10.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 456/247


P9_TA(2021)0028

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, b'mod partikolari l-każ ta' Selahattin Demirtas u ta' priġunieri oħra minħabba twemmin

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, b'mod partikolari l-każ ta' Selahattin Demirtaş u ta' priġunieri oħra minħabba twemmin (2021/2506(RSP))

(2021/C 456/22)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (1), tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija (2), tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti (3),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2020)0660) u r-Rapport tal-2020 li jakkumpanjaha dwar it-Turkija (SWD(2020)0355),

—

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 (4) dwar ir-reġim globali ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem,

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 u tal-11 ta' Diċembru 2020 u konklużjonijiet oħra rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija,

—

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat-22 ta' Diċembru 2020 fil-kawża ta' Demirtaş vs it-Turkija (14305/17),

—

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tal-20 ta' Novembru 2018 fil-kawża ta' Demirtaş vs it-Turkija,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-Turkija hija pajjiż kandidat tal-UE u membru għal bosta snin tal-Kunsill tal-Ewropa; billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, it-Turkija hija parti għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u hija marbuta bid-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza tal-QEDB;

B.

billi, sa min-nofs Settembru 2020, il-pulizija Torok kienu qed iwettqu spezzjonijiet fi sbieħ il-jum fuq skala kbira fit-Turkija kollha li fihom għexieren ta' politiċi, attivisti politiċi, avukati u atturi oħra tas-soċjetà ċivili ġew arrestati fuq akkużi relatati mat-“terroriżmu”; billi fil-31 ta' Diċembru 2020 daħlet fis-seħħ fit-Turkija l-liġi l-ġdida dwar il-Prevenzjoni tal-Finanzjament tal-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, u sitta biss mill-artikoli tagħha jinkludu mezzi u regolamenti biex jiġi miġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu filwaqt li l-bqija jagħtu lill-Ministeru tal-Intern Tork u lill-President awtorità estensiva li jirrestrinġu l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), sħubiji kummerċjali, gruppi u assoċjazzjonijiet indipendenti u li jnaqqsu r-rwol tagħhom;

C.

billi s-Sur Selahattin Demirtaş, ex membru tal-Parlament Tork bejn l-2007 u l-2018, ex Kopresident tal-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP) Tork u kandidat presidenzjali matul l-elezzjonijiet tal-2014 u l-2018 (li rċieva 9,75 % u 8,32 % tal-voti), ilu detenut aktar minn 4 snin fuq akkużi mhux sostanzjati u minkejja żewġ sentenzi tal-QEDB favur il-ħelsien tiegħu;

D.

billi s-Sur Demirtaş ġie inizjalment detenut fl-4 ta' Novembru 2016 flimkien ma' tmien Membri tal-Parlament tal-HDP demokratikament eletti, inkluż l-ex Kopresident tal-HDP is-Sa Figen Yüksekdağ, u kien soġġett ta' proċedura kriminali fuq akkużi ta' “sħubija f'organizzazzjoni terrorista”, “tixrid ta' propaganda terrorista” u ħafna reati oħra, u dan kien il-bidu tal-attakk kontinwu tal-Gvern Tork fuq il-partit u parti minn tendenza usa' ta' prosekuzzjonijiet u priġuneriji politikament motivati; billi, minkejja li rebħu 65 lokalità fil-pajjiż kollu fl-elezzjonijiet lokali fl-2019, sitt sindki tal-HDP biss għadhom fil-kariga llum, filwaqt li l-bqija tneħħew mill-kariġa jew intbagħtu l-ħabs u ġew sostitwiti b'fiduċjarji maħtura mill-gvern;

E.

billi fl-20 ta' Settembru 2019, fl-istess jum meta s-Sur Demirtaş kellu jinħeles skont deċiżjoni tas-26 Qorti tas-Sisa ta' Istanbul, il-Kap Prosekutur ta' Ankara kkwota investigazzjoni miftuħa iżda antika u inattiva bħala raġuni biex is-Sur Demirtaş u s-Sa Yüksekdağ jerġgħu jisfaw detenuti; billi għalhekk is-Sur Demirtaş jibqa' taħt arrest preventiv b'rabta ma' investigazzjoni dwar il-protesti ta' Ottubru 2014 li saru kontra l-assedju ta' Kobane mill-ISIS u bi kritika tan-nuqqas ta' azzjoni u s-silenzju tal-Gvern Tork quddiem massakru imminenti, li saru vjolenti u kkawżaw għexieren ta' mwiet;

F.

billi fit-22 ta' Diċembru 2020, l-Awla Manja tal-QEDB iddeċidiet li bid-detenzjoni inizjali tas-Sur Demirtaş imbagħad bl-estensjoni tad-detenzjoni tiegħu għal aktar minn 4 snin, il-Gvern Tork kellu l-iskop ulterjuri li jwaqqfu milli jwettaq l-attivitajiet politiċi tiegħu, li jċaħħad lill-votanti mir-rappreżentant elett tagħhom, u li joħnoq il-pluraliżmu u jillimita l-libertà tad-dibattitu politiku: il-qalba nfisha tal-kunċett ta' soċjetà demokratika, u li kien kiser l-Artikolu 18 tal-KEDB; billi s-sentenza finali kkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed raġunijiet biex is-Sur Demirtaş jinżamm detenut u ordnat għal darb'oħra l-ħelsien immedjat tiegħu; billi skont il-QEDB, it-Turkija kisret ukoll il-libertà tal-espressjoni (Artikolu 10 tal-KEDB), id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà (Artikoli 5(1) u 5(3) tal-KEDB), u d-dritt li wieħed joħroġ jivvota f'elezzjoni u li jiġi elett (Artikolu 3(1) tal-KEDB); billi l-QEDB ma sabet l-ebda rabta ċara bejn id-diskorsi tas-Sur Demirtaş u r-reati terroristiċi;

G.

billi fis-7 ta' Jannar 2021, qorti penali Torka approvat l-akkużi ta' 108 konvenut, inklużi l-ex Kopresidenti tal-HDP is-Sur Demirtaş u s-Sa Yuksekdag, bħala parti minn investigazzojni tal-inċidenti ta' terrur fatali tal-2014, filwaqt li rribattiet it-talbiet insistenti tal-QEDB għall-ħelsien tas-Sur Demirtaş u talbet 38 sentenza ta' għomor il-ħabs aggravat għall-konvenuti, li minnhom 27 jinsabu f'kustodja;

H.

billi, minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tat-Turkija tad-9 ta' Ġunju 2020 li l-arrest preventiv twil tas-Sur Demirtaş jikser id-drittijiet kostituzzjonali tiegħu, huwa għadu detenut f'ħabs ta' sigurtà għolja tat-tip F f'Edirne; billi huwa biss wieħed mill-ħafna persuni li ntbagħtu l-ħabs b'mod illeġittimu fit-Turkija fuq akkużi politikament motivati;

I.

billi d-dikjarazzjonijiet politiċi rikorrenti magħmula fl-ogħla livell mill-uffiċjali tal-Gvern Tork u mill-mexxejja tal-koalizzjoni fil-gvern dwar il-każ tas-Sur Demirtaş u r-rabtiet temporali mill-qrib bejn id-dikjarazzjonijiet politiċi u l-azzjonijiet manifestament illegali tal-ġudikatura, ikomplu jipprovdu aktar evidenza tal-motivazzjonijiet politiċi wara l-każ u jdgħajfu serjament l-indipendenza tal-ġudikatura Torka;

J.

billi, f'kawża oħra, fl-10 ta' Diċembru 2019, il-QEDB iddeċidiet li l-arrest preventiv ta' figura prominenti tas-soċjetà ċivili, is-Sur Osman Kavala, kien bi ksur tal-KEDB u li l-awtoritajiet Torok kellhom jiżguraw il-ħelsien immedjat tas-Sur Kavala; billi minkejja s-sentenza tal-QEDB, fid-9 ta' Ottubru 2020, il-Qorti ta' Istanbul estendiet id-detenzjoni tas-Sur Kavala fuq akkużi ta' spjunaġġ u tentattivi biex iwaqqa' l-ordni kostituzzjonali matul il-protesti fil-Park Gezi fl-2013; billi t-Turkija kompliet taġixxi bi ksur tal-KEDB billi naqset milli teħles lis-Sur Kavala mid-detenzjoni minkejja s-sejħiet mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;

1.

Jitlob li s-Sur Demirtaş jiġi meħlus mid-detenzjoni immedjatament u mingħajr kundizzjoni f'konformità mas-sentenza tal-2018 tal-QEDB u konfermata bid-deċiżjoni tal-Awla Manja tagħha tat-22 ta' Diċembru 2020 u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u kontra Sa Yüksekdağ, ex kopresidenti tal-oppożizzjoni HDP u l-membri l-oħra tal-partit li jinsabu l-ħabs; jenfasizza li l-awtoritajiet Torok jeħtiġilhom iħalluhom jeżerċitaw il-mandati demokratiċi tagħhom b'mod indipendenti u ħieles mit-theddid u l-impedimenti; itenni l-appoġġ tiegħu għal dawk kollha li qed ikomplu jaħdmu biex itemmu dawn il-każijiet ta' inġustizzja sfaċċata u ta' oħrajn bħalhom u lit-Turkija jerġgħu jqabbduha t-triq tad-demokrazija fil-milja tagħha;

2.

Ifakkar lill-awtoritajiet Torok li l-fatt li naqsu milli jeħilsu lis-Sur Demirtaş jikkostitwixxi ksur dirett tal-KEDB u tal-liġi nazzjonali tat-Turkija, prolongazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tas-Sur Demirtaş u ksur sfaċċat tal-obbligu tat-Turkija li timplimenta d-deċiżjonijiet tal-QEDB; jinsisti li s-sentenza tal-QEDB tfisser li l-awtoritajiet Torok jeħtieġ li jeħilsuh minnufih;

3.

Jenfasizza li l-QEDB iġġudikat id-detenzjoni preventiva twila u illegali tas-Sur Demirtaş bħala waħda motivata politikament; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-prattiki irregolari u d-dikjarazzjonijiet politiċi li saru dwar dan il-każ, li jissuġġerixxu li l-Gvern Tork interferixxa fl-affarijiet ġudizzjarji relatati mad-detenzjoni estiża tas-Sur Demirtaş;

4.

Jistieden lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa biex b'mod urġenti jeżamina mill-ġdid, fil-laqgħa tiegħu li jmiss fil-21 ta' Marzu 2021, il-fatt li t-Turkija qed tirrifjuta li teżegwixxi s-sentenza tal-Awla Manja tal-QEDB fil-kawża Demirtaş vs it-Turkija, jadotta dikjarazzjoni dwar il-kwistjoni, u jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-Gvern tat-Turkija jimplimenta din is-sentenza mingħajr aktar dewmien; jinsab fiduċjuż bis-sħiħ li l-Presidenza Ġermaniża tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa se tieħu l-miżuri kollha xierqa u meħtieġa biex tiżgura l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Awla Manja fil-kawża tas-Sur Demirtaş; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Kunsill tal-Ewropa tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-QEDB dwar it-Turkija;

5.

Jikkundanna t-trattament tas-Sur Demirtaş mill-awtoritajiet Torok, li jikser id-drittijiet tiegħu skont il-KEDB, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-liġi nazzjonali Torka, u d-dinjità umana tiegħu kif imnaqqax fl-Artikolu 17 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tat-Turkija; iqis li l-estensjoni illegali tad-detenzjoni tas-Sur Demirtaş għal aktar minn 4 snin hija kastig krudili u politikament motivat li qed jikkawża ħsara personali u politika irreparabbli lilu, lill-familja tiegħu u lill-partit tiegħu; jappella lit-Turkija żżomm lura milli tkompli tieħu aktar miżuri ta' intimidazzjoni kontrih u tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem tiegħu kif imnaqqax fil-Kostituzzjoni Torka u fid-dritt Ewropew u dak internazzjonali;

6.

Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jqajmu mal-interlokuturi tagħhom il-każ tas-Sur Demirtaş u l-każijiet l-oħra kollha tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-avukati, tal-ġurnalisti, tal-politiċi u l-akkademiċi soġġetti għad-detenzjoni arbitrarja, u jipprovdulhom appoġġ diplomatiku u politiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-użu tal-għotjiet ta' emerġenza għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet mid-Delegazzjoni tal-UE u r-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fit-Turkija; iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għat-Turkija tkompli tissorvelja mill-qrib il-każ tas-Sur Demirtaş u ta' priġunieri oħra, inkluż billi tattendi l-proċessi tagħhom, u tkompli tqajjem is-sitwazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet Torok;

7.

Jinsab tassew imħasseb dwar in-nuqqas ta' osservanza muri mill-ġudikatura Torka u mill-awtoritajiet Torok tas-sentenzi tal-QEDB u n-nuqqas ta' konformità dejjem akbar tal-qrati inferjuri Torok mas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali Torka; jistieden lit-Turkija tiżgura l-konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-KEDB u mad-deċiżjonijiet tal-QEDB; iħeġġeġ il-kooperazzjoni sħiħa tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-minoranzi, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali; jittama li l-QEDB tkun tista' tħaffef id-deċiżjonijiet tagħha f'bosta kawżi li jinvolvu s-sitwazzjoni fit-Turkija; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jiżgura li l-individwi kollha jkollhom id-dritt fundamentali għal proċess ġust u d-dritt li l-kawżi tagħhom jiġu eżaminati permezz ta' sistema ġudizzjarja għalkollox indipendenti u funzjonali, f'konformità mal-istandards internazzjonali;

8.

Jinsab serjament imħasseb dwar l-attakki u l-pressjoni kostanti fuq il-partiti tal-oppożizzjoni, b'mod partikolari l-immirar speċifiku u politikament motivat kontinwu fuq l-HDP u fuq l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tiegħu mill-awtoritajiet Torok, fatt li jdgħajjef il-funzjonament xieraq tas-sistema demokratika, u jistieden lill-awtoritajiet Torok itemmu minnufih ir-ripressjoni tagħhom kontrihom; jesprimi tħassib partikolari rigward id-dibattitu li għaddej dwar l-għeluq tal-HDP u t-tneħħija tal-immunitajiet tad-disa' Membri Parlamentari tal-HDP, iż-żewġ azzjonijiet għall-istess protesti ta' Kobane ta' Ottubru 2014 li għalihom qed jiġi detenut is-Sur Demirtaş; jenfasizza l-każ ta' Cihan Erdal, membru tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-partit tal-Ħodor/tax-Xelluk Tork, li ġie detenut fil-25 ta' Settembru 2020 u imputat fis-7 ta' Jannar 2021 flimkien ma aktar minn 100 konvenut, inkluż Selahattin Demirtaş, bħala parti mill-“każ Kobane”; jinsab serjament imħasseb dwar il-fastidju politiku u ġudizzjarju kontinwu li qed tħabbat wiċċha miegħu Canan Kaftancıoğlu, president provinċjali ta' Istanbul tal-Partit Repubblikan tal-Poplu (CHP), li f'Settembru 2019 ġiet ikkundannata kważi 10 snin ħabs fuq kawża motivata politikament, li għaliha għadha pendenti deċiżjoni tal-Qorti Suprema, u li f'Diċembru 2020 ġiet imputata f'kawża ġdida li għaliha qed tiffaċċja 10 snin oħra;

9.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tnaqqis tal-ispazju għas-soċjetà ċivili u d-deterjorament li għaddej tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fit-Turkija; jenfasizza, b'mod partikolari, tħassib dwar il-fatt li t-Turkija qed terġa' taqa' lura b'mod kostanti f'dik li hi indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-awtoritajiet Torok jieqfu jagħtu fastidju ġudizzjarju lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-akkademiċi, lill-ġurnalisti, lill-mexxejja spiritwali, lill-avukati u lill-membri tal-komunità lesbjana, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali, li d-drittijiet fundamentali tagħhom ġew miksura, speċjalment wara l-attentat ta' kolp ta' stat li falla; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jeħles b'mod immedjat lill-personalità prominenti tas-soċjetà ċivili Osman Kavala f'konformità mas-sentenza tal-QEDB ta' Mejju 2020 u wara s-sejħiet u r-riżoluzzjonijiet imtennija tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;

10.

Ifakkar fir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem li ġie approvat dan l-aħħar, li huwa mekkaniżmu għall-monitoraġġ u s-sanzjonar tal-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, kif inhu l-każ fit-Turkija, immirat lejn individwi, entitajiet u korpi involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew assoċjati miegħu;

11.

Jinsab serjament imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja fit-Turkija; jistieden lill-awtoritajiet Torok iwieġbu u jaġixxu b'mod immedjat fuq it-twissijiet kollha maħruġa rigward it-Turkija fuq il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa u jippromwovu l-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti; jistieden lill-awtoritajiet Torok jiżguraw aċċess ekwu għall-ġustizzja u jtemmu l-kawżi motivati politikament kontra l-ġurnalisti u professjonisti tal-midja, bħall-każ reċenti tal-ġurnalista Melis Alphan, li ġiet akkużata bit-tixrid ta' propaganda terroristika u tista' teħel sa 7 snin u 6 xhur ħabs; jesprimi tħassib serju dwar il-monitoraġġ tal-pjattaformi tal-midja soċjali u jikkundanna l-għeluq tal-kontijiet tal-midja soċjali mill-awtoritajiet tat-Turkija; iqis dan bħala restrizzjoni ulterjuri tal-libertà tal-espressjoni u bħala għodda għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili;

12.

Jieħu nota tal-intenzjoni tat-Turkija li taqleb paġna ġdida fir-relazzjonijiet tagħha mal-UE, tad-determinazzjoni tagħha li timplimenta r-riformi u tal-impenn sħiħ tagħha għall-proċess ta' adeżjoni, kif espress mill-President Erdogan u uffiċjali għolja oħra tal-gvern fid-9 ta' Jannar 2021; huwa tal-fehma li r-rispett u l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-QEDB ikunu pass importanti fil-konferma tal-kredibbiltà ta' dikjarazzjonijiet bħal dawn bl-użu ta' data reali; itenni li l-UE tinsab disponibbli għal bidu ġdid; jenfasizza, madankollu, li relazzjonijiet aħjar u aktar profondi jiddependu għalkollox minn, inter alia, titjibiet tanġibbli fir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali fit-Turkija;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Presidenza Ġermaniża tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, u jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta għall-ilsien Tork.

(1)  ĠU C 463, 21.12.2018, p. 56.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0200.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2019)0017.

(4)  ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.