjoni tista’ tkun estensiva. Jista’ jkun li l-avukati ma jkunux f’pożizzjoni li jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom direttament lill-persuna li qed tkun interrogata, minħabba li minflok ikunu ristretti li jpoġġu l-mistoqsijiet tagħhom direttament lill-awtorità li tkun qed tmexxi l-interrogazzjoni. Jista’ jkun ukoll li l-avukati jkunu ristretti li jissottomettu talbiet, osservazzjonijiet u riżervi lill-prosekutur pubbliku. F’xi Stati Membri, il-leġiżlazzjoni tgħaqqad tali restrizzjonijiet. Fi Stat Membru wieħed, il-leġiżlazzjoni hija anki siekta dwar il-parteċipazzjoni tal-avukat ħlief fir-rigward ta’ sessjonijiet tal-qorti, fejn l-avukat jitħalla jagħmel mistoqsijiet wara l-prosekutur u x-xhud espert.

3.3.2.3.Preżenza tal-avukat matul atti investigattivi jew ta’ ġbir ta’ provi — Artikolu 3(3)(c)

Din id-dispożizzjoni tirregola d-dritt ta’ aċċess għal avukat waqt l-atti ta’ ġbir ta’ provi. Tagħti deskrizzjoni ta’ tliet atti ta’ ġbir ta’ provi bħala minimu, li matulhom il-persuni suspettati u akkużati jkunu intitolati jkollhom l-avukat tagħhom preżenti. Dawn huma: ringieli ta' persuni għall-identifikazzjoni, konfrontazzjonijiet, u rikostituzzjonijiet tax-xena tar-reat. Dan japplika biss fejn tali atti huma previsti taħt il-liġi nazzjonali u jekk taħt il-liġi nazzjonali l-persuna suspettata jew akkużata hija meħtieġa jew permessa tattendi l-att ikkonċernat. Għalhekk, meta att ta’ ġbir ta’ provi bħal dan ma jkunx jeżisti taħt il-liġi nazzjonali, id-Direttiva ma teħtieġx li l-Istat Membru rispettiv joħloqha. Fl-istess ħin, it-tliet atti huma stabbiliti bħala lista minima, u l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal aktar atti ta’ ġbir ta’ provi, li matulhom l-avukat ikollu d-dritt li jattendi.

Inqalgħu kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni fir-rigward ta’ disa’ Stati Membri. In-nuqqas ta’ għadd żgħir ta’ Stati Membri li jittrasponu b’mod sħiħ l-Artikolu 3(2)(b) irriżulta fit-traspożizzjoni inkompluta tal-Artikolu 3(3)(c) ( ara 3.3.1.2). F’uħud mill-Istati Membri l-oħra, ma huwa mogħti l-ebda dritt ta’ aċċess għal avukat fir-rigward ta’ atti investigattivi rilevanti, għalkemm dawn l-atti investigattivi fil-fatt jeżistu fil-liġijiet nazzjonali jew il-prassi ta’ dawk il-pajjiżi. Fil-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri oħra, xi atti ta’ ġbir ta’ provi mhumiex previsti, li jfisser li n-nontraspożizzjoni f’dan ir-rigward ma għandu l-ebda effett fuq il-kompletezza.

3.3.3.Informazzjoni u arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal avukat — l-Artikolu 3(4)

Din id-dispożizzjoni fiha regoli dwar il-livell ta’ obbligu fuq l-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għal avukat għal persuni suspettati u akkużati. Filwaqt li d-Direttiva tapplika irrispettivament minn jekk dawn il-persuni jkunux imċaħħda mil-libertà (Artikolu 2(1), l-ewwel sentenza tad-Direttiva), Artikolu 3(4) jiddistingwi bejn is-sitwazzjoni ta’ dawk li huma mċaħħda u dawk li mhumiex. Għal dawk li huma ħielsa li jitilqu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħmlu informazzjoni ġenerali disponibbli għalihom sabiex jiffaċilitaw il-kisba ta’ avukat; għal dawk li huma mċaħħda mil-libertà, il-livell ta’ obbligu fuq l-Istati Membri huwa akbar. Fl-aħħar każ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati li jiġu mċaħħda mil-libertà jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat.

L-Istati Membri bbażaw it-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ miżuri nazzjonali bħal dawn li ġejjin:

·il-provvediment ta’ informazzjoni;

·kjarifiki dwar id-drittijiet u dwar kif wieħed jista’ jibbenefika minnhom;

·il-provvediment ta’ mezzi għal kuntatt dirett mal-avukat, bħal helpline, sistemi ta’ avukati tal-għassa disponibbli fuq rotazzjoni, listi ta’ avukati, websajts iddedikati, magni tat-tiftix, fuljetti u — fil-każ ta’ Stat Membru wieħed — servizz taċ-chat.

B’mod partikolari għal dawk imċaħħda mil-libertà, xi Stati Membri stabbilixxew servizzi ta’ emerġenza biex jiffaċilitaw il-ħatra ta’ avukat. F’għadd ta’ Stati Membri, iċ-ċaħda tal-libertà hija raġuni għad-difiża obbligatorja, u jista’ jinħatar avukat ex officio.

Madankollu, f’għadd żgħir ta’ Stati Membri, l-arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal avukat jistgħu ma jkunux disponibbli għal dawk fl-istadji bikrin tal-proċedimenti, eż. qabel ma jiġu imposti formalment skont il-liġi nazzjonali, jew dawk li jaqgħu taħt atti speċifiċi ta’ leġiżlazzjoni settorjali. F’wieħed minn dawn l-Istati Membri, pereżempju, il-kuntatt ma’ avukat jiddependi wkoll mill- “mezzi disponibbli”, li jidher li huwa formulazzjoni vaga wisq.

3.3.4.Derogi — Artikoli 3(5) u 3(6)

3.3.4.1.Derogi temporanji bbażati fuq l-iżolament ġeografiku — Artikolu 3(5)

Din id-dispożizzjoni tippermetti derogi temporanji minħabba d-distanza ġeografika ta’ persuna suspettata jew akkużata. Hija tippermetti biss lill-Istat Membru li jidderoga mill-Artikolu 3(2)(c) tad-Direttiva jekk ikun impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà. F’ċirkostanzi bħal dawn, ma tista’ ssir l-ebda interrogazzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata jew fil-ġbir tal-evidenza fis-sens tal-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva matul l-applikazzjoni tad-deroga temporanja (ara wkoll il-Premessa 30).

Ħames Stati Membri biss għamlu użu minn din l-għażla. Tnejn minnhom ittraskrivew it-test tad-Direttiva verbatim fil-liġi tagħhom. Fi tliet Stati Membri oħra, il-leġiżlazzjoni tippermetti li tiġi interrogata l-persuna, li mhuwiex f'konformità mad-Direttiva. Hemm elementi oħra li jqajmu tħassib ukoll. L-ewwel nett, il-possibbiltà ta’ deroga tista’ ma tkunx ristretta għall-istadju ta’ qabel il-proċess kif previst mid-Direttiva. It-tieni, in-natura eċċezzjonali u temporanja tad-derogi tista’ tkun dubjuża, u t-tielet, uħud mil-liġijiet rilevanti jippermettu lil persuni li mhumiex avukati taħt il-liġi nazzjonali li jassistu lill-persuna suspettata jew akkużata.

3.3.4.2.Derogi temporanji bbażati fuq riskji għal persuni jew ħtiġijiet ta’ investigazzjoni — Artikolu 3(6)

L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva jippermetti derogi temporanji mid-dritt ta’ aċċess għal avukat. Din tippermetti l-interrogazzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata jew il-ġbir tal-evidenza fis-sens tal-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva li għandu jsir f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-proċess. Fuq din il-bażi, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal derogi temporanji sal-limitu ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, għal waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:

a.meta jkun hemm ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi serji kontra l-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta' persuna;

b.fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.

Ħames Stati Membri biss għażlu li ma jagħmlux użu minn ebda waħda minn dawn il-possibbiltajiet li jidderogaw. Ġew identifikati derogi f’20 Stat Membru ieħor, ġustifikati minn riskji għall-individwi jew għal ħtiġijiet ta’ investigazzjoni. Madankollu, il-korrettezza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva hija bla dubju f’numru żgħir biss ta’ dawk l-Istati Membri, li jfisser li kwistjonijiet ta’ konformità potenzjali ġew identifikati f’għadd minnhom. Meta wieħed iħares lejn l-Istati Membri bi kwistjonijiet ta’ konformità, wieħed jista’ jara li xi wħud mid-derogi li jistabbilixxu huma konformi mad-Direttiva, filwaqt li oħrajn iqajmu tħassib. Pereżempju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifletti s-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 3(6) tista’ tiddikjara b’mod ċar li d-derogi kollha għandhom jiġu applikati biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u sa fejn ikun ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.

Tħassib ieħor huwa li l-possibbiltà ta’ deroga tista’ tmur lil hinn mill-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċedimenti. Fir-regoli ta’ xi Stati Membri, il-kriterji ta’ “urġenza” u/jew “konsegwenzi negattivi serji” huma dubjużi (l-Artikolu 3(6)(a) tad-Direttiva). Id-derogi previsti f’diversi Stati Membri jistgħu jitqiesu bħala li għandhom l-għan li jevitaw li jiġu pperikolati l-proċedimenti kriminali (l-Artikolu 3(6)(b)), iżda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom mhuwiex limitat għall-kundizzjonijiet imsemmija fid-Direttiva u għalhekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ azzjoni immedjata li huwa imperattiv jew il-ħtieġa tal-prevenzjoni ta’ periklu sostanzjali. Regoli bħal dawn li jippermettu derogi jirreferu, pereżempju, għal riskji ġenerali ta’ “tfixkil tal-evidenza”, “rendiment aktar diffiċli tal-investigazzjoni” jew “tfixkil tal-interess u s-suċċess tal-investigazzjoni”.

Fi 15-il Stat Membru, il-possibbiltajiet ta’ deroga m’għandhomx rabta mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva u ma jidħlux fix-xenarji previsti mid-Direttiva. Dan joħloq riskju li persuni suspettati u akkużati jistgħu jitħallew f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, mingħajr garanzija li l-interrogazzjoni jew il-ġbir ta’ evidenza fis-sens tal-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva sseħħ fin-nuqqas ta’ avukat biss, jekk il-persuna tkun irrinunzjat għal dak id-dritt skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (ara 3.9). Insibu referenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal, pereżempju, “estensjoni mhux raġonevoli tal-perjodu ta’ detenzjoni”, għal każijiet ta’ “force majeure”, li tkun ħaġa “mhux sikura” li ddewwem l-atti investigattivi, għall-preżenza ta’ avukat matul l-interrogazzjoni “li jista’ jkun diġà beda”, u għal kundizzjonijiet pjuttost vagi bħal “raġunijiet ġustifikati”. Il-liġijiet fi Stati Membri differenti jiddikjaraw li l-assenza tal-avukat matul l-investigazzjoni ma tostakolax it-twettiq tal-atti proċedurali jekk ikun hemm prova li l-avukat ikun ġie infurmat dwar id-data u s-siegħa ta’ dak l-att. Eżempji oħra jinkludu dispożizzjonijiet li avukat jista’ ma jkunx jista’ jkun preżenti matul atti investigattivi fejn l-“att ma jistax jiġi pospost” u “ma tistax tiġi pprovduta notifika tagħhom”.

Fl-aħħar nett, xi Stati Membri stabbilixxew limiti ta’ żmien biex l-avukat jidher, bil-leġiżlazzjoni f’dawk il-pajjiżi li jippermettu li interrogazzjonijiet jew ġbir tal-evidenza fis-sens tal-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva jsiru mingħajr l-avukat jew mingħajr il-preżenza ta’ rinunzja ċara. Fi ftit leġiżlazzjonijiet, limiti ta’ żmien bħal dawn huma qosra daqs sagħtejn, jew anki siegħa fil-każ ta’ Stat Membru wieħed. Dan iħalli flessibbiltà sostanzjali biex wieħed jipproċedi b’interrogazzjoni jew ġbir ta’ evidenza fin-nuqqas ta’ avukat jew ta’ rinunzja ċara, li b’hekk jirriżulta f’deroga wiesgħa mhux stabbilita mid-Direttiva. Dan jaffettwa l-konformità.

3.4.Kunfidenzjalità (Artikolu 4)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva fih dikjarazzjoni b’saħħitha ta’ prinċipju dwar ir-rispett tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess. Dan jinkludi laqgħat, korrispondenza, konverzazzjonijiet bit-telefon u forom oħra ta’ komunikazzjoni permessi skont il-liġi nazzjonali. Id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix ċirkostanzi fejn l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dan id-dritt għall-kunfidenzjalità. Dan huwa sostnut mill-Premessa 33, li tispjega li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom hija essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u hija parti essenzjali tad-dritt għal proċess ġust.

Aktar minn nofs l-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod korrett. Madankollu, ġew identifikati kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni parzjali għal xi Stati Membri. Tali nuqqasijiet huma marbuta man-nuqqas ta’ kopertura ta’ ċerti gruppi ta’ persuni fi stadji partikolari tal-proċedimenti, jew mal-leġiżlazzjoni li ma tirriflettix ċerti metodi ta’ komunikazzjoni bħal laqgħat, komunikazzjoni bit-telefon, posta u kunsinni oħra. F’erba’ Stati Membri, il-leġiżlazzjoni tippermetti derogi mir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, li jaffettwaw il-konformità mad-Direttiva.

3.5.Id-dritt li persuna terza tiġi infurmata dwar iċ-ċaħda tal-libertà (Artikolu 5)

3.5.1.Prinċipju ġenerali — Artikolu 5(1)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprevedi għad-dritt ta’ persuni suspettati jew akkużati li huma mċaħħda mil-libertà li jkollhom mill-inqas persuna waħda, bħal qarib jew impjegatur, li tiġi infurmata biċ-ċaħda tal-libertà tagħhom mingħajr dewmien żejjed jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

Instabu kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni parzjali f’ħdax-il Stati Membri. F’ħafna minn dawn l-Istati Membri, mhuwiex ċar jekk it-tielet persuna hijiex infurmata mingħajr dewmien żejjed. F’għadd ta’ Stati Membri, id-dritt li persuna terza tiġi infurmata jkun ristrett għal ċerti sitwazzjonijiet ta’ ċaħda tal-libertà jew għal ċerti kategoriji ta’ persuni suspettati jew akkużati. Fi ftit Stati Membri, il-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni personali identifikati fil-kuntest tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva affettwaw ukoll it-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(1). Tħassib ieħor kien li r-rekwiżiti tad-Direttiva huma riflessi biss fid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuna suspettata jew akkużata.

Il-korrettezza tat-traspożizzjoni hija dubjuża f’diversi Stati Membri oħra. Dan huwa minħabba li hemm limiti dwar min jista’ jiġi infurmat dwar iċ-ċaħda tal-libertà, jew għaliex persuni terzi jiġu infurmati indipendentement mix-xewqa tal-persuna li tiġi mċaħħda mil-libertà.

3.5.2.Derogi temporanji — Artikolu 5(3)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva jippermetti derogi temporanji mid-dritt li persuna terza tiġi infurmata (inkluż f’każijiet li jinvolvu t-tfal, ara 3.5.3. hawn taħt), fejn ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, għal waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:

a.ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi serji kontra l-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta' persuna;

b.ħtieġa urġenti li tkun evitata sitwazzjoni fejn il-proċedimenti kriminali jistgħu jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.

Tali possibbiltajiet ta’ deroga jeżistu fil-leġiżlazzjoni ta’ 18-il Stat Membru. Il-valutazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali turi li l-Artikolu 5(3) huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet bl-ogħla livell ta’ diskrepanzi bejn l-Istati Membri.

Diversi Stati Membri jippermettu r-rifjuti li jikkorrispondu għar-raġunijiet stabbiliti fid-Direttiva. Xi Stati Membri oħra, madankollu, jipprovdu għal derogi soġġetti għal kondizzjonijiet simili għal dawk stabbiliti mid-Direttiva, iżda inqas restrittivi. Stati Membri oħra għandhom kundizzjonijiet inqas stretti li taħthom id-dritt li persuna terza tiġi informata jista’ jitwarrab, billi ssir referenza, pereżempju, għall-bżonn li “tiġi aċċertata l-verità fi proċedimenti kriminali”, għal sitwazzjonijiet fejn in-notifika “tippreġudika l-proċedimenti kriminali”, għal “impediment sinifikanti għall-investigazzjoni” jew għal “kjarifika u investigazzjoni tal-każ”. Ġustifikazzjoni għal rifjut tista’ tirriżulta wkoll mill-ħtieġa li “jiġi żgurat l-issodisfar tal-għan ta’ att importanti”, li “jiġi evitat reat kriminali”, jew li jiġi evitat li “jiġi mminat l-għan tal-kustodja”. Raġunijiet oħra ċċitati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jinkludu “diffikultajiet eċċessivi”, “ċirkostanzi li ma jistgħux jingħelbu” jew “raġunijiet ġustifikati” jew “raġunijiet oħra”.

3.5.3.Partikolaritajiet li jikkonċernaw it-tfal — Artikolu 5(2) u (4)

L-Artikoli 5(2) u (4) tad-Direttiva jistipulaw regoli speċifiċi dwar it-tfal (definiti bħala persuni taħt it-18-il sena). Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, id-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri tal-minuri għandu jiġi mgħarraf mill-aktar fis possibbli biċ-ċaħda tal-libertà ta’ dan il-wild u bir-raġunijiet għal dan, sakemm dan ma jkunx kontra l-aħjar interessi tal-minuri, f’liema każ jeħtieġ li persuna adulta adatta tiġi informata. F’każijiet fejn jiġu applikati derogi temporanji, awtorità responsabbli għall-protezzjoni jew il-benesseri tat-tfal teħtieġ li tiġi infurmata mingħajr dewmien bla bżonn biċ-ċaħda tal-libertà tal-minuri (Artikolu 5(4) tad-Direttiva). L-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li jiġu evitati każijiet ta’ detenzjoni ta’ tfal incommunicado.

Jeżistu regoli speċifiċi li jinkludu salvagwardji speċifiċi għat-tfal fl-Istati Membri kollha. Il-leġiżlazzjoni f’10 Stati Membri tippermetti li persuna adulta xierqa oħra tiġi mgħarrfa jekk id-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkun infurmat kontra l-aħjar interessi tal-minuri. Eżempji ta’ tali persuni jistgħu jkunu persuna adulta adatta oħra possibbilment indikata mit-tifel/tifla, awtorità għall-protezzjoni ta’ minuri jew ta’ tutur ad litem (jiġifieri l-kustodju maħtur mill-qorti). F’għadd ta’ Stati Membri oħra, il-leġiżlazzjoni ma tiddeterminax mekkaniżmu ċar biex jittieħed kont tal-aħjar interessi tat-tfal. Fi tliet Stati Membri, il-leġiżlazzjoni ma tagħmilhiex ċara li l-att ta’ infurmar għandu jsir kemm jista’ jkun malajr. Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mat-tfal, f’għadd żgħir ta’ Stati Membri, il-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni rriżultaw fi traspożizzjoni mhux kompluta, billi tqiesu biss tfal li ġew akkużati formalment bil-liġi nazzjonali jew li ġew akkużati jew interrogati. Fi Stat Membru wieħed, il-minorenni bejn 16 u 18-il sena huma inklużi fir-reġim ġenerali applikabbli għall-adulti u ma jibbenefikawx mit-trattament speċjali previst fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva.

F’diversi Stati Membri, tista’ ssir eċċezzjoni biex id-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġi infurmat jekk it-tifel jesprimi x-xewqa li dan ma jseħħx. Tali eċċezzjoni mhijiex prevista mid-Direttiva. Il-liġi ta’ Stat Membru wieħed tipprovdi għal eċċezzjoni mill-obbligu ta’ notifika, li tippermetti li r-rekwiżit ta’ notifika jitwarrab mhux biss jekk ikun kontra l-aħjar interessi tat-tfal, iżda wkoll “fejn hemm kwalunkwe raġuni oħra għaliha”.

Nofs l-Istati Membri ma jippermettux deroga mid-dritt li d-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jew adult xieraq ieħor jiġu infurmati biċ-ċaħda tal-libertà ta’ tifel jew tifla kif stipulat fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, filwaqt li n-nofs l-ieħor jippermetti tali deroga. Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet f’dan il-grupp ta’ Stati Membri jipprevedu s-salvagwardji stabbiliti fl-Artikolu 5(4), filwaqt li żewġ Stati Membri ma ttrasponewx dawn ir-rekwiżiti. Fi Stat Membru ieħor, il-liġi ma teħtieġx b’mod ċar li l-awtorità responsabbli għall-protezzjoni jew il-benesseri tat-tfal tiġi infurmata mingħajr dewmien żejjed.

Stat Membru wieħed jippermetti deroga mill-obbligu ta’ notifika lil awtorità responsabbli għall-protezzjoni jew il-benesseri tat-tfal meta din “tpoġġi f’riskju t-twettiq tal-għan ta’ att importanti” jew fejn notifika bħal din tkun tinvolvi “diffikultajiet mhux raġonevoli”.

3.6.Id-dritt għall-komunikazzjoni ma’ persuni terzi matul iċ-ċaħda tal-libertà (Artikolu 6)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva jistipula l-obbligu li jiġi żgurat li l-persuni suspettati jew akkużati li jiġu mċaħħda mil-libertà jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mingħajr dewmien żejjed b’tal-inqas persuna terza waħda, bħal qarib, innominat minnhom (l-Artikolu 6(1)). L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’, madankollu, ikun limitat jew diferit fid-dawl ta’ rekwiżiti imperattivi jew rekwiżiti operattivi proporzjonati (l-Artikolu 6(2)).

Il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri kollha tipprovdi dritt ta’ komunikazzjoni waqt li tkun imċaħħda mil-libertà. Tali regoli jistgħu jiddikjaraw prinċipju ġenerali jew jistabbilixxu regoli dettaljati li jirreferu għaż-żmien u l-frekwenza tal-komunikazzjoni jew mezzi speċifiċi ta’ komunikazzjoni bħall-użu ta’ telefon, żjarat jew komunikazzjoni bil-miktub. Il-leġiżlazzjoni rilevanti spiss mhux biss tinsab f’liġijiet dwar proċedimenti kriminali, iżda wkoll f’regoli li jikkonċernaw l-amministrazzjoni ta’ faċilitajiet penitenzjarji.

Madankollu, għad hemm tħassib li ħafna Stati Membri: (i) mhumiex jiżguraw li d-dritt għall-komunikazzjoni ma’ terzi persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat mingħajr dewmien bla bżonn, inkluż matul iċ-ċaħda tal-libertà mill-pulizija; kif ukoll (ii) ikollhom fis-seħħ restrizzjonijiet dwar il-portata tad-dispożizzjoni li mhumiex previsti fid-Direttiva. Għalkemm il-possibbiltajiet li jiġi limitat jew differit id-dritt jipprevedi marġni pjuttost kbir ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni f’diversi minnhom tista’ tqajjem tħassib, pereżempju minħabba li r-regoli jipprevedu limitazzjoni eċċessiva tan-numru jew it-tul ta’ żmien ta’ kuntatti ma’ terzi persuni jew saħansitra għal projbizzjoni totali mingħajr kundizzjonijiet ċari.

3.7.Id-dritt ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsulari (Artikolu 7)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva jagħti lill-persuni suspettati jew akkużati li mhumiex ċittadini, id-dritt li l-awtoritajiet konsulari tal-Istat ta’ nazzjonalità tagħhom ikunu infurmati biċ-ċaħda tal-libertà tagħhom mingħajr dewmien bla bżonn u li jikkomunikaw ma’ dawk l-awtoritajiet jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan. L-Artikolu 7 jiżgura wkoll li tali persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li ssirilhom żjara mill-awtoritajiet konsulari tagħhom, id-dritt li jitkellmu u jikkorrispondu magħhom u d-dritt li jkollhom rappreżentanza legali organizzata mill-awtoritajiet konsulari tagħhom.

It-traspożizzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva hija fil-biċċa l-kbira kompluta f’kważi l-Istati Membri kollha. Ċerti lakuni potenzjali huma fil-biċċa l-kbira eliminati b’applikabbiltà diretta tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari 14 , inkluż l-Artikolu 36 tagħha. Pereżempju, dan ikun ifisser li jkun hemm nuqqas ta’ referenzi espliċiti għas-sitwazzjoni ta’ persuni li jkollhom żewġ nazzjonalitajiet jew aktar jew li jkollhom il-possibbiltà li jkollhom rappreżentanza legali.

Madankollu, hemm dubji dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni f’madwar nofs l-Istati Membri. F’diversi Stati Membri, dan huwa dovut għal derogi potenzjali mid-dritt jew, fil-każ ta’ Stat Membru wieħed, għal referenza pjuttost vaga għal komunikazzjoni b’“mezzi disponibbli”. Tali liġijiet jew proċeduri ma jistgħux jirriżultaw f’effett sħiħ fuq l-għanijiet li għalihom id-drittijiet taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva huma maħsuba (ara l-Artikolu 7(3)). F’xi Stati Membri oħrajn, l-awtoritajiet konsulari jiġu nnotifikati irrispettivament mill-kunsens tal-persuna kkonċernata. Dan mhuwiex konformi mal-Artikolu 7(1), minħabba li l-fatt li tiġi informata l-awtorità konsulari rilevanti huwa dipendenti fuq ix-xewqa tal-persuna.

3.8.Kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji (Artikolu 8)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva jistipula kundizzjonijiet addizzjonali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji stipulati fl-Artikoli 3(5) u (6) u 5(3) tad-Direttiva. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva jeħtieġ li derogi: (i) ikunu proporzjonati u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju; (ii) ikunu strettament limitati biż-żmien; (iii) ma jkunux ibbażati esklużivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew fuq il-gravità tiegħu; u kif ukoll (iv) ma jippreġudikawx l-ekwità kumplessiva tal-proċedimenti. Id-deċiżjonijiet ta’ dawn id-derogi kollha jeħtieġ li jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ, jew minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità kompetenti oħra, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tkun tista’ tiġi sottomessa għal reviżjoni ġudizzjarja. Id-derogi stabbiliti fl-Artikolu 3(5) u (6) tad-Direttiva għandhom jiġu awtorizzati permezz ta’ deċiżjoni debitament motivata, li għandha tiġi rreġistrata wkoll.

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jikkonċerna derogi possibbli mid-dritt ta’ aċċess għal avukat. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jipprevedu derogi bħal dawn u li ttrasponew l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, id-deċiżjoni dwar id-derogi tista’ tittieħed minn awtorità li mhijiex awtorità ġudizzjarja; huma biss ftit minn dawn l-Istati Membri li jeħtieġu l-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja. Kemm ir-rekwiżit li jkun hemm deċiżjoni motivata kif ukoll ir-rekwiżit li dik id-deċiżjoni tiġi rreġistrata, jekk ma jkunux trasposti litteralment, ħafna drabi jistgħu jiġu dedotti minn regoli proċedurali ġenerali. Kwistjonijiet ta’ konformità jqumu f’diversi Stati Membri, fejn ħafna drabi parti biss mid-dispożizzjonijiet li jippermettu derogi jistabbilixxu l-garanziji meħtieġa. Dan huwa prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ regoli ċari dwar ir-reġistrazzjoni ta’ deċiżjonijiet, iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta’ regoli li jipprevedu reviżjoni ġudizzjarja jekk id-deċiżjonijiet jittieħdu minn korpi li mhumiex awtoritajiet ġudizzjarji u, sa ċertu punt, għal nuqqas ta’ dispożizzjonijiet dwar in-natura raġunata tad-deċiżjoni.

L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva jikkonċerna derogi potenzjali mid-dritt li persuna terza tiġi infurmata dwar iċ-ċaħda tal-libertà. F’ħafna mill-Istati Membri li jipprevedu derogi bħal dawn u li ttrasponew l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva, id-deċiżjoni dwar id-derogi tista’ tittieħed minn awtorità li mhijiex awtorità ġudizzjarja; numru iżgħar minn dawn l-Istati Membri biss jeħtieġ l-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja. Kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni qamu biss fi ftit Stati Membri — dawn kienu minħabba n-nuqqas ta’ regoli li jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju jekk id-deċiżjonijiet jittieħdu minn korpi li mhumiex awtoritajiet ġudizzjarji, jew saħansitra minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni kompleta tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva.

3.9.Deroga (Artikolu 9)

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi salvagwardji jekk persuni suspettati u akkużati, irrispettivament mit-tiċħid tal-libertà, jirrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom skont l-Artikoli 3 u 10. Id-Direttiva tiddikjara li, f’każijiet bħal dawn, il-persuna suspettata jew akkużata għandha tingħata informazzjoni ċara u suffiċjenti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-kontenut tad-dritt ikkonċernat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja għalih. Din l-informazzjoni tista’ tingħata bil-fomm jew bil-miktub. Kwalunkwe rinunzja għandha tingħata volontarjament u b’mod inekwivoku. L-Artikolu 9 jeħtieġ ukoll ir-rinunzja u ċ-ċirkostanzi li fihom ingħata li jiġi rreġistrat, u jistipula li l-persuni suspettati u akkużati jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe punt matul il-proċedimenti kriminali. Persuni suspettati u akkużati għandhom jiġu infurmati dwar il-possibbiltà li jirrevokaw l-eżenzjoni. Tali revoka jkollha effett mill-mument li ssir.

Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri għandhom fis-seħħ leġiżlazzjoni li tirregola l-possibbiltà li jiġi rrinunzjat id-dritt ta’ aċċess għal avukat. Ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip f’ħames Stati Membri. Stat Membru wieħed ma joffri l-ebda possibbiltà li jirrinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, u għalhekk id-difiża hija dejjem obbligatorja.

Filwaqt li tliet Stati Membri ttrasponew id-Direttiva kważi litteralment, ġew identifikati bosta nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 9. It-traspożizzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2) hija adegwata f’xi wħud biss mill-Istati Membri, filwaqt li f’numru ta’ Stati Membri oħra hemm kwistjonijiet serji ta’ traspożizzjoni. Dan spiss jiġri minħabba l-fatt li l-informazzjoni pprovduta lill-persuni suspettati jew akkużati ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni, pereżempju hija nieqsa minn informazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ rinunzja. Fir-rigward tal-Artikolu 9(3), it-traspożizzjoni tista’ tiġi vvalutata bħala sodisfaċenti biss fi ftit Stati Membri.

Fi tliet Stati Membri, l-adulti biss jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt ta’ aċċess għal avukat. Wieħed minn dawn l-Istati Membri jiddistingwi wkoll bejn eżenzjoni mid-dritt għal rappreżentanza legali u d-dritt għal konsultazzjoni ma’ avukat qabel l-interrogazzjoni. F’żewġ Stati Membri, il-leġiżlazzjoni dwar ir-rinunzji hija prevista biss fil-kuntest tar-regoli dwar dak li jitqies f’dawn l-Istati Membri bħala “difiża obbligatorja”, u b’hekk id-difiża ma tibqax obbligatorja.

3.10.Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew (Artikolu 10)

3.10.1.Id-dritt ta’ aċċess għal avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxi — Artikolu 10(1) u (2)

L-Artikoli 10(1) u (2) tad-Direttiva jiddikjaraw li l-persuni suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew (“persuni rikjesti”) għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hekk kif jiġi arrestat skont il-mandat. Fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-persuni rikjesti għandu jkollhom id-dritt għal avukat mingħajr dewmien żejjed minn meta jkunu mċaħħda mil-libertà, id-dritt li jiltaqgħu u jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom u d-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv fl-atti proċedurali. Fejn avukat jipparteċipa matul is-seduta, dan għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-applikazzjoni ta’ xi wħud mir-regoli jew tar-regoli kollha li jikkonċernaw il-proċedimenti kriminali mutatis mutandis. Dan ifisser li s-sustanza tad-drittijiet mogħtija f’każijiet ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tikkorrispondi għad-dritt li l-persuni suspettati u akkużati jgawdu matul il-proċedimenti kriminali nazzjonali. F’ħames Stati Membri, it-traspożizzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal avukat hija bbażata esklużivament fuq regoli speċifiċi li jirregolaw il-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li jindirizzaw id-drittijiet tad-Direttiva f’dak il-kuntest.

F’21 Stat Membru, id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa żgurat b’mod ċar mal-arrest (l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva). F’erba’ Stati Membri, is-salvagwardja ta’ dan l-aspett ta’ żmien hija inqas ovvja. Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew b’mod korrett id-dritt tal-avukat tal-persuna rikjesta li jipparteċipa matul is-seduta (l-Artikolu 10(2)(c) tad-Direttiva).

Ċerti kwistjonijiet relatati mat-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva rriżultaw minħabba l-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ regoli li jirregolaw il-proċedimenti kriminali. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu referenza pjuttost vaga għall-possibbiltà li jiġi kkuntattjat avukat “bi kwalunkwe mezz disponibbli”, u r-restrizzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-persuna rikjesta u l-avukat għal nofs siegħa (ara 3.3.2.1. u 3.3.3.). Minħabba r-regoli dwar proċedimenti kriminali ġew applikati mutatis mutandis, derogi mid-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali jistgħu japplikaw ukoll fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’diversi Stati Membri, xi ħaġa li mhijiex prevista fl-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva.

3.10.2.Id-dritt ta’ aċċess għal avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat — Artikolu 10(4) u (5)

Skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva, il-persuna rikjesta għandha wkoll id-dritt li taħtar avukat fl-Istat Membru emittenti. Ir-rwol ta’ dak l-avukat huwa li jassisti lill-avukat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni billi jipprovdi lil dan tal-aħħar b’informazzjoni u pariri biex jiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni teħtieġ li tinforma lill-persuni mitluba dwar dan id-dritt mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew imċaħħda mil-libertà. L-Artikolu 10(5) tad-Direttiva jiddikjara li fejn persuni mitluba jixtiequ jeżerċitaw id-dritt li jaħtru avukat fl-Istat Membru emittenti u ma jkollhomx diġà avukat, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija meħtieġa tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru emittenti. L-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tipprovdi mingħajr dewmien żejjed lill-persuni mitluba bl-informazzjoni biex tgħinhom jaħtru avukat hemmhekk.

Il-leġiżlazzjoni f’erba’ Stati Membri bl-ebda mod ma tirrifletti d-dritt tal-persuni rikjesti li jaħtru avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Xi ħames Stati Membri ma jiżgurawx b’mod ċar li l-persuni mitluba jirċievu informazzjoni dwar dan id-dritt mingħajr dewmien żejjed (l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva).

Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva ħafna drabi mhuwiex suġġett għal regoli speċifiċi. F’seba’ Stati Membri, il-leġiżlazzjoni hija nieqsa mir-rekwiżit li l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru emittenti f’każijiet fejn persuni mitluba li ma għandhomx diġà avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat jixtiequ jaħtru wieħed. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni f’10 Stati Membri ma tittrasponix ir-rekwiżit li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti tipprovdi mingħajr dewmien żejjed lill-persuni mitluba bl-informazzjoni li tgħinhom jaħtru avukat hemmhekk.

3.10.3.Mutatis mutandis applikazzjoni ta’ drittijiet oħra previsti mid-Direttiva — Artikolu 10(3)

Skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 9 tad-Direttiva japplikaw mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Jekk tiġi applikata deroga skont l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 8 tad-Direttiva japplika bl-istess mod għall-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirreferu wkoll għal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal regoli dwar proċedimenti kriminali li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni suspettati u akkużati. Madankollu, f’numru żgħir ta’ Stati Membri, tali applikazzjoni mutatis mutandis ma tkoprix b’mod ċar ir-rekwiżiti kollha jew uħud minnhom stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva. Eżempji ta’ dan jinkludu d-drittijiet li persuna terza u awtoritajiet konsulari jkunu informati dwar iċ-ċaħda tal-libertà, id-dritt li jikkomunikaw ma’ persuni terzi u mal-awtoritajiet konsulari, u r-regoli dwar ir-rinunzja tad-dritt ta’ aċċess għal avukat.

Konsegwenza oħra tal-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ regoli li jirregolaw proċeduri kriminali hija li kwistjonijiet li jikkonċernaw it-traspożizzjoni sħiħa u korretta tal-artikoli msemmija fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva jistgħu, min-naħa tagħhom, jaffettwaw id-drittijiet fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

3.11.Għajnuna legali (Artikolu 11)

L-Artikolu 11 tad-Direttiva jiddikjara li huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tal-għajnuna legali, li tapplika f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Issa dan il-qasam huwa koperta mil-leġiżlazzjoni tal-UE: Id-Direttiva (UE) 2016/1919 dwar għajnuna legali għal persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew 15 . L-Artikolu 12 tad-Direttiva jistipula li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-5 ta’ Mejju 2019.

3.12.Rimedji (Artikolu 12)

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva jistipula l-obbligu li jiġi żgurat li l-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali jkollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet skont id-Direttiva. Dan japplika wkoll fil-każ ta' persuni mitluba waqt proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

L-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod wiesa’. Ir-rimedji spiss jirreferu għal dritt ta’ appell jew jilmentaw jew lil qorti jew lil awtorità kompetenti ta’ istanza ogħla, jew inkella jipprevedu l-invalidità jew in-nullità tal-atti proċedurali li jikkostitwixxu ksur sostanzjali tar-regoli proċedurali u ksur tad-drittijiet rilevanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili, dixxiplinari jew kriminali, il-kumpens jew l-intervent ta’ korp ta’ monitoraġġ pubbliku, bħall-Ombudsperson.

B’mod aktar speċifiku fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, l-Artikolu 12(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati fi proċedimenti kriminali, fil-valutazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ evidenza miksuba bi ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn deroga għal dan id-dritt tkun ġiet awtorizzata skont l-Artikolu 3(6). Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza. Din id-dispożizzjoni tad-Direttiva tqis il-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tpoġġi l-enfasi fuq l-iżgurar tal-ġustizzja tal-proċedimenti billi tibbilanċja d-drittijiet tad-difiża mal-ħtiġijiet tal-investigazzjoni. Dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar huwa spjegat aktar fid-dettall fil-Premessa 50 tad-Direttiva, bl-użu tal-kliem mis-sentenza Salduz mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 16 .

Rimedji f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża huma disponibbli fl-Istati Membri kollha. Il-leġiżlazzjoni f’għadd ta’ Stati Membri fiha regoli espliċiti dwar l-esklużjoni ta’ evidenza jew dwar in-nullità tal-atti. F’aktar minn nofs l-Istati Membri, ir-regoli dwar ir-rimedji jirreferu għan-nuqqas ta’ intervent minn avukat. F’xi Stati Membri, każijiet fejn kienet awtorizzata deroga għal dan id-dritt ta’ aċċess għal avukat huma koperti b’mod ċar minn dawn ir-regoli.

3.13.Persuni vulnerabbli (Artikolu 13)

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, il-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni suspettati vulnerabbli u persuni akkużati vulnerabbli jeħtieġ li jitqiesu fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom approċċi differenti għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva. L-Istati Membri kollha għandhom regoli speċifiċi dwar il-persuni b’diżabilità u t-tfal. Uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu assistenza obbligatorja minn avukat fil-każijiet kollha jew taħt ċerti kundizzjonijiet addizzjonali. Dispożizzjonijiet nazzjonali oħra jirreferu għall-obbligu li għandhom l-awtoritajiet li jispjegaw id-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati jew li jivverifikaw jekk huma fehmux dawn id-drittijiet.

4.Konklużjonijiet

Id-Direttiva ġiet adottata biex tiżgura li d-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jkollhom aċċess għal avukat u li jikkomunika fil-ħin ta-arrest jiġi applikat kemm fi proċedimenti kriminali kif ukoll fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Billi tistabbilixxi standards minimi Ewropej komuni, id-Direttiva għandha impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tal-persuni suspettati jew akkużati fl-Istati Membri. Hija tikseb dan billi tipprovdi implimentazzjoni aktar konsistenti tad-drittijiet u l-garanziji stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. B’dan il-mod, id-Direttiva tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, kif previst mill-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali.

B’mod ġenerali, id-Direttiva pprovdiet valur miżjud tal-UE billi tejbet il-protezzjoni taċ-ċittadini involuti fi proċedimenti kriminali, speċjalment f’xi Stati Membri fejn id-dritt ta’ aċċess għal avukat ma ngħatax lill-persuni suspettati u akkużati kollha, speċjalment fl-istadji bikrija tal-proċedimenti. Kif ukoll, id-dritt ta’ aċċess għal avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew issa huwa stabbilit b’mod ċar.

Il-portata tal-impatt tad-Direttiva fuq l-Istati Membri tvarja skont is-sistemi ta’ ġustizzja kriminali nazzjonali fis-seħħ. Dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni jenfasizza li għad hemm xi diffikultajiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva f’għadd ta’ Stati Membri. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward ta’:

·l-ambitu tad-drittijiet previsti mid-Direttiva;

·il-firxa ta’ derogi possibbli, b’mod partikolari mid-dritt ta’ aċċess għal avukat;

·ir-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat; kif ukoll

·id-dritt ta’ aċċess għal avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

Hemm ir-riskju li dawn in-nuqqasijiet jaffettwaw l-implimentazzjoni korretta tad-direttivi l-oħra dwar id-drittijiet proċedurali, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2016/1919 dwar għajnuna legali fi proċedimenti kriminali, li tibni fuq din id-Direttiva (ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/1919). Id-Direttiva (UE) 2016/1919 kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-5 ta’ Mejju 2019 17 .

L-evalwazzjoni turi wkoll li filwaqt li bħalissa m’hemmx bżonn li d-Direttiva tiġi riveduta, it-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni prattika jeħtieġ li jittejbu aktar. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva u tieħu kull miżura xierqa sabiex tiżgura li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

(1)

ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1.

(2)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

(3)

ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(4)

Id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1.

(5)

Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1.

(6)

Id-Direttiva (UE) 2016/343 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

(8)

Id-Direttiva (UE) 2016/1919 dwar għajnuna legali għal persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1; corrigendum: ĠU L91, 5.4.2017, p. 40.

(9)

COM(2018) 857 final u COM(2018) 858 final.

(10)

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 392.

(11)

ECtHR Salduz v. Turkey, applikazzjoni Nru 36391/02.

(12)

Studju mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (FRA), ‘Rights in practice – Access to a lawyer and procedural rights in criminal and European Arrest Warrant proceedings’.

(13)

B’mod partikolari:

TRAINAC Assessment, good practices and recommendations on the right to interpretation and translation, the right to information and the right of access to a lawyer in criminal proceedings, 2016, Studju mill-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE) u l-Fondazzjoni Ewropea tal-Avukati (ELF); ir-rapport huwa disponibbli fuq: http://europeanlawyersfoundation.eu/wp-content/uploads/2015/04/TRAINAC-study.pdf .

Inside Police Custody , 2014, proġett immexxi mill-Università ta’ Maastricht; ir-rapport huwa disponibbli fuq: https://intersentia.be/nl/pdf/viewer/download/id/9781780681863_0/

Inside Police Custody 2 , 2018, proġett imfassal u implimentat mill-Kunsill Irlandiż għal-Libertajiet Ċivili (ICCL) b’kollaborazzjoni mal-Open Society Justice Initiative (OSJI); ir-rapport huwa disponibbli fuq: https://www.fairtrials.org/sites/default/files/publication_pdf/Inside-Police-Custody-2-JUSTICIA-Comparative-Report.pdf

Right to a lawyer and to legal aid in criminal proceedings in five jurisdictions, 2018, proġett immexxi mill-Kumitat Bulgaru ta’ Ħelsinki (BHC); ir-rapport huwa disponibbli fuq: https://www.helsinki.hu/wp-content/uploads/Right_to_lawyer_and_legal_aid_COMPARATIVE_REPORT_2018.pdf

(14)

  http://legal.un.org/ilc/texts/instruments/english/conventions/9_2_1963.pdf .

(15)

     ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1; corriġendum: ĠU L91, 5.4.2017, p. 40.

(16)

     QEDB Salduz v. Turkey, applikazzjoni Nru 36391/02, b’mod partikolari l-punt 55.

(17)

Ara l-corrigendum: ĠU L91, 5.4.2017, p. 40.