Official Journal L 010 , 16/01/2004 P. 0005 - 0010
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 ta' l-14 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta' identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkonsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Settembru 2003, rigward it-traċċar u t-tikkettjar ta' organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċar ta' ikel u prodotti ta' l-għalf prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE [1], u partikolarment l-Artikolu 8 tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 jippreskrivi qafas armonizzat għat-traċċar ta' organiżmi modifikati ġenetikament, minn issa ‘l quddiem "OMĠ-ijiet", u ta' l-ikel u prodotti ta' l-għalf prodotti minn OMĠ-ijiet matul it-trasmissjoni u ż-żamma ta' tagħrif rilevanti minn operaturi għal dawn il-prodotti f'kull stadju tat-tqegħid tagħhom fis-suq. (2) Skond dak ir-Regolament, operatur li jqiegħed fis-suq prodotti li jikkontjenu jew jikkonsistu minn OMĠ-ijiet huwa meħtieġ li jinkludi, bħala parti minn dak it-tagħrif rilevanti, l-identifikatur uniku assenjat għal kull OMĠ bħala mezz li jindika l-presenza tiegħu u jirrifletti l-każ speċifiku ta' trasformazzjoni kopert mill-kunsens jew l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid ta' dak l-OMĠ fis-suq. (3) Identifikaturi uniċi għandhom jiġu żviluppati bi qbil ma' format partikolari sabiex tiġi żgurata konsistenza kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll internazzjonali. (4) Il-kunsens jew l-awtorizzazzjoni mogħtija għat-tqegħid fis-suq ta' OMĠ imsemmi skond id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE [2] jew leġislazzjoni oħra tal-Komunità għandha tispeċifika l-identifikatur uniku għal dak l-OMĠ. Barra minn hekk, il-persuna li qed tapplika għal dan il-kunsens għandha tiżgura li l-applikazzjoni tispeċifika l-identifikatur uniku xieraq. (5) Fejn, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kunsensi jkunu ngħataw għat-tqegħid fis-suq ta' OMĠ-ijiet skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 dwar ir-rilazz deliberat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament [3], huwa meħtieġ li jiġi żgurat li identifikatur uniku huwa jew ġie żviluppat, assenjat u reġistrat kif xieraq għal kull OMĠ kopert minn dak il-kunsensi. (6) Sabiex titqies u tinżamm konsistenza ma' żviluppi f'fora internazzjonali, huwa xieraq li jitqiesu l-format-ijiet għal identifikaturi uniċi stabbiliti mill-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OKŻE), għall-użu fil-kuntest tad-database tal-prodott BioTrack u fil-kuntest tal-Biosafety clearing house stabbilit mill-Protokoll Cartagena dwar Biosafety fil-Konvenzjoni dwar Diversita Bijoloġika. (7) Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, huwa essenzali li dan ir-Regolament japplika bħala materja ta' urġenza. (8) Il-miżuri provvduti f'dan ir-Regolament huma b'mod konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I L-ISKOP Artikolu 1 1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal organiżmi modifikati ġenetikament, minn issa ‘l quddiem imsejħa "OMĠ-ijiet", awtorizzati għat-tqegħid fis-suq bi qbil mad-Direttiva 2001/18/KE jew leġislazzjoni oħra tal-Komunità, u applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq skond leġislazzjoni oħra. 2. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju awtorizzati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93 [4], jew applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni skond dak ir-Regolament. IL-KAPITOLU II APPLIKAZZJONIJIET GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ TA' OMĠ-IJIET Artikolu 2 1. Applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' OMĠ-ijiet għandhom jinkludu identifikatur uniku għal kull OMĠ konċernat. 2. Applikanti għandhom, bi qbil mal-format-ijiet dikjarati fl-Anness, jiżviluppaw l-identifikatur uniku għal kull OMĠ konċernat, wara konsulatzzjoni tad-database tal-prodott BioTrack OKŻE, u l-Biosafety clearing house, biex jiġi stabbilit jekk ġiex żviluppat diġa identifikatur uniku għal dak l-OMĠ bi qbil ma' dawn il-format-ijiet jew le. Artikolu 3 Fejn jingħata kunsens jew awtorizzażżjoni għat-tqegħid fis-suq ta' OMĠ: (a) il-kunsens jew l-awtorizzazzjoni għandhom jispeċifikaw l-identifikatur uniku għal dak l-OMĠ; (b) il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità, jew, fejn xieraq, l-awtorita kompetenti li tkun ħadet id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni oriġinali għandha tiżgura li l-identifikatur uniku għal dak l-OMĠ jiġi komunikat kemm jista' jkun malajr, bil-miktub, lill-Biosafety clearing house; (ċ) L-identifikatur uniku għal kull OMĠ konċernat għandu jiġi reġistrat fir-reġistri rilevanti tal-Kummissjoni. IL-KAPITOLU III OMĠ-IJIET LI GĦALIHOM INGĦATA KUNSENS GĦAT TQEGĦID FIS-SUQ TAGĦHOM QABEL ID-DĦUL FIS-SEĦĦ TA' DAN IR-REGOLAMENT Artikolu 4 1. Identifikaturi uniċi għandhom jiġu assenjati lill-OMĠ-ijiet kollha li rigward tagħhom, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kunsens ingħata skond id-Direttiva 90/220/KEE għat-tqegħid tagħhom fis-suq. 2. Possessuri ta' kunsens rilevanti jew fejn xieraq l-awtorita kompetenti li tkun ħadet id-deċiżjoni final dwar l-applikazzjoni oriġinali għandha tikkonsulta mad-database tal-prodott BioTrack OKŻE, u l-Biosafety clearing house, biex jiġi stabbilit jekk ġiex żviluppat diġa identifikatur uniku għal dak l-OMĠ bi qbil ma' dawn il-format-ijiet dikjarati fl-Anness jew le. Artikolu 5 1. Fejn, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kunsens ikun ingħata għat-tqegħid fis-suq ta' OMĠ u fejn identifikatur uniku jkun ġie żviluppat għal dak l-OMĠ bi qbil mal-format-ijiet dikjarati fl-Anness, paragrafi 2, 3 u 4 għandhom japplikaw. 2. Kull possessur ta' kunsens, jew fejn xieraq l-awtorita kompetenti li tkun ħadet id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni orġinali, għandu fi żmien 90 jum wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jikkomunika dan li ġej, bil-miktub, lill-Kummissjoni: (a) il-fatt li l-identifikatur uniku jkun diġa ġie żviluppat bi qbil mal-format-ijiet dikjarati fl-Anness; (b) id-dettalji ta' l-identifikatur uniku. 3. L-identifikatur uniku għal kull OMĠ konċernat għandu jiġi reġistrat fir-reġistri rilevanti tal-Kummissjoni. 4. Il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità, jew, fejn xieraq, l-awtorita kompetenti li tkun ħadet id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni oriġinali għandha tiżgura li l-identifikatur uniku għal dak l-OMĠ jiġi komunikat kemm jista' jkun malajr, bil-miktub, lill-Biosafety clearing house; Artikolu 6 1. Fejn, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kunsens ikun ingħata għat-tqegħid fis-suq ta' OMĠ iżda fejn identifikatur uniku ma jkunx ġie żviluppat għal dak l-OMĠ bi qbil mal-format-ijiet dikjarati fl-Anness, paragrafi 2, 3 u 4 u 5 għandhom japplikaw. 2. Kull possessur ta' kunsens, jew fejn xieraq, l-awtorita kompetenti li tkun ħadet id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni orġinali, għandu jiżviluppa identifikatur uniku għall-OMĠ konċernat bi qbil mal-format-ijiet dikjarati fl-Anness. 3. Il-possessur tal-kunsens għandu, fi żmien 90 jum wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jikkomunika d-dettalji ta' l-identifikatur uniku, bil-miktub, lill-awtorita kompetenti li qed tagħti l-kunsens, li mbagħad għandha titrasmetti immedjatament dawn id-dettalji lill-Kummissjoni. 4. L-identifikatur uniku għal kull OMĠ konċernat għandu jiġi reġistrat fir-reġistri rilevanti tal-Kummissjoni. 5. Il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità, jew, fejn xieraq, l-awtorita kompetenti li tkun ħadet id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni oriġinali għandha tiżgura li l-identifikatur uniku għal dak l-OMĠ jiġi komunikat kemm jista' jkun malajr, bil-miktub, lill-Biosafety clearing house; KAPITOLU IV DISPOSIZZJONI FINALI Artikolu 7 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, fl-14 ta' Jannar 2004. Għall-Kummissjoni Margot Wallström Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 268, tat-18.10.2003, p. 24. [2] ĠU L 106, tas-17.4.2001, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 1830/2003. [3] ĠU L 117, tat-8.5.1990, p. 15. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/18/KE. [4] ĠU L 214, ta' l-24.8.1993, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS FORMAT-IJIET GĦAL IDENTIFIKATURI UNIĊI L-Anness hawn taħt jiddefinixxi l-format għall-identifikatur uniku għal pjanti f'Taqsima A u għal mikro-organiżmi u annimali f'Taqsima B. TAQSIMA A 1. Format totali Dan l-Anness jipprovdi dettalji rigward il-format li jrid jintuża għal identifikaturi uniċi għal OMĠ-ijiet pendenti jew awtorizzati għat-tqegħid fis-suq skond leġislazzjoni tal-Komunità. Il-format jikkonsisti minn tliet komponenti li jikkomprendu numru ta' ċifri diġitali alfanumeriċi u jipprovdi riferenza għall-applikant/possessur tal-kunsens, każ ta' trasformazzjoni u mezzi ta' verifikazzjonil Il-format jikkomprendi disa' ċifri diġitali alfanumeriċi b'kollox. L-ewwel komponent jirrappreżenta l-applikant/possessur ta' kunsens u jikkomprendi żewġ jew tliet ċifri diġitali alfanumeriċi. It-tieni komponent jikkomprendi ħames jew sitt ċifri diġitali alfanumeriċi u jirrappreżenta l-każ ta' trasformazzjoni. It-tielet komponent jipprovdi għal verifika u huwa rappreżentat minn ċifra numerika finali. Dan li ġej jipprovdi eżempju ta' identifikatur uniku żviluppat permezz ta' dan il-format. Ċ | E | D | - | A | B | 8 | 9 | 1 | - | 6 | jew | Ċ | E | - | A | B | Ċ | 8 | 9 | 1 | - | 5 | It-taqsimiet li ġejjin jipprovdu gwida rigward kif it-tliet komponenti individwali ta' l-identifikatur uniku għandhom jiġu żviluppati. 2. Komponent ta' l-applikant/possessur ta' kunsens L-ewwel żewġ jew tliet ċifri diġitali alfanumeriċi jirrappreżentaw l-applikant/possessur ta' kunsens (per eżempju, l-ewwel żewġ jew tliet ittri ta' l-isem ta' l-organizzazzjoni ta' l-applikant/possessur ta' kunsens), segwiti minn sing (dash), bħal; Ċ | E | D | - | jew | Ċ | E | - | | Applikanti jistgħu jkunu diġa assenjaw ċifri diġitali alfanumeriċi biex jindikaw l-identita tagħhom u dawn jidhru fit-tabella tal-kodiċi ta' l-applikant fid-database tal-prodott tal-BioTrack OKŻE. Dawn l-applikanti għandhom ikomplu jużaw dawn iċ-ċifri diġitali. Kull applikant ġdid li mhuwiex identifikat fid-database ma jitħalliex juża l-kodiċijiet eżistenti mniżżla fit-tabella tal-kodiċi ta' l-applikant fid-database. L-applikant il-ġdid għandu jgħarraf lill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom jaġġornaw id-database tal-prodott BioTrack OKŻE billi jinkludu kodiċi ġdida (ċifri diġitali) li se tiġi disinjata biex tidentifika lill-applikanti l-ġdid fit-tabella tal-kodiċi. 3. Komponent ta' każ ta' trasformazzjoni It-tieni sett ta' ħames jew sitt ċifri diġitali alfanumeriċi għandu jirrappreżenta l-każ(ijiet) speċifiċi ta' trasformazzjoni, li huwa s-suġġett ta' l-applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u/jew kunsens, bħal: A | B | 8 | 9 | 1 | - | | jew | A | B | Ċ | 8 | 9 | 1 | - | Biċ-ċar, każ individwali ta' trasformazzjoni jista' jseħħ f'organiżmi differenti, speċje u varjetajiet u ċ-ċifri diġitali għandhom ikunu rappreżentattivi tal-każ speċifiku msemmi. Għal darb'oħra, applikanti għandhom, qabel ma jifformulaw identifikatur uniċi, jikkonsultaw mad-database tal-prodott BioTrack OKŻE f'termini ta' l-identifikaturi uniċi li jkunu ġew assenjati għal każ-ijiet simili ta' trasformazzjoni ta' l-isess organiżmu/speċje sabiex tiġi provvduta konsistenza u biex tiġi evitata dupplikazzjoni. Applikanti għandhom jiżviluppaw il-mekkaniżmu intern tagħhom biex jevitaw li tapplikaw l-istess nomina (ċifri diġitali) għal "każ ta' trasformazzjoni" jekk tintuża' f'organiżmu differenti. Fejn każijiet simili ta' trasformazzjoni jkunu żviluppaw minn żewġ organizzazzjonijiet jew aktar it-tagħrif ta' l-applikant (ara taqsima 2) għandu jgħin lill-applikanti li jiġġeneraw identifikatur uniku għall-prodott tagħhom stess, fil-waqt li fl-istess ħin jiżguraw il-uniqueness tiegħu minn dawk ġenerati minn applikanti oħra. Rigward OMĠ-ijiet ġodda li jikkomprendu aktar minn każ wieħed ta' trasformazzjoni (spiss riferiti bħala każijiet ta' trasformazzjoni stacked-gene), applikanti jew possessuri ta' kunsens għandhom jiġġeneraw identifikatur uniku ġdid għal dawn il-OMĠ-ijiet. 4. Komponenet ta' verifika Iċ-ċifra diġitali finali ta' l-identifikatur uniku hija għal verifika, li għandha tiġi separata mill-bqija taċ-ċifri diġitali ta' l-identifikatur uniku permezz ta' sing (dash), bħal: - | 6 | jew | - | 5 | Iċ-ċifra diġitali ta' verifika hija maħsuba biex tnaqqas żbalji billi tiżgura l-integrita ta' l-identifikatur alfanumeriku, imdaħħal mill-utenti tad-database. Ir-regola biex tiġi kalkolata ċ-ċifra diġitali ta' verifika hija kif ġej. Iċ-ċifra diġitali ta' verifika hija magħmula minn ċifra diġitali numerika waħda. Hija kalkolata billi jiżdiedu flimkien il-valuri numeriċi ta' kull ċifra diġitali alfanumerika fl-identifikatur uniku. Il-valur numeriku ta' kull waħda miċ-ċifri diġitali huwa minn Ø sa 9 għaċ-ċifri diġitali numeriċi (Ø sa 9) u 1 sa 26 għaċ-ċifri diġitali alfabetiċi (A sa Z) (ara taqsimijiet 5 u 6). Is-somma totali, jekk tkun magħmula minn numru ta' ċifri diġitali numeriċi, se tiġi kalkolata aktar billi jiżdiedu l-bqija taċ-ċifri diġitali flimkien permezz ta' l-istess regola, fi proċess iterative (iterative), sakemm is-somma finali tkun ċifra diġitali numerika waħda. Per eżempju, iċ-ċifra diġitali ta' verifika għall-kodiċi ĊED-AB891 hija kalkolata kif ġej: l-ewwel pass: | 3 + 5 + 4 + 1 + 2 + 8 + 9 + 1 = 33; | it-tieni pass: | 3 + 3 = 6; għalhekk iċ-ċifra diġitali ta' verifika hija 6. | Għalhekk, l-identifikatur uniku finali mbagħad isir - ĊED-AB891-6. 5. Forom ta' ċifri diġitali li jridu jintużaw fl-identifikatur uniku Ø | 1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 | 9 | 6. Forom ta' karattri alfabetiċi li jridu jintużaw, u ekwivalenti numeriċi għall-kalkolu taċ-ċifra diġitali ta' verifika. A = 1 | B = 2 | Ċ = 3 | D = 4 | E = 5 | F = 6 | G = 7 | H = 8 | I = 9 | J = 1Ø | K = 11 | L = 12 | M = 13 | N = 14 | O = 15 | P = 16 | Q = 17 | R = 18 | S = 19 | T = 2Ø | U = 21 | V = 22 | W = 23 | X = 24 | Y = 25 | Z = 26 | Żero għandu jiġi rifless permezz tas-simbolu Ø biex tiġi evitata konfużjoni ma' l-ittra O TAQSIMA B Id-dispożizzjonijiet ta' taqsima A ta' dan l-Anness għandhom japplikaw għal mikro-organiżmi u annimali sakemm format ieħor għal identifikatur uniku jkun ġie adottat internazzjonalment u endorsjat f'livell Komunitarju. --------------------------------------------------