European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6819

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Italja

(C/2024/6819)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Italja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 tal-Italja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fit-30 ta' April 2021, l-Italja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fit-13 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja (9), li ġiet emendata fit-8 ta' Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Italja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)

Fit-30 ta' April 2024, l-Italja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Italja dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(9)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Italja. Dan ivvaluta l-progress tal-Italja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Italja. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Italja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Italja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal mill-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Italja għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati f'April 2024. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi wara li ġiet identifikata bi żbilanċi eċċessivi fl-2023. B'mod partikolari, għad hemm vulnerabbiltajiet relatati ma' dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività f'kuntest ta' fraġilitajiet tas-suq tax-xogħol u xi dgħufijiet residwi fis-settur finanzjarju, li għandhom rilevanza transfruntiera. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG tal-Italja naqas b'mod sinifikanti mill-quċċata tiegħu matul il-kriżi tal-COVID-19, prinċipalment minħabba tkabbir qawwi tal-PDG nominali. Madankollu, il-proporzjon tad-dejn pubbliku għadu għoli, b'aktar minn 137 % tal-PDG fl-2023, u x-xejra 'l isfel hija pprojettata li titreġġa' lura din is-sena u s-sena d-dieħla. Dak it-treġġigħ lura huwa attribwit għal aġġustament kbir bejn l-istokk u l-flussi li jżid id-dejn, għal defiċits tal-gvern li għadhom mdaqqsa għalkemm qed jonqsu, kif ukoll għal tkabbir aktar baxx tal-PDG nominali. It-tkabbir tal-produttività b'mod ġenerali u bħala medja kien pożittiv iżda limitat, li jikkonferma l-ħtieġa ta' riformi u investiment biex jingħelbu n-nuqqasijiet strutturali u biex jitrawmu kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir tal-produttività. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol tjiebu f'dawn l-aħħar snin u ma ssarrfux fi pressjonijiet fuq il-pagi. Ir-rati ta' parteċipazzjoni fix-xogħol żdiedu għal livelli rekord għalkemm dawk għadhom komparattivament baxxi. Is-settur finanzjarju kompla jissaħħaħ b'titjib fil-kwalità u l-profittabbiltà tal-assi bankarji, bi skopertura li qed tonqos iżda xorta waħda konsiderevoli tal-banek Taljani għas-self sovran u dak garantit mill-Istat fil-karti tal-bilanċ tagħhom. L-azzjoni ta' politika kienet favorevoli biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, li fost l-oħrajn tippromwovi l-produttività u t-tkabbir potenzjali tal-PDG biex jgħin fit-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn pubbliku fuq terminu itwal. Iż-żamma tal-pass tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali u sforzi ta' politika addizzjonali jkunu ta' benefiċċju. Hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitnaqqas il-proporzjon għoli tad-dejn pubbliku. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, inkluż l-applikazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, joffri mekkaniżmu ta' sorveljanza xieraq u b'saħħtu biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali, u biex tiġi kkomplementata s-sorveljanza skont il-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku.

(11)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Italja naqas minn 8,6 % tal-PDG fl-2022 għal 7,4 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 140,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 137,3 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “Gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Italja, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċċeda l-valur referenzjarju għad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f'Lulju 2024 li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Italja, billi tipproponi li l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li tistabbilixxi l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fl-Italja.

(12)

Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li l-Italja tiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b'mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (13), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat ulterjuri għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, l-Italja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Italja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet kemxejn espansjonarja, b'0,3 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 1,0 % tal-PDG u kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. Il-kontribuzzjoni restrittiva tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis b'1,4 punti perċentwali tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b'reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-pensjonijiet u t-tnaqqis fil-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol kienu l-fatturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul). In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 1,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,9 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta' 0,3 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. L-Italja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Hija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħat-tisħiħ tal-grilji intelliġenti, il-kostruzzjoni tat-“Tyrrhenian link”, l-iżvilupp ta' sistemi rapidi tat-trasport tal-massa, il-produzzjoni tal-idroġenu f'siti abbandunati, konnessjonijiet tal-internet veloċi u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(13)

Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta li l-PDG reali ser jikber b'1,0 % fl-2024 u 1,2 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ta' 1,2 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż, f'xenarju ta' ebda bidla fil-leġiżlazzjoni, huwa pprojettat li jonqos għal 4,3 % tal-PDG fl-2024 u għal 3,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied b'0,5 punti perċentwali, għal 137,8 % sa tmiem l-2024 u, sussegwentement, jiżdied għal 138,9 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 3,0 % tal-PDG fl-2026 u 2,2 % fl-2027. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li ma jaqbiżx il-valur referenzjarju għad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat mill-2026. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jkompli jiżdied għal 139,8 % fl-2026, u li jonqos marġinalment għal 139,6 % fl-2027.

(14)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber b'0,9 % fl-2024 u 1,1 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-HICP ser tkun ta' 1,6 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025.

(15)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 4,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 138,6 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis ipprojettat fid-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment l-eliminazzjoni gradwali sħiħa tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija u l-kost baġitarju ħafna aktar baxx tal-krediti tat-taxxa għar-rinnovazzjoni tad-djar (¼ % tal-PDG minn madwar 3½ % fl-2023), minħabba bidliet fil-leġiżlazzjoni li wasslu wkoll għall-klassifikazzjoni statistika ta' krediti ġodda tat-taxxa bħala “mhux pagabbli” (filwaqt li l-krediti tat-taxxa preċedenti kienu kklassifikati bħala “pagabbli”). Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2024 tirrifletti ż-żieda qawwija fl-aġġustament bejn l-istokk u l-flussi minħabba l-impatt imdewwem tal-krediti tat-taxxa 2021-2023 għar-rinnovazzjoni tad-djar, li kienet diġà ġiet irreġistrata fuq bażi tad-dovuti fid-defiċit fuq il-fluss tal-flus. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva f'livell ta' 3,1 % tal-PDG fl-2024.

(16)

In-nefqa li tammonta għal 0,6 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,8 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Italja. In-nefqa li tammonta għal 1,3 % tal-PDG hija mistennija li tiġi appoġġata minn self mill-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(17)

Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li l-Italja tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (16) fl-2024 għal mhux aktar minn 1,3 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Italja hija pprojettata li tonqos bi 2,8 % fl-2024 (17), li hija taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dak l-infiq aktar baxx mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali jikkorrispondi għal 2,0 % tal-PDG fl-2024. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet ogħla milli mistenni fi żmien ir-rakkomandazzjoni (bi 2,9 % tal-PDG). Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fi żmien ir-rakkomandazzjoni, ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun ogħla mir-rata ta' tkabbir rakkomandata b'0,9 % tal-PDG. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ladarba jitqies l-effett bażi li jirriżulta minn nefqa netta ogħla milli mistenni fl-2023, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tiġi vvalutata bħala f'riskju li ma tkunx konformi għalkollox mar-rakkomandazzjoni.

(18)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Italja tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, l-Italja tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (18) tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 1,0 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,0 % fl-2024. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 1,0 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (19) tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 2,7 % tal-PDG f'dik is-sena. Madankollu, din tal-aħħar hija mmotivata mill-kontribuzzjoni restrittiva ta' nefqa kapitali oħra ta' 3,2 % tal-PDG, li hija prinċipalment relatata mat-tnaqqis qawwi tas-sussidji relatati mal-krediti tat-taxxa għar-rinnovazzjoni tad-djar fl-2024, imsemmija fil-premessa 15. Fl-istess ħin, il-kontribuzzjoni tan-nefqa primarja kurrenti netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali għall-pożizzjoni fiskali, li hija affettwata mit-tneħħija gradwali tal-miżuri attwali ta' appoġġ għall-enerġija, hija pprojettata li tkun espansjonarja b'0,4 % tal-PDG, li tindika l-użu sħiħ tal-iffrankar ta' 0,8 % tal-PDG minn dawk il-miżuri attwali ta' appoġġ għall-enerġija għal politiki espansjonarji li jżidu l-infiq kurrenti nett fl-2024, inkluż it-tnaqqis fil-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(19)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Italja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jonqos minn 2,9 % tal-PDG fl-2023 għal 2,8 % tal-PDG fl-2024 (20). Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tonqos għal 0,8 % tal-PDG fl-2024 (minn 1,2 % tal-PDG fl-2023), prinċipalment b'rabta mal-Assistenza fl-irkupru għall-koeżjoni u għat-territorji tal-Ewropa (ReactEU).

(20)

Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 4,7 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-estensjoni mistennija tat-tnaqqis fil-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol fuq bażi tal-ebda bidla fil-politika, u żieda ulterjuri fin-nefqa fuq l-imgħax. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jkompli jiżdied għal 141,7 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda pprojettata fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment differenzjali inqas favorevoli fir-rata tal-imgħax u tat-tkabbir u aġġustament bejn l-istokk u l-flussi li jżid id-dejn relatat mal-impatt imdewwem fuq il-flus tar-rinnovazzjoni tad-djar appoġġata mill-gvern.

(21)

Id-dħul mit-taxxa tal-Italja b'rabta mal-PDG huwa relattivament għoli meta mqabbel mal-Istati Membri pari, bil-kontribuzzjoni ewlenija ġejja mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol. Wara l-approvazzjoni parlamentari ta' liġi abilitanti li tipprevedi mandat wiesa' għar-riforma tas-sistema tat-taxxa, il-gvern adotta diversi digrieti ta' implimentazzjoni. Madankollu, il-miżuri adottati s'issa ma jindirizzawx l-isfidi ewlenin tas-sistema tat-tassazzjoni, u t-tnaqqis fil-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol, illeġiżlat biss sal-2024 u ffinanzjat permezz ta' dispożizzjonijiet temporanji, għandhom ambitu ta' applikazzjoni pjuttost limitat. Barra minn hekk, l-estensjoni tar-reġimi tat-taxxa b'rata fissa, inkluż għal dawk li jaħdmu għal rashom, taggrava l-ekwità u l-effiċjenza orizzontali tas-sistema tat-taxxa billi tnaqqas ir-ridistribuzzjoni, tiffavorixxi kategoriji speċifiċi ta' kontribwenti u tiddiżinċentiva t-tkabbir tan-negozju. Barra minn hekk, filwaqt li diversi miżuri importanti dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa u s-simplifikazzjoni qed jiġu implimentati bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, bħal dikjarazzjonijiet tal-VAT mimlija minn qabel, miżuri reċenti oħra jirriskjaw li jipproduċu effetti avversi fuq il-konformità mar-regoli tat-taxxa. Dawk jinkludu t-terminu ta' 5 snin għall-ġbir tal-kontijiet tat-taxxa, it-tnaqqis tas-sanzjonijiet relatati mal-evażjoni tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u t-tiġdid ta' miżuri simili għall-amnestiji tat-taxxa. L-effett fuq il-konformità mar-regoli tat-taxxa li għandha s-sistema ta' ftehim minn qabel bejn il-kontribwent u l-amministrazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet tat-taxxa għan-negozji ż-żgħar jirrikjedi wkoll monitoraġġ mill-qrib. B'mod ġenerali, riforma aktar strutturali u li tiffavorixxi t-tkabbir tas-sistema tat-taxxa tkun teħtieġ bidla newtrali mil-lat baġitarju tal-piż tat-taxxa minn fatturi produttivi għal sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir. F'dan ir-rigward, għad ma hemm l-ebda dettall magħruf dwar is-simplifikazzjoni ppjanata tat-taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li l-aġġornament tal-valuri katastali, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma skaduti u diverġenti mill-valuri tas-suq, ma kienx inkluż fil-liġi abilitanti għar-riforma tat-taxxa. Barra minn hekk, huwa osservat telf sinifikanti ta' dħul b'rabta mal-konċessjonijiet pubbliċi, inkluż il-bajjiet. Barra minn hekk, minkejja dħul relattivament għoli mit-taxxi ambjentali, is-sistema tat-taxxa tal-Italja tista' tappoġġa aħjar it-tranżizzjoni ekoloġika, b'mod partikolari billi tallinja t-tassazzjoni mal-livell tal-emissjonijiet tas-CO2 tas-sorsi tal-enerġija u tal-vetturi, inkluż għall-karozzi tal-kumpaniji.

(22)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Italja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Italja tkompli timplimenta r-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b'saħħitha. L-investimenti b'mod partikolari huma kkonċentrati ħafna lejn tmiem l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u jistħoqqilhom attenzjoni speċjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(23)

Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), l-Italja hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Filwaqt li l-Italja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet reġjonali bejn iċ-Ċentru-Tramuntana u n-Nofsinhar. Hija kruċjali l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, fil-livell nazzjonali u b'mod partikolari fil-livell sottonazzjonali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Lil hinn mill-miżuri tal-kapaċità amministrattiva, huwa partikolarment importanti li wieħed jara implimentazzjoni rapida tal-investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività, b'mod partikolari fir-reġjuni inqas żviluppati, flimkien ma' pjanijiet ta' żvilupp tal-infrastruttura u strateġiji reġjonali ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti. L-Italja jenħtieġ li tkompli tgħolli l-kwalità tas-servizzi pubbliċi essenzjali fin-Nofsinhar, b'mod partikolari s-servizzi tal-ilma u tal-iskart, inkluż billi tippromwovi operaturi uniċi fil-livell reġjonali. Għadu importanti li jiġu promossi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika, billi jiżdiedu l-kisba tal-edukazzjoni terzjarja u s-sehem ta' adulti rreġistrati fit-taħriġ. Jibqa' prijorità, b'mod partikolari fin-Nofsinhar, it-tnaqqis tal-għadd ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, billi tittejjeb is-sistema edukattiva u jiġu mmirati aħjar il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jitkompla l-appoġġ għall-impjieg tan-nisa billi tiżdied il-provvista ta' indukrar bikri tat-tfal affordabbli u ta' kwalità. L-Italja tista' tuża wkoll il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), biex tappoġġa t-trasformazzjoni tal-ekosistemi industrijali, b'mod partikolari fin-Nofsinhar. Intervent effettiv jista' jinvolvi politiki industrijali integrati li jappoġġaw l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji strateġiċi, speċjalment fl-oqsma tal-innovazzjoni diġitali, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, b'mod partikolari fis-setturi li diġà għandhom preżenza qawwija fin-Nofsinhar, bħall-industriji tal-karozzi u tal-aeronawtika. Il-pjan strateġiku għaż-Żona Ekonomika Speċjali unika l-ġdida għan-Nofsinhar jista' jsir qafas koerenti biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-produttività tan-negozju billi jiġu mmirati proġetti kritiċi u tissaħħaħ l-integrazzjoni tul il-ktajjen tal-valur.

(24)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, l-Italja qed tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mat-tassazzjoni, id-demografija, inklużi l-implikazzjonijiet tagħha għas-sostenibbiltà fiskali, l-istrateġija industrijali u l-politika tal-kompetizzjoni.

(25)

L-Italja hija wieħed mill-Istati Membri bl-iktar popolazzjoni anzjana, bl-inqas rata tat-twelid u bl-età tan-nisa li jwelldu l-ewwel tarbija tagħhom ogħla mill-medja. Il-bilanċ tal-migrazzjoni għadu pożittiv, iżda ma għadux jikkumpensa għar-rata baxxa tat-twelid. B'riżultat ta' dan, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed tkompli tonqos, u b'hekk tillimita t-tkabbir potenzjali. Żviluppi demografiċi mhux favorevoli huma mistennija li jżidu n-nefqa fuq il-pensjonijiet bħala sehem tal-PDG sal-2040, aggravati aktar mill-iskemi ta' rtirar bikri introdotti f'dawn l-aħħar snin. Fuq terminu itwal, in-nefqa fuq il-pensjonijiet hija mistennija li tonqos progressivament, anke bis-saħħa tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2011 dment li tiġi implimentata bis-sħiħ, inkluż billi jiġu limitati l-iskemi ta' rtirar bikri. Suq tax-xogħol aktar b'saħħtu u aktar inklużiv, b'mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, flimkien ma' kwalità ogħla tal-impjiegi, inkluż f'termini ta' livelli aktar baxxi ta' faqar fost dawk li jaħdmu u aċċess aħjar għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema mhux standard, jistgħu jgħinu biex tittaffa l-isfida demografika. Għal dan l-għan, il-politiki relatati mal-familja, inklużi miżuri li jippromwovu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-opportunitajiet indaqs kif ukoll servizzi ta' kura aċċessibbli u ta' kwalità għolja, jista' jkollhom ukoll rwol importanti. Barra minn hekk, il-migrazzjoni tista' tintuża wkoll biex tiġġieled it-tnaqqis demografiku, b'mod partikolari fit-terminu qasir u medju. Għalkemm il-miżuri meħuda fl-2024 iżidu l-għadd ta' ċittadini mhux tal-Unjoni ammessi fl-Italja u jissimplifikaw ir-rikonoxximent ta' titoli edukattivi barranin, strateġija komprensiva biex tattira u żżomm ħaddiema u studenti b'livell għoli ta' ħiliet tibqa' essenzjali għall-ġlieda kontra l-eżodu ta' mħuħ u għall-ġlieda kontra x-xejriet demografiċi. F'dan il-kuntest, dawk il-miżuri jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, f'konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali, li ġie pilotat fl-2024. F'konformità mal-Artikolu 3(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263, is-Semestru Ewropew għandu jinkludi s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni, fost l-oħrajn permezz ta' qafas biex jiġu identifikati r-riskji għall-konverġenza soċjali.

(26)

L-ekonomija tan-Nofsinhar tal-Italja kkontribwiet għall-irkupru ta' wara l-COVID. Madankollu, ir-reġjuni tan-Nofsinhar għadhom ikkaratterizzati minn attivitajiet ekonomiċi b'valur miżjud aktar baxx milli fir-reġjuni taċ-Ċentru-Tramuntana. Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet tar-reġjuni tan-Nofsinhar huma mistennija li jiġu affettwati b'mod partikolari mill-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni. Diversi miżuri ta' politika qed jappoġġaw attivitajiet ekonomiċi fin-Nofsinhar, b'mod partikolari inċentivi fiskali. Fl-2023, l-Italja ħolqot Żona Ekonomika Speċjali waħda għan-Nofsinhar, fejn trasferiet ir-responsabbiltà għaż-żoni preċedenti taħt korp wieħed fi ħdan il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri mill-1 ta' Marzu 2024. Il-pjan strateġiku għal dik iż-żona huwa mistenni li jiġi approvat sal-31 ta' Lulju 2024. Il-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-investimenti u r-riformi fir-reġjuni tan-Nofsinhar. Hija meħtieġa strateġija industrijali u ta' żvilupp għan-Nofsinhar biex jiġu mmirati aħjar il-miżuri ta' politika eżistenti u jittejjeb il-valur miżjud tal-investimenti tal-Unjoni u dawk nazzjonali. F'dan ir-rigward, in-Nofsinhar għandu potenzjal konsiderevoli f'għadd ta' setturi, bħal-loġistika fil-Mediterran u l-ktajjen tal-valur tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, it-tisħiħ tar-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju biex l-għarfien xjentifiku jinbidel f'soluzzjonijiet prattiċi huwa essenzjali għar-rivitalizzazzjoni industrijali u għall-pożizzjonament tan-Nofsinhar fil-ktajjen tal-valur globali. Għal dan l-għan, l-istituzzjonalizzazzjoni ulterjuri tar-rwol tal-uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija ser tkun strumentali, speċjalment fin-Nofsinhar, pereżempju billi tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. L-identifikazzjoni u l-għażla ta' dawk is-setturi strateġiċi fi strateġija ta' żvilupp huma fattur rilevanti biex tiżdied il-kompetittività tar-reġjuni tan-Nofsinhar, b'impatt pożittiv fil-livell nazzjonali. L-immirar tal-miżuri ta' politika eżistenti u l-iffokar tal-investiment ippjanat fuq dawk is-setturi jistgħu jkomplu jżidu l-impatt ekonomiku tagħhom.

(27)

It-titjib fl-ambjent tan-negozju jiffaċilita l-intraprenditorija, u kundizzjonijiet ta' qafas aħjar għall-kompetizzjoni jiffavorixxu allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi u jwasslu għal titjib fil-kompetittività u fil-produttività. Kompetizzjoni akbar u regolamentazzjoni settorjali mtejba jkunu ta' benefiċċju wkoll għall-konsumaturi u jtejbu l-finanzi tal-gvern, u jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tal-Italja ta' dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività, kif imsemmi fil-premessa 10. Bdiet l-implimentazzjoni tal-liġijiet annwali tal-kompetizzjoni tal-2021 u l-2022, u jeħtieġ li din tiġi segwita. F'konformità mal-leġiżlazzjoni Taljana, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Italja jipprevedi l-adozzjoni ta' liġi tal-kompetizzjoni fuq bażi annwali. Madankollu, ma jispeċifikax is-setturi kollha li jistgħu jiġu koperti mil-liġijiet annwali tal-kompetizzjoni. Inizjattiva leġiżlattiva, ibbażata fuq valutazzjoni soda tal-impatt regolatorju, hija partikolarment ġustifikata għall-kummerċ bl-imnut, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolament dwar l-istabbiliment ta' ħwienet ġodda u t-tmexxija tal-promozzjonijiet tal-bejgħ, għall-professjonijiet regolati, b'mod partikolari biex jiġu ffaċilitati l-kundizzjonijiet għall-aċċess għalihom, kif ukoll għall-ferroviji, fejn l-għoti ta' kuntratti għat-trasport reġjonali u s-servizzi bejn il-bliet jeħtieġ li jkun kompetittiv. Barra minn hekk, skont l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni, għad hemm ostakli sinifikanti għall-kompetizzjoni f'għadd ta' setturi oħra, bħas-servizzi postali, il-farmaċewtiċi, il-kmamar tal-kummerċ u s-servizzi privati ta' kiri ta' vetturi.

(28)

Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Italja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba' rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro.

(29)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4). Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mad-dejn għoli tal-gvern. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (4) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta ma' tkabbir dgħajjef fil-produttività, li b'estensjoni jappoġġa t-tkabbir potenzjali tal-PDG, u b'riżultat ta' dan jikkontribwixxi wkoll għall-indirizzar tar-rakkomandazzjoni (1). Ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu kemm għall-indrizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, f'konformità mal-premessa 28,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.

Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tagħmel is-sistema tat-taxxa aktar ta' appoġġ għat-tkabbir, b'enfasi fuq it-tnaqqis tal-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol u f'konformità mal-objettivi tas-sostenibbiltà fiskali, inkluż billi jitnaqqas l-infiq tat-taxxa u jiġu aġġornati l-valuri katastali, filwaqt li jiġu żgurati l-ġustizzja u l-progressività u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika.

2.

Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza l-isfidi rilevanti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.

Sabiex jittaffew l-effetti fuq it-tkabbir potenzjali, tindirizza x-xejriet demografiċi negattivi, inkluż billi tattira u żżomm ħaddiema b'ħiliet adegwati u billi tindirizza l-isfidi tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa, iż-żgħażagħ u l-faqar fost dawk li jaħdmu, speċjalment tal-ħaddiema b'kuntratti mhux standard.

4.

Tiddefinixxi strateġija industrijali u ta' żvilupp biex tnaqqas d-distakk territorjali billi tissimplifika l-miżuri ta' politika attwali u billi tqis proġetti infrastrutturali ewlenin kif ukoll ktajjen tal-valur strateġiċi. Tindirizza r-restrizzjonijiet li fadal għall-kompetizzjoni, b'mod partikolari fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, il-professjonijiet regolati u l-ferroviji.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(8)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(9)  ST 10160/21 INIT; ST 10160/21 ADD 1; ST 10160/21 ADD 1 REV 1; ST 10160/21 ADD 1 REV 2.

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja (ST 16051/23 INIT u ST 16051/23 ADD 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022 tal-Italja (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 96).

(13)  Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Italja fl-2023 huwa stmat fil-livell ta' 5,9 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.

(14)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Italja tal-2023 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Italja tal-2023 (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 105).

(16)  In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(17)  Dan iqis 0,04 % tal-miżuri ta' darba tal-PDG fl-2024, relatati ma' diversi taxxi minn ras il-għajn u dħul relatat mal-kontribwenti li volontarjament irregolarizzaw il-pożizzjoni tat-taxxa tal-passat tagħhom (l-hekk imsejħa “ tregua fiscale ”) b'sanzjonijiet u multi mnaqqsa kkumpensati minn interventi relatati mal-għargħar li laqat lill-Italja f'Mejju 2023 (kif ukoll 0,3 % tal-PDG fl-2023, relatati ma' diversi taxxi minn ras il-għajn u dħul relatati mal-kontribwenti li volontarjament irregolarizzaw il-pożizzjoni tat-taxxa tal-passat tagħhom (l-hekk imsejħa “ tregua fiscale ”) b'sanzjonijiet u multi mnaqqsa kkumpensati parzjalment biss minn interventi relatati mal-għargħar li laqat lill-Italja f'Mejju 2023). Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrefera wkoll għall-għargħar devastanti li laqat lill-Italja f'Mejju 2023 u qabel li l-kost tal-appoġġ dirett ta' emerġenza relatat ma' dak l-għargħar jitqies f'valutazzjonijiet sussegwenti tal-konformità u, fil-prinċipju, jitqies bħala miżuri temporanji u ta' darba.

(18)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(19)  Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.

(20)  Meta jsir ittondjar fl-ewwel deċimali, id-differenza tal-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali bejn l-2024 u l-2023 hija ta' 0,0.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6819/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)