Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑2 ta’ Lulju 2026 (1)

Kawża C‑383/25

Keritaly

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunale amministrativo Regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/75/UE – Emissjonijiet industrijali – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Bidla sostanzjali f’istallazzjoni – Riżerva ta’ awtorizzazzjoni – Komunikazzjoni ta’ intenzjoni li titwettaq bidla mhux sostanzjali ta’ installazzjoni – Nuqqas tal-awtorità kompetenti li twieġeb fit-terminu previst – Konsegwenzi ġuridiċi – Awtorizzazzjoni taċita – Inammissibbiltà”






I.      Introduzzjoni

1.        L-Unjoni Ewropea għandha l-intenzjoni, anki fid-dritt ambjentali, li tuża dejjem iktar l-awtorizzazzjoni taċita li titqies li tkun ingħatat meta awtorità pubblika tonqos milli tirreaġixxi għal talba f’ċertu terminu stabbilit, bħala strument biex titħaffef il-proċedura (2). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu awtorizzazzjoni taċita ta’ miżuri li, skont id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali (3), jeħtieġu espressament awtorizzazzjoni bil-miktub? Din il-kwistjoni tqum fil-kawża ineżami u hija rilevanti minħabba l-evoluzzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 3(7) u (9) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “permess” u ta’ “bidla sostanzjali” ta’ installazzjoni kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7      ‘permess’ tfisser awtorizzazzjoni bil-miktub biex titħaddem installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart sħaħ jew parti minnhom;

[…]

9      ‘bidla sostanzjali’ tfisser bidla fin-natura jew it-tħaddim, jew estensjoni, ta’ installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart li jista’ jkollha effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent”.

3.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, intitolat “Obbligu ta’ pussess ta’ permess”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ebda installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart ma jitħaddem mingħajr permess.

[…]”

4.        L-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jirregola l-emendi għal installazzjoni:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-operatur jinforma lill-awtorità kompetenti b’kull bidla ppjanata fin-natura jew il-funzjonament, jew estensjoni tal-installazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi għall-ambjent. Meta jkun il-każ, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess.

(2)      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ebda tibdil sostanzjali ppjanat mill-operatur ma jsir mingħajr permess maħruġ skont din id-Direttiva.

L-applikazzjoni għal permess u d-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti għandhom ikopru dawk il-partijiet tal-installazzjoni u dawk id-dettalji elenkati fl-Artikolu 12 li jistgħu jiġu effettwati mill-bidla sostanzjali.

(3)      Kwalunkwe bidla fin-natura jew fil-funzjonament jew estensjoni ta’ installazzjoni għandha titqies li tkun sostanzjali jekk il-bidla jew l-estensjoni fiha nfusha tilħaq il-limiti tal-kapaċità stabbiliti fl-Anness I.”

B.      Id-dritt Taljan

5.        L-Artikolu 29 nonies tad-decreto legislativo (id-Digriet Leġiżlattiv) Nru 152/2006, dwar ir-“regoli ambjentali”, jirregola l-komunikazzjoni tal-emendi magħmula lil installazzjoni:

“(1)      L-operatur għandu jikkomunika lill-awtorità kompetenti l-bidliet previsti fl-installazzjoni fis-sens tal-ewwel tal-Artikolu 5(1)(l). Jekk tqis li jkun meħtieġ, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-awtorizzazzjoni ambjentali integrata jew il-kundizzjonijiet ikkonċernati jew, meta ssib li l-bidliet previsti msemmija fl-Artikolu 5(1)(l-bis) huma sostanzjali, tinforma lill-operatur, fi żmien 60 jum minn meta tirċievi l-komunikazzjoni, għall-finijiet tal-istadji proċedurali msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Mal-iskadenza ta’ dak il-perijodu, l-operatur jista’ jimplimenta l-bidliet ikkomunikati.

(2)      Jekk, fil-fehma tal-operatur jew bħala riżultat tal-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, il-bidliet ippjanati jkunu sostanzjali, l-operatur għandu jissottometti applikazzjoni ġdida lill-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rapport li fih aġġornament tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 29b(1) u (2). [...]”

III. Fatti u talba għal deċiżjoni preliminari

6.        Keritaly SpA reġgħet bdiet topera fabbrika tal-produzzjoni tal-madum taċ-ċeramika li tinsab f’Gonzaga fil-Provinċja ta’ Mantova. Skont il-punt 3.5 tal-Anness VIII tad-Decreto legislativo Nr. 152/2006 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006), din l-attività hija suġġetta għat-traspożizzjoni Taljana tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

7.        Fl‑2018, il-Provinċja ta’ Mantova talbet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent minħabba l-impatti potenzjali fuq il-kwalità tal-arja u, konsegwentement, fuq is-saħħa tal-bniedem. Bi tweġiba, Keritaly ipproponiet li jitbaxxew il-livelli massimi ta’ emissjonijiet u applikat għal rikunsiderazzjoni ta’ dik l-ordni.

8.        Fis‑6 ta’ Frar 2019, il-provinċja eskludiet it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet, u b’mod partikolari valur limitu ta’ emissjoni ta’ 20 mg/Nm³ għall-komposti organiċi volatili. Fit‑12 ta’ Ġunju 2019, il-provinċja ħarġet l-awtorizzazzjoni ambjentali integrata għall-eżerċizzju tal-attività. F’din l-awtorizzazzjoni, hija inkludiet il-valur limitu ta’ emissjoni ta’ 20 mg/Nm³ għall-komposti organiċi volatili.

9.        Fis‑27 ta’ Frar 2023, l-awtorità reġjonali kompetenti għall-protezzjoni ambjentali wettqet spezzjoni biex tivverifika l-konformità tal-installazzjonijiet mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għall-matriċi tal-arja ambjentali u, fit‑12 ta’ Ġunju 2023, identifikat emissjoni ta’ 65.12 mg/Nm³ ta’ komposti organiċi volatili, u b’hekk qabżet il-valur limitu stabbilit.

10.      Il-provinċja lmentat dwar dan il-ksur permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2023, li ġiet innotifikata fit‑3 ta’ Awwissu 2023. Hija ordnat lil Keritaly tispjega r-raġunijiet għal dan il-qbiż kif ukoll il-proċeduri użati sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan il-valur limitu. F’dan ir-rigward, hija fakkret lil Keritaly li kull bidla fil-karatteristiċi tal-emissjonijiet jew tas-sistemi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet installati kienet teħtieġ il-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ emenda tal-awtorizzazzjoni.

11.      Fl‑4 ta’ Awwissu 2023, Keritaly ikkomunikat emenda mhux sostanzjali, konformement mal-Artikolu 29 nonies tad-Decreto legislativo Nr. 152/2006 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006), li kellha bħala suġġett iż-żieda tal-valur limitu tal-emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minn 20 għal 50 mg/Nm³. Ftit wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 60 jum li fih il-provinċja, skont l-Artikolu msemmi iktar ’il fuq, kellha tindika jekk din iż-żieda kinitx tikkostitwixxi bidla sostanzjali, Keritaly infurmat lill-provinċja fl‑4 ta’ Ottubru 2023 li, fid-dawl tal-assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-provinċja, hija kkunsidrat li l-awtorizzazzjoni biex timplimenta l-bidla bħala li ngħatat.

12.      Huwa biss wara dan, f’ittra tat‑12 ta’ Ottubru 2023, li l-provinċja ddikjarat li ż-żieda fil-valur limitu tal-emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili ma kinitx fattibbli. B’mod partikolari, il-provinċja kkonstatat li ż-żieda fil-valur limitu setgħet twassal għal żieda potenzjali ta’ 9 119‑il tunnellata fis-sena fil-fluss ta’ komposti organiċi volatili bil-massa u, minħabba f’hekk, seta’ jkollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent. Għaldaqstant, din iż-żieda ma tistax tiġi awtorizzata fl-assenza ta’ proċedura preliminari ta’ evalwazzjoni tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

13.      Fit‑2 ta’ Novembru 2023, Keritaly talbet lill-provinċja teżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni billi sostniet, b’mod partikolari, li l-awtorizzazzjoni taċita kienet ingħatat mal-iskadenza ta’ terminu ta’ 60 jum mill-komunikazzjoni tal-bidla mhux sostanzjali mibgħuta minn Keritaly. F’ittra tat‑23 ta’ Novembru 2023, il-provinċja kkontestat li ngħatat awtorizzazzjoni taċita.

14.      Keritaly ikkontestat l-ittri tat‑12 ta’ Ottubru 2023 u tat‑23 ta’ Novembru 2023 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

15.      Il-proċedura ta’ reviżjoni sussegwentement tkompliet, u l-Agenzia di Tutela della Salute Val Padana (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tas-Saħħa ta’ Val Padana, l-Italja) iddikjarat, f’ittra tat‑12 ta’ Diċembru 2023, l-ewwel nett, li, fil-Provinċja ta’ Mantova, eċċess ta’ aborti spontanji u żieda fl-effett tal-lewkimja setgħu ġew ikkawżati minn fatturi ta’ riskju ambjentali, it-tieni nett, li l-komposti organiċi volatili maħruġa minn Keritaly setgħu jinkludu sustanzi karċinoġeniċi u, it-tielet nett, li l-mudell tal-pinna ppreżentat minn Keritaly fl‑2018 ma kienx jippermetti li jiġu pparagunati l-valuri ta’ referenza indikati fil-letteratura għall-popolazzjoni ġenerali. Fil-fehma tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tas-Saħħa, huwa għalhekk meħtieġ studju ġdid.

16.      Fl-istess data, l-awtorità reġjonali kompetenti għall-protezzjoni tal-ambjent (l-Italja) kkonstatat li żieda fl-emissjonijiet setgħet twassal għaż-żieda tad-depożizzjonijiet ta’ emissjoni, li mill-inqas żewġ installazzjonijiet tal-istess tip kienu jinsabu fiż-żona inkwistjoni u kienu ser jiġu affettwati minn żieda fil-valur limitu, u li kienu ġew introdotti linji ta’ produzzjoni ġodda fl-installazzjonijiet ta’ Keritaly sa mill‑2018. F’dan ir-rigward, Keritaly naqset volontarjament l-emissjonijiet sabiex teskludi mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent il-proċeduri ta’ modifika tal-awtorizzazzjoni kkonċernati.

17.      Fid-dawl ta’ dawn is-sottomissjonijiet, il-provinċja kkonfermat d-deċiżjoni preċedenti tat‑12 ta’ Ottubru 2023 fl‑14 ta’ Frar 2024. Keritaly estendiet ir-rikors tagħha konsegwentement.

18.      Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-ġurisprudenza amministrattiva Taljana preċedenti dwar l-aħħar sentenza tal-Artikolu 29 nonies(1) tad-Decreto legislativo (id-Digriet Leġiżlattiv) Nru 152/2006 qieset li s-silenzju ta’ 60 jum tal-awtorità kompetenti ma kienx jikkostitwixxi awtorizzazzjoni tal-bidla. Huwa minnu li l-Artikolu 29 nonies jippermetti lill-operatur jimplimenta l-bidliet wara l-iskadenza tat-terminu. Madankollu, dan huwa awtorizzat biss fl-istennija ta’ kwalunkwe deċiżjoni oħra tal-amministrazzjoni. Din tal-aħħar tista’ b’mod partikolari tikkonstata l-ħtieġa li tiġi implimentata proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

19.      B’kuntrast ma’ dan, il-qorti tar-rinviju tinterpreta s-sentenza inkwistjoni fis-sens li l-operatur “huwa awtorizzat” jimplimenta l-bidliet. Meta attività tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni jew għandha tingħata jew ma tingħatax. Ma teżistix it-tielet possibbiltà u, b’mod partikolari, ebda sitwazzjoni li fiha l-attività tista’ tiġi eżerċitata b’mod provviżorju, iżda tista’ tiġi pprojbita sussegwentement.

20.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza Taljana msemmija iktar ’il fuq tesponi lill-operatur għal riskju sinjifikattiv li, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ 60 jum mill-komunikazzjoni u mingħajr ma jkun irċieva risposta, jimplimenta l-l-bidliet proposti bi ispejjeż għalih. Fil-fatt, anki wara perijodu twil, prattikament illimitat, l-amministrazzjoni tista’ tikklassifika dawn il-bidliet bħala sostanzjali.

21.      Għall-kuntrarju, jekk l-Artikolu 29 nonies(1) jiġi interpretat fis-sens li silenzju jikkostitwixxi awtorizzazzjoni, l-operatur huwa awtomatikament awtorizzat jimplimenta l-bidliet wara 60 jum, fl-assenza ta’ tweġiba mill-amministrazzjoni. Jekk l-amministrazzjoni tardivament tqis il-bidliet bħala sostanzjali, hija tista’ madankollu tipprojbixxihom u tannulla l-awtorizzazzjoni taċita fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tagħha stess. Madankollu, dan huwa ammissibbli biss f’terminu raġonevoli, li fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż sena, fis-sens tal-Artikolu 21nonies tal-Liġi Nru 241/1990. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm annullament, l-amministrazzjoni għandha barra minn hekk tevalwa l-interess pubbliku konkret u attwali, l-aspettattivi leġittimi tal-operatur u l-interessi ta’ partijiet interessati oħra eventwali. Fil-każ li l-komunikazzjoni tal-operatur tinkludi informazzjoni ineżatta fl-espożizzjoni tal-fatti, l-awtorità kompetenti tista’ tannulla l-awtorizzazzjoni taċita anki wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sena (Artikolu 21nonies(a) tal-Liġi Nru 241/1990).

22.      Il-qorti tar-rinviju għalhekk tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 20(2) tad-[Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru (bħall-Artikolu 29 novies(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 fis-seħħ fl-Italja) li tipprovdi li, meta l-operatur jindirizza l-awtorità kompetenti b’komunikazzjoni li tinformaha bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel bidla fl-istallazzjoni tiegħu li huwa jkun ikklassifika bħala mhux sostanzjali, din il-bidla, fis-silenzju ta’ din l-awtorità, tiġi fi kwalunkwe każ awtorizzata taċitament fl-iskadenza ta’ terminu ta’ sittin jum, u dan anki jekk sussegwentement din tirriżulta li tkun bidla sostanzjali?”

23.      L-organizzazzjoni ambjentali Legambiente Lombardia Onlus, il-Provincia di Mantova (il-Provinċja ta’ Mantova), ir-Repubblika Taljana kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑24 ta’ April 2026, Keritaly SpA wkoll ipparteċipat flimkien mal-partijiet diġà msemmija.

IV.    L-analiżi ġuridika

24.      Fil-kawża prinċipali, Keritaly indikat lill-Provinċja ta’ Mantova ż-żieda ta’ valur limitu ta’ emissjonijiet fir-rigward ta’ komposti organiċi volatili minn 20 mg/Nm3 għal 50 mg/Nm3 bħala bidla mhux sostanzjali tal-installazzjoni tagħha ta’ produzzjoni tal-madum taċ-ċeramika. Din it-talba ġiet miċħuda mill-provinċja biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 60 jum previst mid-dritt Taljan. Din tirrigwarda bidla sostanzjali li ma tistax tiġi awtorizzata mingħajr forma ta’ proċedura. Keritaly tirribatti li, billi ma osservatx it-terminu, il-provinċja diġà awtorizzat il-bidla taċitament.

25.      Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex tiċċara jekk l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-awtorizzazzjoni taċita ta’ bidla ta’ installazzjoni li l-operatur ikun indika bħala mhux sostanzjali, meta din il-bidla tirriżulta sussegwentement bħala waħda sostanzjali.

26.      Huwa għalhekk li ser nuri, qabelxejn, abbażi tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, tal-kuntest sistematiku tagħhom u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni, li l-awtorizzazzjoni taċita ta’ bidla sostanzjali hija eskluża. Imbagħad ser niddiskuti l-kuntest estiż tal-kwistjoni billi nipparaguna d-deċiżjonijiet taċiti rregolati mid-dritt tal-Unjoni u, finalment, l-interessi tal-operaturi u, b’mod partikolari, ta’ Keritaly.

A.      Formulazzjoni

27.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, b’mod partikolari, l-ebda installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(3) u tal-Anness I ma titħaddem mingħajr awtorizzazzjoni. Konsegwentement, fl‑2019, il-provinċja kienet awtorizzat l-impjant inkwistjoni bħala installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ prodotti taċ-ċeramika permezz tal-ħami fis-sens tal-punt 3.5 tal-Anness I.

28.      Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ebda bidla sostanzjali ppjanata mill-operatur (bħal fil-każ ta’ installazzjoni) ma tiġi implimentata mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa skont din id-direttiva. B’kuntrast ma’ dan, skont l-Artikolu 20, l-operatur għandu jikkomunika bidliet oħra biss lill-awtorità kompetenti (4).

29.      Skont id-definizzjoni fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, għandha tingħata awtorizzazzjoni bil-miktub. Peress li awtorizzazzjoni taċita min-natura tagħha stess ma tingħatax bil-miktub, il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. teskludiha fil-kuntest ta’ bidla sostanzjali

30.      B’mod partikolari, it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jipprevedu eċċezzjoni għar-riżerva ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, kif tirrileva l-Kummissjoni, din ma hijiex applikabbli fil-kawża ineżami.

31.      Din l-eċċezzjoni tapplika għall-installazzjonijiet koperti esklużivament mill-Kapitolu V tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Dawn huma ċerti installazzjonijiet u attivitajiet li fihom jew magħhom jintużaw solventi organiċi. Dawn huma elenkati fil-Parti 1 tal-Anness VII. Għal dawn l-installazzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċedura ta’ reġistrazzjoni. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-operatur jinforma lill-awtorità kompetenti bl-intenzjoni tiegħu li jopera installazzjoni. Bidliet sostanzjali għal tali installazzjonijiet huma suġġetti għal regoli speċifiċi skont l-Artikolu 63 u mhux neċessarjament jeħtieġu awtorizzazzjoni.

32.      Ċertament, il-valur limitu kontenzjuż jikkonċerna l-komposti organiċi volatili, li jinkludi wkoll is-solventi. Madankollu, l-installazzjoni kontenzjuża, impjant ta’ produzzjoni tal-madum taċ-ċeramika, ma taqax esklużivament taħt il-Kapitolu V tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u għalhekk lanqas ma tissemma fil-Parti 1 tal-Anness VII.

B.      Rabta sistematika mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku u mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-membri tal-pubbliku kkonċernat

33.      Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub huwa wkoll marbut mill-qrib mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku u mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ terzi skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

34.      L-Artikolu 24(1)(b) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jipprovdi li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal bidliet sostanzjali huwa suġġett għall-proċedura ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku prevista fl-Anness IV. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li ċerta informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u li dan għandu l-possibbiltà li jesprimi ruħu dwar id-deċiżjoni.

35.      Id-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali huma barra minn hekk suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fuq l-inizjattiva tal-membri tal-pubbliku kkonċernat skont l-Artikolu 25. B’mod partikolari, l-assoċjazzjonijiet ambjentali jistgħu jieħdu azzjoni legali (5).

36.      Għall-kuntrarju, l-aċċettazzjoni ta’ awtorizzazzjoni taċita teskludi kull parteċipazzjoni tal-pubbliku u tirrendi, tal-inqas, kunsiderevolment iktar diffiċli l-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, l-informazzjoni lill-pubbliku hija, min-natura tagħha, dubjuża.

37.      Barra minn hekk, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-membri tal-pubbliku tista’ toħloq riskji serji għall-operatur tal-installazzjoni. Fl-assenza ta’ komunikazzjoni, ma tantx huwa probabbli li awtorizzazzjoni taċita tagħti lok għal termini għall-preżentata ta’ rikors (6), b’tali mod li eventwali rikorsi jkunu għadhom jistgħu jiġu ppreżentati saħansitra wara perijodu itwal ta’ żmien. Barra minn hekk, awtorizzazzjoni taċita ma hijiex motivata. Għaldaqstant, rikors eventwali jkollu, anki jekk għal din ir-raġuni biss, probabbiltà tajba ta’ suċċess.

38.      Għalhekk, l-aċċettazzjoni ta’ awtorizzazzjoni taċita ta’ bidliet sostanzjali ma tkunx kompatibbli mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku u mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-membri tal-pubbliku kkonċernat, kif previst mid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

C.      L-għanijiet tal-leġiżlazzjoni

39.      L-esklużjoni tal-awtorizzazzjoni taċita ta’ bidliet sostanzjali hija wkoll konformi mal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u l-politika ambjentali tal-Unjoni.

40.      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandha bħala għan il-prevenzjoni u t-tnaqqis integrati tat-tniġġis li jirriżultaw mill-attivitajiet industrijali. Skont l-Artikolu 1(2), moqri fid-dawl tal-premessa 12, hija għandha wkoll l-għan li tevita u, meta dan ma jkunx possibbli, li tnaqqas l-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art, kif ukoll il-prevenzjoni ta’ ġenerazzjoni tal-iskart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent “kollu kemm hu” (7). Il-premessa 18 tiċċara li kwalunkwe bidla sostanzjali f’installazzjoni li x’aktarx ikollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent ma għandhiex issir mingħajr awtorizzazzjoni maħruġa f’konformità ma’ din id-direttiva.

41.      Dawn l-għanijiet jikkonkretizzaw l-għanijiet ġenerali tal-Unjoni.

42.      Hija adottat id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, li jikkonċerna l-azzjoni tagħha fil-qasam ambjentali sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 191 TFUE. Skont l-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ preżervazzjoni u ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ titjib fil-kwalità tiegħu u ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. L-Artikolu 191(2) jipprevedi li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha timmira għal livell għoli ta’ protezzjoni (8).

43.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 9 TFUE, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Fl-istess ħin, konformement mal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 3 TUE, livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tiegħu għandhom jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni u għandhom jiġu żgurati b’mod konformi mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli (9).

44.      Ir-riżerva ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub tal-operat u tal-bidla sostanzjali tal-installazzjonijiet tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Dan jobbliga lill-operatur tal-installazzjoni u lill-awtorità tal-awtorizzazzjoni biex jivverifikaw u juru jekk il-kundizzjonijiet għall-operat tal-installazzjoni skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali humiex issodisfatti.

45.      Il-verifika espliċita tal-konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali hija partikolarment utli fil-każ ta’ bidla sostanzjali ta’ installazzjoni. Skont l-Artikolu 3(9), din hija bidla fin-natura jew fit-tħaddim jew fl-estensjoni tal-installazzjoni li jista’ jkollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent. Tali effetti huma intiżi preċiżament sabiex jevitaw jew, tal-inqas, inaqqsu ħtieġa tal-applikazzjoni tad-Direttiva.

46.      Huwa evidenti li l-bidla kontenzjuża, jiġifieri ż-żieda ta’ 150 % ta’ valur limitu ta’ komposti organiċi volatili, jista’ jkollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent. Dawn il-komposti huma ddefiniti fil-punt 45 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Kapitolu V u skont l-Anness II tas-sustanzi li jniġġsu l-arja li għalihom għandhom jiġu stabbiliti valuri limitu skont l-Artikolu 14(1)(a).

47.      Jekk l-installazzjoni ta’ Keritaly kienet installazzjoni li għaliha japplika l-Kapitolu V tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, żieda fl-emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili ta’ 10 % biss skont l-Artikolu 63(1)(b) tkun diġà tikkostitwixxi bidla sostanzjali.

48.      Peress li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jeżiġi valuri limitu tal-emissjonijiet għall-komposti organiċi volatili, bidla tal-valur limitu korrispondenti għandha wkoll titqies bħala bidla fil-funzjonament ta’ installazzjoni (10).

49.      Il-komunikazzjoni kontenzjuża ta’ Keritaly għalhekk għandha bħala għan bidla sostanzjali tal-installazzjoni li hija topera, li teħtieġ ukoll awtorizzazzjoni bil-miktub skont it-tifsira u l-għan tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

D.      Kuntest usa’: Deċiżjonijiet taċiti f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni

50.      Ċertament, il-kunċett ta’ deċiżjoni taċita mal-iskadenza ta’ terminu ma huwiex estranju għad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-prattika regolatorja tal-Unjoni turi li, fl-interpreatazzjoni tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, l-esklużjoni ta’ awtorizzazzjoni taċita ta’ bidliet sostanzjali tikkostitwixxi rekwiżit ta’ ċertezza legali. Sa fejn tali deċiżjonijiet taċiti huma previsti, dawn, kif ukoll il-konsegwenzi legali rispettivi tagħhom, huma bil-kontra rregolati b’mod preċiż.

51.      Huwa minnu li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, minħabba l-interessi leġittimi tal-Istati Membri, stabbilixxiet lill-Kummissjoni, b’analoġija mat-termini għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni, terminu ta’ xahrejn mill-komunikazzjoni ta’ għajnuna sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Jekk il-Kummissjoni ma tosservax dan it-terminu mhux miktub, il-projbizzjoni tal-implimentazzjoni tal-għajnuna, li llum hija stabbilita fit-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, tispiċċa. Madankollu, din il-konsegwenza legali ma kinitx definittiva, peress li l-Kummissjoni setgħet tkompli tqajjem oġġezzjonijiet eventwali kontra l-miżura fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna eżistenti (11).

52.      L-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali mixtieqa mill-qorti tar-rinviju jkollha kwalità simili peress li l-awtorizzazzjoni taċita ta’ bidla sostanzjali ma hijiex prevista mid-Direttiva. Peress li din għandha twassal għal awtorizzazzjoni, hija madankollu jkollha effett iktar wiesa’ mis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja, li neħħiet biss il-projbizzjoni tal-implimentazzjoni.

53.      Sadanittant, it-terminu li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat b’analoġija fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament dwar l-għajnuna mill-Istat (12). Permezz ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur mexa pass ’il quddiem u ppreveda awtorizzazzjoni taċita tal-għajnuna. Bl-istess mod, l-Artikolu 10(6) tar-Regolament dwar l-għaqdiet (13) għandu bħala konsegwenza li konċentrazzjoni nnotifikata titqies awtorizzata jekk il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni fi żmien relattivament qasir. Iż-żewġ awtorizzazzjonijiet taċiti huma bbażati fuq l-interessi tal-atturi ekonomiċi kkonċernati rispettivi.

54.      L-Artikolu 13(4) tad-Direttiva dwar is-servizzi (14), invokat mill-Kummissjoni, jipprevedi awtorizzazzjoni taċita tal-aċċess għal u tal-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz. Din il-leġiżlazzjoni sservi sabiex timplimenta sitwazzjonijiet legali li diġà jirriżultaw mil-libertajiet fundamentali u sempliċement tikkonkretizza l-limiti tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri fuq dawn il-libertajiet.

55.      Għall-kuntrarju, id-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni (15) u l-aċċess għad-dokumenti tal-Unjoni (16) jipprevedu espressament li applikazzjoni titqies miċħuda fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti f’termini speċifiċi. Deċiżjoni taċita ta’ ċaħda ma toħloqx pożizzjoni legali, iżda tippermetti lill-applikant ifittex rimedju legali permezz ta’ rimedju ġudizzjarju (17).

56.      Fid-dritt ambjentali, jiżdied element addizzjonali: Dan ifisser, bħala prinċipju, li l-ambjent u/jew is-saħħa jiġu protetti mill-effetti negattivi ta’ ċerti attivitajiet. Għaldaqstant, meta d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent jipprevedi deċiżjonijiet taċiti, ġeneralment jeżistu mekkaniżmi ta’ protezzjoni intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti rispettivi.

57.      Huwa f’dan is-sens li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart (18) jipprevedi kunsens taċitu mill-awtorità kompetenti tat-tranżitu għat-trasport tal-iskart fl-Unjoni, u dispożizzjonijiet oħra jippermettu l-aċċettazzjoni ta’ kunsens taċitu mill-awtoritajiet ta’ tranżitu ta’ pajjiżi terzi. B’kuntrast ma’ dan, l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tad-dispaċċ għandhom jieħdu deċiżjoni bil-miktub u motivata billi jeżaminaw ir-regoli applikabbli.

58.      Reċentement, sabiex tippromwovi l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-Unjoni introduċiet, fl-Artikolu 16a(6) tad-Direttiva 2018/2001 (19), awtorizzazzjoni taċita għall-passi amministrattivi intermedji fil-proċeduri tal-għoti tal-awtorizzazzjoni. Permezz tal-Proposta għal Regolament tagħha immirat biex iħaffef il-valutazzjonijiet ambjentali, il-Kummissjoni beħsiebha testendi dan il-mudell regolatorju għal proġetti strateġiċi addizzjonali (20). Madankollu, fi ħdan dan il-mudell regolatorju, id-deċiżjonijiet finali dwar l-eżitu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikomplu jittieħdu espressament. Dan ifisser ukoll li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli ta’ protezzjoni applikabbli.

59.      Tali mekkaniżmi ta’ protezzjoni jkunu nieqsa fl-interpretazzjoni tad-dritt Taljan magħmula mill-qorti tar-rinviju. Għal din ir-raġuni wkoll, id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tippermetti l-awtorizzazzjoni taċita ta’ bidliet sostanzjali fl-installazzjonijiet.

60.      Sussidjarjament, għandu jiġi osservat li, f’kawża oħra pendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita wkoll bil-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jippermettux awtorizzazzjoni taċita, minkejja li dawn ma jippreveduhiex espressament. Dan huwa l-kontroll ta’ oġġetti minn pajjiżi terzi għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa (21).

61.      Fil-qosor, għandu għalhekk jingħad li terminu sabiex tittieħed deċiżjoni dwar bidla sostanzjali li l-qbiż tiegħu jwassal għal awtorizzazzjoni taċita jippreżupponi l-eżistenza ta’ dispożizzjoni espressa fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali li, idealment, tipprevedi wkoll mekkaniżmu sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni tad-Direttiva u li, b’mod partikolari, tirregola b’mod effettiv ir-relazzjoni ma’ parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

E.      Interessi leġittimi tal-operatur

62.      L-interessi tal-operatur tal-installazzjoni li jikseb deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu fit-termini previsti, enfasizzati mill-qorti tar-rinviju, għalhekk ma jiġġustifikawx l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali mfittxija mill-qorti tar-rinviju. Jekk jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju msemmi ta’ rikors (22), hemm ukoll il-biża’ li din l-interpretazzjoni tippreġudika preċiżament dawn l-interessi. Jekk il-liġi nazzjonali tipprevedi rimedji xierqa, bħal rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jew dritt għal kumpens, l-operatur għandu minflok jagħmel użu minnhom.

63.      Fil-kawża ineżami, jidher madankollu dubjuż li tali rikorsi jirnexxu, peress li l-komunikazzjoni kontenzjuża ta’ Keritaly tidher, bla ħsara għal evalwazzjoni iktar fil-fond min-naħa tal-qorti tar-rinviju, li tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt.

64.      Għalkemm ma tikkwalifikax espressament l-aġir ta’ Keritaly bħala abbużiv, it-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi li, fil-fehma tagħha, il-komunikazzjoni b’mala fide ta’ bidla sostanzjali lanqas ma tista’ twassal għal awtorizzazzjoni taċita.

65.      Fil-fatt, Keritaly kellha tkun taf li żieda fil-valur limitu kontenzjuż sempliċement ma kinitx possibbli u lanqas ma setgħet tiġi aċċettata bħala bidla mhux sostanzjali. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni inizjali, l-impriża stess kienet ipproponiet li tnaqqas il-valur limitu għall-valur stabbilit sabiex tiġi evitata evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għaldaqstant, hija kienet taf li, skont il-fehma tal-provinċja, il-valur limitu ogħla seta’ jkollu effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent.

66.      F’din is-sitwazzjoni, jidher li huwa diġà abbużiv li titressaq talba għal żieda fil-valur limitu fil-forma ta’ komunikazzjoni ta’ bidla mhux sostanzjali (venire contra factum proprium).

67.      Dan japplika iktar u iktar peress li, abbażi tar-riżultati tal-kejl tas‑27 ta’ Frar 2023 u l-applikazzjoni għal żieda fil-valur limitu, l-installazzjoni ma tidhirx li hija ddisinjata b’tali mod li tista’ titħaddem f’konformità mal-valur limitu stabbilit. F’tali sitwazzjoni, Keritaly kienet obbligata, skont l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u t-traspożizzjoni tagħha fl-Artikolu 29-decies tad-Decreto legislativo (id-Digriet Leġiżlattiv) Nru 152/2006, tiżgura l-osservanza tal-valur limitu fl-iqsar żmien possibbli (23). Fil-każ li l-qbiż tal-valur limitu kien iwassal għal perikolu immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew jikkostitwixxi riskju sinjifikattiv immedjat għall-ambjent, l-operat tal-installazzjoni kellu wkoll jiġi sospiż (24).

V.      Konklużjoni

68.      Fid-dawl ta’ dak espost iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula lilha:

L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-awtorizzazzjoni taċita ta’ bidla sostanzjali ta’ installazzjoni li hija suġġetta għal awtorizzazzjoni skont din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Artikolu16a(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, fil-ĠU 2022, L 41, p. 37, fil-ĠU L, 2025/90854) fil-verżjoni tad-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ottubru 2023 (ĠU L, 2023/2413, rettifika fil-ĠU L, 2025/90026) kif ukoll it-Taqsima II tal-Anness tal-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tħaffif tal-valutazzjonijiet ambjentali (COM(2025) 984 final).


3      Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).


4      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, FCC Česká republika (C‑43/21, EU:C:2022:425, punt 44).


5      Fir-rigward tal-Artikolu 10a, ifformulat bl-istess mod, tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466), sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 42).


6      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ November 2019, Flausch et (C‑280/18, EU:C:2019:928, punti 54 sa 59), u tas‑16 ta’ April 2026, Drumakilla (C‑58/24, EU:C:2026:300, punti 45 u 46), kif ukoll il-konstatazzjoniijet u r-rakkomandazzjonijiet tal- Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tat‑22 ta’ Settembru 2021, Breakell vs Ir‑Renju Unit (Nelson Hospital site) (ACCC/C/2015/131 (Nru 129).


7      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2024, Ilva et (C‑626/22, EU:C:2024:542, punt 69.


8      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2024, Ilva et (C‑626/22, EU:C:2024:542, punt 67).


9      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2024, Ilva et (C‑626/22, EU:C:2024:542, punt 71).


10      Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, FCC Česká republika (C‑43/21, EU:C:2022:425, punti 40 u 41).


11      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, EU:C:1973:152, punti 4 u 5).


12      Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).


13      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


14      Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


15      L-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 31/KEE, Nru 11/KEEA li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, P 045, p. 1385), kif emendat l-aħħar bl-aġġornament b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2025 tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2025, C/2025/6569).


16      Artikolu 7(4) u Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 331).


17      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Housieaux (C‑186/04, EU:C:2005:70, punti 31 sa 37).


18      Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46, fil-ĠU 2015, L 277, p. 61).


19      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


20      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


21      Kawża C‑596/25, Sonifer.


22      Ara l-punt 37 iktar ’il fuq.


23      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2024, Ilva et (C‑626/22, EU:C:2024:542, punt 127).


24      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2024, Ilva et (C‑626/22, EU:C:2024:542, punt 128).