European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/407

26.1.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/407

tat-23 ta’ Jannar 2024

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste mad-WTO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)

Skont l-Artikoli IV:1 u IX:1 tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) għandha l-awtorità li tadotta deċiżjonijiet b’kunsens.

(3)

Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO, matul it-13-il laqgħa tagħha mis-26 sad-29 ta’ Frar 2024, tista’ tadotta deċiżjoni dwar l-adeżjoni ta’ Timor Leste mad-WTO.

(4)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il laqgħa tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, billi d-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)

In-negozjati għall-adeżjoni ta’ Timor Leste mad-WTO bdew fl-2016. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni ta’ Timor Leste (il-“Grupp ta’ Ħidma”) ġie stabbilit fis-7 ta’ Diċembru 2016. Is-sitt laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma saret fil-11 ta’ Ottubru 2023.

(6)

In-negozjati multilaterali dwar oqsma addizzjonali relatati mal-kummerċ għadhom għaddejjin. F’Marzu 2023, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, iffinalizzat negozjati bilaterali dwar serje komprensiva ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa ta’ Timor Leste.

(7)

L-adeżjoni fil-WTO hija mistennija tagħmel kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess ta’ riforma ekonomika u żvilupp sostenibbli fit-Timor Leste. L-Unjoni għalhekk jenħtieġ li tappoġġa l-adeżjoni ta’ Timor Leste,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO għandha tkunli tingħaqad mal-kunsens milħuq fost il-Membri tad-WTO bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni rigward l-adeżjoni ta’ Timor Leste mad-WTO.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

D. CLARINVAL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986–1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/407/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)