10.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/553

tat-3 ta' April 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett magħmul minn żewġ tubi miżmuma flimkien bi brackets, b'tul totali ta' madwar 150 cm u b'dijametru ta' kull tubu ta' madwar 0,8 cm. It-tubi huma wweldjati u magħmula minn liga tal-aluminju.

L-oġġett huwa mfassal biex jintuża fil-vetturi bil-mutur biex iwassal il-likwidu tat-tberrid mill-magna għall-iskambjatur tas-sħana li jinsab taħt id-daxxbord tal-vettura.

Ara l-istampa (*1).

7608 20 20

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mit-test tal-kodiċijiet NM 7608 , 7608 20 u 7608 20 20 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8415 90 00 bħala partijiet ta' magni tal-arja kundizzjonata, taħt il-kodiċi NM 8419 90 85 bħala partijiet oħrajn ta' makkinarju għat-trattament ta' materjali bi proċess li jinvolvi bidla ta' temperatura jew taħt il-kodiċi NM 8708 91 99 bħala partijiet oħrajn ta' radjaturi tal-vetturi bil-mutur hija eskluża peress li abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, l-oġġett mhuwiex tajjeb biex jintuża biss jew prinċipalment ma' dawn l-oġġetti (ara n-nota 2(b) tat-Taqsima XVI u n-nota 3 tat-Taqsima XVII).

Għalhekk, l-oġġett għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 7608 20 20 bħala tubi u pajpijiet ta' aluminju, ta' ligi tal-aluminju iwweldjati.

Image 1

(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal finijiet ta' informazzjoni