KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑2 ta’ Ottubru 2025 ( 1 )

Kawża C‑446/24

Freie Hansestadt Bremen

vs

DT

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht der Freien Hansestadt Bremen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bremen, il‑Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Punt (6) tal-Artikolu 3, u Artikolu 11(2) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, bħala prinċipju, projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal żmien indeterminat f’ċerti kategoriji ta’ każijiet – Theddida terroristika”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-punt (6) tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ).

2.

Hija toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li projbizzjoni ta’ dħul għal żmien indeterminat tista’ tinħareġ kontra ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba li huwa jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali, jiġifieri b’mod partikolari theddida terroristika.

3.

Din il-kwistjoni bħalissa tikkonċerna minoranza ta’ Stati Membri ( 3 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fil-futur jiddependi fuq l-eżitu tal-ħidma leġiżlattiva li għaddejja bħalissa li temenda d-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, li jirrifletti l-prattika tal-maġġoranza tal-Istati Membri ( 4 ).

4.

Ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-imsemmija dispożizzjonijiet fis-sens li, jekk dawn jimponu li jiġi stabbilit perijodu, huma ma jipprevedu ebda limitu meta l-kundizzjonijiet eċċezzjonali li fihom jinqabeż it-terminu ta’ prinċipju ta’ ħames snin ikunu ssodisfatti. Madankollu, huma ma jeżentawx lill-Istati Membri milli josservaw il-garanziji sostantivi u proċedurali previsti mid-Direttiva 2008/115.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

Il-premessa 14 tad-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi:

“L-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li jimpedixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha. It-tul tal-validità tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jkun determinat b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u normalment m’għandux ikun aktar minn ħames snin. […]”

6.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni] kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

7.

Skont il-punt (6) tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [din id-direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(6)

‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn.”

8.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu:

“1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)

jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)

jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta’ Stat Membru f’konformità sħiħa ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.

[…]

L-Istati Membri jistgħu ma joħorġux, jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta’ dħul f’każijiet individwali jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet għal raġunijiet oħrajn.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

9.

L-Artikolu 11 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, l-Attività Professjonali u l-Integrazzjoni ta’ Ċittadini Barranin fit-Territorju Federali) ( 5 ), tat‑30 ta’ Lulju 2004 ( 6 ) (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), intitolat “Projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, fit-tielet u fir-raba’ sentenzi tal-paragrafu 5a tiegħu, u fil-paragrafu 5b tiegħu:

“(4)   Huwa possibbli li tiġi rtirata l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, jew li jitnaqqas it-tul tagħha, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-barranin li jixirqilhom protezzjoni jew sakemm dan ma jkunx għadu meħtieġ mill-għan ta’ din il-projbizzjoni.[…]”

[…]

(5a)   […] Tnaqqis tat-tul jew l-irtirar tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza huwa, bħala prinċipju, eskluż. L-awtorità suprema tal-Land tista’ taċċetta eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju fuq bażi ta’ każ b’każ.

(5b)   Jekk il-barrani jitneħħa mit-territorju federali abbażi ta’ miżura ta’ tneħħija ordnata skont l-Artikolu 58a, projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal żmien indeterminat għandha, bħala prinċipju, tinħareġ. […] It-tielet u r-raba’ sentenza tal-paragrafu 5a japplikaw mutatis mutandis.”

10.

L-Artikolu 58a tal-AufenthG, intitolat “Miżura ta’ tneħħija”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Abbażi ta’ previżjonijiet ibbażati fuq fatti, l-awtorità suprema ta’ Land tista’ tieħu miżura ta’ tneħħija, mingħajr ma tieħu miżura ta’ tkeċċija minn qabel, kontra barrani sabiex jiġi evitat perikolu partikolari għas-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew theddida terroristika. Il-miżura ta’ tneħħija hija immedjatament eżegwibbli; ma hija meħtieġa l-ebda twissija ta’ tneħħija. [ ( 7 )]”

III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11.

DT, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa ċittadin Russu li għex fi Bremen (il-Ġermanja) billi kellu permess ta’ residenza. Fit‑13 ta’ Marzu 2017, is-Senator für Inneres tal-Freie Hansestadt Bremen (il-Ministru għall-Intern tal-Land ta’ Bremen, il-Ġermanja) ħa fil-konfront ta’ DT, abbażi tal-Artikolu 58a tal-AufenthG, miżura ta’ tneħħija lejn il-Federazzjoni Russa, għar-raġuni li, skont il-konklużjonijiet tas-servizzi ta’ sigurtà, kien hemm riskju li huwa jwettaq attakk terroristiku fil-Ġermanja. Wara li adixxa mingħajr suċċess lill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 8 ), DT kien is-suġġett ta’ tneħħija lejn il-Federazzjoni Russa fl‑4 ta’ Settembru 2017, fejn huwa attwalment jgħix.

12.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2017, il-kommunale Ausländerbehörde der Stadtgemeinde Bremen (id-Dipartiment Komunali tal-Barranin tal-Muniċipalità ta’ Bremen, il-Ġermanja) iddikjara li l-effett tat-tneħħija ordnata abbażi tal-Artikolu 58a tal-AufenthG ma huwiex limitat għal perijodu determinat. Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2021, li saret res judicata, il-Verwaltungsgericht der Freien Hansestadt Bremen (il-Qorti Amministrattiva tal-Land ta’ Bremen, il-Ġermanja) annullat din id-deċiżjoni minħabba li ebda projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ma kienet għadha ħarġet kontra DT.

13.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2022 ( 9 ), il-Ministru għall-Intern tal-Land ta’ Bremen iddikjara fil-konfront ta’ DT projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-Ġermanja għal żmien indeterminat. Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, huwa sostna, essenzjalment, li tali projbizzjoni għal żmien indeterminat għandha, bħala regola ġenerali, tiġi ddikjarata, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(5b) tal-AufenthG, kontra l-persuni li kienu s-suġġett ta’ tneħħija skont miżura ta’ tneħħija ordnata skont l-Artikolu 58a ta’ din il-liġi. Il-Ministru għall-Intern tal-Land ta’ Bremen iqis, minn naħa, li ma hemmx raġunijiet sabiex wieħed jitbiegħed, b’eċċezzjoni, minn din ir-regola fil-każ ta’ DT, fid-dawl tal-konklużjonijiet tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-aġir tiegħu wara t-tneħħija tiegħu kif ukoll tar-rabtiet soċjali u familjali tiegħu mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, għad hemm lok li wieħed jibża’ li DT ser iwettaq attakk terroristiku fil-Ġermanja jekk jidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

14.

Adita bir-rikors ippreżentat minn DT, il-Verwaltungsgericht der Freien Hansestadt Bremen (il-Qorti Amministrattiva tal-Land ta’ Bremen) annullat din id-deċiżjoni. Hija tqis li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(5b) tal-AufenthG ma tistax tiġi applikata, peress li projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal żmien indeterminat ma hijiex konformi mal-punt (6) tal-Artikolu 3 u mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115.

15.

Sabiex tiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat mil-Land ta’ Bremen kontra din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Hija tesprimi dubji minħabba l-assenza ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-diverġenzi fl-analiżi tal-qrati nazzjonali, tad-duttrina ( 10 ) kif ukoll tal-Gvern Ġermaniż.

16.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht der Freien Hansestadt Bremen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bremen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt (6) tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2008/115] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, bħala regola ġenerali, għandha tinħareġ projbizzjoni ta’ dħul għal żmien indeterminat fil-konfront ta’ persuna li d-dritt ta’ residenza tagħha jkun ġie tterminat u li fir-rigward tagħha tkun ingħatat deċiżjoni li tordna r-ritorn minħabba li tikkostitwixxi theddida terroristika?”

17.

DT, il-Land ta’ Bremen, il-Gvern Ġermaniż u dak Daniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Ġunju 2025, DT, il-Land ta’ Bremen, il-Gvern Ġermaniż u dak Svediż kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ tweġiba orali.

IV. Analiżi

18.

F’din it-tieni kawża li għandha bħala suġġett il-konformità tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tul ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri maħruġa kontra ċittadin ta’ pajjiż terz mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar id-domanda ġdida li ġejja: it-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul li tipprevedi din id-dispożizzjoni għandu jiġi espress f’numru ta’ snin meta, fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, dan jista’ jkun ta’ iktar minn ħames snin?

19.

Il-kawża preċedenti, li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Filev u Osmani ( 11 ), kellha bħala għan il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ paragrafu tal-Artikolu 11 tal-AufenthG differenti minn dak inkwistjoni f’din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali,bħall-Artikolu 11(1) tal-Aufenth[G] li tissuġġetta l-limitazzjoni tat-tul ta’ projbizzjoni fuq id-dħul għat-tressiq, miċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, ta’ talba intiża għall-ksib tal-benefiċċju ta’ tali limitazzjoni” ( 12 ).

20.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “[j]irriżulta b’mod ċar mit-termini ‘[i]t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi ddeterminat’ li hemm obbligu għall-Istati Membri li jillimitaw l-effetti ratione temporis għal kull projbizzjoni fuq id-dħul, bħala prinċipju għal ħames snin massimu, u dan irrispettivament minn talba mressqa għal dak il-għan miċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz” ( 13 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment ukoll għad-“definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘projbizzjoni fuq id-dħul’ li tinsab fil-punt (6) tal-Artikolu 3 [tad-Direttiva 2008/115], li b’mod partikolari tikkonċerna deċiżjoni li tipprojbixxi d-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istati Membri ‘għal perijodu speċifikat’” ( 14 ).

21.

Il-portata tas-sentenza Filev u Osmani għandha tiġi ddefinita fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni interpretata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li projbizzjoni ta’ dħul ma tistax tinħareġ mingħajr ma jiġi previst perijodu, li għandu jiġi stabbilit billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u bħala prinċipju ma għandux jaqbeż il-ħames snin, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 ( 15 ).

22.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva li tipprovdi li “[t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul] jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali”.

23.

Għalhekk jista’ jiġi dedott biss mis-sentenza Filev u Osmani, li interpretat il-punt (6) tal-Artikolu 3 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, li t-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul għandu jiġi stabbilit u li ma għandux jeċċedi l-ħames snin ħlief jekk din il-projbizzjoni tkun inħarġet kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. Barra minn hekk, ma jidhirli li jista’ jinsilet ebda tagħlim mill-punt 44 ta’ din is-sentenza ( 16 ), peress li jirrigwarda projbizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti mingħajr limitu li jikkonċernaw sitwazzjonijiet li ma humiex dawk imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret il-kontenut tagħhom.

24.

Għalhekk tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk it-tul ta’ projbizzjoni ta’ dħul għandux ikun limitat għal iktar minn ħames snin jew jistax ikun għal żmien indeterminat (jew għal għomrok, jew saħansitra permanenti ( 17 )) meta din il-projbizzjoni tikkonċerna persuna li tikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

25.

Fl-ewwel lok, nirrileva li, minn perspettiva terminoloġika, it-terminu “determinat” jista’ jinftiehem fis-sens li “jiddefinixxi, jistabbilixxi, jiffissa, jispeċifika”. Peress li dan jikkonċerna lil persuna, il-limitu huwa għalhekk dak tat-tul tal-ħajja tagħha. Konsegwentement, jiena tal-fehma, bħall-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Daniż u l-Gvern Svediż, li tul indeterminat huwa tul determinat, fis-sens tal-punt (6) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 ( 18 ).

26.

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-projbizzjoni fuq id-dħul fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali biss bħala li tista’ tmur lil hinn minn ħames snin. Huwa ma għażilx li jipprevedi perijodu massimu ta’ projbizzjoni fuq id-dħul. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet dwar l-effetti ratione temporis ta’ projbizzjoni mit-territorju simili għal dawk tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38/KE ( 19 ) ma ġewx adottati.

27.

Din l-għażla li ma jiġix iffissat perijodu massimu tal-projbizzjoni ta’ dħul f’ċirkustanzi ta’ gravità partikolari toriġina mill-proposta tal-Kummissjoni, li baqgħet l-istess ( 20 ). It-tul massimu tal-prinċipju ta’ tul ta’ ħames snin biss wassal biex ċerti Stati Membri jesprimu approċċi diverġenti. B’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet b’mod kostanti l-pożizzjoni tagħha favur l-assenza ta’ limitu ( 21 ).

28.

Għal kuntrarju, limitu itwal għat-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul, fil-każ ta’ riskju għas-sigurtà, b’mod partikolari minħabba theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, jinsab b’mod ċar fl-Artikolu 16 tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fl-Unjoni, u li jħassar id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE ( 22 ).

29.

Dan l-Artikolu 16, intitolat “Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà”, jipprovdi, fil-paragrafu 3(a), li, “[b]’deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu […] jkunu suġġetti għal projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skont l-Artikolu 10 li teċċedi t-tul massimu msemmi fil-paragrafu (6) tal-imsemmi Artikolu b’perijodu addizzjonali ta’ mhux iktar minn 10 snin” ( 23 ).

30.

Skont l-Artikolu 10 ta’ din il-Proposta, intitolat “Impożizzjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul”:

“1.   Id-deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul meta:

a.

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun suġġett għal tneħħija f’konformità mal-Artikolu 12;

b.

l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx twettaq fit-termini stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 13;

c.

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta riskju għas-sigurtà prevista fl-Artikolu 16;

[…]

6.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali għal massimu ta’ 10 snin.

7.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul previst fil-paragrafu 6 jista’ jiġi estiż b’perijodi suċċessivi ta’ massimu ta’ 5 snin. Din l-estensjoni għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni individwali b’kunsiderazzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi rilevanti kollha u b’mod partikolari kwalunkwe raġuni debitament sostanzjata tal-awtoritajiet kompetenti li tispjega għaliex huwa meħtieġ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikompli jiġi pprojbit milli jidħol fit-territorju tal-Istati Membri [ ( 24 )].”

31.

Fil-fehma tiegħi, l-imsemmija proposta tikkonferma li, fl-istat tad-dritt pożittiv, il-Kummissjoni ma tistax issostni li “l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jestendu l-projbizzjoni fuq id-dħul korrispondenti, adottata skont id-Direttiva [2008/115], qabel l-iskadenza tagħha, jekk it-theddida serja tippersisti u bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-garanziji previsti [minn din] id-direttiva”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi r-Regolament (UE) 2018/1861 ( 25 ), ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ eżami mill-ġdid ex officio.

32.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-punt (6) tal-Artikolu 3 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li projbizzjoni fuq id-dħul għal tul ta’ żmien indeterminat tinħareġ kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li d-dritt ta’ residenza tiegħu jkun ġie tterminat u li fir-rigward tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni li tordna r-ritorn minħabba li huwa jikkostitwixxi theddida terroristika.

33.

Madankollu, l-istabbiliment ta’ regola ġenerali, bħal dik li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(5b) tal-AufenthG ( 26 ), għal mill-inqas waħda mir-raġunijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, jiġġustifika eżami fil-fond fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, hija tipprovdi li “[i]t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali”. Dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa mfakkar ukoll fil-premessa 14 tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, tal-ħajja tal-familja u tal-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, huwa impost fuq l-Istati Membri meta jkollhom l-intenzjoni jadottaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva ( 27 ).

34.

Għalhekk, naqbel mal-Kummissjoni li l-eżami sħiħ tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, fi kliem ieħor każ b’każ, ma jistax ikun ta’ natura eċċezzjonali ( 28 ). Dan il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, previst mid-dritt tal-Unjoni, għandu jinżamm, anki jekk, skont id-dritt nazzjonali, huwa “limitat”, skont l-espressjoni tal-Gvern Ġermaniż użata waqt is-seduta, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ aġir li jikkostitwixxi theddida serja għas-sigurtà nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-fatt li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom u li jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom huwa irrilevanti ( 29 ).

35.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni li għandha tiġi kkompletata billi jitfakkru garanziji primordjali li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi meta s-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt id-Direttiva 2008/115 ( 30 ).

36.

L-ewwel nett, l-evalwazzjoni individwali globali tas-sitwazzjoni u tal-aġir tal-persuna kkonċernata, imposta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, għandha tirriżulta f’obbligu għall-awtorità kompetenti li tieħu deċiżjoni motivata ( 31 ) u suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ( 32 ).

37.

It-tieni nett, il-projbizzjoni fuq id-dħul għandha tkun tista’ titneħħa jew tiġi sospiża, kif previst fit-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/115, a fortiori jekk it-tul tagħha jkun indeterminat. Fuq din il-bażi, it-tnaqqis tat-tul tal-projbizzjoni jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi deċiż ukoll.

38.

Din il-possibbiltà li jingħataw sussegwentement tali deċiżjonijiet tista’ titqabbel mal-obbligi stabbiliti kemm fid-Direttiva 2004/38 ( 33 ), kif ukoll fir-Regolament 2018/1861 ( 34 ).

39.

Ir-rekwiżiti ta’ natura ġenerali, li għadni kif fakkart, jirriżultaw ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tgħid li l-miżuri intiżi li jikkontrollaw id-dħul ta’ persuni li ma humiex ċittadini fit-territorju tal-Istati kontraenti, li jippreġudikaw dritt protett mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 35 ), għandhom ikunu konformi mal-liġi u neċessarji f’soċjetà demokratika, jiġifieri ġġustifikati minn bżonn soċjali imperattiv u, b’mod partikolari, proporzjonati għall-għan leġittimu mfittex ( 36 ).

40.

Il-Qorti EDB elenkat il-kriterji għall-evalwazzjoni tan-natura neċessarja u proporzjonata tal-miżura ta’ tkeċċija jew ta’ projbizzjoni mit-territorju ( 37 ), li tinħareġ fil-parti l-kbira tal-każijiet wara kundanni kriminali għal reati li wħud minnhom kienu ta’ natura li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku ( 38 ).

41.

Il-Qorti EDB tenfasizza wkoll li, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għalkemm l-opinjonijiet jistgħu jvarjaw fuq ir-riżultat ta’ sentenza, meta l-ibbilanċjar ikun twettaq mill-awtoritajiet nazzjonali skont il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha, huma biss raġunijiet serji li jwassluha li tissostitwixxi l-pożizzjoni tagħha għal dik tal-qrati nazzjonali ( 39 ). Għaldaqstant, hija tiżgura li mid-deċiżjonijiet nazzjonali tirriżulta, fil-livelli kollha ta’ kompetenza, evalwazzjoni espliċita u fil-fond ta’ dawn id-diversi kriterji ( 40 ). B’mod partikolari, il-Qorti EDB tfakkar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ projbizzjoni fuq id-dħul għal żmien indeterminat skont il-gravità tat-theddida tal-ordni pubbliku li tikkostitwixxi l-persuna kkonċernata ( 41 ). Dan jista’ kultant ikun biżżejjed waħdu sabiex jiġġustifika tali deċiżjoni ta’ projbizzjoni, irrispettivament minn jekk iż-żmien tagħha jkunx determinat jew permanenti ( 42 ). Dan huwa b’mod ċar il-każ meta l-permanenza tal-projbizzjoni tkun ibbażata fuq theddida terroristika, peress li l-Qorti EDB tiddikjara bħala manifestament infondati r-rikorsi li jinvokaw nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 43 ).

42.

Barra minn hekk, il-Qorti EDB tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà offruta lill-persuni kkonċernati li jitolbu a posteriori li l-projbizzjoni tkun għal żmien determinat, filwaqt li tivverifika konkretament jekk il-persuna kkonċernata tistax tikseb risposta pożittiva għat-talba tagħha għat-tnaqqis tat-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul ( 44 ).

43.

Fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti kollha, nosserva, f’dan il-każ, qabelxejn, li, skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorità kompetenti ħadet inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-aġir adottat minn DT wara t-tneħħija tiegħu u r-rabtiet soċjali u familjali tiegħu mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ( 45 ). Sussegwentement, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż iddettaljati waqt is-seduta, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tipprevedi gradazzjoni tat-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul skont il-gravità tas-sitwazzjonijiet ( 46 ). Fl-aħħar nett, it-tnaqqis ta’ dan it-tul taż-żmien jew it-tneħħija ta’ din il-projbizzjoni jistgħu jiġu aċċettati mill-awtorità kompetenti fuq bażi ta’ każ b’każ, bħala eċċezzjoni ( 47 ). F’dan ir-rigward, jidher, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli pprovduti fl-osservazzjonijiet bil-miktub jew waqt is-seduta, li ma jiġi impost ebda terminu raġonevoli ( 48 ) sabiex titressaq tali talba għat-tnaqqis jew għat-tneħħija tal-projbizzjoni. Barra minn hekk, nirrileva li ma ssemmiet ebda talba sussidjarja f’dan is-sens ta’ DT fil-kawża prinċipali.

44.

Dawn il-konstatazzjonijiet jikkonfermaw l-opinjoni tiegħi li projbizzjoni fuq id-dħul għal żmien indeterminat tista’ tinħareġ b’mod partikolari fil-każ ta’ theddida serja għas-sigurtà nazzjonali bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-garanziji sostantivi u proċedurali previsti mid-Direttiva 2008/115.

V. Konklużjoni

45.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberverwaltungsgericht der Freien Hansestadt Bremen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bremen, il-Ġermanja) kif ġej:

Il-punt (6) tal-Artikolu 3 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li tinħareġ projbizzjoni fuq id-dħul għal żmien indeterminat kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li d-dritt ta’ residenza tiegħu jkun ġie tterminat u li fir-rigward tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni li tordna r-ritorn minħabba li huwa jikkostitwixxi theddida terroristika.

Tali projbizzjoni fuq id-dħul għandha, minn naħa, tinħareġ billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u fid-dawl tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ titlob f’terminu raġonevoli t-tneħħija ta’ tali miżura jew it-tnaqqis tat-tul tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 3 ) Sa fejn naf jien, l-Istati Membri fejn huwa espressament previst li t-tul ta’ żmien tal-projbizzjoni fuq id-dħul jista’ jkun indeterminat fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali huma dawn li ġejjin: ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju tal-Isvezja. Maġġoranza tal-Istati Membri għażlu tul ta’ iktar minn ħames snin, limitati fiż-żmien u sa 20 sena. Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Daniż, l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Svediż, u d-domandi ad hoc dwar id-deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni, tal‑5 ta’ Settembru 2023, disponibbli bl-Ingliż fl-indirizz tal-internet li ġej: https://emnbelgium.be/sites/default/files/publications/2023.29%20-%20AHQ%20on%20return%20decisions%20and%20entry%20bans%20-%20Compilation%20of%20answers%20for%20wider%20dissemination.pdf.

( 4 ) Ara l-punti 28 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) BGB1. 2004 I, p. 1950.

( 6 ) Fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil‑25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑21 ta’ Frar 2024 (BGBl. 2024 I, Nru 54).

( 7 ) L-Oberverwaltungsgericht der Freien Hansestadt Bremen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bremen, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, tippreċiża li “[i]n-notifika tal-miżura ta’ tneħħija għandha l-konsegwenza li ttemm il-validità tal-permess ta’ residenza tal-barrani (il-punt 5a tal-Artikolu 51(1) tal-AufenthG), b’tali mod li dan jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu (Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi), huwa obbligat jitlaq mit-territorju (Artikolu 50(1) tal-imsemmija liġi) u jista’ jkun is-suġġett ta’ tneħħija (Artikolu 58(1) ta’ din l-istess liġi). Skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali (il-Ġermanja)), il-miżura ta’ tneħħija hija deċiżjoni li tordna r-ritorn fis-sens tal-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 (Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2017, 1 VR 1/17, […] punt 32).”

( 8 ) Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.

( 9 ) Ara, fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul imposta wara terminu sinjifikattiv, abbażi ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn li ma tagħti ebda terminu ta’ tluq volontarju, sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Al Hoceima u Boghni (C‑636/23 u C‑637/23, EU:C:2025:603, punti 64 sa 67).

( 10 ) Ara l-punti 21 sa 25 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 11 ) C‑297/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Filev u Osmani, EU:C:2013:569. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux ibbażati fuq reati relatati mas-sostenn għat-terroriżmu. Ara, f’tali każ, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 22). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli ma kinitx l-istess (ara l-punt 13 tal-imsemmija sentenza).

( 12 ) Sentenza Filev u Osmani (punt 34). Enfasi miżjud minni.

( 13 ) Sentenza Filev u Osmani (punt 27).

( 14 ) Sentenza Filev u Osmani (punt 29).

( 15 ) Ara s-sentenza Filev u Osmani (punti 25 sa 27).

( 16 ) Dan il-punt jistabbilixxi li “l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi ż-żamma tal-effetti ta’ projbizzjonijiet fuq id-dħul ta’ tul indefinit imposti qabel id-data ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lil hinn mit-tul massimu ta’ projbizzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, sakemm dawn il-projbizzjonijiet fuq id-dħul ġew deċiżi fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali” (il-korsiv miżjud minni).

( 17 ) Dan it-terminu jintuża fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), li minnu jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz meħuda mit-tieni Stat Membru li fih ma jkunx kiseb status ta’ resident għat-tul tista’ tkun akkumpanjata minn “projbizzjoni ta’ residenza permanenti” għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, kif iddefiniti fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.

( 18 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, l-opinjoni tal-Kummissjoni espressa matul il-proċess leġiżlattiv dwar it-tneħħija tal-espressjoni “for a specified period” (perijodu determinat): “The Commission underlined that even a lifelong re-entry ban is for a specified time (the lifetime of the person concerned)” (Il-Kummissjoni enfasizzat li anki projbizzjoni ta’ dħul għall-ħajja hija valida għal tul determinat (it-tul tal-ħajja tal-persuna kkonċernata) (traduzzjoni libera)). Ara d-dokumenti tal-Kunsill tat‑22 ta’ Novembru 2006 u tas‑6 ta’ Diċembru 2006 dwar l-eżitu tal-proċedura tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Integrazzjoni, il-Migrazzjoni u t-Tneħħija/Kumitat Konġunt (UE-Islanda/in-Norveġja/l-Isvizzera) dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fil-pajjiż irregolarment (Dokumenti 14743/06 u 15871/06 rispettivament), disponibbli bl-Ingliż fl-indirizzi tal-internet li ġejjin: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14743-2006-INIT/en/pdf u https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15871-2006-INIT/en/pdf (nota ta’ qiegħ il-paġna 7, taħt l-Artikolu 3(g), li jiddefinixxi l-espressjoni “re-entry ban” (projbizzjoni fuq id-dħul fis-sens tal-punt (6) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115) (p. 5 u 4 rispettivament)).

( 19 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). Ara, biex wieħed jiftakar il-kliem ta’ dan l-Artikolu 32, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara l-kummentarju tal-Artikolu 9 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fil-pajjiż irregolarment (COM(2005) 391 final) fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni anness ma’ din il-proposta, li jinkludi l-kummenti ddettaljati tagħha. Dan l-Artikolu 9 jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115. Ara, barra minn hekk, in-nota tal‑25 ta’ Marzu 2008 tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea lid-delegazzjonijiet dwar l-imsemmija proposta (dokument 7774/08), disponibbli, bl-Ingliż, fl-indirizz tal-internet li ġej: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7774-2008-INIT/en/pdf (p. 18), u l-pożizzjoni tal-Parlament adottata fl-ewwel qari fit‑18 ta’ Ġunju 2008, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TC1-COD-2005-0167_FR.pdf (p. 21).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, id-dokument tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 2006 dwar ir-riżultat tal-proċedura tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Integrazzjoni, il-Migrazzjoni u t-Tneħħija/Kumitat Konġunt (UE-Islanda/in-Norveġja/l-Isvizzera) dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fil-pajjiż irregolarment (Dokument 11456/06) (nota ta’ qiegħ il-paġna 2, p. 2), kif ukoll in-nota tal‑4 ta’ Marzu 2008 tal-Presidenza tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet dwar din il-proposta (dokument 6785/08) (p. 21, nota ta’ qiegħ il-paġna 52), disponibbli, bl-Ingliż, rispettivament, fl-indirizzi tal-internet li ġejjin: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11456-2006-INIT/en/pdf u https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6785-2008-INIT/en/pdf.

( 22 ) Proposta ppreżentata mill-Kummissjoni fil‑11 ta’ Marzu 2025 [COM(2025) 101 final]. Hija tissostitwixxi l-Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fil-pajjiż irregolarment, ippreżentata mill-Kummissjoni fit‑12 ta’ Settembru 2018 (COM(2018) 634 final). Din ma kienet tinkludi ebda emenda dwar it-tul tal-projbizzjonijiet ta’ dħul. Ara, dwar id-determinazzjoni tar-riskji għas-sigurtà, l-ewwel waħda minn dawn il-proposti, spjegazzjonijiet p. 13 u lista ta’ riskji fl-Artikolu 16.

( 23 ) Il-korsiv miżjud minni. Dawn il-perijodi huma dawk mogħtija għal fini ta’ informazzjoni biss fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas‑16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83), b’mod partikolari p. 127. Barra minn hekk, nikkonstata li huma jikkorrispondu għall-indikazzjonijiet ipprovduti mill-maġġoranza tal-Istati Membri. Ara s-sinteżi tad-domandi ad hoc iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://emnbelgium.be/fr/publication/question-ad-hoc-sur-les-decisions-de-retour-et-les-interdictions-dentree.

( 24 ) Korsiv miżjud minni.

( 25 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU 2018, L 312, p. 14). Ara l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament. Mal-iskadenza tat-terminu ta’ eżami mill-ġdid previst fih u fl-assenza ta’ preċiżjoni mill-Istat Membru kkonċernat dwar l-estensjoni tal-allerti, dawn għandhom jitħassru awtomatikament.

( 26 ) Nirreferi għall-espressjoni “bħala regola ġenerali, għandha tinħareġ projbizzjoni ta’ dħul għal żmien indeterminat” użata mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha (korsiv miżjud minni), li għandha tiġi mqabbla ma’ dik li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(5b) tal-AufenthG: “projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal żmien indeterminat għandha, bħala prinċipju, tinħareġ” (korsiv miżjud minni). Il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta spjegaw li, fid-dritt amministrattiv, jekk iċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 58(1) tal-AufenthG ikunu ssodisfatti, l-awtorità kompetenti għandha l-obbligu li toħroġ projbizzjoni fuq id-dħul għal żmien indeterminat. Tista’ ssir deroga mir-regola bażika biss jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali u atipiċi.

( 27 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21 EU:C:2023:341, punti 89 u 91).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21 EU:C:2023:341, it-tieni inċiż tal-punt 92). Ara wkoll l-anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari p. 126 u 127.

( 29 ) Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali tkun ittieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, li tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru, skont l-Artikolu 4(2) TUE, ma jistax iwassal għall-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri mill-osservanza neċessarja ta’ dan id-dritt. Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Fuq l-interess li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-għan u tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2008/115, li din tapplika għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul peress li huma imposti fuq l-Istati Membri, skont din id-direttiva, garanziji sostanzjali u proċedurali għall-finijiet ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punti 77, 83 u 84). Fil-fehma tiegħi, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan is-sens għandha tiġi enfasizzata peress li l-każ ta’ theddida serja għas-sigurtà nazzjonali huwa msemmi b’mod partikolari fid-Direttiva 2008/115, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(2).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115. Ara wkoll, dwar ir-rekwiżiti fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura, il-punti 39 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

( 32 ) Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115. Ara wkoll, bħala paragun fil-qasam tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ eżami tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, l-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll l-Artikolu 24(4) tar-Regolament 2018/1861. Ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov (C‑249/11, EU:C:2012:608, punti 37, 40 sa 42, 44 u 79). Ara, fl-aħħar nett, dwar ir-rilevanza tal-paragun mad-Direttiva 2004/38 meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-fakultà li jispiraw ruħhom mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 sabiex jindikaw l-awtoritajiet kompetenti u jiddefinixxu l-proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni, jekk ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludi dan, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684, punt 52).

( 33 ) Ara l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Tul ta’ żmien ta’ l-ordnijiet ta’ tkeċċija”, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li “[p]ersuni esklużi minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għat-tneħħija ta’ l-ordni ta’ tkeċċija wara perjodu raġonevoli, skond iċ-ċirkostanzi, u fi kwalunkwe każ wara tliet snin mill-infurzar ta’ l-aħħar ordni ta’ tkeċċija”.

( 34 ) L-obbligu ta’ eżami mill-ġdid, previst fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, huwa marbut mal-assenza ta’ tul stabbilit fil-każ ta’ introduzzjoni ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul u ta’ projbizzjoni ta’ residenza.

( 35 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

( 36 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, punti 57 sa 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Novembru 2021, Avci vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2021:1130JUD004024019, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’mod partikolari, dwar ir-riskju li l-persuna kkonċernata tkompli twettaq reati, punt 30 ta’ din is-sentenza.

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Novembru 2021, Avci vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2021:1130JUD004024019, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ projbizzjoni ta’ dħul permanenti maħruġa kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qatta’ legalment parti kbira mill-età żgħira tiegħu mill-età ta’ tliet snin fir-Renju tad-Danimarka, l-analiżi tal-Qorti EDB fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2023 Al-Masudi vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2023:0905JUD003574021, punti 25 sa 35).

( 41 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2023, Al-Masudi vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2023:0905JUD003574021, punti 33 u 34).

( 42 ) Ara, fir-rigward tal-istess leġiżlazzjoni Ġermaniża bħal dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Filev u Osmani, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Marzu 2010, Mutlag vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2010:0325JUD004060105, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara d-deċiżjonijiet tal-Qorti EDB tas‑7 ta’ Frar 2017, K2 vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2017:0207DEC004238713, punt 66); tal‑1 ta’ Frar 2022, Johansen vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2022:0201DEC002780119, punti 80 sa 84), u tat‑22 ta’ Marzu 2022, Laraba vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2022:0322DEC002678119, punti 31 sa 34). Fil-kawżi li taw lok għal dawn id-deċiżjonijiet, il-projbizzjonijiet fuq id-dħul kienu marbuta mal-iskadenza tan-nazzjonalità taċ-ċittadini b’nazzjonalità doppja kkonċernati. Fl-aħħar żewġ deċiżjonijiet, il-Qorti EDB tirrileva b’mod iddettaljat l-ibbilanċjar tal-interessi differenti involuti mwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali.

( 44 ) Ara, dwar in-natura purament teoretika tal-possibbiltà ta’ ritorn, fil-każ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul limitata ratione temporis, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Novembru 2024, Sharafane vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2024:1112JUD000519923, punt 72), u tat‑12 ta’ Novembru 2024, Al-Habeeb vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2024:1112JUD001417123, punt 71). Ara wkoll, fil-każ ta’ projbizzjoni għal żmien indeterminat, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Kaya vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2007:0628JUD003175302, punt 69). Ara, dwar il-possibbiltà li wieħed jirritorna fit-territorju tal-Istat ikkonċernat għal perijodu qasir, tal-inqas abbażi tar-relazzjonijiet tal-familja, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Lulju 2025, Miari vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2025:0715JUD000285224, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ara l-Artikolu 11(5a) u (5b) tal-AufenthG li minnu jirriżulta, għall-awtoritajiet kompetenti, fil-każ ta’ theddida terroristika, marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiġi stabbilit it-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul (20 sena jew żmien indeterminat) skont il-każijiet differenti.

( 47 ) Ara t-tielet u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 11(5a) tal-AufenthG, iċċitat fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara b’paragun, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38.