13.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/18


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1467

tas-6 ta’ Lulju 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 fir-rigward tal-obbligu ta’ liċenzja tal-esportazzjoni għar-ross

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(3)(c) u (e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 (3) jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tas-sistema ta’ liċenzji għall-prodotti agrikoli inkluż il-lista ta’ prodotti soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni.

(2)

L-Artikolu 2(2), il-punt (a) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 flimkien mal-Anness tiegħu, il-Parti II, il-punt A, jipprevedi obbligu ta’ liċenzja għall-esportazzjonijiet ta’ “ross (ismar) bla ħliefa” li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1006 20 u “ross mitħun kollu jew nofsu mitħun, kemm jekk illustrat jew igglejżjat jew le” li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1006 30.

(3)

Attwalment, il-monitoraġġ effettiv tal-esportazzjoni jista’ jitwettaq permezz ta’ mezzi oħra. Fl-interess tas-simplifikazzjoni u għall-fini li jittaffa l-piż amministrattiv għall-Istati Membri u l-operaturi, jenħtieġ li l-obbligu ta’ liċenzji tal-esportazzjoni għar-ross (ismar) bla ħliefa u għar-ross mitħun kollu jew nofsu mitħun, kemm jekk illustrat jew igglejżjat jew le”, jiġi abolit.

(4)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġa għar-ross (ismar) bla ħliefa u għar-ross mitħun kollu jew nofsu mitħun, kemm jekk illustrat jew igglejżjat jew le li għalihom l-obbligu tal-liċenzja tal-esportazzjoni huwa abolit b’dan ir-Regolament u li jkunu għadhom validi fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(5)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237

Fil-Parti II tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jitħassar il-punt A.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Fuq it-talba tad-detentur titolari, il-garanzija ppreżentata għal-liċenzja tal-esportazzjoni għar-ross (ismar) bla ħliefa u għar-ross mitħun kollu jew nofsu mitħun, kemm jekk illustrat jew igglejżjat jew le, għandha tiġi rilaxxata meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-validità tal-liċenzja ma tkunx skadiet fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-liċenzja tkun intużat parzjalment jew ma tkun intużat xejn fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar ir-rilaxx u t-telf ta’ garanziji ppreżentati għal tali liċenzji, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, (KE) Nru 1342/2003, (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 341/2007 u (KE) Nru 382/2008 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2390/98, (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 507/2008 (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 1).