European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/960

20.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/960

tal-20 ta’ Mejju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 (1) li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi.

(2)

Fit-18 ta’ Novembru 2024 u fl-14 ta’ Frar 2025, l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) ħarġet rapporti minn żewġ Żjarat ta’ Assistenza Teknika li jikkonfermaw il-preżenza tal-aġent għall-kontroll tal-irvellijiet CS u komposti relatati fil-kampjuni miġbura, li jindikaw tendenza ta’ użu għall-kontroll tal-irvellijiet bħala metodu ta’ gwerra fl-ewwel linji tal-ġlied fl-Ukrajna, li hija pprojbita skont l-Artikolu I, il-paragrafu 5, tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

(3)

F’dak il-kuntest, u fid-dawl tat-theddida kontinwa kkawżata mill-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi, jenħtieġ li tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK)2018/1544 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1544 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1544/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544, taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

Data tal-elenkar

“4.

Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

(Войска радиационной, химической и биологической защиты Министерства обороны Российской Федерации)

Indirizz: Corpus 2, Building 22, Frunze Embankment, 119160 Moscow, Russian Federation

Sit Web: https://eng.mil.ru/en/structure/forces/ground/structure/rhbz.htm

Numru ta’ reġistrazzjoni: 1037739635890

Numru Personali tal-Identifikazzjoni tal-Kontribwent (INN): 7704195013

It-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika huma l-entità kompetenti fil-Forzi Armati Russi responsabbli għall-gwerra kimika u bijoloġika. F’din il-kapaċità, it-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika huma involuti fl-użu ta’ armi kimiċi mill-Federazzjoni Russa. Dawn jinkludu aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet, bħall-gass CS, li ntuża bħala metodu ta’ gwerra mill-forzi Russi fl-Ukrajna, bi ksur tal-Artikolu I, il-paragrafu 5, tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, li r-Russja hija Stat Parti għaliha. L-użu tal-gass CS ġie kkonfermat minn rapporti ppubblikati f’Novembru 2024 u Frar 2025 mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW), wara Żjarat ta’ Assistenza Teknika li saru fl-Ukrajna.

Għaldaqstant, it-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika huma involuti fl-użu ta’ armi kimiċi.

20.5.2025

5.

Is-27 Ċentru Xjentifiku tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

(27-й Центральный научно-исследовательский институт Министерства обороны Российской Федерации)

Indirizz: 51 st Khoroshevsky Passage, 123007 Moscow, Russian Federation

Telefown: + 7 (495) 945 76 96

Numru Personali tal-Identifikazzjoni tal-Kontribwent (INN): 7714676767

Sit Web:

http://eng.mil.ru/en/science/sro/information.htm?id=10992@morfOrgScience

Email: fin27cnii@mail.ru

Entità assoċjata: Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

Is-27 Ċentru Xjentifiku tal-Ministeru għad-Difiża Russu huwa unità subordinata tat-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika. Bħala entità ewlenija tar-riċerka fil-militar Russu, huwa jappartjeni għall-militar Russu u huwa assoċjat mal-iżvilupp u l-użu ta’ aġenti kimiċi.

Għalhekk, is-27 Ċentru Xjentifiku tal-Ministeru għad-Difiża Russu huwa assoċjat mat-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika.

20.5.2025

6.

It-33 Istitut Ċentrali tar-Riċerka u l-Ittestjar Xjentifiċi tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

(33 Центральный научно-исследовательский испытательный институт Министерства обороны Российской Федерации)

Indirizz: 1 Ulitsa Krasnoznamennaya, Volsk-18/Shikhany, Saratov Oblast, Russia; Krasnoznamennaya Street 1, Volsk-18, Saratov, 412918 Russian Federation

Telefown: + 7 (343) 255 99 88

Numru Personali tal-Identifikazzjoni tal-Kontribwent (INN): 6441013942 / 644101001

Website: https://ens.mil.ru/science/SRI/information.htm?id=12027@morfOrgScience

Email: 33cnii-fes@mil.ru

Entità assoċjata: Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

It-33 Istitut Ċentrali tar-Riċerka u l-Ittestjar Xjentifiċi tal-Ministeru għad-Difiża huwa unità subordinata tat-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Bijoloġika u Kimika. Bħala entità ewlenija tar-riċerka u l-ittestjar fil-qasam tal-kimika fil-militar Russu, huwa jappartjeni għall-militar Russu u huwa assoċjat mal-iżvilupp u l-użu ta’ aġenti kimiċi.

Għalhekk, it-33 Istitut Ċentrali tar-Riċerka u l-Ittestjar Xjentifiċi tal-Ministeru għad-Difiża huwa assoċjat mat-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika.

20.5.2025”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/960/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)