European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/4094

31.7.2026

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Dokument ta’ gwida dwar is-sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar — l-Artikolu 5 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar

(C/2026/4094)

Werrej

1.

DAĦLA 2

2.

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U OBJETTIVI TAD-DIRETTIVA DWAR L-GĦASAFAR 5

2.1.

Kamp ta’ applikazzjoni 5

2.2.

Objettivi 6

3.

L-ARTIKOLU 5 TAD-DIRETTIVA DWAR L-GĦASAFAR 8

3.1.

Test tal-Artikolu 5 8

3.2.

Kunsiderazzjonijiet ġenerali 8

3.3.

Il-kunċett ta’ “intenzjonalità” skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar 10

3.4.

Teħid ta’ miżuri preventivi biex tiġi evitata ħsara intenzjonata 11

3.5.

Projbizzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 5 12

3.6.

Implimentazzjoni tal-Artikolu 5 15

3.6.1.

Il-ħtieġa għal qafas leġiżlattiv komplut u effettiv 15

3.6.2.

Integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 fil-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi 16

3.6.3.

Eżempji ta’ attivitajiet li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 u ta’ miżuri preventivi potenzjali 17

4.

L-ARTIKOLU 9 TAD-DIRETTIVA DWAR L-GĦASAFAR 32

4.1.

Test tal-Artikolu 9 32

4.2.

Kunsiderazzjonijiet ġenerali 33

4.3.

Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ derogi skont l-Artikolu 9 35

4.4.

Ir-rwol tal-Artikolu 9 fl-iżgurar tal-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva dwar l-Għasafar 45

4.5.

Artikolu 9(3) u (4) 46

Anness I:

Applikazzjoni tad-derogi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar fir-rigward tal-Wiżża Artika 47

Anness II:

Applikazzjoni ta’ derogi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar fir-rigward tal-Margun 55

1.   DAĦLA

Id-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (id-Direttiva dwar l-Għasafar) (1) hija pilastru ewlieni tal-politika ambjentali tal-UE. Hija asserzjoni tal-impenn tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità globali li tkompli tiżgura l-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar madwar l-Ewropa.

Adottata fl-1979, id-Direttiva dwar l-Għasafar kienet ir-rispons politiku għal protesta pubblika qawwija fuq it-tnaqqis drammatiku fil-ħajja tal-għasafar. Minħabba li l-għasafar jemigraw u ma jirrikonoxxux il-fruntieri nazzjonali, kien ċar li l-isforzi ta’ konservazzjoni jkunu aktar effettivi jekk jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, l-għasafar huma indikatur sinifikanti għall-istat tal-bijodiversità u s-saħħa tal-ambjent. Għalhekk, id-Direttiva dwar l-Għasafar ġabet magħha dimensjoni ġdida għall-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi abbażi tal-protezzjoni u l-ġestjoni tal-ħabitats, kif ukoll tal-ispeċijiet, minħabba li kien qed isir dejjem aktar ċar li, sabiex tiġi protetta speċi, kien meħtieġ ukoll li jiġi kkonservat il-ħabitat tagħha.

Filwaqt li għad hemm sfidi li jridu jingħelbu biex jiġu żgurati popolazzjonijiet ta’ għasafar b’saħħithom fit-tul, id-Direttiva dwar l-Għasafar tkompli tistabbilixxi l-istandard għall-konservazzjoni tal-għasafar fis-27 Stat Membru tal-UE.

Figura 1

Kronoloġija tal-inizjattivi ewlenin tal-UE u internazzjonali għan-natura u l-bijodiversità

Image 1

DIKJARAZZJONI TA’ ĊAĦDA TA’ RESPONSABBILTÀ

Din il-gwida interpretattiva għandha l-għan li tiċċara d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, filwaqt li tiġbor ukoll il-ġurisprudenza applikabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE). Il-gwida ma hijiex legalment vinkolanti u ma toħloqx obbligi legali ġodda. Hija pjuttost tippreżenta diversi kjarifiki biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali l-aktar xierqa għall-kuntest speċifiku tagħhom.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għal ġurisprudenza ulterjuri mill-QĠUE, għall-eżitu tat-test tal-istress li għaddej bħalissa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u għall-pakkett ta’ proposti għas-simplifikazzjoni tal-piżijiet amministrattivi mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (2). B’mod partikolari, bħala parti minn dak il-pakkett, il-Kummissjoni pproponiet xi dispożizzjonijiet li jiżguraw li r-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-ispeċijiet fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar ma jiġux interpretati b’mod restrittiv jew oneruż iżżejjed, mingħajr ma jiġi kompromess l-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva (3). Wara l-eżitu tal-proċess leġiżlattiv, tista’ tkun meħtieġa reviżjoni ta’ din il-gwida.

Qafas ġenerali tad-Direttiva dwar l-Għasafar

Id-Direttiva dwar l-Għasafar tipproteġi l-ispeċijiet kollha tal-għasafar li jinsabu b’mod naturali fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat (l-Artikolu 1) (4).

B’rikonoxximent tal-importanza li jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa essenzjali li nipproteġu l-ambjent tagħna, inkluż permezz tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar, b’interessi vitali oħrajn, l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex iżommu l-popolazzjoni tal-ispeċijiet kollha koperti mill-Artikolu 1 f’livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi, jew biex jadattaw il-popolazzjoni għal dak il-livell.

Id-Direttiva dwar l-Għasafar issegwi dan l-objettiv primarjament permezz ta’ żewġ pilastri ewlenin:

(1)

il-protezzjoni tal-ħabitats tal-ispeċijiet tal-għasafar (protezzjoni bbażata fuq is-sit); u

(2)

l-istabbiliment ta’ sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċijiet kollha b’ċerti projbizzjonijiet (protezzjoni tal-ispeċijiet).

L-ewwel pilastru jirrigwardja r-reġim ta’ protezzjoni bbażat fuq is-sit tad-Direttiva dwar l-Għasafar u huwa sostnut mill-Artikoli 3 u 4 tagħha. L-Artikolu 3 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippreservaw, iżommu jew jerġgħu jistabbilixxu diversità u żona ta’ ħabitats suffiċjenti għall-ispeċijiet kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1. Skont l-Artikolu 4, iż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) iridu jiġu kklassifikati għall-konservazzjoni tal-aktar territorji adattati għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva u għall-ispeċijiet migratorji regolari. Ladarba sit ikun ġie kklassifikat, huwa jsir parti min-network Natura 2000, u soġġett għar-reġim protettiv stabbilit fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar, u fl-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE (5) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats) bis-saħħa tal-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva (6). Għal kull ŻPS, l-Istati Membri huma meħtieġa jiddefinixxu objettivi ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit u jistabbilixxu u jimplimentaw il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa (7). Fl-aħħar nett, il-pjanijiet jew il-proġetti li jaffettwaw iż-ŻPS jistgħu jiġu approvati biss jekk ma jkollhomx effett negattiv sinifikanti fuq l-integrità tas-sit. Madankollu, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, pjan jew proġett li jkollu impatt sinifikanti fuq ŻPS jista’ madankollu jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti, inklużi dawk ta’ natura soċjali u ekonomika, fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi u jekk jittieħdu miżuri ta’ kumpens biex tiġi żgurata l-koerenza tan-network ta’ ŻPS.

It-tieni pilastru jistabbilixxi sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċijiet tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Kuntrarju għar-rekwiżiti ta’ protezzjoni bbażati fuq is-sit, din is-sistema tapplika għall-ispeċijiet kollha ta’ għasafar selvaġġi li jinstabu b’mod naturali fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat.

Dan il-pilastru huwa regolat mill-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. L-Artikolu 5 jirrikjedi l-istabbiliment ta’ sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċijiet tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, filwaqt li jelenka projbizzjonijiet partikolari li japplikaw f’dan il-kuntest. L-Artikolu 6 jipprojbixxi l-bejgħ, it-trasport għall-bejgħ, iż-żamma għall-bejgħ u l-offerta għall-bejgħ ta’ għasafar ħajjin jew mejtin jew derivattivi tagħhom, soġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) u (3) għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva. L-Artikolu 7 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kaċċa tal-ispeċijiet tal-għasafar elenkati fl-Anness II tad-Direttiva (8). L-Artikolu 8(1) jipprojbixxi l-użu tal-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi kollha għall-qbid jew għall-qtil fuq skala kbira jew mhux selettiv tal-għasafar jew ta’ dawk li kapaċi jikkawżaw l-għajbien lokali ta’ speċi. L-Anness IV, il-punt (a) jelenka xi prattiki bħal dawn li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8. L-Artikolu 8(2) jipprojbixxi l-kaċċa mill-modi ta’ trasport u soġġett għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness IV, il-punt (b). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9 jiżgura li r-restrizzjonijiet protettivi tal-Artikoli 5 sa 8 ikunu bbilanċjati kontra interessi importanti oħrajn billi jiddefinixxi ċ-ċirkostanzi li fihom huwa possibbli li ssir deroga minn dawk ir-rekwiżiti.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar hija soġġetta għall-prinċipju ta’ prekawzjoni fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bl-applikazzjoni ta’ standard ogħla ta’ protezzjoni f’każijiet ta’ inċertezza xjentifika dwar ir-riskju għal speċi.

Billi l-istrument legali huwa direttiva, l-Istati Membri jridu jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha fis-sistemi legali nazzjonali rispettivi tagħhom li jippermettulhom iqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Il-QĠUE sostniet konsistentement li t-traspożizzjoni ta’ direttiva trid tkun ċara u preċiża, fidila b’forza vinkolanti inkontestabbli u bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali (9). Minbarra l-obbligu li jittrasponu b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jiżguraw li s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita tiġi applikata b’mod effettiv fil-prattika. Din hija r-raġuni għaliex l-awtoritajiet kompetenti għandhom rwol ewlieni fis-sensibilizzazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni, fl-istabbiliment ta’ rekwiżiti, fil-ħolqien ta’ inċentivi, fil-monitoraġġ tal-konformità u fl-iżgurar ta’ infurzar sħiħ u effettiv (10). Huwa f’idejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jiżguraw li l-attivitajiet umani jkunu jistgħu jsiru b’mod li jkun sensittiv u kompatibbli mal-ħtieġa li jiġu protetti l-ispeċijiet tal-għasafar fl-UE. Id-Direttiva dwar l-Għasafar tipprevedi wkoll flessibbiltà, b’mod partikolari permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ deroga tagħha, li jippermettu lill-Istati Membri jibbilanċjaw il-protezzjoni tal-ambjent ma’ interessi soċjoekonomiċi importanti.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-gwida

Dan id-dokument ta’ gwida jfittex li jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Huwa jirrifletti biss il-fehmiet tal-Kummissjoni u ma huwiex legalment vinkolanti. Il-QĠUE biss tista’ tipprovdi interpretazzjonijiet awtorevoli tad-dritt tal-UE. Fejn il-QĠUE tkun iddeċidiet dwar dispożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar, il-Kummissjoni tibbaża fuq dik id-deċiżjoni biex tinforma din il-gwida, kif ukoll tenfasizza l-flessibbiltajiet disponibbli għall-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet b’kunsiderazzjoni tal-objettivi ġenerali tad-Direttiva.

L-Artikolu 7, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kaċċa tal-ispeċijiet tal-għasafar elenkati fl-Anness II, fil-qafas tal-objettivi ġenerali ta’ konservazzjoni tad-Direttiva, diġà kien kopert f’dokument ta’ gwida preċedenti tal-Kummissjoni. Għalhekk, dan id-dokument ta’ gwida huwa komplementari għal, u għandu jinqara flimkien mal- “Guide to sustainable hunting under the Birds Directive” (11).

Din il-gwida ma tkoprix id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 sa 8 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jew id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni bbażata fuq is-sit tal-Artikolu 4. Għal dettalji dwar ir-rekwiżiti għall-ġestjoni taż-ŻPS li jinsabu fl-Artikoli 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, ara l-gwida tal-Kummissjoni “Il-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000: Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-Ħabitats” (12).

Għaliex hija meħtieġa din il-gwida?

Fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi u ta’ sigurtà globali li qed jikbru, huwa importanti li jiġi żgurat li d-Direttiva dwar l-Għasafar tkompli tiffaċilita ekonomija kompetittiva u sostenibbli, filwaqt li tipproteġi l-wirt naturali tagħna.

Id-dokument għandu l-għan li jipprovdi gwida għall-interpretazzjoni u għall-implimentazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ protezzjoni skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, filwaqt li fl-istess ħin jgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Huwa jiċċara r-rekwiżiti minimi u jispjega kif ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-ispeċijiet jistgħu jiġu applikati b’mod korrett, filwaqt li jissimplifika dan il-kompitu għall-awtoritajiet kompetenti u għall-operaturi ekonomiċi.

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni komuni tad-dispożizzjonijiet, din il-gwida għandha wkoll l-għan li tispjega l-flessibbiltajiet li huma disponibbli għall-Istati Membri fid-dawl tar-rekwiżiti tad-Direttiva u l-ġurisprudenza tal-QĠUE. Dan għandu l-għan li jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll lill-utenti tal-art u tal-baħar, ikomplu l-attivitajiet tagħhom b’ċertezza li ma humiex f’riskju li jiksru r-rekwiżiti tad-Direttiva.

Il-gwida hija prinċipalment immirata lejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, iżda se sservi bħala referenza għall-organizzazzjonijiet u għal partijiet ikkonċernati oħrajn, involuti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar. L-iskop tagħha huwa li tiċċara u tirrazzjonalizza l-implimentazzjoni tad-Direttiva billi tagħti gwida ċara u prattika bbażata fuq l-esperjenzi fi Stati Membri differenti, u fuq l-għarfien miksub mill-interpretazzjoni tad-Direttiva mill-QĠUE.

L-Anness I ta’ din il-gwida fih gwida relatata mal-Wiżża Artika (Branta leucopsis), speċi li għaddiet minn żieda sinifikanti fil-popolazzjoni, li kienet wasslet, f’xi każijiet, għal ħsara sinifikanti li kellha impatt fuq l-attivitajiet ekonomiċi. Dokument ta’ gwida preċedenti, “Great Cormorant: Applying derogations under Article 9 of the Birds Directive 2009/147/EC” (13), spjega l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 fil-kuntest partikolari tal-prevenzjoni ta’ danni serji għal ċerti attivitajiet ekonomiċi relatati mal-Margun (Phalacrocorax carbo). Minħabba r-rilevanza tas-suġġett, il-ħtieġa li dak id-dokument jiġi aġġornat fid-dawl tal-isfidi nazzjonali li jirriżultaw miż-żieda fl-abbundanza tal-ispeċijiet f’partijiet tal-UE u l-ħtieġa għal soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati l-kunflitti bejn il-Margun u s-sajd, verżjoni aġġornata hija ppreżentata fl-Anness II ta’ din il-gwida. Dawn iż-żewġ annessi għandhom l-għan li jispjegaw il-livell ta’ flessibbiltà disponibbli għall-Istati Membri sabiex jipprevjenu ħsara serja lill-agrikoltura u s-sajd ikkawżata minn dawn iż-żewġ speċijiet, inkluż permezz ta’ eżempji prattiċi.

2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U OBJETTIVI TAD-DIRETTIVA DWAR L-GĦASAFAR

2.1.   Kamp ta’ applikazzjoni

1.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tagħha.

“Artikolu 1

(1)   Din id-Direttiva tirrigwarda l-konservazzjoni tal-ispeċijiet kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fl-istat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Hija tkopri l-protezzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċijiet u tistabbilixxi regoli għall-isfruttament tagħhom.

(2)   Hija għandha tapplika għall-għasafar, il-bajd u l-ħabitats tagħhom.”

2.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva dwar l-Għasafar għalhekk tirrigwarda l-protezzjoni tal-ispeċijiet kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fl-istat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat (14). Il-Kummissjoni elenkat l-ispeċijiet ta’ għasafar li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, inklużi viżitaturi aċċidentali (15).

3.

Il-QĠUE sostniet li d-Direttiva dwar l-Għasafar tirrikjedi li l-Istati Membri jipproteġu l-għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fl-UE, anki jekk il-ħabitat naturali tal-ispeċijiet inkwistjoni ma jkunx jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (16). L-ispeċijiet li jiġu introdotti fi Stat Membru huma koperti mid-Direttiva dwar l-Għasafar jekk ikunu indiġeni xi mkien ieħor fl-UE. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ma jestendix għal speċijiet introdotti li ma humiex indiġeni għal kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE, sakemm ma jkunux imsemmija espliċitament f’wieħed mill-annessi tad-Direttiva (eż. id-Dundjan Selvaġġ, Meleagris gallopavo).

4.

Il-QĠUE kkonfermat li d-Direttiva ma hijiex applikabbli għal kampjuni ta’ għasafar li twieldu u li trabbew fil-magħluq, billi l-estensjoni tar-reġim protettiv lil hinn mill-popolazzjonijiet tal-għasafar preżenti fl-ambjent naturali tagħhom ma sservix l-objettiv ambjentali li fuqu hija bbażata d-Direttiva (17). Madankollu, id-Direttiva hija applikabbli għal individwi ta’ speċijiet selvaġġi ddomestikati jew imwielda u mrobbija fil-magħluq li jiġu rilaxxati fis-selvaġġ u ma jistgħux jibqgħu jiġu distinti b’mod ċar minn kampjuni selvaġġi. Dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ kampjuni selvaġġi li jistgħu jiġu soġġetti bi żball għal ħsara pprojbita mid-Direttiva (18).

2.2.   Objettivi

5.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jirrikjedi li jittieħdu miżuri għall-għasafar elenkati fl-Artikolu 1.

“Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.”

6.

Filwaqt li ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva dwar l-Għasafar li tiddefinixxi l-objettivi tagħha, il-QĠUE artikolat l-iskop tad-Direttiva kif ġej:

“… l-għan tad-Direttiva dwar l-għasafar jikkonsisti, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 3, 5, 7 u 8 tagħha, fil-protezzjoni, fl-amministrazzjoni u fir-regolamentazzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih it-Trattati jkunu applikabbli sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tagħhom bħala patrimonju tal-popli Ewropej, li jimplika protezzjoni fit-tul billi tinżamm jew tiġi stabbilita mill-ġdid diversità u żona suffiċjenti tal-habitats. Fid-dawl ta’ dan l-għan, din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 10 tagħha, l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi ta’ għasafar għal livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fid-dawl tar-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali, b’mod li jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala sodisfaċenti.” (19)

7.

Kif previst fl-Artikolu 1, l-iskop tad-Direttiva dwar l-Għasafar huwa l-konservazzjoni tal-ispeċijiet kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fl-istat selvaġġ fl-UE. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 2 tagħmel enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li dawk l-ispeċijiet jinżammu f’livell li jikkorrespondi għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi. Ir-referenza għal dawn ir-rekwiżiti fl-Artikolu 2 tirrifletti l-influwenza li jista’ jkollhom fuq il-livelli tal-popolazzjoni ta’ speċijiet protetti skont id-Direttiva dwar l-Għasafar. Għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet, għalhekk, “livell sodisfaċenti” jrid jinftiehem fil-kuntest ta’ dawn ir-rekwiżiti differenti, u l-modi li bihom jistgħu jinfluwenzaw il-livelli tal-popolazzjoni tal-għasafar (20) .. Ir-referenza għall-ħtieġa li jitqiesu r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi tirrifletti wkoll il-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi u rikreattivi huma kemm dipendenti fuq il-protezzjoni tal-għasafar, kif ukoll influwenzati minnha. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, kif ukoll ekonomiċi u rikreattivi jinformaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva.

8.

F’konformità ma’ dan, il-QĠUE kkonfermat li l-Artikolu 2 iqis, minn naħa, il-ħtieġa għal protezzjoni effettiva tal-għasafar u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, l-ekonomija, l-ekoloġija, ix-xjenza, il-biedja u r-rikreazzjoni (21). Madankollu, il-QĠUE kkonfermat ukoll li l-Artikolu 2 ma jikkostitwix deroga awtonoma mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva dwar l-Għasafar (22).

9.

Għalhekk, dawk ir-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi, kulturali, ekonomiċi u rikreattivi huma mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Għasafar, inkluż l-Artikolu 5, u ma jiġux ikkunsidrati meta jiġu applikati l-projbizzjonijiet tagħha (23). Il-possibbiltajiet ta’ deroga skont l-Artikolu 9 jirriflettu r-rekwiżiti msemmija, li għandhom l-għan li jibbilanċjaw il-prijoritajiet ta’ politika differenti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi jistgħu jkunu rilevanti meta tiġi vvalutata l-proporzjonalità ta’ derogi potenzjali fil-kuntest ta’ rieżami ta’ alternattivi sodisfaċenti.

10.

Ir-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi jistgħu jitqiesu wkoll sa fejn tali attivitajiet jistgħu jifformaw parti mill-influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi. Bl-istess mod, il-livell sodisfaċenti li jrid jinkiseb u jinżamm għalhekk irid iqis il-pressjonijiet fuq l-ispeċijiet li jirriżultaw bħala riżultat ta’ attivitajiet ekonomiċi jew rikreattivi.

11.

L-objettivi ġenerali tad-Direttiva dwar l-Għasafar ma għandhomx jiġu konfużi mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5, li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva permezz ta’ sistema ġenerali ta’ protezzjoni, diskussa fil-Kapitolu 3 (24).

12.

Sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti bejn id-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats u sabiex tinkiseb implimentazzjoni effettiva, il-Kummissjoni hija tal-fehma li “livelli sodisfaċenti” jistgħu jinftiehmu bħala l-livell li fih jinkiseb status ta’ konservazzjoni favorevoli (25).

3.   L-ARTIKOLU 5 TAD-DIRETTIVA DWAR L-GĦASAFAR

3.1.   Test tal-Artikolu 5

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

(a)

il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;

(b)

il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom;

(c)

teħid tal-bajd tagħhom fis-salvaġġ u ż-żamma ta’ dawn il-bajd anke jekk vojta;

(d)

it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva;

(e)

iż-żamma tal-għasafar ta’ speċi li l-kaċċa u l-qabda tagħhom hija pprojbita.”

3.2.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

13.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jeħtieġ l-istabbiliment ta’ sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċijiet kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fl-istat selvaġġ imsemmija fl-Artikolu 1. L-Artikolu 5 jelenka l-projbizzjonijiet skont il-paragrafi (a) sa (e) għall-protezzjoni ta’ dawk l-ispeċijiet.

14.

L-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 5 tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas leġiżlattiv komplut u effettiv għall-protezzjoni tal-għasafar, li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni konkreti u speċifiċi li jridu jiżguraw il-konformità mal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 (26). Għalhekk, l-Artikolu 5 jeħtieġ mhux biss l-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv komprensiv, iżda wkoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni konkreti u speċifiċi (27).

15.

Id-Direttiva dwar l-Għasafar tagħti lill-Istati Membri flessibbiltà fl-istabbiliment ta’ din is-sistema ġenerali ta’ protezzjoni, inkluż f’termini tal-metodi u l-għodod leġiżlattivi li jistgħu jintużaw biex jiġu implimentati l-projbizzjonijiet. Dan jista’ jinkludi l-adozzjoni ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi speċifiċi biex jiġu pprojbiti b’mod effettiv il-ħsarat elenkati fl-Artikolu 5. Dik id-diskrezzjoni hija soġġetta għal-limitazzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 5, kif spjegat fid-dettall aktar ’l isfel (28), u l-obbligu li jiġi żgurat li dawk il-miżuri jwasslu għall-evitar attwali tal-ħsarat elenkati fl-Artikolu 5 (29). Barra minn hekk, l-istabbiliment u l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ protezzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva, jiġifieri li l-popolazzjonijiet tal-għasafar jinżammu f’livell li jikkorrespondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi, jew li l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet tiġi adattata għal dak il-livell.

16.

F’konformità mal-Artikolu 1, il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5 japplikaw għall-ispeċijiet ta’ għasafar kollha li jinsabu fin-natura fis-selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Kif deċiż mill-QĠUE, mit-“termini ċari u inekwivoċi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jirriżulta li l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma hija rriżervata għall-ispeċi elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jew li huma f’xi livell ta’ riskju jew li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni fuq bażi twila ta’ żmien” (30).. B’riżultat ta’ dan, anki jekk il-popolazzjoni ta’ speċi komuni tkun stabbli u x’aktarx tibqa’ hekk għall-futur prevedibbli, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu tali speċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 5 (31). Il-QĠUE sostniet ukoll li kwalunkwe kunsiderazzjoni tal-impatt ta’ attività fuq il-livell tal-popolazzjoni, jew l-istatus ta’ konservazzjoni, ta’ speċi mhux se tkun rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5, ħlief għall-projbizzjoni skont il-paragrafu 5(d) (ara t-Taqsima 3.4) (32). Fil-każ tal-Artikolu 5(d), kunsiderazzjonijiet bħall-abbundanza jew l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ speċi huma rilevanti biss meta jiġi ddeterminat jekk it-tfixkil huwiex sinifikanti fir-rigward tal-objettiv tad-Direttiva dwar l-Għasafar, iżda dan ma jippermettix l-esklużjoni ta’ speċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(d).

17.

Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5 japplikaw ukoll għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness II tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Filwaqt li l-Artikolu 7 jippermetti l-kaċċa ta’ dawk l-ispeċijiet, li tinkludi l-qtil jew il-qbid ta’ kampjuni matul perjodi definiti u fi ħdan ċerti restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 (33), l-azzjonijiet li jaqgħu barra mill-perjodi tal-kaċċa u l-attivitajiet li jiksru l-Artikolu 5, bħall-qerda intenzjonata ta’ bejtiet jew ta’ bajd, jibqgħu pprojbiti għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness II. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 huwa limitat għall-kaċċa, jiġifieri attivitajiet oħrajn li kapaċi jikkawżaw ħsara għadhom ipprojbiti għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness II. Il-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-kaċċa sostenibbli (34) tipprovdi aktar gwida dwar l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7.

18.

Abbażi tal-ġurisprudenza tal-QĠUE, huwa ċar li l-projbizzjonijiet skont l-Artikolu 5 iridu japplikaw mingħajr ebda limitazzjoni fiż-żmien (35). Il-miżuri u r-regoli reali li bihom jiġu implimentati dawn il-projbizzjonijiet jistgħu, madankollu, iqisu fatturi staġunali, jekk ikunu ġustifikati kif xieraq, u jiġu applikati biss matul perjodi ta’ żmien speċifiċi, bħal matul il-perjodu tat-tibjit. Fir-rigward tal-Artikolu 5(d), l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari lill-istadji sensittivi fiċ-ċikli tal-ħajja tal-ispeċijiet tal-għasafar, bħall-perjodi tat-tnissil jew tat-trobbija. Filwaqt li tali fatturi staġunali jistgħu jitqiesu, l-ispeċijiet tal-għasafar ma jistgħux jitneħħew – lanqas temporanjament – mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni meħtieġa mill-Artikolu 5 (36). Kif spjegat hawn taħt, l-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi għal attivitajiet potenzjalment dannużi tista’ tiżgura li l-attivitajiet ekonomiċi jevitaw id-danni pprojbiti elenkati fl-Artikolu 5 u jsiru kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

19.

Il-protezzjoni sħiħa u effettiva tal-għasafar selvaġġi teħtieġ ukoll protezzjoni komprensiva f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku. Dan ifisser li l-Artikolu 5 japplika għall-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku sħiħ tad-Direttiva dwar l-Għasafar, kif definit fl-Artikolu 1 tagħha, irrispettivament minn fejn l-għasafar jistgħu jistrieħu jew jgħaddu jew jekk iż-żona tkunx ġewwa jew barra min-network Natura 2000. Għalhekk, kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi għal żona speċifika (eż. żona ta’ wirt naturali) hija inkompatibbli mad-Direttiva dwar l-Għasafar (37). Madankollu, meta jimplimentaw il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-kriterji ġeografiċi rilevanti għal kull speċi, filwaqt li jqisu wkoll l-objettivi tal-Artikolu 2.

Appoġġ għall-Implimentazzjoni Prattika 1: Flessibbiltà fl-istabbiliment ta’ qafas legali għal sistema ġenerali ta’ protezzjoni

L-Istati Membri għandhom flessibbiltà sinifikanti fit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Għasafar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, filwaqt li jżommu qafas leġiżlattiv ċar u jimplimentaw miżuri preventivi effettivi biex jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Dan jista’ jinvolvi l-introduzzjoni ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi ġodda jew il-promulgazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi speċifiċi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali, imfassla għas-sistemi ta’ governanza uniċi tagħhom. Il-miżuri preventivi jistgħu wkoll jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni settorjali li tirregola attivitajiet ekonomiċi bħall-enerġija, il-forestrija jew l-agrikoltura, u jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi reġjonali jew lokali partikolari, meta jkun meħtieġ. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-qafas legali billi joffru appoġġ lill-partijiet ikkonċernati ekonomiċi permezz ta’ servizzi ta’ konsulenza, skemi ta’ finanzjament immirati u inizjattivi biex titqajjem kuxjenza.

3.3.   Il-kunċett ta’ “intenzjonalità” skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar

20.

Qabel ma nduru għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 5, huwa importanti li niċċaraw il-kunċett ta’ “intenzjonalità”, fattur ewlieni fl-interpretazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-projbizzjonijiet skont l-Artikolu 5(a), (b) u (d):

(a)

il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;

(b)

il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom; u

(d)

it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

21.

Sadanittant, il-projbizzjonijiet elenkati fil-paragrafi (c) u (e) se japplikaw irrispettivament mill-intenzjoni tal-awtur tal-att.

22.

Hemm ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE fir-rigward tal-kunċett ta’ “intenzjonalità”. Skont il-QĠUE, it-terminu “intenzjonat” jinkludi kemm l-attivitajiet li l-iskop tagħhom huwa l-qbid, il-qtil, jew id-disturb tal-għasafar jew il-qerda tal-bejtiet tagħhom jew il-ħsara li ssirilhom, kif ukoll l-attivitajiet li, manifestament, ma għandhomx tali skop, iżda li jinvolvu l-aċċettazzjoni tal-possibbiltà ta’ tali qbid, qtil, disturb, qerda jew ħsara (38). Għalhekk, jekk l-awtur ta’ attività jaċċetta l-possibbiltà li l-azzjonijiet tiegħu jirriżultaw fi ħsara pprojbita, iżda xorta waħda jipproċedi, dan huwa kopert mill-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5 anki jekk tali ħsara ma kinitx l-intenzjoni tiegħu (39). Madankollu, fir-rigward tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness II, hemm eċċezzjoni, hekk kif il-kampjuni ta’ dawn l-ispeċijiet jistgħu jiġu kkaċċjati, jiġifieri maqtula jew maqbuda matul perjodi definiti u fi ħdan ċerti restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7.

23.

Sabiex jiġi stabbilit għarfien għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-intenzjonalità, jeħtieġ li jkunu preżenti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: (i) l-għarfien tal-preżenza tal-għasafar, u (ii) l-għarfien li l-attività li qed tiġi kkunsidrata tista’ tikkawża għamla ta’ ħsara pprojbita lil dawk l-għasafar. Iż-żewġ elementi jridu jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u t-tixrid tagħha.

24.

Sabiex jappoġġaw lill-operaturi ekonomiċi li jwettqu attivitajiet li jistgħu jwasslu għal ħsara pprojbita, l-Istati Membri għandhom iżidu l-għarfien tagħhom dwar il-miżuri preventivi disponibbli.

25.

L-ewwel nett, l-għarfien tal-preżenza tal-għasafar jinkludi sitwazzjonijiet li fihom l-għasafar jew il-bejtiet tagħhom ġew osservati f’żona li se tiġi affettwata mill-attività inkwistjoni, jew fejn hemm data xjentifika u osservazzjonijiet dokumentati tal-preżenza tal-għasafar f’żona bħal din. Il-QĠUE sostniet li dan jista’ jinkludi wkoll ċirkostanzi fejn il-preżenza tagħhom tista’ tkun raġonevolment mistennija abbażi ta’ fatturi ekoloġiċi, pereżempju, it-tip u l-età ta’ foresta jew mergħat tipiċi għal ċerti speċijiet ta’ għasafar (40).

26.

L-għarfien tal-preżenza tal-għasafar ma huwiex biżżejjed minnu nnifsu, irid ikun hemm ukoll riskju raġonevoli li l-attività inkwistjoni tista’ twassal għal ħsara pprojbita għall-għasafar preżenti. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet u s-sensittivitajiet tal-ispeċi, filwaqt li jitqies fejn l-ispeċi tbejjet, id-drawwiet tat-tbejjit, liema żoni tuża għat-tiftix tal-ikel jew għall-kaċċa, u kunsiderazzjonijiet oħrajn speċifiċi għall-ispeċi. Dan l-għarfien jista’ jkun ibbażat fuq l-informazzjoni fil-pjanijiet ta’ azzjoni għall-ispeċijiet, fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-siti ta’ Natura 2000 jew fil-pjanijiet tal-forestrija, kif ukoll kwalunkwe data u riċerka xjentifika rilevanti oħra dwar l-ispeċi kkonċernata.

27.

Għalhekk, id-determinazzjoni tar-riskju hija bbażata fuq interazzjoni bejn l-impatti tal-attività inkwistjoni u l-ħtiġijiet u s-sensittivitajiet tal-ispeċi inkwistjoni. Dan jista’ jikkonċerna, pereżempju, it-tqaċċit tas-siġar matul il-perjodu tat-tbejjit f’postijiet fejn l-għasafar tal-foresti huma magħrufa li jbejtu, jew, ċerti prattiki agrikoli li jaffettwaw fil-każ ta’ xi għasafar li jbejtu fuq l-art, li jistgħu jwasslu għall-qtil, għall-qerda tal-bejtiet tagħhom jew għal disturb sinifikanti. Dan ma jirriżultax fi projbizzjoni tal-qtugħ tas-siġar u tal-ħsad tas-siġar, iżda jiżgura li l-prattika tkun kompatibbli mal-protezzjoni tal-għasafar.

28.

Bl-istess mod, jekk attività tkun ippjanata barra mill-perjodu tat-tbejjit ta’ speċijiet tal-għasafar, jew jittieħdu prekawzjonijiet oħrajn (ara hawn taħt dwar il-miżuri preventivi), pereżempju, dan jista’ jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ħsara intenzjonata. Tali ppjanar jista’ jkun ibbażat fuq iż-żmien tas-sena meta jkun mistenni n-nuqqas ta’ kampjuni ta’ għasafar fiż-żona soġġetta għal attività. Jista’ jkun possibbli wkoll li jiġu identifikati żoni speċifiċi fejn l-għasafar ma jkunux preżenti f’sit jew ħabitat usa’. Tali kunsiderazzjonijiet huma speċifiċi ħafna għall-kuntest u, għalhekk, iridu jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ.

29.

Fil-każijiet kollha, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali huwa essenzjali. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jibbażaw fuq data xjentifika dwar l-okkorrenza ġeografika u temporali tal-għasafar meta jirregolaw l-attivitajiet ekonomiċi. Huma għandhom jużaw il-mezzi xierqa kollha biex ixerrdu b’mod proattiv informazzjoni dwar l-okkorrenza tal-għasafar u dwar kwalunkwe regola eżistenti għall-protezzjoni tagħhom, kif ukoll il-miżuri preventivi disponibbli. Fid-dawl tal-Artikolu 2, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ukoll jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli għall-partijiet ikkonċernati sabiex l-attivitajiet ekonomiċi jew rikreattivi tagħhom ikunu jistgħu jeżistu flimkien mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-għasafar.

30.

Minħabba li l-projbizzjonijiet skont l-Artikolu 5 japplikaw irrispettivament mill-impatt reali tagħhom fuq l-ispeċijiet ikkonċernati, ħlief għall-Artikolu 5(d), l-aċċettazzjoni tal-possibbiltà ta’ ħsara ma tistax tiġi ddeterminata b’referenza għal-livell tal-popolazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati, jew l-impatt fuqhom (41).

3.4.   Teħid ta’ miżuri preventivi biex tiġi evitata ħsara intenzjonata

31.

Kif spjegat hawn taħt, l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi effettivi b’reazzjoni għal attivitajiet potenzjalment ta’ ħsara tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ ħsara intenzjonata, ipprojbita skont l-Artikolu 5(a), (b), jew (d), meta jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi. Dan l-approċċ jista’ jipprovdi qafas ċar għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet nazzjonali u jnaqqas il-ħtieġa għall-applikazzjoni ta’ derogi u, b’hekk, inaqqas ukoll il-piż amministrattiv.

32.

Fejn attività x’aktarx tikser il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(a), (b) jew (d), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jiddefinixxu miżuri preventivi li l-atturi (ekonomiċi jew oħrajn) jistgħu jistabbilixxu matul l-istadju tal-ippjanar u/jew tal-implimentazzjoni biex jippermettu li l-attività inkwistjoni timxi ’l quddiem, filwaqt li tiġi evitata wkoll ħsara għall-ispeċijiet ta’ għasafar preżenti, sa fejn ikun possibbli. Tali miżuri preventivi jridu jkunu konkreti u speċifiċi, filwaqt li titqies l-informazzjoni rilevanti dwar l-ispeċijiet ikkonċernati u mfassla biex jevitaw kwalunkwe impatt ipprojbit li l-attività inkwistjoni jista’ jkollha, sa fejn ikun possibbli, sabiex tiġi żgurata l-osservanza attwali tal-projbizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 (42). Fejn l-attivitajiet ikunu bbażati fuq approċċ preventiv (43) u jkun hemm grad għoli ta’ ċertezza li l-ħsara se tiġi eskluża, l-impatti residwi sussegwenti jistgħu jitqiesu inċidentali u mhux intenzjonati. Dan l-approċċ għandu l-benefiċċju li jippermetti li attività timxi ’l quddiem mingħajr il-ħtieġa ta’ deroga skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

33.

Fejn ma jkunx possibbli li tiġi evitata tali ħsara, minflok se jkun meħtieġ li persuna tibbaża fuq id-dispożizzjoni ta’ deroga stabbilita fl-Artikolu 9 (ara l-Kapitolu li jmiss).

34.

Dawn il-miżuri preventivi jistgħu jitqiesu meta jiġi vvalutat jekk proġett jew attività tkunx qed tikser il-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 (44). Il-QĠUE kkonfermat li ma huwiex meħtieġ li jiġu vvalutati l-effetti ta’ proġett, indipendentement mill-miżuri ta’ akkumpanjament proposti biex jiġu evitati dawk l-effetti jew, fil-każ tal-Artikolu 5(d), jitnaqqsu għal livelli insinifikanti. Huma rilevanti biss l-effetti li l-għasafar fil-fatt se jsofru b’riżultat tal-implimentazzjoni ta’ proġett (45).

35.

Fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ tali miżuri preventivi u l-integrazzjoni tagħhom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti jew attivitajiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dmir li jqisu “l-aktar data xjentifika affidabbli disponibbli u dwar l-aktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali” meta jivvalutaw l-effettività tal-miżuri preventivi (46). Madankollu, ma għandux ikun magħmul diffiċli b’mod mhux raġonevoli għall-operaturi u għall-awtoritajiet kompetenti biex jagħtu prova li l-ħsara pprojbita mhux se sseħħ (47). Il-QĠUE sostniet li ma hemm l-ebda obbligu li tintalab prova tal-effettività tal-miżuri preventivi fil-forma ta’ dokumentazzjoni xjentifika li tattesta l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ tali miżuri, minħabba li tali dokumentazzjoni mhux dejjem tkun disponibbli (48). Meta jiġi kkunsidrat l-użu ta’ miżuri preventivi, pereżempju, fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ permessi, tista’ tingħata prova tal-effettività tagħhom mill-valutazzjoni motivata ta’ espert tal-qorti (49), u skont il-liġijiet nazzjonali, jistgħu jintużaw għodod simili oħrajn.

36.

Ladarba jkunu fis-seħħ, l-effettività tal-miżuri preventivi jeħtieġ li tiġi mmonitorjata biex jiġi żgurat li dawk il-miżuri jitwettqu u fil-fatt tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 5 billi tiġi evitata ħsara lill-għasafar u/jew lill-bejtiet u l-bajd tagħhom. Fejn xieraq, jista’ jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jirrispondi għal ħsarat ipprojbiti li jiġu osservati biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 5. Mingħajr dawn il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ rispons, ma jkunx possibbli li jiġi żgurat li l-miżuri preventivi fil-fatt jiżguraw il-konformità. Fejn tiġi skoperta ħsara, jista’ jkun meħtieġ li jsiru aġġustamenti biex tiġi indirizzata kwalunkwe ħsara ulterjuri li sseħħ sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 5 u l-attività inkwistjoni tkun tista’ tkompli.

Appoġġ għall-Implimentazzjoni Prattika 2: It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-iżgurar taċ-ċertezza legali permezz ta’ miżuri preventivi integrati

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiffaċilitaw attivitajiet ekonomiċi jew rikreattivi li jistgħu jirriskjaw li jiksru l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar billi jidentifikaw miżuri preventivi speċifiċi mfassla biex jevitaw b’mod effettiv il-ħsara lill-għasafar. Meta jiġi implimentat approċċ preventiv effettiv, kwalunkwe impatt li jifdal ma għandux jitqies bħala intenzjonat, u b’hekk l-attività tkun tista’ tipproċedi mingħajr il-ħtieġa ta’ deroga skont l-Artikolu 9. Dan jista’ jissimplifika l-implimentazzjoni u jnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv u l-kost għall-awtoritajiet u n-negozji, filwaqt li jipprovdi ċertezza legali għall-operaturi. Dan l-approċċ għandu jiġi implimentat permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u s-setturi ekonomiċi, inkluż permezz ta’ għoti ta’ pariri lill-operaturi dwar kif għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 (ara l-Kapitoli 3.3. u 3.5).

3.5.   Projbizzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 5

37.

Kull waħda mill-projbizzjonijiet elenkati taħt l-Artikolu 5 tidentifika ħsarat li jridu jiġu pprojbiti mill-Istati Membri. Il-QĠUE kkonfermat li, fir-rigward tal-paragrafi (a) u (b), kwalunkwe eżami tal-effett ta’ attività tal-bniedem fuq il-livell tal-popolazzjoni tal-ispeċijiet ta’ għasafar ikkonċernati ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (50). Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi estiża għall-paragrafi (c) u (e) b’analoġija, billi dawn il-projbizzjonijiet lanqas ma jagħmlu referenza għall-ħtieġa li l-ħsara jkollha impatt sinifikanti fuq il-popolazzjoni tal-ispeċi, jew b’referenza għall-objettivi tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Il-QĠUE affermat li l-implikazzjonijiet ta’ attività għal-livell tal-popolazzjoni ta’ speċi se jitqiesu biss sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità ta’ deroga mitluba skont l-Artikolu 9 (51) (ara l-Kapitolu 4). Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-impatt tal-attività umana fuq il-livell tal-popolazzjoni tal-ispeċijiet ta’ għasafar ikkonċernati se jkun rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 5(d) (52).

5(a)   Il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu

38.

L-Artikolu 5(a) japplika għall-istadji kollha tal-ħajja tal-ispeċi tal-għasafar. Dan jidher min-nuqqas ta’ kwalunkwe kwalifika bħal din fil-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

39.

Il-qtil jew il-qbid għall-finijiet tal-kaċċa jistgħu jsiru għal ċerti speċijiet elenkati fl-Anness II tad-Direttiva, u fi ħdan ir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7. Skont l-Artikolu 7, l-ispeċijiet elenkati fl-Anness II jistgħu jiġu kkaċċjati sakemm il-kaċċa ma ssirx matul l-istaġun tat-trobbija jew matul id-diversi stadji tar-riproduzzjoni ta’ dawk l-ispeċijiet u ma tipperikolax l-isforzi ta’ konservazzjoni fiż-żona ta’ distribuzzjoni tal-ispeċijiet. Għall-għasafar migratorji elenkati fl-Anness II, il-projbizzjoni tal-kaċċa testendi għall-perjodu tar-ritorn tal-ispeċijiet lejn l-artijiet tat-trobbija tagħhom. Kjarifiki dwar id-dispożizzjonijiet relatati mal-kaċċa tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness II huma pprovduti fil-Guide to sustainable hunting under the Birds Directive (53).

5(b)   Il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom

40.

L-għan tal-protezzjoni tal-bejtiet (54) u tal-bajd huwa li tiġi żgurata r-riproduzzjoni b’suċċess tal-ispeċijiet tal-għasafar. Xi speċijiet jirritornaw lejn l-istess bejta kull sena, filwaqt li oħrajn jibnu bejta ġdida. B’riżultat ta’ dan, il-QĠUE affermat li l-Artikolu 5(b) jirrikjedi protezzjoni mhux interrotta tal-bejtiet, filwaqt li tosserva li “protezzjoni mhux interrotta tal-ħabitat tal-għasafar hija meħtieġa billi ħafna speċijiet jerġgħu jużaw kull sena bejtiet mibnija fi snin preċedenti” (55). Madankollu, fil-każ ta’ speċijiet li normalment ma jerġgħux jużaw il-bejtiet tagħhom minn sena għal sena, u l-bejtiet tagħhom normalment ma jerġgħux jintużaw minn speċijiet oħrajn, mhux se jkun meħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni ta’ dawk il-bejtiet, ladarba jiġu abbandunati.

5(c)   It-teħid tal-bajd tagħhom fis-salvaġġ u ż-żamma ta’ dawn il-bajd anke jekk vojta

41.

It-teħid tal-bajd tal-għasafar fis-selvaġġ huwa theddida konsiderevoli għall-konservazzjoni tiegħu, minħabba li jinterrompi ċ-ċiklu naturali tat-tnissil, filwaqt li jipprevjeni lill-għasafar milli jrabbu l-frieħ tagħhom b’suċċess. Din hija theddida partikolarment serja fir-rigward ta’ speċijiet rari u fil-periklu jew speċijiet li għandhom domanda għolja fil-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi. Għal xi popolazzjonijiet ta’ speċijiet, bħall-falkun saker (Falco cherrug), it-teħid tal-bajd mill-bejtiet wassal għal tnaqqis qawwi fil-popolazzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-projbizzjoni fuq iż-żamma tal-bajd, anki jekk ikun vojt, tikkontribwixxi għall-minimizzazzjoni tad-domanda għat-teħid, il-ġbir u l-kummerċ tal-bajd. Il-QĠUE sostniet li din il-projbizzjoni trid tapplika wkoll mingħajr ebda limitazzjoni fiż-żmien, li jfisser li trid tiġi pprovduta protezzjoni mingħajr interruzzjoni lill-bajd tal-għasafar selvaġġi (56).

5(d)   It-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva

42.

L-Artikolu 5(d) jipprojbixxi d-disturbi tal-għasafar li jkunu sinifikanti f’termini tal-ilħuq tal-objettivi tad-Direttivi dwar l-Għasafar. Għalhekk, minbarra l-kundizzjoni ta’ “intenzjonalità”, l-Artikolu 5(d) japplika biss sa fejn id-disturb “ikollu effett sinifikattiv fuq l-għan li l-popolazzjoni tal-imsemmija speċi ta’ għasafar tinżamm jew tiġi adattata għal livell sodisfaċenti” (57). Filwaqt li din il-projbizzjoni tapplika mingħajr ebda limitazzjoni temporali stretta, hija partikolarment rilevanti għad-disturbi matul il-perjodi tat-tnissil u tat-trobbija, minħabba li dawn huma l-aktar stadji sensittivi għas-sopravivenza tal-ispeċijiet tal-għasafar, u min-naħa tagħhom jilħqu l-objettivi tad-Direttiva.

43.

Il-QĠUE kkonfermat li din il-projbizzjoni tapplika biss għal disturbi li għandhom effett sinifikanti fuq iż-żamma tal-popolazzjonijiet ta’ speċi f’livell sodisfaċenti, u mhux għal kampjuni ta’ dawk l-ispeċijiet. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk “il-popolazzjoni ta’ speċi partikolari ta’ għasafar selvaġġi titnaqqas numerikament sa tali punt li d-disturb ta’ kampjuni iżolati ta’ dik l-ispeċi jkun tali li jipperikola l-konservazzjoni tagħha” (58).

44.

Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti jridu jivvalutaw bir-reqqa liema livell ta’ disturb jista’ jitqies sinifikanti, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi u s-sensittivitajiet tal-ispeċi u r-rekwiżiti tagħha, u l-attivitajiet inkwistjoni. Il-projbizzjoni skont l-Artikolu 5(d) se jkollha tiġi applikata b’mod aktar strett fir-rigward ta’ speċijiet rari u/jew vulnerabbli, kif ukoll dawk li, pereżempju, jinsabu fi stat mhux favorevoli. Għal speċijiet li l-popolazzjonijiet tagħhom huma “l fuq minn livell sodisfaċenti, jista’ jkun permess aktar disturb.

45.

Il-fatturi li għandhom jitqiesu fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sinifikat ta’ disturb jinkludu d-durata (temporanja jew permanenti), l-intensità (l-iskala, il-livelli ta’ storbju, il-grad ta’ bidla fl-inħawi), il-frekwenza, is-superfiċe u l-prossimità għall-għasafar ikkonċernati. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll l-effett kumulattiv tad-disturbi b’referenza għall-attivitajiet l-oħrajn li qed iseħħu fiż-żona, sabiex jiġi ddeterminat b’mod akkurat jekk id-disturb huwiex sinifikanti.

46.

Kif imsemmi fl-Artikolu 5(d), id-disturb matul il-perjodi tat-tnissil u tat-trobbija huwa partikolarment rilevanti, iżda stadji sensittivi oħrajn tal-ħajja li jistgħu jipperikolaw is-sopravivenza (bħal disturbi f’postijiet importanti għall-għalf u l-kenn fix-xitwa), għandhom ukoll ikunu ta’ tħassib.

47.

Meta jiġi vvalutat jekk disturb huwiex sinifikanti b’referenza għall-objettiv li l-popolazzjonijiet jinżammu jew jiġu rrestawrati għal livell sodisfaċenti, huwa possibbli li titqies kwalunkwe miżura preventiva (ara t-Taqsima 3.3) li effettivament tipprevjeni lil proġett jew attività oħra milli joħolqu disturb għall-għasafar jew inaqqsu d-disturb sal-punt li ma jkollux effetti sinifikanti (59). Prova li tali disturb ma jkollux effetti sinifikanti fuq l-objettivi tad-Direttiva ma għandhiex issir ‘diffiċli b’mod mhux raġonevoli’ (60).

5(e)   Iż-żamma tal-għasafar ta’ speċi li l-kaċċa u l-qabda tagħhom hija pprojbita

48.

Din il-projbizzjoni tapplika għall-istadji kollha tal-ħajja ta’ kampjun, ħaj jew mejjet, u għal kwalunkwe parti minnu. Hija ma tapplikax għall-ispeċijiet ta’ għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati elenkati fl-Anness II (soġġetti għal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7), jew għal għasafar mhux koperti mid-Direttiva (ara t-taqsima 2.1.) u għasafar li b’mod ieħor jinqabdu legalment fis-selvaġġ taħt deroga legali skont l-Artikolu 9.

49.

Irid ikun possibbli li jiġu identifikati l-kampjuni miżmuma bl-użu ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni uffiċjali fis-seħħ fil-livell nazzjonali. Dan jista’ jiġi żgurat bl-użu ta’ sistema uffiċjali ta’ taħżim (61) jew preferibbilment permezz tal-użu ta’ transponders tal-mikroċippa jew teħid tal-marki tas-swaba” tad-DNA, hekk kif dawn huma metodi aktar robusti. Fi kwalunkwe każ, bħala minimu, ċirku magħluq irreġistrat fis-sieq tad-daqs korrett u li ma jkunx ġie mbagħbas huwa l-kundizzjoni li tindika li l-għasfur kien fil-pussess tan-nissiel fl-ewwel 10 ijiem tal-ħajja tal-għasfur, u dan jindika li preżumibbilment kien twieled fil-magħluq.

3.6.   Implimentazzjoni tal-Artikolu 5

3.6.1.   Il-ħtieġa għal qafas leġiżlattiv komplut u effettiv

50.

Kif spjegat fil-Kapitolu 1, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jridu jiġu implimentati b’forza vinkolanti inkontestabbli u bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza neċessarji sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali. Għalhekk, l-Artikolu 5 jeħtieġ l-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv komplut u effettiv permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni konkreti u speċifiċi li jiżguraw li l-projbizzjonijiet fil-fatt jiġu osservati (62). B’mod ġenerali, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-attivitajiet, inklużi l-attivitajiet rikorrenti, jitwettqu f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet, sabiex jiġu evitati b’mod effettiv ħsarat ipprojbiti. Is-sistema ġenerali ta’ protezzjoni għandha tinkludi regoli u prattiki preskritti għall-operaturi, iżda tinkludi wkoll kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, promozzjoni u, jekk ikunu meħtieġa, azzjonijiet ta’ infurzar. Dan jista’ jinkiseb b’diversi għodod bħal strumenti ta’ ppjanar, sistemi ta’ kunsens minn qabel, jew regoli speċifiċi applikabbli għal individwi jew għal operaturi ekonomiċi f’setturi li x’aktarx ikollhom impatt fuq l-ispeċijiet tal-għasafar.

51.

Il-miżuri għandhom jitfasslu għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-ispeċijiet partikolari, filwaqt li jitqiesu l-istaġun tat-tnissil, il-ħabitats tat-tmigħ u l-perkorsi tal-migrazzjoni tagħhom, kif ukoll il-postijiet fejn jistrieħu jew ibejtu. Fejn xieraq, jistgħu jiġu applikati miżuri għal gruppi ta’ speċijiet li għandhom l-istess theddid u karatteristiċi. Abbażi tal-Artikolu 2, l-objettivi ta’ konservazzjoni u restawr għal speċi jistgħu jiġġustifikaw miżuri aktar speċifiċi jew restrittivi, sabiex jeskludu kwalunkwe impatt mill-attivitajiet ipprojbiti skont l-Artikolu 5.

52.

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jridu jikkomunikaw b’mod ċar il-projbizzjonijiet, kif ukoll l-informazzjoni disponibbli dwar il-preżenza tal-ispeċi, u l-miżuri ta’ protezzjoni disponibbli jew preskritti lill-utenti tal-art u tal-baħar ikkonċernati u lill-pubbliku ġenerali. Il-monitoraġġ huwa essenzjali biex tiġi ddeterminata l-effettività tal-miżuri. Dan jista’ jinkludi trekkjar bil-GPS, sorveljanza tal-bejtiet u tal-kolonji u, għal attivitajiet rikreattivi, sorveljanza tal-parteċipanti mill-organizzaturi. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala ta’ tali monitoraġġ (bħal-livell tal-plott/tas-sit, il-livell tal-pajsaġġ, il-livell reġjonali) għandhom jiġu definiti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jiġi żgurat li jkun hemm, fuq bażi ta’ każ b’każ, ħarsa ġenerali effettiva lejn l-implikazzjonijiet li l-miżuri qed ikollhom għall-għasafar.

53.

Anki meta jittieħdu l-miżuri preventivi kollha, ma jistax jiġi ggarantit li r-riskji kollha se jiġu eliminati. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema li tivvaluta l-effettività tal-miżuri preventivi u tirrieżamina dawk il-miżuri perjodikament, bħala parti mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni meħtieġa mill-Artikolu 5.

54.

Dawn il-miżuri meħuda biex tiġi implimentata d-Direttiva dwar l-Għasafar għandhom jiġu kkomplementati b’aktar miżuri ta’ implimentazzjoni jew ta’ stimolu, bħal informazzjoni mmirata dwar ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu linji gwida u fuljetti mfassla speċifikament għas-settur, sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, u monitoraġġ robust tal-preżenza tal-għasafar u tal-bejtiet, filwaqt li jisfruttaw l-input mix-xjenza taċ-ċittadini.

55.

F’każijiet speċifiċi u meta l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, tista’ tingħata deroga mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni (ara l-Kapitolu 4).

56.

Sabiex tiġi evitata l-ħtieġa għal deroga u b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri preventivi biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva. Tali miżuri preventivi jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-setturi, kif implikat mill-Artikolu 2 tad-Direttiva, u jiffaċilitaw il-konformità.

57.

Il-miżuri preventivi (kif spjegati fit-Taqsima 3.3) jistgħu jkunu relatati mat-tip, il-post, id-disinn u ż-żmien ta’ attività speċifika jew proġett speċifiku. Dawn il-miżuri jistgħu jikkonċernaw l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-fażijiet operazzjonali ta’ proġett jew attività. Pereżempju, l-installazzjoni ta’ barrikati mal-ġenb tat-triq li jipprevjenu lill-għasafar milli jtiru u jaħbtu mal-karozzi, jew l-iffissar ta’ limiti ta’ veloċità aktar baxxi fuq awtostrada, ladarba tkun inbniet, jekk il-possibbiltà ta’ ħsara pprojbita ma tkunx tista’ tiġi eskluża. Tali miżuri jridu jkunu kompletament funzjonali matul id-durata kollha tal-proġett jew tal-attività.

3.6.2.   Integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 fil-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi

58.

L-Artikolu 5 ma jirrikjedix valutazzjonijiet tal-impatt speċifiċi jew proċeduri għall-ħruġ ta’ permessi biex tinkiseb il-konformità. Minħabba li l-Artikolu 5 huwa dispożizzjoni fi ħdan Direttiva, l-Istati Membri għandhom il-flessibbiltà li jagħżlu l-aktar mezzi xierqa biex jimplimentaw ir-rekwiżiti, inkluż permezz tal-integrazzjoni fil-proċeduri ambjentali jew tal-permessi eżistenti. Dan huwa konformi mal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (63).

59.

Għal attività jew proġett ippjanat li jeħtieġ permess, bħal pereżempju l-kostruzzjoni ta’ linji tal-elettriku, parks eoliċi, awtostradi, minjieri jew akkwakultura, l-Istati Membri jistgħu jintegraw il-miżuri ta’ protezzjoni fil-proċeduri ta’ approvazzjoni jew ħruġ ta’ permessi u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali stabbiliti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, jew fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) (64) u fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS) (65), sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet li jeħtieġu permess ma jkunux ta’ ħsara għall-ispeċijiet ta’ għasafar. Dan huwa possibbli wkoll għal attivitajiet rikorrenti jew li għadhom għaddejjin, sabiex ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ispeċijiet jitqiesu meta l-permessi tagħhom ikunu qed jiġġeddu.

60.

F’dan il-kuntest, il-probabbiltà li l-attività inkwistjoni twassal għal ħsara pprojbita skont l-Artikolu 5 tista’ tiġi vvalutata u delimitata permezz tal-proċessi eżistenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għal dan il-għan, il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali jew id-deċiżjonijiet ta’ skrinjar meħuda skont id-Direttiva dwar il-VIA jistgħu jipprovdu qafas utli għall-identifikazzjoni tar-riskji għall-ispeċijiet tal-għasafar. Pereżempju, l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VIA jirrikjedi li l-Istati Membri jidentifikaw, jiddeskrivu u jivvalutaw l-effetti sinifikanti diretti u indiretti ta’ proġett fuq, fost komponenti oħrajn tal-ambjent, il-bijodiversità, b’attenzjoni partikolari għall-ispeċijiet protetti skont id-Direttiva dwar l-Għasafar. Dik id-deskrizzjoni tal-effetti probabbli tista’ tintuża biex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri preventivi u li l-proġett inkwistjoni jiġi adattat biex jikkonforma mal-projbizzjonijiet skont l-Artikolu 5. Bl-istess mod, l-applikazzjoni tal-VAS għall-pjanijiet (eż. pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti) tista’ tintuża biex jiġu identifikati l-miżuri preventivi rilevanti u biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5.

61.

Meta pjan jew proġett x’aktarx ikollu effett sinifikanti fuq is-siti ta’ Natura 2000, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħrajn, dan għandu jkun soġġett għal valutazzjoni xierqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (ara l-Kapitolu 1 għad-dettalji dwar il-qafas ġenerali tad-Direttiva dwar l-Għasafar). Dan ifisser li l-valutazzjoni tal-ħsara potenzjali lill-għasafar tista’ tinbena fl-evalwazzjonijiet li jifformaw parti mill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’diversi livelli fi Stat Membru. Dan jippermetti li jiġu identifikati b’mod korrett u fil-pront l-impatti potenzjali ta’ proġett fuq l-ispeċijiet tal-għasafar biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar qabel ma jitwettaq.

62.

Xi Stati Membri integraw il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-ispeċijiet fil-proċeduri tal-permessi eżistenti (66), inkluż biex inaqqsu l-piż amministrattiv. Stati Membri oħrajn introduċew proċeduri speċifiċi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 f’każijiet fejn il-valutazzjonijiet ambjentali msemmija hawn fuq ma japplikawx. Huwa possibbli wkoll li jinħarġu miżuri ta’ prevenzjoni standard fil-leġiżlazzjoni settorjali għal attivitajiet magħrufa li jwasslu għal qtil jew għal disturb sinifikanti tal-għasafar, li jinħarġu linji gwida jew standards settorjali, jew li jinħarġu restrizzjonijiet staġunali fuq ċerti attivitajiet. Meta jagħmlu l-għażla tal-aħjar approċċ għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll il-piż amministrattiv potenzjali.

3.6.3.   Eżempji ta’ attivitajiet li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 u ta’ miżuri preventivi potenzjali

Bit-triq u bil-ferrovija

63.

It-traffiku fit-toroq jew it-traffiku ferrovjarju jista’ jkollu impatt fuq l-ispeċijiet tal-għasafar, minħabba li tista’ sseħħ kolliżjoni bejn l-għasafar u l-vetturi u l-infrastruttura tat-trasport jew jista’ jseħħ disturb sinifikanti mill-istorbju tat-traffiku (67). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma responsabbli biex jieħdu l-miżuri li huma meħtieġa biex tiġi evitata ħsara pprojbita fir-rigward tal-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura tat-trasport. Il-miżuri rilevanti jistgħu jinkludu l-iffissar ta’ limiti permanenti jew temporali tal-veloċità, l-għeluq tat-triq matul ċerti perjodi, l-installazzjoni ta’ skrins kontra l-kolliżjonijiet bi tpinġijiet jew dekalji repetuti ta’ għasafar tal-priża fuq barrikati akustiċi trasparenti u l-installazzjoni ta’ strutturi rilevanti oħrajn, pereżempju, biex jiġi evitat it-tniġġis mill-ilma tax-xeba’ jew biex jiġu evitati tipi oħrajn ta’ disturbi.

Enerġija

64.

Il-produzzjoni u l-infrastruttura tal-enerġija, speċjalment dawk ibbażati fuq il-fjuwils fossili, jista’ jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ispeċijiet tal-għasafar. Meta jitqies b’mod speċjali l-effett kumulattiv fuq il-klima, l-emissjonijiet minn impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-fjuwils fossili joqtlu aktar minn 30 darba aktar għasafar mill-parks eoliċi, għal kull GWh prodott (68). L-għasafar jistgħu jiġu affettwati billi jibqgħu deħlin fi ċmieni f’impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-fjuwils fossili, turbini tar-riħ, strutturi tat-tkessiħ tal-impjanti tal-enerġija nukleari u linji ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. Għalhekk, se jkun meħtieġ li jiġu integrati miżuri preventivi xierqa matul l-ippjanar tagħhom u għal proġetti individwali.

65.

L-enerġija eolika tirrappreżenta l-ogħla sehem tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-UE, u tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li hija l-kawża ewlenija tat-telfien tal-bijodiversità. Madankollu, il-parks eoliċi jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-popolazzjonijiet tal-għasafar. Minkejja li t-turbini tar-riħ huma responsabbli għal inqas minn 0,1 % tal-imwiet tal-għasafar relatati mal-bniedem — ħafna inqas milli mill-impjanti tal-enerġija tradizzjonali jew mill-iskyscrapers (69) — minħabba r-rilevanza tagħhom, l-impatti potenzjali ġew studjati b’mod estensiv fl-UE u lil hinn minnha. Hemm ħafna dokumenti ta’ gwida nazzjonali dwar l-impatti u l-miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli, kif ukoll il-gwida tal-Kummissjoni “Dokument ta’ gwida dwar l-iżviluppi tal-enerġija eolika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura” (70).

66.

Riskju ewlieni li jinħoloq mit-turbini tar-riħ huwa l-kolliżjonijiet tal-għasafar mal-pali tat-turbini. Huwa meħtieġ approċċ ġerarkiku meta jiġu kkunsidrati l-miżuri ta’ mitigazzjoni. L-ewwel nett, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri li għandhom l-għan li jevitaw l-impatti, bħall-prevenzjoni milli jseħħu impatti sinifikanti fl-ewwel lok, li jibdew bl-għażla strateġika tas-sit għall-parks eoliċi biex jiġu evitati rotot migratorji, żoni ta’ tnissil u żoni ta’ tiftix għall-ikel. Fejn dan ma jkunx possibbli, għandhom jiġu implimentati miżuri li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-impatti.

Studju tal-każ 1: Il-mappa tas-sensittività tal-parks eoliċi għall-għasafar u l-friefet il-lejl fi Flanders

Flanders żviluppaw mappa tas-sensittività kkombinata li għandha l-għan li tindika ż-żoni fejn l-għażla tas-siti għat-turbini eoliċi tista’ toħloq riskju għall-għasafar jew għall-friefet il-lejl. Hija maħsuba sabiex tinforma u tiggwida valutazzjonijiet u ppjanar strateġiku aktar fil-livell tas-siti. Hija eżempju ta’ mappa tas-sensittività ta’ diversi speċijiet u turi kif gruppi differenti jistgħu jiġu vvalutati f’għodda waħda. Hija tikklassifika r-reġjun f’erba’ kategoriji ta’ riskju għoli, medju u possibbli, kif ukoll riskju baxx/ebda data. Għalkemm xi aspetti tal-mappa huma distintivi għal Flanders, il-prinċipji jistgħu jiġu applikati faċilment f’postijiet oħrajn.

L-istrument jinkludi mappa tal-vulnerabbiltà bbażata fuq il-GIS għall-għasafar, li hija magħmula minn disa’ mapep tematiċi (eż. żoni ta’ tiftix għall-ikel u ta’ mistrieħ għal tjur selvaġġi mhux tat-tnissil, rotot ta’ migrazzjoni staġunali) u mappa ta’ tbassir tal-ħabitat. Dawn is-saffi l-aħjar jiġu eżaminati individwalment, iżda jistgħu wkoll jiġu sovrapposti biex jagħtu ħarsa ġenerali lejn is-sensittivitajiet potenzjali kollha. Is-saffi fuq xulxin (bħala mappa ta’ sinteżi) jintwerew bil-kategoriji tas-sensittività rrappreżentati bħala riskju għoli (3), medju (2) u possibbli (1), kif ukoll riskju baxx/l-ebda data (0). Din il-mappa tista’ tiġi kkonsultata fid-dettall f’applikazzjoni bbażata fuq il-web li tipprovdi wkoll mapep importanti oħrajn, bħal riżervi tan-natura protetti, żoni ta’ Natura 2000, eċċ.

Il-mapep tas-sensittività u l-linji gwida li jakkumpanjawhom ta’ spiss jintużaw fid-deċiżjonijiet dwar l-għażla tas-siti fi Flanders. L-iżviluppaturi tal-proġetti u l-konsulenzi jużawhom għall-ippjanar strateġiku u bħala “punt tat-tluq” għal valutazzjonijiet tal-proġetti aktar dettaljati fil-livell tas-siti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikawhom għall-istess skop u għall-verifika ta’ jekk l-iżviluppaturi tal-proġetti u l-konsulenzi kkunsidrawx kif suppost l-informazzjoni disponibbli. Irid jiġi enfasizzat li għal żoni b’riskju għoli, il-valutazzjoni lokali għandha tkun aktar dettaljata.

L-applikazzjoni bbażata fuq l-internet: https://geo.inbo.be/windturbines/index.html

Aktar informazzjoni:

Flemish Risk Atlas Birds/Bats — Wind Turbines, https://www.vlaanderen.be/inbo/en-gb/data-applications/de-vlaamse-risicoatlas-vogelsvleermuizen-windturbines/

67.

Wara l-evitar, jista’ jintuża aġġustament temporanju, fuq talba, bħala strateġija ta’ mitigazzjoni importanti biex jitnaqqsu l-kolliżjonijiet tal-għasafar mat-turbini tar-riħ, b’mod partikolari tul ir-rotot tal-ispeċijiet migratorji ewlenin. Dan jista’ jinkludi aġġustamenti temporanji għall-operat, filwaqt li jitqiesu x-xejriet staġunali u ta’ matul il-jum tal-imġiba tal-ispeċi, bħal pereżempju l-waqfien temporanju tal-pali tat-turbini meta jinstabu għasafar qrib it-turbini tar-riħ. Inizjalment dipendenti fuq l-osservaturi umani, l-aġġustament temporanju fuq id-domanda issa qed isir dejjem aktar awtomatizzat, bl-użu ta’ radar, kameras, trażmettituri bil-GPS, geofencing, u intelliġenza artifiċjali biex jiġu traċċati l-movimenti tal-għasafar f’ħin reali. Xi sistemi jikkombinaw kemm id-detezzjoni umana kif ukoll dik teknoloġika, bl-operaturi jieħdu d-deċiżjoni finali biex isir it-tifi.

68.

Jekk il-miżuri ta’ evitar ma jitqisux xierqa jew proporzjonati, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri biex jitnaqqas l-impatt. Dawn jistgħu jinkludu miżuri ta’ disinn tal-proġett li jistgħu jnaqqsu l-intensità tal-impatti (eż. id-deterrenti viżwali fuq it-turbini tar-riħ biex tiżdied il-viżibbiltà għall-għasafar jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ kolliżjoni, l-apparati akustiċi deterrenti jistgħu jintużaw matul il-kostruzzjoni u l-operat ta’ proġetti lil hinn mill-kosta biex jitnaqqas l-istorbju taħt l-ilma).

Studju tal-każ 2: It-tifi assistit bir-radar, fuq talba, tal-Park Eoliku Barão de São João, il-Portugall

Il-Park Eoliku Barão de São João ta’ 50 megawatt ta’ E.ON, li jinsab fuq rotta tal-ispeċijiet migratorji, applika protokoll tat-tifi assistit bir-radar fuq talba (RASOD) ibbażat fuq sett ta’ kriterji predefiniti. Tim ta’ monitoraġġ li jwettaq osservazzjonijiet minn punti vantaġġużi ntuża biex jimmonitorja l-attività tat-titjir tal-għasafar migratorji. Id-data tar-radar f’ħin reali pprovdiet lill-koordinatur tat-tim ta’ monitoraġġ b’informazzjoni ta’ kwalità aħjar li abbażi tagħha jinbeda t-tifi.

Maż-żmien, l-esperjenza tat-tim ta’ monitoraġġ influwenzat b’mod pożittiv l-effettività tal-approċċ RASOD: il-ħin medju li kien hemm bżonn biex isir it-tifi wara li ngħatat ordni naqas b’91 % u l-medja ta’ sigħat ekwivalenti annwali ta’ tifi naqset b’86 % bejn l-2010 u l-2014. Il-pali tat-turbini setgħu jiġu immobilizzati f’madwar 15-il sekonda minn meta jinbeda t-tifi, bl-użu ta’ sistema ta’ “kontroll superviżorju u akkwist tad-data” (SCADA, supervisory control and data acquisition) biex tipprovdi aċċess f’ħin reali għat-turbini tar-riħ individwali u l-parks eoliċi, u l-ġestjoni tagħhom.

Barra minn hekk, it-turbini reġgħu nxtegħlu mingħajr il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni addizzjonali mal-persunal operazzjonali. Matul l-applikazzjoni tal-protokoll tat-tifi, ma ġewx irreġistrati kolliżjonijiet ta’ għasafar migratorji li jtiru fil-għoli. Sal-aħħar sena tal-istudju ta’ 5 snin, il-perjodu ta’ tifi ekwivalenti totali kien jikkorrespondi għal 0,2 % tal-ħin ekwivalenti disponibbli fis-sena, u aktar minn 40 % tal-perjodi ta’ tifi ekwivalenti rriżultaw f’telf ta’ enerġija negliġibbli minħabba veloċitajiet baxxi tar-riħ.

69.

Għall-installazzjonijiet ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli, il-faċilitajiet ta’ ħżin tal-enerġija kolokalizzati u l-konnessjonijiet ta’ tali impjanti u ħżin mal-grilja, id-Direttiva 2023/2413 (id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli) (71) introduċiet dispożizzjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni fi ħdan “iż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli” (RAAs) (l-Artikolu 15c tad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli), “iż-żoni ta’ infrastruttura ddedikati” (l-Artikolu 15e tad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli), kif ukoll għal proġett tal-enerġija rinnovabbli barra minn dawn iż-żoni (l-Artikolu 16b tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli).

70.

L-Artikolu 15c(1)(b) tad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli jipprevedi l-istabbiliment ta’ regoli xierqa dwar miżuri effettivi ta’ mitigazzjoni meta jitfasslu l-pjanijiet tal-RAA. Huwa jipprevedi li l-Istati Membri jridu, fejn xieraq, jiżguraw li l-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa jiġu applikati b’mod proporzjonat u f’waqtu, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, fost l-oħrajn. L-Artikolu 15e(2) tad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli jinkludi dispożizzjoni simili meta jiġu żviluppati pjanijiet ta’ żoni ta’ infrastruttura dedikati għall-infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin meħtieġa sabiex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku. Ġew żviluppati gwida (72) u studju speċifiku (73) dwar id-deżinjazzjoni tal-RAAs u gwida (74) dwar l-istabbiliment ta’ żoni infrastrutturali ddedikati, inkluż dwar l-użu ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni.

71.

Il-kwalifikatur ta’ “miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa” jfisser li l-miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom ikunu adegwati u effettivi biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar (eż. l-evitar tal-qtil u d-disturb sinifikanti tal-għasafar), iżda fl-istess ħin proporzjonati. Pereżempju, jekk l-użu ta’ deterrenti viżwali jew akustiċi jkun biżżejjed biex jiġu evitati kolliżjonijiet ta’ għasafar ma’ turbini tar-riħ f’park eoliku speċifiku, l-użu ta’ miżura ta’ mitigazzjoni oħra bħat-tnaqqis temporanju tal-operat meta l-għasafar ikunu fil-viċinanza ma jkunx meħtieġ.

72.

L-Artikolu 16b(2) tad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli (UE) 2023/2413 jispeċifika li għal proġetti li jinsabu barra mill-RAAs “meta l-proġett tal-enerġija rinnovabbli speċifiċi jkun adotta miżuri meħtieġa ta’ mitigazzjoni, kwalunkwe qtil jew tfixkil tal-ispeċijiet protetti skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/43/KEE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE ma għandux jitqies li jkun intenzjonat. Il-premessa 37 tad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli tiċċara wkoll li kwalunkwe qtil jew disturb sinifikanti ma għandux jitqies bħala intenzjonat jekk proġett għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli [li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli] jipprevedi miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa biex jiġi evitat tali qtil, biex jiġi pprevenut disturb, biex tiġi vvalutata l-effettività ta’ tali miżuri permezz ta’ monitoraġġ xieraq u, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura, biex jittieħdu aktar miżuri kif meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq il-popolazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati. Filwaqt li l-premessa 37 ma tagħmilx distinzjoni bejn proġetti li jinsabu ġewwa u barra l-RAAs, huwa implikat li tali kjarifika tkun applikabbli fiż-żewġ kuntesti (75).

73.

Fir-rigward tal-użu ta’ miżuri ġodda ta’ mitigazzjoni (mingħajr ma l-effettività tagħhom tiġi ttestjata b’mod wiesa’), l-Artikolu 15c(1) u l-Artikolu 16b(2) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli jippermettu l-użu tagħhom fi proġetti pilota, għal impjanti tal-enerġija rinnovabbli li jinsabu ġewwa u barra l-RAAs, sakemm l-effettività tagħhom tiġi mmonitorjata u jittieħdu miżuri korrettivi immedjatament jekk ma jirriżultawx li huma effettivi.

74.

Madankollu, irid jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-effettività ta’ tali miżuri. Fid-dawl tal-informazzjoni miġbura, se jkun meħtieġ li jittieħdu miżuri ulterjuri kif meħtieġ jekk ma jirriżultawx li huma effettivi.

Faċilitajiet ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni tal-elettriku

75.

Il-linji tal-elettriku jistgħu joħolqu diversi riskji sinifikanti għall-għasafar, primarjament permezz ta’ kolliżjoni u elettrokuzzjoni.

76.

Kolliżjoni tiġi kkawżata mil-linji kemm tat-trażmissjoni kif ukoll tad-distribuzzjoni u sseħħ meta l-għasafar, speċjalment speċijiet akbar bħal għasafar tal-priża jew tjur tal-ilma, jonqsu milli jindunaw bil-wajers fit-trajettorja tat-titjira tagħhom, u dan iwassal għal korriment jew mewt. Dan huwa partikolarment problematiku f’żoni fejn il-linji tal-elettriku jaqsmu r-rotot migratorji, l-artijiet mistagħdra, jew il-pajsaġġi miftuħa fejn l-għasafar jiddependu fuq għajnuniet viżwali għan-navigazzjoni. Xi speċijiet huma aktar vulnerabbli minħabba l-imġiba tat-titjir, id-daqs, jew il-manuvrabbiltà limitata tagħhom.

77.

Elettrokuzzjoni hija theddida kbira oħra li tinħoloq minn linji tal-elettriku b’vultaġġ medju u baxx. Dan jikkonċerna b’mod speċjali għasafar akbar li joqogħdu fuq arbli jew kondutturi trażversali, li jmissu il-kondutturi b’żewġ fażijiet jew konduttur wieħed u apparat ertjat simultanjament, speċjalment meta r-rix ikun imxarrab, u b’hekk jitlesta ċirkwit elettriku. L-għasafar tal-priża, iċ-ċikonji u għasafar kbar oħrajn huma l-aktar affettwati, b’mortalità spiss ikkonċentrata f’żoni fejn id-disinn tal-arbli jew l-ispazjar tal-kondutturi ma jkunx adegwat. Il-gruppi tal-ispeċijiet li huma partikolarment affettwati ta’ spiss minn elettrokuzzjoni jinkludu Ciconiiformes, Falconiformes, Accipitriformes Strigiformes u Passeriformes (76).

78.

Lil hinn mill-fatalitajiet diretti, il-linji tal-elettriku jistgħu jwasslu għal effetti ekoloġiċi sekondarji, bħal tnaqqis fil-popolazzjoni, bidliet fil-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, u żieda fil-vulnerabbiltà għall-predaturi. Miżuri ta’ mitigazzjoni bħal devjazzjonijiet tal-għasafar, kondutturi iżolati u għażla tar-rotot strateġiċi tal-linji huma essenzjali biex jitnaqqsu dawn l-impatti, iżda l-ippjanar u l-monitoraġġ bir-reqqa għadhom kritiċi sabiex l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija jiġi bbilanċjat mal-konservazzjoni tal-għasafar. Barra minn hekk, il-linji ta’ tensjoni għolja jistgħu jifframmentaw il-ħabitats u joħolqu ostakli, ibiddlu x-xejriet tal-moviment tal-għasafar u potenzjalment inaqqsu l-aċċess għal żoni kritiċi ta’ tmigħ jew tnissil.

79.

Il-Kummissjoni żviluppat dokument ta’ gwida speċifiku dwar il-kwistjoni biex tgħin lill-Istati Membri, lill-partijiet ikkonċernati u lill-operaturi tan-negozju jindirizzaw il-kwistjonijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura (77). Gwida simili ġiet żviluppata wkoll f’postijiet oħrajn (78).

Studju tal-każ 3: Il-proġett SafeLines4Birds

Dan huwa proġett ta’ 6 snin kofinanzjat mill-Programm LIFE tal-UE, li għandu l-għan li jnaqqas il-mortalità mhux naturali tal-għasafar ikkawżata mil-linji tal-elettriku fi Franza, fil-Belġju u fil-Portugall. Dawn l-interazzjonijiet — kolliżjonijiet, elettrokuzzjonijiet u disturbi waqt it-tnissil, joħolqu theddid sinifikanti għal diversi speċijiet ta’ għasafar, inklużi l-Avultun bid-Daqna, l-Avultun Iswed, u l-Pitarra. Il-proġett jiffoka fuq 13-il speċi partikolarment vulnerabbli minħabba d-daqs, l-imġiba u d-distribuzzjoni tagħhom.

Konsorzju divers ta’ 15-il sieħeb, inklużi l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSOs), l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni (DSOs), l-NGOs ambjentali, u l-esperti xjentifiċi minn Franza, il-Belġju, il-Portugall, il-Ġermanja u l-Istati Uniti, jikkollaboraw fuq dan il-proġett. Imniedi mill-Kumitat Nazzjonali tal-Avifawna (CNA) ta’ Franza, SafeLines4Birds huwa eżempju ta’ koordinazzjoni rari u effettiva bejn l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tan-natura u l-operaturi tal-grilji. Din il-kollaborazzjoni tiffaċilita azzjonijiet immirati u kkoordinati maħsuba biex itaffu l-impatt tal-linji tal-elettriku fuq l-għasafar.

Il-proġett juża approċċ multidimensjonali biex jindirizza l-mortalità tal-għasafar. Iċ-ċavetta hija l-iżvilupp ta’ mmappjar tas-sensittività u l-identifikazzjoni tal-aktar żoni kritiċi u mbagħad l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ modifika retroattiva jew għajnuna fl-ippjanar futur tal-grilja. Fost il-miżuri ewlenin ta’ mitigazzjoni li se jimplimenta l-proġett hemm l-installazzjoni ta’ 3 880 apparat kontra l-kolliżjoni f’siti b’riskju għoli. Se jittestja wkoll soluzzjonijiet innovattivi bħas-Sistema għall-Evitar ta’ Kolliżjonijiet fl-Ajru (ACAS), li tuża dawl ultravjola biex ittejjeb il-viżibbiltà tal-wajers bil-lejl, u se jimplimenta miżuri maħsuba biex jipprevjenu l-elettrokuzzjoni. Barra minn hekk, SafeLines4Birds għandu l-għan li jnaqqas id-disturbi matul l-istaġun tat-tnissil u li jtejjeb u jikkondividi l-għarfien madwar l-Ewropa. L-għan fit-tul huwa li tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-ispeċijiet ta’ għasafar fil-mira billi jiġu minimizzati l-interazzjonijiet tagħhom mal-linji tal-elettriku.

Aktar informazzjoni:

https://www.safelines4birds.eu/

Kaxxa 1: Il-konferenza Wingspan

Il-konferenza “Wingspan 2024: Partnerships for a bird-friendly energy transition” saret fi Brussell fl-2024 u kienet l-edizzjoni inawgurali ta’ Wingspan, konferenza li se ssir kull sentejn għal tranżizzjoni tal-enerġija pożittiva għan-natura.

Il-konferenza fl-2024 uriet sħubijiet bejn l-operaturi tal-grilji tal-elettriku, l-iżviluppaturi u l-operaturi tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u s-soċjetà ċivili ambjentali – u rawmet ambjent fejn setgħu jitnisslu sħubijiet ġodda. Din kienet l-ewwel waħda minn sensiela ta’ konferenzi biennali biex il-konservazzjonisti, ix-xjenzati, l-operaturi tal-grilji, l-iżviluppaturi rinnovabbli u r-rappreżentanti tal-gvern jikkondividu strateġiji u soluzzjonijiet għal tranżizzjoni tal-enerġija pożittiva għan-natura. Is-suġġetti mfassla għal udjenza internazzjonali koprew għarfien xjentifiku reċenti, strateġiji ta’ konservazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u innovazzjonijiet teknoloġiċi inklużivi għan-natura.

Bi 320 parteċipant online u b’attendenza fiżika, l-avveniment laqqa’ flimkien firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati – operaturi tal-grilji, NGOs, żviluppaturi tal-enerġija rinnovabbli, akkademiċi u awtoritajiet – minn madwar id-dinja biex jindirizzaw il-ħtieġa urġenti għal tranżizzjoni tal-enerġija li tiffavorixxi n-natura. Il-konferenza inkludiet panels ta’ diskussjoni approfonditi, preżentazzjonijiet xjentifiċi, workshop, sessjoni ta’ posters, u fiera li wriet apparati għall-protezzjoni tal-għasafar użati tul il-linji tal-elettriku u l-infrastruttura tal-enerġija eolika.

Il-materjali kollha tal-konferenza huma disponibbli hawnhekk: https://wingspan-conference.eu/wingspan-2024/

Ktieb astratt: https://acrobat.adobe.com/id/urn:aaid:sc:EU:ccde2a24-f6a9-4347-bfd1-43daa5280358

L-industrija estrattiva

80.

Min-natura tagħha stess, l-estrazzjoni tal-minerali dejjem ikollha impatt fuq l-art li fuqha topera. Il-biċċa l-kbira tal-minjieri u l-barrieri jeħtieġu t-tneħħija tal-karatteristiċi tas-superfiċe matul il-proċess ta’ estrazzjoni u jeħtieġu spazju għal munzelli ta’ ħżin, żrar u laguni, kif ukoll għal infrastrutturi, bini u toroq ta’ aċċess assoċjati. Tali attivitajiet jistgħu wkoll, xi kultant, jeqirdu l-bejtiet u l-bajd u jikkawżaw disturb sinifikanti lill-għasafar u jwasslu għat-telf jew id-deterjorament tal-ħabitats tagħhom. Madankollu, dan bl-ebda mod ma huwa sistematiku, u r-riskji tal-impatti jridu jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ. Huwa meħtieġ monitoraġġ kontinwu tal-okkorrenza tal-għasafar, u għandhom jittieħdu miżuri xierqa fis-sit tal-estrazzjoni u fiż-żoni tal-madwar tiegħu, kif xieraq. Il-Kummissjoni żviluppat gwida speċifika dwar il-kwistjoni biex tgħin lill-Istati Membri, lill-partijiet ikkonċernati u lill-operaturi tan-negozju jindirizzaw il-kwistjonijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura (79).

Studju tal-każ 4: LIFE in Quarries

LIFE in Quarries huwa proġett immexxi mill-Fédération de l’Industrie Extractive et Transformatrice de Belgique (FEDIEX) fi sħubija mar-reġjun ta’ Wallonia (id-Dipartiment tan-Natura u l-Foresti), l-Università ta’ Liège — Gembloux Agro-Bio Tech, l-Unità tal-Bijodiversità u l-Pajsaġġ, Natagora asbl u l-Parc naturel des Plaines de l’Escaut. Dan wera li l-barrieri attivi li joħolqu rdumijiet, xaqlibiet ramlija, ħamrija għerja, korpi tal-ilma temporanji jew permanenti u terran varjat jistgħu jospitaw diversità sorprendenti ta’ speċijiet, inklużi għasafar li jippreferu ħabitats miftuħa jew bil-blat/ramlija bħal dawn aktar milli foresti jew art agrikola.

Permezz ta’ miżuri bħat-tiġdid tal-irdumijiet vertikali u tas-sikek tar-ramel (sikek tar-ramel/irdumijiet merħija), il-ġestjoni ta’ għadajjar u mergħat temporanji, u l-ħolqien ta’ korpi tal-ilma permanenti jew pjattaformi galleġġanti, il-proġett stabbilixxa siti ta’ tibjit u tmigħ favorevoli għall-għasafar. Fost l-ispeċijiet li jibbenefikaw hemm l-għasafar li jbejtu fl-irdumijiet jew fix-xtajtiet, bħall-Ħawwiefa tax-Xtut, Qerd in-Naħal u l-Għasfur ta’ San Martin. F’pajsaġġi urbanizzati u stabbilizzati ħafna, il-barrieri għandhom rwol fiż-żamma tal-popolazzjonijiet tagħhom. Il-konservazzjoni, il-ħolqien intenzjonali u l-manutenzjoni ta’ uċuħ vertikali u tas-sikek tar-ramel jipprovdu ħabitat ideali għal dawn l-iskavaturi. Mingħajr intervent, l-uċuħ vertikali eventwalment jikkollassaw u l-veġetazzjoni tinvadi dan ir-ramel għeri, u b’hekk il-ħabitat ma jkunx adattat.

Minflok ma stenna sakemm il-barrieri jingħalqu, LIFE in Quarries applika “ġestjoni dinamika tal-bijodiversità” waqt l-estrazzjoni, li jfisser li l-ħolqien u l-manutenzjoni tal-ħabitats li ma jagħmlux ħsara lill-għasafar seħħew b’mod parallel mal-operazzjonijiet tal-barrieri. Dan wera li huwa possibbli li l-attività industrijali kontinwa tiġi kkombinata mal-konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-għasafar u ta’ organiżmi selvaġġi oħrajn.

Fuq in-network ta’ 27 sit attiv ta’ barrieri parteċipanti, il-monitoraġġ bijoloġiku kkonferma li l-ispeċijiet fil-mira, inklużi l-għasafar, ikkolonizzaw malajr il-ħabitats li għadhom kif inħolqu, u dan juri li l-azzjonijiet ta’ ġestjoni ssarrfu f’eżiti reali tal-bijodiversità, mhux biss f’potenzjal teoretiku.

Il-proġett stabbilixxa l-pedamenti għal prattiki tajbin fil-ġestjoni tal-bijodiversità li jistgħu jiġu applikati xi mkien ieħor b’linji gwida, protokolli ta’ monitoraġġ, u impenji fit-tul (eż., iż-żamma ta’ ħabitats ewlenin għal 15-il sena) li joffru mudell għall-operaturi tal-barrieri biex jinkludu l-konservazzjoni tal-għasafar u tal-organiżmi selvaġġi fl-operazzjonijiet standard tagħhom.

Aktar informazzjoni:

https://www.lifeinquarries.eu/en/

Akkomodazzjoni u bini

81.

Il-bini jaffettwa l-għasafar b’diversi modi. L-użu ta’ uċuħ kbar tal-ħġieġ fuq bini modern joħloq riskju ta’ kolliżjoni. L-għasafar spiss ma jkunux jistgħu jiddistingwu l-ħġieġ riflettiv jew trasparenti minn sema miftuħ jew veġetazzjoni, għalhekk, jispiċċaw itiru ġo fih u jweġġgħu jew jinqatlu. Ħafna manifatturi tal-ħġieġ fl-Ewropa issa jfornu “ħġieġ li ma jagħmilx ħsara lill-għasafar” li jinkorpora disinji viżibbli (tikek, linji) jew kisjiet sabiex il-ħġieġ ikun jista’ jintgħaraf mill-għasafar. Il-modifika retroattiva tal-uċuħ tal-ħġieġ eżistenti hija possibbli wkoll, bl-użu ta’ riti li jistgħu jnaqqsu r-riflessjoni u, jekk ikunu ddisinjati tajjeb, jimminimizzaw il-kolliżjoni b’mod sinifikanti. L-adattamenti tad-disinn arkitettoniku tal-bini biex jinkorporaw, pereżempju, ħġieġ angolat, xewkiet u kisriet fir-riflessi, sabiex b’hekk il-ħġieġ ikollu inqas illużjoni ta’ “passaġġ dirett” għall-għasafar, ukoll jipprovdu soluzzjonijiet.

Studju tal-każ 5: LIFE BooGI-BOP għall-prevenzjoni ta’ kolliżjonijiet tal-għasafar mal-bini

LIFE BooGI-BOP (LIFE17 GIE/DE/000466) huwa proġett iffinanzjat mill-programm LIFE, li rrikonoxxa li l-kolliżjonijiet tal-għasafar ma’ bini b’faċċati tal-ħġieġ jirrappreżentaw theddida għall-bijodiversità li fil-biċċa l-kbira tiġi injorata. Taħt l-inizjattiva tiegħu “Bird strike on buildings: what can companies do?”, BooGI-BOP jipprovdi lill-kumpaniji u lis-sidien tas-siti bi skeda informattiva u dokument ta’ gwida li jiddeskrivu għaliex l-għasafar itiru fit-twieqi. Pereżempju, riflessjoni ta’ veġetazzjoni jew sema, u diżorjentazzjoni kkawżata minn dawl intern u dawl estern bil-lejl. Il-gwida tinkorpora l-kolliżjonijiet tal-għasafar ġol-bini bħala parti minn disinn usa’ ta’ bini orjentat lejn il-bijodiversità, u tħeġġeġ lill-kumpaniji jintegraw il-prevenzjoni tal-kolliżjonijiet fil-valutazzjonijiet tas-siti tagħhom, fil-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti u fil-prattiki tal-ġestjoni tal-faċilitajiet.

Fil-prattika, BooGI-BOP jappoġġa lill-kumpaniji billi jgħinhom jidentifikaw żoni ta’ riskju fil-bini tagħhom (eż. faċċati tal-ħġieġ kbar mingħajr interruzzjoni, żoni b’dawl għoli bil-lejl, bini biswit veġetazzjoni/kurituri ekoloġiċi) u mbagħad japplika miżuri ta’ mitigazzjoni. Dawn jinkludu l-użu ta’ trattamenti jew films tal-ħġieġ sikuri għall-għasafar, l-applikazzjoni ta’ mudelli viżibbli fuq l-uċuħ tal-ħġieġ, it-tnaqqis jew ir-ridirezzjonar tad-dawl intern/estern biex jitnaqqsu l-attrazzjoni u r-riflessjoni, u l-integrazzjoni ta’ sistemi tad-dawl fis-sigħat kwieti jew li jkunu sensittivi għall-moviment. Il-proġett wera li tali interventi jikkontribwixxu kemm għall-għanijiet tal-bijodiversità kif ukoll għall-kredenzjali ta’ sostenibbiltà ta’ kumpanija.

Aktar informazzjoni:

https://www.biodiversity-premises.eu/en/eu-life-project.html

https://www.biodiversity-premises.eu/files/Bilder/Documents/Publikationen/Fact%20Sheet%20Bird%20Strike.pdf

82.

Id-dawl artifiċjali mill-bini jfixkel l-imġiba tal-għasafar b’diversi modi. L-għasafar li jemigraw matul il-lejl spiss jużaw sinjali ta’ dawl naturali bħall-kwiekeb, id-dawl tal-qamar jew l-orizzont biex jinnavigaw. Meta dwal qawwija minn bini jew infrastruttura urbana jiddominaw is-sema bil-lejl, dawn jistgħu jiddiżorjentaw lil dawn l-għasafar. Dawn jistgħu jiċċirkolaw madwar strutturi mdawla, jitbiegħdu mir-rotta, jaħarqu riżervi vitali ta’ enerġija, jinżlu f’postijiet perikolużi, jaħbtu ma’ faċċati tal-ħġieġ jew ma’ uċuħ imdawla jew isiru priża faċli.

Studju tal-każ 6: LIFE Natura@night jindirizza t-tniġġis tad-dawl

Il-proġett LIFE Natura@night huwa mmexxi minn Sociedade Portuguesa para o Estudo das Aves bi sħubija ma’ sitt muniċipalitajiet u għadd ta’ istituti joperaw fl-arċipelagi Makaroneżjani tal-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji biex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tat-tniġġis tad-dawl. Dawn il-gżejjer tal-Atlantiku jospitaw għaxar speċijiet ta’ għasafar tal-baħar tat-tnissil sensittivi ħafna għad-dawl artifiċjali, kif ukoll annimali notturni oħrajn bħal friefet il-lejl. Madankollu, l-espansjoni urbana rapida f’dawn l-aħħar snin żiedet b’mod sinifikanti d-dawl artifiċjali. Id-data miġbura minn network ta’ fotometri installati fuq 14-il gżira taħt il-proġett Interreg EELabs preċedenti kkonfermat żieda kostanti fit-tniġġis tad-dawl, u tenfasizza l-urġenza tal-isforzi ta’ mitigazzjoni.

It-tniġġis tad-dawl joħloq theddida partikolari għall-għasafar tal-baħar żgħar, speċjalment speċijiet bħall-Cory’s Shearwater (Calonectris borealis). Meta jtiru fl-aħħar tal-ħarifa, dawn l-għasafar jinnavigaw billi jużaw il-qamar u l-kwiekeb biex jilħqu l-oċean, fejn jibqgħu għal diversi snin qabel ma jerġgħu lura biex inisslu. Id-dawl artifiċjali mit-toroq, mill-karozzi u mill-bini jista’ jiddiżorjentahom, u jwassal għal eżawriment, kolliżjonijiet, jew inżul l-art fi bliet fejn jisfaw priża għal predaturi bħal qtates u firien. Din saret waħda mill-kawżi ewlenin tal-mortalità tal-għasafar tal-baħar fir-reġjun.

Il-proġett LIFE Natura@night qed jimmappja l-firxa tat-tniġġis tad-dawl fuq il-gżejjer u qed juża dan biex jiżviluppa pjanijiet ewlenin tat-tidwil pubbliku li jagħmlu inqas ħsara bi sħubija ma’ għadd ta’ muniċipalitajiet. Dan jinkludi t-tibdil tal-bozoz tad-dawl tradizzjonali għal dawk LED ġodda, li huma ħafna aktar effiċjenti, minħabba li mhux biss jgħinu lill-għasafar, iżda wkoll joffru ffrankar ekonomiku sinifikanti għall-muniċipalitajiet. Il-Muniċipalità ta’ Câmara de Lobos f’Madeira, pereżempju, dan l-aħħar installat 66 bozza LED ġodda li jimminimizzaw l-emissjonijiet tad-dawl blu, li huwa magħruf li jħalli impatt partikolari fuq l-għasafar u l-insetti. Sat-tmiem tiegħu, il-proġett għandu l-għan li jneħħi aktar minn 400 unità ta’ dawl minn żoni sensittivi u li jimplimenta dawl immirat ’l isfel biex inaqqas id-dija tas-sema.

Lil hinn mill-għasafar tal-baħar, l-inizjattiva hija ta’ benefiċċju għall-bijodiversità usa’ u għall-komunitajiet lokali. Id-dawl artifiċjali mnaqqas jgħin lill-friefet il-lejl u lill-insetti jżommu mġiba naturali u jtejjeb is-saħħa tal-bniedem billi jtaffi d-disturbi tal-irqad u kwistjonijiet oħrajn marbuta mad-dawl eċċessiv ta’ matul il-lejl. Barra minn hekk, il-proġett jinvolvi voluntiera u konservazzjonisti biex isalvaw għasafar tal-baħar diżorjentati; f’Novembru 2023 biss, instabu aktar minn 800 għasfur fuq l-art u dawn intbagħtu lura b’mod sikur lejn il-baħar.

Dan huwa eżempju ta’ soluzzjoni fejn kulħadd jirbaħ li tindirizza l-impatt tad-dawl artifiċjali bil-lejl fuq l-għasafar u annimali oħrajn, filwaqt li tnaqqas l-ispiża pubblika.

Aktar informazzjoni:

https://naturaatnight.spea.pt/en/

Studju tal-każ 7: Is-settur tal-bini fi Spanja, il-proġett ZEPAURBAN ta’ LIFE

Wieħed mill-objettivi ta’ dan il-proġett kien li jiġi evitat li jinqerdu l-kolonji tat-tnissil tal-Lesser Kestrel (Falco naumanni) jew li jiġu mfixkla minħabba xogħol ta’ restawr fuq il-bini fejn ibejtu l-għasafar. Il-proġett kellu l-għan li jiddisinja u jipproduċi kaxxi tal-bejtiet artifiċjali li huma aktar siguri, idumu jservu aktar u huma aktar ekonomiċi.

Azzjoni waħda kienet tikkonċerna l-adegwatezza tas-substrat tat-tibjit fil-bini ġestit mid-Direttorat Ġenerali għal-libreriji, il-mużewijiet u l-wirt kulturali. Il-miżuri meħuda f’Cáceres kellhom l-għan li jikkonsolidaw il-kolonji fi tliet binjiet li fihom il-Lesser Kestrel u għasafar oħrajn kienu qed jikkawżaw li l-materjal jaqa’ mal-art fiċ-ċentru urban.

Fiċ-Ċentru Kulturali ta’ San Jorge, il-bini li jospita l-akbar numru ta’ pari, l-erja tas-saqaf użata u li ġarrbet ħsara mill-għasafar ġiet rinnovata. Ix-xogħol kien jinvolvi t-tindif tal-għata tal-madum taċ-ċeramika kurvat u l-impermeabilizzazzjoni, konxji mill-ħtieġa li l-għasafar jingħataw aċċess. Sabiex jittaffew l-impatti fuq l-għasafar, ġew installati msiemer tal-injam taħt il-gverta u madum tal-ventilazzjoni assoċjat biex l-għasafar jingħataw aċċess għas-soqfa.

Aktar informazzjoni:

http://www.zepaurban.com/en.

Agrikoltura

83.

Il-ħdim tar-raba’ jew il-ħsad, il-ħrit tal-mergħat u tal-għelieqi li jinħadmu li jospitaw bejtiet fuq l-art, il-konverżjoni tal-mergħat jew iż-żbir tas-sisien tal-ħaxix fir-rebbiegħa jista’ jkollhom impatti fuq l-għasafar. L-agrikoltura tista’ tinkludi wkoll attivitajiet li jistgħu jagħmlu ħsara lill-għasafar matul perjodi ta’ kenn fix-xitwa jew ta’ mistrieħ, bħall-ħsad intensiv tal-imsaġar taż-żebbuġ matul il-lejl. Sabiex jiġi żgurat li tali attivitajiet ma jwasslux għal ħsara pprojbita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jadottaw miżuri ta’ protezzjoni ċari u dettaljati biex jipprevjenu u jtaffu kwalunkwe ħsara pprojbita fuq l-ispeċi. Għandhom jiġu applikati miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi fil-forma ta’ regoli jew prattiki preskritti mill-awtoritajiet kompetenti li għandhom jiġu applikati fil-livell tal-azjenda agrikola. Dan jista’ jinkludi t-tqassim tal-ispazju f’żoni, ordnijiet lokali fuq il-konservazzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar, possibbilment ikkomplementati minn manwal ta’ prattiki tajbin, pjanijiet ta’ azzjoni lokali/nazzjonali, jew networks ta’ voluntiera li lesti jimmonitorjaw il-preżenza tal-għasafar u li jistgħu jwissu lill-bdiewa u lill-awtoritajiet (ara l-istudju tal-każ 8). L-inċentivi finanzjarji u l-appoġġ għall-maniġers tal-art huma wkoll importanti biex jgħinu fl-adattament tal-prattiki agrikoli.

84.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar ma jfissirx li l-attivitajiet agrikoli ma jistgħux iseħħu matul il-perjodi tat-tnissil u tat-trobbija tal-għasafar tal-art agrikola. Madankollu, tali attivitajiet iridu jiġu adattati, sabiex tiġi evitata l-ħsara pprojbita skont l-Artikolu 5, abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, pereżempju, dwar il-preżenza ta’ għasafar jew il-post tal-bejtiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jadottaw miżuri ta’ protezzjoni ċari u dettaljati biex jipprevjenu u jimmitigaw kwalunkwe ħsara pprojbita fuq l-ispeċi. Tali miżuri għandhom jiġu promossi b’mod attiv permezz tal-ħruġ ta’ gwida, taħriġ jew notifiki, u biex jiġu żgurati l-għarfien u l-implimentazzjoni tar-restrizzjonijiet (ara l-istudju tal-każ 8). L-Istati Membri jeħtieġu wkoll sistemi biex jikkontrollaw u jinfurzaw dawn il-miżuri, billi jiddependu fuq monitoraġġ robust tal-preżenza tal-għasafar u tal-bejtiet (80), filwaqt li jisfruttaw l-input mix-xjenza taċ-ċittadini.

85.

Il-miżuri skont il-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE, inklużi iżda mhux limitati għal ekoskemi, impenji ambjentali, relatati mal-klima u impenji oħrajn ta’ ġestjoni u pagamenti speċifiċi għaż-żona għal ċerti rekwiżiti obbligatorji (bħall-pagamenti ta’ Natura 2000), kif ukoll il-kundizzjonalità tal-PAK (81) jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Miżuri simili se jibqgħu disponibbli fil-PAK wara l-2027. Wieħed mill-istandards tal-PAK għal kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) tal-art immirat lejn il-bijodiversità huwa KAAT 8 (82). Dan jirrikjedi li l-bdiewa jżommu l-karatteristiċi tal-pajsaġġ u jipprojbixxi l-qtugħ tas-sisien ta’ sġajriet u tas-siġar matul l-istaġun tat-tnissil u tat-trobbija tal-għasafar, u għalhekk jikkontribwixxi għall-konformità mal-Artikoli 5(b) u 5(d) (ara l-istudju tal-każ 9). Madankollu, ta’ min jinnota li kwalunkwe bidla fir-regoli tal-kundizzjonalità tal-PAK, kif ukoll fir-regoli nazzjonali relatati, ma tbiddilx l-obbligi stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Għasafar. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 5, l-Istati Membri jista’ jkollhom bżonn jissupplimentaw tali regoli b’regoli addizzjonali, filwaqt li jiżguraw li l-miżuri rilevanti kollha japplikaw għall-bdiewa kollha, inklużi dawk li ma jkunux qed jirċievu appoġġ mill-PAK.

Studju tal-każ 8: Il-protezzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim mill-voluntiera fi Franza

Fi Franza, ir-reġjun tan-Normandija jappoġġa l-monitoraġġ tal-bejtiet fl-għelieqi tal-għelejjel taċ-ċereali bl-għajnuna tal-voluntiera. Ladarba l-bejtiet jiġu identifikati mill-ornitologi voluntiera, l-awtoritajiet jinnotifikaw lis-sid tal-art biex jikkomunika l-ħtieġa li l-bejtiet jiġu protetti. Imbagħad, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, l-ornitoloġisti jiltaqgħu mal-bidwi biex jiddiskutu l-protezzjoni tal-ispeċijiet. Il-biċċa l-kbira tal-bdiewa jipparteċipaw f’din is-sistema ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet mingħajr diffikultà. Fir-rebbiegħa tal-2021, il-voluntiera u l-ornitologi professjonali f’dan ir-reġjun ipproteġew 67 speċi fil-periklu, aktar minn 50 % ’il fuq mill-ogħla ċifra matul l-4 snin ta’ qabel. Fl-2021, din l-operazzjoni evitat il-qerda ta’ 41 bejta tal-Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus), 12-il bejta tat-Tellerita (Burhinus oedicnemus) u, fuq kollox, it-territorji tat-tnissil tal-Gallozz tal-Faxxi (Zapornia pusilla) fl-estwarju ta’ Seine.

Aktar informazzjoni:

https://www.normandie.developpement-durable.gouv.fr/bilan-2021-de-la-mise-en-oeuvre-de-la-protection-a4619.html

https://www.ouest-france.fr/normandie/caen-14000/dans-la-plaine-de-caen-les-busards-les-mieux-proteges-de-france-6906175

Studju tal-każ 9: L-implimentazzjoni tal-KAAT 8 fil-Belġju, fil-Lussemburgu, fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Spanja

Eżempji għall-implimentazzjoni tal-projbizzjonijiet skont l-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-Għasafar permezz tal-KAAT 8:

—

Il-Belġju (Wallonia): iż-żbir ta’ ringieli ta’ sġajriet u tas-siġar huwa pprojbit matul il-perjodu tat-tnissil u t-tibjit tal-għasafar, jiġifieri mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Lulju.

—

Il-Belġju (Flanders): iż-żbir ta’ sisien ta’ sġajriet u tas-siġar huwa pprojbit matul l-istaġun tat-tnissil (b’mod indikattiv mill-15 ta’ Marzu sal-15 ta’ Ġunju).

—

Il-Lussemburgu ir-restrizzjonijiet fuq iż-żbir u l-qtugħ ta’ sisien ta’ sġajriet u tas-siġar matul l-istaġun tat-tnissil u t-trobbija tal-għasafar: f’konformità mal-Artikolu 17(6) u (7) tal-Liġi tat-18 ta’ Lulju 2018, il-qtugħ tas-sisien tal-ħaxix ħajjin, tal-arbuxxelli u tat-truf tal-foresti huwa pprojbit mill-1 ta’ Marzu sal-1 ta’ Ottubru. L-eċċezzjonijiet jinkludu t-tirqim tas-sisien tal-ħaxix għall-proprjetajiet residenzjali jew għall-parks u t-tirqim meħtieġ għall-operazzjonijiet tal-forestrija. Kwalunkwe qtugħ li jagħmel ħsara lis-sisien tal-ħaxix ħajjin, lill-arbuxxelli jew lit-truf tal-foresti, b’mod partikolari b’għodod jew metodi mhux xierqa, bħal magni tal-ħsad bil-katini, huwa pprojbit.

—

Il-Ġermanja il-projbizzjoni tal-qtugħ tapplika mill-1 ta’ Marzu sat-30 ta’ Settembru, f’konformità mal-Att Federali dwar il-Konservazzjoni tan-Natura u l-liġi tal-Istat relatata, tapplika taħt il-qafas ta’ kundizzjonalità għas-sisien tal-ħaxix u l-istrixxi msaġġra, is-siġar f’ringieli, l-imsaġar tal-għelieqi, u siġar individwali.

—

L-Italja il-projbizzjoni taż-żbir tas-siġar u tal-arbuxxelli tapplika mal-pajjiż kollu mill-15 ta’ Marzu sal-15 ta’ Awwissu biex tkopri l-istaġun tat-tnissil u t-tibjit tal-għasafar, sakemm ma tkunx regolata b’mod ieħor fil-livell reġjonali.

—

Spanja huwa pprojbit li jitwettqu operazzjonijiet ta’ qtugħ u żbir ta’ sisien ta’ sġajriet u tas-siġar matul l-istaġun tat-tnissil u r-riproduzzjoni tal-għasafar (minn Marzu sa Awwissu), sakemm ma jkunx awtorizzat espressament mill-awtorità ambjentali. Is-sisien ta’ sġajriet huma definiti mit-taqsima “elementi tal-pajsaġġ” tal-KAAT.

86.

Is-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli jikkontribwixxu wkoll b’pariri speċifiċi biex jappoġġaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ispeċijiet tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Il-konsulenti tal-agrikoltura speċjalizzati fl-għasafar tar-raba’ jistgħu jipprovdu appoġġ konsultattiv lill-bdiewa. Dawn il-konsulenti jistgħu jkunu disponibbli permezz ta’ kmamar tal-agrikoltura, servizzi ta’ konsulenza privati, aġenziji privati jew NGOs. Il-kompiti tagħhom huma li jqajmu sensibilizzazzjoni fost il-bdiewa dwar l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċijiet preżenti fuq l-art tagħhom. Dawn jistgħu jipprovdu informazzjoni online, informazzjoni bil-miktub jew pariri diretti fuq il-post. Pereżempju, tista’ tiġi pprovduta informazzjoni dwar applikazzjoni għall-ismartphone meta roqgħa art agrikola tiġi inkluża f’żona użata minn għasafar tar-raba’.

Forestrija

87.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar ma jfissirx li l-attivitajiet tal-forestrija ma jistgħux iseħħu matul il-perjodu tat-tnissil u tat-trobbija. Għandhom jiġu integrati miżuri preventivi fl-ippjanar u fil-prattiki tal-ġestjoni tal-foresti sabiex tiġi evitata ħsara lill-ispeċijiet tal-għasafar, b’mod partikolari l-qtugħ tas-siġar matul l-istaġun tat-tnissil, li x’aktarx ikollu impatt fuq l-għasafar u l-bejtiet tagħhom. Il-miżuri preventivi jistgħu jinkludu ppjanar spazjali u temporali bbażat fuq ir-riskju tal-operazzjonijiet, pereżempju, żoni ta’ lqugħ madwar karatteristiċi sensittivi jew iż-żamma ta’ strutturi ewlenin tal-ħabitat, kif xieraq. Il-QĠUE ċċarat li jekk il-qtugħ tas-siġar (kemm jekk bi tqaċċit totali tas-siġar kif ukoll jekk le) ikun ippjanat f’foresta magħrufa li tospita bejtiet tal-għasafar, irrispettivament mill-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi, il-qtugħ tas-siġar matul it-tnissil u t-trobbija tal-għasafar ikun kopert mill-projbizzjonijiet skont l-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Għasafar (83). Jekk il-qtugħ tas-siġar iwassal għal disturb li jkollu effett sinifikanti fuq il-popolazzjonijiet tal-għasafar fid-dawl tal-objettivi tad-Direttiva, dan ikun kopert ukoll mill-Artikolu 5(d).

88.

Dan ma jfissirx projbizzjoni kompleta tal-qtugħ tas-siġar, lanqas matul il-perjodu tat-tibjit u tat-trobbija tal-għasafar, madankollu, l-attivitajiet iridu jiġu adattati, sabiex jiġu evitati l-azzjonijiet ipprojbiti fl-Artikolu 5, abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, pereżempju dwar il-preżenza ta’ għasafar li jbejtu f’siti tat-tnissil jew tat-trobbija (84). Meta l-operazzjonijiet iseħħu matul l-istaġuni tat-tnissil u tat-trobbija, se tkun meħtieġa kawtela partikolari biex jiġu ppjanati u mwettqa dawk l-attivitajiet sabiex jiġu evitati żoni b’indikazzjonijiet ta’ tnissil jew trobbija attivi (eż. siti tat-tnissil magħrufa jew użati regolarment u ħabitats partikolarment sensittivi). Is-siġar magħrufa li huma adatti għat-tibjit, is-siġar mejtin, is-siġar tal-ħabitat u s-siġar tal-kavità għandhom jitħallew mhux maħsuda biex tiġi evitata l-qerda tal-bejtiet. F’xi ħabitats magħrufa li għandhom densità għolja ta’ bejtiet, jew potenzjal ta’ dan, il-limitazzjoni tax-xogħol tal-forestrija matul il-perjodi tat-tibjit tista’ tkun ukoll miżura xierqa. Għal xi speċijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll miżuri addizzjonali oħrajn, bħall-istabbiliment ta’ żoni kwieti jew “ipprojbiti” madwar bejtiet magħrufa matul il-perjodu tat-tibjit (speċjalment għal speċijiet kbar bħaċ-Ċikonja Sewda (Ciconia nigra) jew l-għasafar tal-priża) meta jkun hemm possibbiltà ta’ qerda ta’ bejtiet jew ta’ disturb sinifikanti. Pereżempju, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(d), ir-restrizzjoni tal-attivitajiet tal-bniedem madwar il-bejtiet ta’ ċerti speċijiet ta’ għasafar tal-priża, kokki u ċikonji suwed, ilha tiġi pprattikata fl-Ungerija, fejn jintużaw restrizzjonijiet temporali biex jiġu evitati disturbi diretti matul l-istaġun tat-tnissil (85). Għal xi speċijiet oħrajn inqas sensittivi, disturb momentarju matul l-istaġun tat-tnissil jista’ ma jkollux impatt sinifikanti u ma jipperikolax is-suċċess tat-tnissil tagħhom. Huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jiddefinixxu l-miżuri preventivi xierqa fir-rigward tal-ispeċijiet u s-sitwazzjoni konkreti.

89.

Meta l-operaturi jiskedaw operazzjonijiet barra mill-perjodi tat-tnissil u tat-trobbija u, jekk ikun meħtieġ, japplikaw miżuri preventivi speċifiċi għas-sit, l-effetti residwi normalment ma jikkostitwixxu ebda disturb intenzjonat u sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 5(d).

90.

Fejn xieraq, jistgħu jiġu applikati miżuri bħall-forestrija taż-żamma ambizzjuża, li jħallu rqajja’ permanenti, siġar tal-ħabitat u strutturi bijoloġiċi importanti oħrajn fil-qafas tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, li tkopri l-maġġoranza tal-prattiki kurrenti tal-ġestjoni tal-foresti. Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar Natura 2000 u l-foresti fihom ukoll esperjenzi u eżempji ta’ prattika tajba minn Stati Membri differenti fil-ġestjoni tal-foresti (86) u jipprovdu aktar għarfien sabiex il-forestrija tiġi allinjata mal-protezzjoni tan-natura u tal-għasafar.

91.

L-inċentivi finanzjarji u l-appoġġ għall-forestiera huma wkoll importanti biex jgħinu jiżguraw li l-attivitajiet tal-forestrija jkunu konformi mal-protezzjoni tal-għasafar.

Studju tal-każ 10: L-aħjar prattiki għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni taċ-ċikonja sewda fil-Polonja

L-Istazzjon Sperimentali tal-Foresti f’Rogów, u l-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ajkli, b’appoġġ mill-Programm Operazzjonali Pollakk għall-Infrastruttura u l-Ambjent, implimentaw serje ta’ miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-protezzjoni taċ-ċikonja sewda u tal-ħabitats tagħha f’16-il sit ta’ Natura 2000 madwar il-Polonja.

Sal-2023, il-proġett kien ipproteġa xejn inqas minn 600 sa 700 sit tat-tnissil, filwaqt li appoġġa 55 % tal-popolazzjoni nazzjonali tat-tnissil. Dan sar mid-diretturi reġjonali għall-ħarsien tal-ambjent li jiddeżinjaw żoni ta’ protezzjoni għall-bejtiet (kull waħda ta’ madwar 2 800 ettaru). Il-prattiki ta’ ġestjoni tal-foresti u d-disturb tal-bniedem huma ristretti f’dawn iż-żoni kemm matul l-istaġun tat-tnissil, kif ukoll barra minnu. Dan mhux biss jipprevjeni lill-għasafar tat-tnissil milli jiġu ddisturbati, iżda jippreserva l-bejtiet u l-ħabitat ta’ madwarhom. Fis-siti ta’ Natura 2000, iż-żoni protetti madwar is-siti tal-bejtiet ikopru erja kumulattiva ta’ aktar minn 600 000 ettaru.

Minħabba l-assoċjazzjoni magħrufa sewwa taċ-ċikonja sewda mal-foresti, il-proġett kien jinkludi wkoll it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ edukazzjoni u pubbliċità mmirati lejn il-partijiet ikkonċernati involuti fiż-żoni forestali ta’ Natura 2000.

Aktar informazzjoni:

https://cepl.sggw.edu.pl/bocianimy/

Studju tal-każ 11: L-evitar ta’ disturb matul il-perjodu tat-tibjit ta’ għasafar kbar tal-priża f’foresti ġestiti kummerċjalment fil-Finlandja

Il-ħsad u attivitajiet oħrajn ta’ ġestjoni tal-foresti matul il-perjodu tat-tibjit tal-għasafar jistgħu jikkawżaw interruzzjoni tat-tibjit. Disturb matul il-perjodu tat-tibjit jista’ jkollu effett sinifikanti fuq l-objettiv tad-Direttiva dwar l-Għasafar li l-popolazzjonijiet tal-għasafar jinżammu f’livell sodisfaċenti. Għasafar kbar tal-priża b’għadd individwali baxx b’mod naturali u b’perjodu twil ta’ tibjit huma partikolarment suxxettibbli għal disturbi kkawżati mill-bniedem.

Informazzjoni dwar il-bejtiet ta’ għasafar kbar tal-priża ġiet ikkompilata f’bażi ta’ data nazzjonali, li tinżamm aġġornata b’mod kostanti. Meta s-sid tal-foresta jibgħat lill-awtorità nazzjonali tal-foresti dikjarazzjoni obbligatorja dwar l-intenzjoni li jwettaq qtugħ tas-siġar, l-awtorità twettaq paragun spazjali awtomatizzat bejn il-bejtiet magħrufa tal-għasafar u ż-żona proposta għall-qtugħ tas-siġar. Jekk iż-żona li fiha għandu jsir il-qtugħ tas-siġar tkun qrib bejta magħrufa, jintbagħat avviż awtomatikament lis-sid tal-art u lis-sid tad-drittijiet tal-qtugħ tas-siġar. L-avviż jikkonċerna l-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 u jservi bħala verifika finali biex jiġu evitati impatti ta’ ħsara mhux intenzjonati fuq l-għasafar tal-priża matul il-perjodu tat-tibjit. Madankollu, l-aktar fażi effettiva tal-użu tal-informazzjoni dwar il-bejtiet hija matul il-fażi tal-ippjanar qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni, meta l-protezzjoni tal-għasafar tkun tista’ tiġi inkorporata fil-ġestjoni bl-aktar mod effiċjenti. Jekk ġestjoni ppjanata tal-foresti jkollha impatt fuq żona tat-tibjit ta’ għasafar kbar tal-priża, il-protezzjoni matul is-sena kollha tkun possibbli billi tiġi stabbilita żona ta’ protezzjoni madwar il-bejta.

Bażi tad-data nazzjonali għal informazzjoni dwar l-ispeċijiet fil-Faċilità Finlandiża ta’ Informazzjoni dwar il-Bijodiversità:

https://laji.fi/en

Studju tal-każ 12: Il-konservazzjoni tal-għasafar tal-foresti permezz ta’ strateġija maħsuba biex tippreserva l-injam antik u l-injam mejjet f’Baden-Württemberg

L-istrateġija Alt- und Totholzkonzept (AUT) ġiet żviluppata biex tippreserva u ssaħħaħ il-bijodiversità fil-foresti ta’ Baden-Württemberg billi tintegra strutturi ewlenin tal-ħabitats bħall-injam antik u l-injam mejjet. Hija tindirizza l-ħtiġijiet ta’ diversi speċijiet ta’ għasafar tal-foresti, b’mod partikolari dawk li jiddependu fuq injam antik u mejjet għat-tibjit, għat-tmigħ u għall-kenn. Il-kunċett ta’ AUT ġie implimentat b’mod gradwali fil-foresti tal-Istat ta’ Baden-Württemberg minn Frar 2010.

Ċentrali għall-kunċett huwa l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ siġar tal-ħabitats (Habitatbaumgruppen) u rifuġji tal-foresti (Waldrefugien). Dawn iż-żoni deżinjati għadhom intatti mill-attivitajiet tal-forestrija, u dan jippermetti li l-proċessi naturali joħolqu ħabitats strutturali diversi. Dan huwa partikolarment ta’ benefiċċju għall-għasafar li jbejtu fil-kavitajiet bħal Dendrocopos major, li jeħtieġ siġar mejtin u li qed jitmermru biex iħaffer il-bejtiet tiegħu, Dryocopus martius, li jippreferi siġar maturi, u Columba oenas, li jiddependi fuq siġar kbar u antiki b’toqob li kienu jeżistu qabel għat-tibjit.

L-implimentazzjoni tal-iskema tinvolvi monitoraġġ regolari biex jiġi żgurat li l-miżuri li jkunu qed jittieħdu jkunu effettivi. Din tinkludi l-għażla u l-immarkar tal-gruppi ta’ siġar tal-ħabitats, li mbagħad jiġu mmappjati għal ġestjoni kontinwa.

L-AUT hija miżura strateġika li tintegra kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi, legali u ta’ sigurtà biex tittejjeb il-konservazzjoni tal-ħabitats tal-foresti. Billi tippreserva l-istrutturi kritiċi tal-ħabitats, hija tappoġġa direttament il-ħtiġijiet tal-ispeċijiet tal-għasafar tal-foresti, filwaqt li tiżgura l-preżenza kontinwa u l-funzjoni ekoloġika tagħhom fil-foresti ta’ Baden-Württemberg. L-AUT huwa approċċ pijunier għall-prattiki tal-ġestjoni tal-foresti li jimmiraw lejn il-konservazzjoni tal-bijodiversità.

Informazzjoni dwar il-kunċett ta’ AUT hija disponibbli hawnhekk (bil-Ġermaniż):

https://www.fva-bw.de/fileadmin/publikationen/sonstiges/aut_konzept_2017.pdf

92.

Is-servizzi ta’ konsulenza tal-gvern għandhom jipprovdu informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-għasafar lid-detenturi tal-art tal-foresti. Din l-informazzjoni għandha tkun iggwidata u appoġġata minn bażijiet ta’ data ċentrali u online speċifiċi għall-ispeċijiet, gwidi speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet fil-forestrija, għodod kartografiċi, fuljetti dwar ċerti speċijiet protetti, jew portal ta’ servizzi online b’għażliet ta’ informazzjoni għad-djalogu bejn il-korpi u l-awtoritajiet tal-forestrija.

Studju tal-każ 13: Pjattaforma tal-Immappjar “Foresti, Bijodiversità u Pajsaġġi f’Pays de la Loire”

Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Proprjetà Forestiera (CNPF, Centre National de la Propriété Forestière) huwa korp pubbliku fi Franza li huwa responsabbli biex jappoġġa u jagħti pariri lis-sidien privati tal-foresti, jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, iħejji u japprova l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, jipprovdi għarfien espert tekniku, taħriġ u gwida, u jwettaq riċerka u innovazzjoni permezz tal-organizzazzjoni sussidjarja tiegħu Institut pour le Développement Forestier (IDF).

Huma żviluppaw pjattaforma online għall-immappjar u għad-dokumentazzjoni tal-bijodiversità u l-ħabitats tal-foresti. Il-pjattaforma tiġbor u turi inventarji, saffi ta’ data tan-“natura” (għasafar, anfibji, siġar antiki, injam mejjet, artijiet mistagħdra, eċċ.), u żoni ta’ interess ekoloġiku jew ta’ wirt (eż. foresti ta’ valur għoli, artijiet mistagħdra u żoni sensittivi għall-ambjent). Billi jagħmlu din l-informazzjoni aċċessibbli fuq mappa, il-maniġers tal-foresti jistgħu jaraw b’mod ċar fejn ikunu jinsabu ħabitats importanti bħal żoni ta’ tibjit għall-għasafar tal-foresti, artijiet mistagħdra, jew żoni b’valur għoli ta’ konservazzjoni. Imbagħad jistgħu jevitaw interventi li jagħmlu l-ħsara (bħall-qtugħ tas-siġar) f’dawk iż-żoni, jew jippjanaw il-ħsad u operazzjonijiet oħrajn tal-forestrija b’modi li jimminimizzaw l-impatt fuq speċijiet sensittivi.

Il-pjattaforma tħeġġeġ l-użu ta’ għodda ta’ valutazzjoni – Indice de Biodiversité Potentielle (IBP), li tevalwa l-“kapaċità ta’ popolament forestali li jospita l-bijodiversità” abbażi ta’ sett ta’ kriterji ekoloġiċi: il-preżenza ta’ injam mejjet, siġar li qed jixjieħu, diversità strutturali (l-età tas-siġar, in-nuqqas ta’ tkabbir, siġar tal-ħabitats), kontinwità tal-kopertura tal-foresti maż-żmien, eċċ. Dawn il-kriterji huma kollha rilevanti għall-għasafar (u fawna oħra) minħabba li ħafna speċijiet ta’ għasafar jiddependu fuq siġar aktar anzjani, kavitajiet, struttura varjata tal-foresta, injam mejjet u ħabitat stabbli maż-żmien għat-tibjit, l-għalf jew il-kenn tagħhom. Bl-użu tal-IBP matul l-ippjanar tal-ġestjoni tal-foresti, il-maniġers jistgħu jqisu b’mod espliċitu l-potenzjal tal-bijodiversità u b’hekk ifasslu miżuri li jippreservaw jew itejbu l-karatteristiċi tal-ħabitats importanti għall-għasafar.

Billi jikkombina d-data spazjali ma’ perspettiva fit-tul u ma’ ġestjoni parteċipattiva, l-approċċ jgħin biex il-konservazzjoni tiġi integrata fl-attivitajiet ta’ forestrija ta’ rutina minflok ma l-bijodiversità tiġi ttrattata bħala tħassib separat u fakultattiv. Il-pjattaforma ma hijiex sempliċiment mappa statika: hija tgħaqqad ma’ “gwidi” (pereżempju dwar “l-għasafar u l-ġestjoni tal-foresti”, “injam mejjet u siġar li qegħdin jixjieħu”, “artijiet mistagħdra u anfibji tal-foresti”, eċċ.) li jagħtu pariri lill-forestiera dwar kif għandhom jiġġestixxu l-ħabitats b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-bijodiversità. Dan ifisser li l-forestrija tista’ tibqa’ ekonomikament vijabbli, filwaqt li xorta tissalvagwardja l-funzjonijiet ekoloġiċi tal-foresta, inklużi l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet tal-għasafar, il-preservazzjoni tal-kumplessità tal-ħabitat, u l-iżgurar tal-kontinwità tal-ekosistemi dipendenti fuq il-foresti.

Aktar informazzjoni:

https://bretagne-paysdelaloire.cnpf.fr/se-former-s-informer/les-fiches-et-guides-techniques/plateforme-cartographique-foret-biodiversite

Sajd

93.

Is-sistema ġenerali ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 5 tirrikjedi wkoll ir-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd (87) li x’aktarx iwasslu għal ħsara pprojbita. Wieħed mill-impatti ewlenin fuq l-għasafar f’dan il-kuntest u fuq l-għasafar tal-baħar b’mod partikolari huwa l-qbid inċidentali. Pressjonijiet oħrajn jistgħu jinkludu dwal u storbju minn bastimenti tas-sajd li jiddisturbaw b’mod sinifikanti l-kolonji tal-għasafar qrib il-kosta, jew disturb sinifikanti permezz tat-tbeżżigħ tal-għasafar madwar iż-żoni tas-sajd interni. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw miżuri preventivi effettivi (ara l-istudju tal-każ 14). Dan jista’ jsir permezz ta’ għodod ta’ ppjanar bħal pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sajd, liċenzji tas-sajd li jistabbilixxu rekwiżiti u restrizzjonijiet speċifiċi fuq ċerti tipi ta’ rkaptu tas-sajd b’riskju għoli u regolamentazzjoni spazjali u temporali tal-attività tas-sajd jew tal-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd.

94.

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata, il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq għarfien tajjeb tar-riskji li ċerti tipi ta’ rkaptu tas-sajd joħolqu għall-għasafar. Għalhekk, il-monitoraġġ sistematiku tal-qabdiet inċidentali huwa prerekwiżit għall-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi effettivi. Tali monitoraġġ jista’ jiddependi fuq id-data miġbura mill-Istati Membri taħt il-qafas tal-ġbir tad-data dwar is-sajd, sa fejn dan jipprovdi valutazzjoni robusta tar-riskju tal-qabdiet inċidentali biex jippermetti l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi. Aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett tista’ tinstab fit-Taqsima 2-76/77 tad-“Dokument ta’ gwida dwar il-ħarsien strett ta’ speċijiet ta’ annimali ta’ interess Komunitarju skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats”, li hija rilevanti wkoll għall-għasafar (88).

95.

Billi l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar hija fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea skont il-politika komuni tas-sajd, l-istabbiliment tal-miżuri meħtieġa jrid isir permezz ta’ dan il-qafas ta’ politika (89) .. Aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett tista’ tinstab fit-Taqsima 2-29 tal-Gwida msemmija hawn fuq, kif ukoll fid-“Dokument ta’ gwida dwar Natura 2000 u s-sajd” (90).

Studju tal-każ 14: Sajjieda u għasafar tal-baħar: alleati għall-baħar

Dan l-eżempju juri prattika tajba fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd rikorrenti. Iffinanzjata mill-Programm LIFE tal-UE u mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u b’ħidma mill-qrib mal-komunità tas-sajd, l-NGO għall-konservazzjoni tan-natura Sociedade Portuguesa para o Estudo das Aves (SPEA) identifikat l-aktar irkaptu tas-sajd problematiku u l-ispeċijiet ta’ għasafar tal-baħar li kienu l-aktar suxxettibbli għal qabdiet inċidentali. Abbażi ta’ dan, huma żviluppaw u ttestjaw miżuri ta’ mitigazzjoni differenti. Waħda mill-miżuri msejħa “għasfur falz biex ibeżża’ l-għasafar” uriet li kienet partikolarment effettiva. Dan huwa apparat li jissimula l-preżenza ta’ predatur, imwaħħal mal-bastimenti tas-sajd, u miżmum jiċċaqlaq bir-riħ u l-moviment tad-dgħajsa.

Wara li ġie ttestjat fuq il-baħar, ir-riżultati kienu inekwivoċi: l-għasfur falz biex ibeżża’ l-għasafar żamm l-għasafar tal-baħar ’il bogħod, u b’hekk naqqas il-probabbiltà li jinqabdu. Instab li dan kien partikolarment effettiv għall-garnija tal-Baleariku (Puffinus mauretanicus). Is-sajjieda għenu biex jirfinaw l-apparat, li sabu li għandu ħafna vantaġġi oħrajn. Irħis u faċli biex jiġi prodott, faċli biex jiġi mmuntat u biex jissewwa, ma kellu ebda interferenza mad-dinamika tas-sajd, iffranka l-ħin illi kieku kien jintilef biex l-għasafar jitneħħew mill-irkaptu tas-sajd, u naqqas il-ħsara kkawżata lix-xbieki. L-għasfur falz biex ibeżża’ l-għasafar issa qed jintuża mis-sajjieda kollha involuti fil-provi u bħalissa għaddej proġett ġdid ta’ kooperazzjoni sabiex l-użu tiegħu jiġi estiż għal aktar bastimenti tas-sajd.

Aktar informazzjoni:

https://spea.pt/projetos/medaves-pesca/

Kaċċa

96.

L-attivitajiet tal-kaċċa jistgħu jirriżultaw ukoll fi qtil jew f’disturb sinifikanti tal-għasafar jew ħsara pprojbita oħra skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar fejn dawn l-attivitajiet tal-kaċċa għandhom impatt fuq speċijiet ta’ għasafar li ma jiġux ikkaċċjati jew ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 (91). Għalhekk, għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi regolata l-kaċċa, mhux biss biex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tal-ispeċijiet fil-mira elenkati fl-Anness II tad-Direttiva, iżda wkoll biex jiġu protetti għasafar oħrajn li ma humiex il-mira tal-kaċċa, iżda li xorta waħda jiġu affettwati minnha. Dan għandu jkopri kwistjonijiet relatati mal-identifikazzjoni ħażina mill-kaċċaturi ta’ speċijiet li jixbhu lil xulxin. L-użu ta’ munizzjon taċ-ċomb, li jista’ jirriżulta f’avvelenament biċ-ċomb, kien ipprojbit fl-artijiet mistagħdra fl-2021 skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/57 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (92).

Avjazzjoni

97.

L-avjazzjoni taffettwa lill-għasafar bi tliet modi speċifiċi. L-ewwel nett, l-inġenji tal-ajru jistgħu jiddisturbaw b’mod sinifikanti lill-għasafar meta jtiru f’altitudnijiet baxxi fuq il-ħabitats tagħhom jew qrib il-bejtiet tagħhom matul l-istaġuni tat-tnissil. It-tieni, l-inġenji tal-ajru jistgħu jaħbtu mal-għasafar, b’mod partikolari waqt il-qtugħ mill-art u l-inżul, u waqt taħriġ ta’ livell baxx b’inġenji tal-ajru militari. It-tielet, l-għasafar jistgħu jiġu attirati lejn l-ajruporti, li jistgħu jipprovdu ħabitats adatti għat-tnissil, il-mistrieħ jew it-tiftix għall-ikel. B’mod partikolari, l-għasafar jistgħu jersqu lejn l-ajruporti għal rifuġju minn agrikoltura intensiva fil-qrib. Għalhekk, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi mminimizzat u, fejn possibbli, evitat l-impatt tal-avjazzjoni fuq l-għasafar, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sigurtà tat-titjiriet.

98.

L-ajruporti fl-Ewropa diġà jimplimentaw varjetà ta’ miżuri biex inaqqsu r-riskju ta’ ħabtiet mal-għasafar, li huma ta’ tħassib kbir għas-sigurtà. Il-ġestjoni tal-ħabitats hija waħda mill-aktar strateġiji komuni, li tinvolvi l-manutenzjoni bir-reqqa tal-veġetazzjoni, il-ġestjoni tal-ilma qiegħed u t-tneħħija tas-sorsi tal-ikel li jattiraw l-għasafar. Billi jimmaniġġaw l-għoli tal-ħaxix, jikklerjaw is-siġar li jagħmlu l-frott u jgħattu l-għadajjar, l-ajruporti jagħmlu l-ambjent tal-madwar inqas attraenti għall-għasafar.

99.

Minbarra dawn il-miżuri, deterrenti fiżiċi bħal xbieki u ostakli bil-ponot jipprevjenu lill-għasafar milli jinżlu jew joqogħdu f’żoni sensittivi. L-ajruporti jiddependu dejjem aktar fuq teknoloġija bħal sistemi tar-radar u kameras ta’ sorveljanza biex jimmonitorjaw il-movimenti tal-għasafar f’ħin reali, u b’hekk jippermettu rispons rapidu meta jinstabu qatgħat ta’ għasafar. L-ajruporti Ewropej huma meħtieġa jżommu Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Perikli mill-Organiżmi Selvaġġi (WHMPs), filwaqt li jiżguraw li l-persunal imħarreġ jivvaluta r-riskji, jimplimenta miżuri ta’ mitigazzjoni, u jirrapporta l-ħabtiet ma’ organiżmi selvaġġi. Flimkien, dawn l-istrateġiji joħolqu approċċ komprensiv li jimminimizza l-kolliżjonijiet tal-għasafar u jżomm is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Rikreazzjoni

100.

Attivitajiet ta’ rikreazzjoni bħall-mixi fil-kampanja, il-windsurfing u l-kitesurfing, l-isport tal-muturi, il-festivals tal-mużika, it-tixbit, il-kayaking, ir-rikreazzjoni bid-dgħajjes, l-osservazzjoni tal-għasafar, il-mixi bil-klieb mingħajr ċinga u t-titjir ta’ droni jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti lill-għasafar jew jagħmlu ħsara lill-bejtiet tagħhom. Hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu miżuri preventivi suffiċjenti biex jiżguraw li l-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5 jiġu osservati fir-rigward tal-attivitajiet ta’ rikreazzjoni. Tali miżuri jistgħu jinkludu l-ħolqien ta’ żoni kwieti, ċnut, għeluq jew restrizzjoni ta’ attivitajiet, speċjalment matul l-istaġuni tat-tnissil, jew l-introduzzjoni ta’ sistemi għall-ħruġ tal-permessi biex jillimitaw l-attivitajiet dannużi. Dan irid jiġi ssupplimentat b’sensibilizzazzjoni bl-użu ta’ tabelli ta’ informazzjoni, bl-għoti ta’ informazzjoni lin-negozji lokali u bid-distribuzzjoni ta’ fuljetti, u permezz ta’ infurzar xieraq tal-miżuri meta jkun meħtieġ (ara l-istudju tal-każ 15). Aktar informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni hija pprovduta fil-Guidance document on Natura 2000 and tourism, disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Studju tal-każ 15: Suġġerimenti ekoloġiċi għall-baħar u għax-xatt

Fi Bretanja, Franza, fis-sajf tal-2019 (mill-15 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru) tnediet kampanja ta’ sensibilizzazzjoni ambjentali mmirata lejn dawk li jbaħħru, il-maniġers tal-infrastruttura tal-portijiet, it-turisti u s-sajjieda rikreattivi. L-għan tal-kampanja kien li tgħin lil dawn il-gruppi jimminimizzaw l-impatt tagħhom fuq l-ambjent; hija inkludiet attivitajiet ta’ osservazzjoni tal-għasafar. Bl-għajnuna tal-partijiet ikkonċernati, is-sħubija pproduċiet settijiet ta’ informazzjoni dwar sitt suġġetti, ktejjeb disponibbli kemm bil-Franċiż kif ukoll bl-Ingliż, poster, serje ta’ vidjos qosra u sit web informattiv. Inħatru żewġ ambaxxaturi biex jgħinu fix-xandir tal-messaġġ.

Sa tmiem il-kampanja, il-medjaturi kienu pprovdew informazzjoni lil 600 persuna, għamlu 338 mistoqsija individwali, involvew 32 assoċjazzjoni tad-dgħajjes, qassmu kits u materjal ieħor f’60 punt ta’ distribuzzjoni, u pparteċipaw fi 28 avveniment nawtiku. Attività notevoli kienet il-kampanja “Attention, on marche sur des œufs!”, li saret fil-bajjiet kollha fiż-żona bil-għan li tipprevjeni li n-nies jirfsu fuq il-bajd u jeqirdu l-bejtiet.

Aktar informazzjoni:

https://www.protegeonslamer.bzh/biodiversite/

4.   L-ARTIKOLU 9 TAD-DIRETTIVA DWAR L-GĦASAFAR

4.1.   Test tal-Artikolu 9

“1.

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

—

fl-interess tas-saħħa u s-siġurtà tal-pubbliku,

—

fl-interess tas-sigurtà tal-ajru,

—

biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji tal-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u tal-ilma,

—

għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna;

(b)

għal għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim, tar-ripopolazzjoni, l-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tagħmir neċessarju għal dawn l-għanijiet;

(c)

biex jippermettu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.

2.

Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

(a)

l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi;

(b)

il-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qabda jew il-qtil;

(c)

il-kondizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skont liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw;

(d)

l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ssodisfati u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jintużaw, f’liema limiti u minn min;

(e)

il-kontrolli li se jkunu magħmula.

3.

Kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

4.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha u partikolarment l-informazzjoni kommunikata skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha dejjem tassigura li l-konsegwenzi tad-derogi previsti fil-paragrafu 1 ma humiex inkompatibbli ma’ din id-Direttiva. Din għandha tieħu passi xierqa għal dan l-iskop.”

4.2.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

101.

L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga mill-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 f’ċirkostanzi eċċezzjonali, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-ħtieġa għal grad ta’ flessibbiltà u bbilanċjar bir-reqqa tal-ħtieġa li jintlaħqu l-objettivi ta’ konservazzjoni tad-Direttiva u l-importanza li tista’ tingħata lir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 9. Minħabba li d-derogi huma ta’ natura eċċezzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jridu jiżguraw li r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 9 jiġu ssodisfati qabel ma jagħtu waħda.

102.

Filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-gwida huwa limitat għall-Artikoli 5 u 9, ta’ min jinnota li l-Artikolu 9 jippermetti wkoll li jinħarġu derogi fir-rigward tal-Artikolu 6, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva.

103.

Id-derogi mir-rekwiżiti tal-Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva jistgħu jingħataw biss fil-qafas tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Il-QĠUE diġà kkonfermat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva, li jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex iżommu l-popolazzjoni tal-ispeċijiet kollha tal-għasafar f’livell li jikkorrespondi għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi, ma jikkostitwix deroga awtonoma mill-Artikolu 5 (93). Li l-QĠUE ċċarat li l-iskema ta’ deroga prevista fl-Artikolu 9 “għandha tiġi interpretata b’mod strett u li għandha tqiegħed l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa, fir-rigward ta’ kull deroga, fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni” (94).

104.

Għalhekk, huwa f’idejn l-Istati Membri li jfasslu l-qafas regolatorju tagħhom b’mod li jiżgura li d-dispożizzjonijiet ta’ deroga jiġu applikati f’konformità mal-prinċipju taċ-ċertezza legali (95). Il-QĠUE ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti trid tispeċifika l-kriterji għad-deroga b’mod ċar u preċiż u tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jqisu dawn il-kriterji (96). Il-QĠUE affermat ukoll li għal arranġamenti eċċezzjonali bħal derogi, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-azzjonijiet kollha li jaffettwaw l-ispeċijiet protetti jkunu jistgħu jiġu awtorizzati biss abbażi ta’ deċiżjonijiet li jkun fihom dikjarazzjoni ċara u suffiċjenti li tirreferi għar-raġunijiet, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 (97).

105.

It-traspożizzjoni sħiħa u akkurata tal-Artikolu 9 hija prerekwiżit għall-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Għal dik ir-raġuni, l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 abbażi ta’ prattiki amministrattivi ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi konformità xierqa (98). Il-QĠUE ddikjarat li “l-kriterji li l-Istati Membri jridu jissodisfaw sabiex jidderogaw mill-projbizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva jridu jiġu riprodotti f’dispożizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, billi traspożizzjoni fidila ssir partikolarment importanti f’każ fejn il-ġestjoni tal-wirt komuni tiġi fdata lill-Istati Membri fit-territorji rispettivi tagħhom” (99). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar huma differenti minn dawk fir-reġim ta’ deroga simili skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu distinzjoni ċara bejn dispożizzjonijiet differenti dwar derogi taż-żewġ direttivi meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet fil-qafas legali nazzjonali.

106.

L-Artikolu 9 fih tliet kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati jekk Stat Membru jkun jixtieq jidderoga mill-Artikoli 5 sa 8. Sussegwentement, il-QĠUE kkonfermat din id-deċiżjoni li “l-ewwel, l-Istat Membru jrid jirrestrinġi d-deroga għal każijiet li fihom ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti; it-tieni, id-deroga trid tkun ibbażata fuq mill-inqas waħda mir-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c); it-tielet, id-deroga trid tikkonforma mal-kundizzjonijiet formali preċiżi stabbiliti fl-Artikolu 9(2), li huma maħsuba biex jillimitaw id-derogi għal dak li huwa strettament meħtieġ u biex jippermettu lill-Kummissjoni tissorveljahom.” (100)

107.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE, id-“derogi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva jistgħu jiġu adottati biss jekk teżisti l-garanzija li l-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernati tinżamm f’livell sodisfaċenti” (101) L-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ħruġ ta’ derogi jridu jiżguraw li t-tliet kundizzjonijiet jiġu ssodisfati u li d-derogi ma jimminawx l-ilħuq tal-objettivi ġenerali tad-Direttiva dwar l-Għasafar sabiex il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet jinżammu jew jimxu lejn livell sodisfaċenti. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi mmonitorjat l-użu tad-derogi u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-ispeċijiet ta’ għasafar ikkonċernati (u għal speċijiet oħrajn, fejn rilevanti).

108.

F’dan il-kuntest, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe deroga jrid jiġi definit f’termini ċari u preċiżi li jkunu applikabbli għas-sitwazzjoni speċifika (102) u li jindirizzaw problema partikolari. Għalhekk, id-derogi jridu jkunu delimitati tajjeb biżżejjed, jiġifieri ma jistgħux jinħarġu abbażi ta’ termini ġenerali, jew b’durati indefiniti skont il-QĠUE (103). Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ deroga għandu jiġi definit b’mod ċar kemm jista’ jkun. Għandha tintwera l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-problema li għandha tiġi indirizzata u l-attività li teħtieġ deroga (104). Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni jrid ikun strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan leġittimu tad-deroga inkwistjoni u trid tintwera rabta ċara mal-objettiv segwit (105). Dan jiġi żgurat billi l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 9(2) tiġi inkluża fid-deċiżjoni ta’ deroga.

109.

Għalhekk, kwalunkwe liċenzja jew strument ieħor li jagħti deroga għandu jkun komplut u espliċitu fir-referenzi tiegħu għall-kundizzjonijiet li d-deroga trid tissodisfa. Dan jippermetti wkoll lill-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-imħallfin, jissorveljaw id-derogi mogħtija (106).

110.

Id-derogi jingħataw mingħajr ma tiġi kkonsultata l-Kummissjoni, li jfisser li l-proċedura ta’ approvazzjoni sseħħ kompletament fil-livell nazzjonali. Ladarba jingħataw, dawk id-derogi jridu jiġu inklużi f’rapport lill-Kummissjoni kull sena, f’konformità mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva (107). Skont l-Artikolu 9(4), il-Kummissjoni mbagħad hija meħtieġa tiżgura li l-konsegwenzi ta’ dawk id-derogi ma jkunux inkompatibbli mad-Direttiva. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tieħu passi xierqa għal dak il-għan.

Appoġġ għall-Implimentazzjoni Prattika 3: Għodda tal-IT online li tnaqqas il-piż amministrattiv u tiffaċilita r-rapportar tad-derogi mill-Istati Membri

HaBiDeS+ hija pjattaforma tal-IT online ddedikata ġestita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u użata mill-Istati Membri (inklużi reġjuni u amministrazzjonijiet lokali oħrajn) biex jirreġistraw, jiġġestixxu u jittrażmettu informazzjoni dwar id-derogi mogħtija skont id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. Hija tipprovdi sistema moderna unika u ċentralizzata għar-rapportar tad-derogi, inklużi l-bażijiet legali, l-objettivi, l-ispeċijiet ikkonċernati, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku, id-durata u l-kundizzjonijiet tagħhom mehmuża. Bl-użu ta’ oqsma tad-data u definizzjonijiet komuni, is-Sistema+ ta’ Derogi mid-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar (HaBiDeS+) tappoġġa applikazzjoni konsistenti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats madwar l-UE.

Il-pjattaforma toffri faċilitajiet ta’ rapportar strutturati li jiggwidaw lill-Istati Membri permezz tas-sottomissjoni tad-data tad-derogi, inklużi mudelli predefiniti, oqsma obbligatorji u kontrolli awtomatizzati li jgħinu biex jiġu żgurati l-kompletezza u ċ-ċarezza. HaBiDeS+ tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jaġġornaw u jikkoreġu r-rekords tad-derogi maż-żmien u tiffaċilita l-valutazzjoni tal-konformità, is-segwitu u l-analiżi komparattiva tal-Kummissjoni. B’dan il-mod, hija tnaqqas il-piż amministrattiv u l-frammentazzjoni tal-prattiki ta’ rapportar li jtejbu t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-użu tad-derogi fil-livell tal-UE.

Għal aktar informazzjoni:

https://circabc.europa.eu/ui/group/173a90fc-40bf-492d-a3a9-df99c4aa8807/library/cfc38522-bd5e-4237-af4b-37928504ee87/details.

4.3.   Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ derogi skont l-Artikolu 9

111.

Deroga valida tista’ tingħata biss jekk it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 jiġu ssodisfati (108).

112.

Bħala l-ewwel kundizzjoni, l-Artikolu 9(1) jiddikjara li ma jrid ikun hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għall-kwistjoni speċifika li d-deroga għandha l-għan li tindirizza. It-tieni, id-deroga trid tiġi adottata għal waħda mis-sitt raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 9(1)(a) sa (c) tad-Direttiva. Fl-aħħar nett, id-deroga trid tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2).

Image 2

Kundizzjoni 1: ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti

113.

L-Artikolu 9(1) jiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mir-rekwiżiti tal-Artikoli 5 sa 8 biss “fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti”. Dan ifisser li ma tkunx tista’ tingħata deroga jekk l-istess eżitu jkun jista’ jinkiseb b’mod sodisfaċenti b’mod differenti li jew jevita ksur tal-Artikolu 5 kompletament jew ikun inqas ta’ ħsara fid-dawl tal-projbizzjonijiet u l-objettivi tad-Direttiva.

114.

Abbażi tal-ġurisprudenza tal-QĠUE, l-analiżi ta’ fejn “ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti” tista’ titqies bħala magħmula minn tliet mistoqsijiet: (1) X’inhi l-problema jew is-sitwazzjoni speċifika li jeħtieġ li tiġi indirizzata? (2) Hemm xi soluzzjonijiet oħrajn? (3) Jekk iva, dawn se jsolvu l-problema jew is-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni b’mod sodisfaċenti (109)?

115.

Il-valutazzjoni tad-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet oħra sodisfaċenti għandha titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ u fuq l-aħjar evidenza disponibbli u filwaqt li titqies il-proporzjonalità, billi jiġu kkunsidrati l-impatt tad-deroga u l-ħtieġa għall-attività. Id-deċiżjoni li tagħti d-deroga trid tinkludi “motivazzjoni ċara u suffiċjenti” li twassal għall-konklużjoni li ma hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti (110).

116.

Għalhekk, l-analiżi ta’ fejn “ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti” tippreżumi li teżisti problema jew sitwazzjoni speċifika u li din jeħtieġ li tiġi indirizzata. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma mitluba jsolvu din il-problema jew is-sitwazzjoni billi jagħżlu, fost l-alternattivi possibbli, l-aktar waħda xierqa li tiżgura l-aħjar protezzjoni tal-ispeċijiet, filwaqt li ssolvi l-problema jew is-sitwazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ispeċijiet, l-alternattivi jridu jiġu vvalutati skont il-projbizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5. Pereżempju, dawn jistgħu jinvolvu postijiet alternattivi ta’ proġetti, skali jew disinji ta’ żvilupp differenti, jew attivitajiet, proċessi jew metodi alternattivi.

117.

Pereżempju, meta tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ “soluzzjonijiet oħra sodisfaċenti” għall-miżuri skont l-Artikolu 9(1)(a), it-tielet inċiż, li għandhom l-għan li jipprevjenu ħsara serja lill-għelejjel, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma, għandhom jiġu ppreferuti jew, għall-inqas, jiġu eżaminati serjament mezzi mhux letali fattibbli u preventivi kompatibbli mal-Artikolu 5. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-miżuri ta’ prevenzjoni tal-ħsara lill-għelejjel jew lill-bhejjem (bħal bidliet fil-prattiki tal-biedja, kif ukoll il-promozzjoni tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħabitat) jistgħu jkunu alternattiva sodisfaċenti għall-użu tad-derogi skont l-Artikolu 9(1)(a). Miżuri preventivi oħrajn, bħat-tixrid ta’ informazzjoni bbażata fuq ix-xjenza bl-iskop li jitnaqqas il-kunflitt (pereżempju l-imġiba tal-bniedem) jistgħu jkunu parti mill-alternattivi sodisfaċenti għall-użu ta’ kontroll letali.

118.

Wara li tkun identifikat il-problema jew is-sitwazzjoni speċifika li għandha tiġi indirizzata u vverifikata li hija konformi mar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 9(1), il-valutazzjoni għandha tikkunsidra d-diversi soluzzjonijiet biex tiġi indirizzata b’mod sodisfaċenti. Meta ddeċidiet dwar alternattivi sodisfaċenti f’każ li jikkonċerna l-insib tal-għasafar, il-QĠUE sostniet li l-fatt li miżura oħra għadha ma hijiex fattibbli fuq skala kbira ma huwiex biżżejjed biex jiġi konkluż li l-miżura l-oħra ma hijiex “soluzzjoni oħra sodisfaċenti” (111).

119.

Għalhekk, soluzzjoni oħra ma tistax titqies bħala mhux sodisfaċenti sempliċiment minħabba li tikkawża inkonvenjent akbar lill-benefiċjarji tad-deroga, jew minħabba li twassal għal bidla fl-imġiba tagħhom (112). F’dan ir-rigward, l-argumenti bbażati fuq it-“tradizzjoni b’għeruq fondi” jew it-“tradizzjoni storika u kulturali” tal-prattiki tal-kaċċa nstabu li ma kinux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw il-ħtieġa għal deroga (113). Barra minn hekk, l-użu ta’ metodu partikolari ta’ kaċċa ma jistax jitqies bħala għan fih innifsu, minħabba li metodu ta’ kaċċa huwa, minnu nnifsu, metodu sabiex jintlaħaq għan. Tabilħaqq, jekk l-użu ta’ metodu partikolari ta’ kaċċa kellu jitqies bħala għan fih innifsu, is-sempliċi preferenza ta’ metodu ta’ kaċċa fuq ieħor tkun biżżejjed biex tissodisfa t-test ta’ “ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti”. Dan jimmina l-funzjoni tal-Artikolu 9 fil-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva.

120.

Id-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet oħra sodisfaċenti tvarja skont fatturi bħall-ispeċi kkonċernata, ir-raġuni tad-deroga segwita, iż-żona speċifika kkonċernata u l-Istat Membru li fih isseħħ. Pereżempju, it-tekniki ta’ tbeżżigħ jistgħu jikkostitwixxu soluzzjoni oħra sodisfaċenti biex tiġi evitata ħsara lill-għelejjel minn ċerti speċijiet, iżda dan jista’ ma jkunx sodisfaċenti għal speċijiet aktar persistenti oħrajn li sempliċiment jirritornaw ladarba d-disturb jieqaf.

121.

Meta tiġi vvalutata miżura alternattiva potenzjali, jista’ jkun xieraq ukoll li titqies il-proporzjonalità ta’ soluzzjonijiet oħrajn. Il-kost ekonomiku ta’ għażla teknikament fattibbli huwa rilevanti u jista’ jitqies. Madankollu, dan ma jistax ikun l-uniku fattur determinanti meta jiġu esklużi alternattivi biex jintlaħaq l-għan segwit (114).

122.

Il-proporzjonalità ta’ soluzzjonijiet oħrajn tista’ tiġi vvalutata b’referenza għal-livelli tal-popolazzjoni u x-xejriet tal-ispeċijiet li jkunu affettwati mill-miżura li tkun qed tiġi kkunsidrata (115). Il-QĠUE sostniet li trid issir valutazzjoni tal-impatt tal-attività inkwistjoni fuq il-livell tal-popolazzjoni u l-ħtieġa għal dik l-attività, kif ukoll tas-soluzzjonijiet alternattivi biex jintlaħaq l-għan segwit (116). Pereżempju, bħala parti mid-determinazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura, jista’ jkun possibbli li tiġi eskluża soluzzjoni oħra jekk din tkun tinvolvi kostijiet ekonomiċi sinifikanti, filwaqt li toffri biss benefiċċji żgħar b’referenza għall-objettivi tad-Direttiva, u dan ikun il-każ speċjalment għal speċijiet li l-popolazzjonijiet tagħhom ikunu f’livelli ogħla minn sodisfaċenti. B’kuntrast għal dan, jekk il-miżura l-oħra tinvolvi żieda żgħira fil-kostijiet meta mqabbla mal-miżura kkontemplata, iżda tkun aktar allinjata mal-objettivi tad-Direttiva, hija tikkostitwixxi soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

123.

Għalhekk, l-istandard ta’ evidenza biex tiġi ssodisfata l-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti huwa ogħla jekk l-għoti tad-deroga jista’ jkollu implikazzjonijiet għall-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva.

124.

L-użu tad-deroga jista’ jiġi ġġustifikat biss meta jintwera b’mod suffiċjenti li l-alternattivi potenzjali ma humiex sodisfaċenti, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, u meta l-kundizzjonijiet l-oħrajn jiġu ssodisfati wkoll. Madankollu, jekk miżura tkun parzjalment sodisfaċenti anki jekk ma tindirizzax biżżejjed il-problema, iżda xorta tista’ tnaqqas jew ittaffi l-problema, hija għandha tiġi implimentata l-ewwel. Meta jiġi ddeterminat li ma hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti, jeħtieġ li d-deċiżjoni dwar id-deroga tiġi sostnuta b’dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku rilevanti u li jiġu stabbiliti r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kompetenti biex tasal għal dik il-konklużjoni (117).

Eżempji prattiċi

125.

F’ħafna każijiet, il-miżuri maħsuba biex jipprevjenu l-ħsara, inklużi l-apparati ta’ deterrent għall-organiżmi selvaġġi, il-bidliet fil-prattiki tal-ġestjoni agrikola, iż-żoni sikuri, kif ukoll ir-restawr ta’ kundizzjonijiet tajbin tal-ħabitat jew popolazzjonijiet tal-priża tal-ispeċijiet ikkonċernati, jew taħlita ta’ miżuri, jistgħu jkunu alternattiva sodisfaċenti għall-użu ta’ derogi skont l-Artikolu 9. Pereżempju, għas-sigurtà tal-ajru, il-ġestjoni tal-veġetazzjoni sabiex l-ajruporti ma jkunux attraenti għall-organiżmi selvaġġi u t-tekniki biex jiġu skoraġġuti, jintużaw b’mod wiesa’ u xi drabi tista’ tkun meħtieġa taħlita ta’ miżuri differenti sabiex il-ħsarat jiġu evitati b’mod effettiv.

126.

F’xi każijiet, l-evitar sħiħ ta’ ħsara pprojbita jista’ ma jkunx possibbli, jiġifieri għandha tintgħażel is-soluzzjoni bl-inqas impatt fid-dawl tal-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 u l-objettivi tad-Direttiva. Dan jista’ jinkludi l-użu ta’ tekniki ta’ tbeżżigħ ikkomplementati b’kontroll letali limitat sabiex it-tbeżżigħ isir aktar effettiv, għall-kuntrarju tal-iskartar tal-għażla ta’ tbeżżigħ kompletament.

127.

Il-problemi li jistgħu jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ derogi spiss ikunu riżultat tad-deterjorament tal-ħabitat u t-tnaqqis fid-disponibbiltà tal-ikel. Pereżempju, l-impatt tal-predazzjoni minn xi korvidi jew għasafar tal-priża fuq għasafar li jbejtu fl-art, bħall-Ħaġla (Perdix perdix) huwa parzjalment dovut għat-telf ta’ ħabitats tajbin għat-tibjit u t-trobbija li joffru kenn u ikel. Għalhekk, soluzzjonijiet fit-tul u bbażati fuq l-ekosistema bħar-restawr ta’ kundizzjoni tajba ta’ ħabitat għall-ispeċijiet, kemm għal dawk li jikkawżaw kunflitti kif ukoll għal dawk li jsofru mill-impatt, għandhom jiġu implimentati flimkien ma’ kwalunkwe soluzzjoni għal żmien qasir, li possibbilment tinvolvi deroga, bil-għan li tiġi indirizzata kwalunkwe problema immedjata.

128.

Fir-rigward ta’ soluzzjonijiet oħra sodisfaċenti għall-fini tar-riċerka, kwalunkwe deċiżjoni li tingħata deroga għandha ssemmi n-nuqqas ta’ mezzi xjentifiċi standard oħrajn ta’ riċerka fil-qasam ornitoloġiku (118) u jkun fiha dikjarazzjoni preċiża u suffiċjenti tar-raġunijiet fir-rigward ta’ tali nuqqas.

Kundizzjoni 2: Dimostrazzjoni ta’ waħda mis-sitt raġunijiet fl-Artikolu 9(1)(a)-(c)

129.

Qabel ma tiġi diskussa kull waħda mir-raġunijiet li jridu jeżistu sabiex issir deroga mill-obbligi ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet tad-Direttiva dwar l-Għasafar, huwa pertinenti li jiġi nnotat li l-lista hija eżawrjenti. B’riżultat ta’ dan, id-derogi jistgħu jittieħdu biss jekk isegwu xi waħda mill-intestaturi identifikati fl-Artikolu 9(1)(a) u (b) jew jitwettqu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(c). Ir-raġuni għad-deroga taħt is-subparagrafu (c) “biex jippermettu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar” ma hijiex diskussa hawnhekk, minħabba li diġà hija deskritta fil-“Guide to sustainable hunting under the Birds Directive” (119).

L-Artikolu 9(1)(a), l-ewwel inċiż: fl-interessi tas-saħħa u s-siġurtà tal-pubbliku.

130.

Din ir-raġuni tkopri ċirkostanzi bħall-protezzjoni tal-pubbliku minn mard u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti. Din ir-raġuni għad-deroga hija relatata ma’ sitwazzjonijiet li fihom l-azzjonijiet meħuda biex jipprevjenu r-riskji li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà tal-bnedmin huma f’kunflitt mal-ħtieġa li jiġu protetti l-ispeċijiet tal-għasafar u jissuperawha.

131.

L-użu tat-terminu “pubbliku” jindika biss li l-interessi pubbliċi, promossi minn korpi pubbliċi jew privati, jistgħu jiġu bbilanċjati kontra l-għanijiet ta’ konservazzjoni tad-Direttiva. B’hekk, proġetti li huma kompletament fl-interess ta’ kumpaniji jew individwi, tipikament ma jitqisux li jkunu fl-interess pubbliku, sakemm ma jservux ukoll skop usa’ b’mod parallel. Il-QĠUE kkonfermat li din l-intestatura tista’ tkopri l-prevenzjoni tan-nirien, tal-għargħar u tal-mard (120). Eżempju prattiku ieħor ta’ dan jista’ jkun il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni permezz tal-eskrement tat-tjur ta’ riżerva tal-ilma tax-xorb jew faċilità għall-ħżin tal-ikel.

132.

Tali derogi jistgħu jingħataw biss fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom l-interess tas-saħħa u s-sigurtà pubblika jegħleb il-protezzjoni tal-għasafar (121). Għalhekk, trid tiġi stabbilita rabta bejn l-attività permessa skont id-deroga u t-tħassib identifikat dwar is-saħħa u s-sigurtà pubblika. Din tirrikjedi li s-sistema ta’ deroga tkun delimitata biżżejjed u li tispeċifika l-kundizzjonijiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u tal-postijiet fejn jistgħu jingħataw derogi (122). Sabiex nieħdu l-eżempju ta’ kontaminazzjoni mill-eskrement tal-għasafar, is-sempliċi preżenza ta’ eskrement, jew ta’ bejta, ma tkunx biżżejjed fiha nnifisha biex tingħata deroga. Irid jintwera li l-post jew in-numru ta’ bejtiet huma tali li jagħtu lok għal riskju ġenwin għas-saħħa.

133.

Skont l-Artikolu 16f tad-Direttiva (UE) 2023/2413 (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli III) (123), għall-finijiet tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-Għasafar, meta jkunu qed jiġu ponderati l-interessi legali f’każ partikolari, l-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja, il-grilja relatata nnifisha, u l-assi tal-ħżin huma preżunti li jservu s-saħħa u s-sigurtà pubblika (124). Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkontestata u hija soġġetta għal valutazzjoni każ b’każ. L-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi debitament ġustifikati u speċifiċi, jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għal ċerti partijiet tat-territorju tagħhom, għal ċerti tipi ta’ teknoloġija jew għal proġetti b’ċerti karatteristiċi tekniċi, f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

134.

L-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2024/1735 (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti) (125) jipprevedi li proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti (126) u proġetti ta’ manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti f’widien ta’ aċċellerazzjoni b’emissjonijiet żero netti (127) huma fl-interess pubbliku u jistgħu jitqiesu li jservu l-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Għasafar (128).

135.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2024/1252 (l-Att dwar il-Materja Prima Kritika) (129), il-proġetti strateġiċi li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima strateġika jitqiesu li jservu s-saħħa u s-sigurtà pubblika, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Għasafar. B’riżultat ta’ dan, bħal fil-każijiet kollha meta jingħataw id-derogi skont l-Artikolu 9, għad hemm il-ħtieġa li jintwera li l-kundizzjonijiet l-oħrajn skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, jiġifieri n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet sodisfaċenti alternattivi u r-rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2), huma ssodisfati.

L-Artikolu 9(1)(a), it-tieni inċiż: fl-interessi tas-sigurtà tal-ajru.

136.

L-ispeċijiet ta’ għasafar tqal u/jew li jtiru f’qatgħat huma periklu kbir għas-sigurtà tal-ekwipaġġ tal-ajru, tal-passiġġieri u tal-inġenji tal-ajru. Il-kolliżjonijiet ma’ speċijiet ta’ għasafar bħal dawn jistgħu jirriżultaw f’dewmien, inġenji tal-ajru bil-ħsara u saħansitra f’tiġrif, li jsarrfu f’telf ta’ ħajjiet umani u riperkussjonijiet finanzjarji estensivi għall-industrija tal-avjazzjoni. Il-kolliżjonijiet dejjem ikunu fatali għall-għasafar milquta, li jirriżultaw fi kwistjonijiet ta’ konservazzjoni meta jkunu kampjuni ta’ speċijiet rari jew fil-periklu. F’ħafna ajrudromi u ajruporti, jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni biex jiġi evitat li l-għasafar jaħbtu mal-inġenji tal-ajru (130). Tali soluzzjonijiet jinvolvu l-ġestjoni tal-ħabitats biex titnaqqas l-attraenza tas-sit għall-għasafar u l-qatgħat ta’ għasafar u diversi tekniki ta’ tbeżżigħ bħal kanuni li jipproduċu ħsejjes qawwija. Tali miżuri jistgħu jiksru l-Artikolu 5 tad-Direttiva, b’mod partikolari l-projbizzjoni tas-subparagrafu (d) fuq disturb sinifikanti. F’ħafna każijiet, hemm disponibbli soluzzjonijiet oħra sodisfaċenti li huma aktar effettivi u dejjiema mill-qtil. Pereżempju, ir-restawr tal-ħabitat ’il bogħod mill-ajrudrom biex l-għasafar jiġu ddevjati għandu jiġi kkunsidrat ukoll, meta jkun rilevanti, u dan jevita l-ħtieġa għal deroga.

L-Artikolu 9(1)(a), it-tielet inċiż: biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji tal-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u tal-ilma.

137.

Din ir-raġuni tqis, fost affarijiet oħra, ċerti interessi ekonomiċi relatati ma’ dawn l-oqsma. Hija ta’ natura kwalitattiva, għalhekk tista’ tiġi applikata biss fejn il-ħsara tkun “serja”. Għalhekk, ħsara minuri jew it-theddida ta’ ħsara minuri ma tistax titqies suffiċjenti biex tingħata deroga taħt din l-intestatura (131).

138.

Din ir-raġuni hija ta’ natura preventiva, li jfisser li tista’ tapplika qabel ma tkun ġiet sostnuta ħsara serja. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq l-eżistenza ta’ ħsara rikorrenti fil-passat u fuq il-probabbiltà konsegwenti li ħsara serja marbuta mal-popolazzjonijiet tal-għasafar identifikati terġa’ sseħħ fin-nuqqas ta’ azzjoni (132). L-użu ta’ din ir-raġuni jrid ikun sostnut minn evidenza u jrid ikun mill-inqas fil-biċċa l-kbira attribwibbli għall-ispeċijiet fil-mira tad-deroga (133). F’dak ir-rigward, ħsara indiretta possibbli fil-futur li tikkostitwixxi riskji astratti u li tiġi kkawżata biss parzjalment minn speċijiet protetti ma tistax titqies bħala “ħsara serja” f’dan il-kuntest (134).

139.

Il-lista ta’ forom ta’ ħsara koperti minn din ir-raġuni għad-deroga hija eżawrjenti. Xi eżempji settorjali li jistgħu jwasslu għal deroga taħt din l-intestatura huma:

—

ħsara serja lill-għelejjel, pereżempju, minn għasafar li jfittxu l-ikel permezz tal-qerda u l-konsum taż-żerriegħa, tat-tkabbir tal-pjanti jew tal-prodott finali;

—

ħsara lokali serja lill-foresti, pereżempju, permezz ta’ tkabbir imrażżan tas-siġar minħabba eskrement eċċessiv minn kolonji densi ta’ agretti jew marguni;

—

ħsara serja lill-bhejjem, pereżempju, permezz ta’ bhejjem li jittieħdu jew li ssirilhom ħsara minn għasafar predaturi jew ċawl, jew permezz tar-riskju akbar ta’ trażmissjoni tal-mard;

—

ħsara serja lis-sajd, pereżempju, permezz tal-predazzjoni tal-ħut kemm fis-selvaġġ kif ukoll fl-akkwakultura;

—

ħsara serja lill-korpi tal-ilma, pereżempju, permezz tat-tniġġis tal-ġibjuni tal-ilma, jew ħsara lill-kanali tat-tisqija.

140.

Il-valutazzjoni ta’ jekk tali ħsara hijiex serja se tiddependi l-aktar fuq il-kost ekonomiku, il-firxa u l-impatt għall-partijiet ikkonċernati jew għall-komunitajiet involuti. Il-ħsara trid tiġi vvalutata wkoll b’referenza għall-kapaċità tal-parti kkonċernata li ssostni tali ħsara. Pereżempju, is-serjetà tal-ħsara li ssir mill-wiżż lill-għelejjel f’għalqa waħda se tvarja bejn bidwi fuq skala żgħira u bidwi li jopera intrapriża akbar. Is-serjetà tal-ħsara għandha tiġi vvalutata wkoll fl-istess skala li fiha jittieħdu d-derogi (jiġifieri fil-livell tal-azjenda agrikola fil-każ ta’ miżuri għal azjenda agrikola waħda, jew fil-livell reġjonali, nazzjonali, jew tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji fil-każ tal-eżistenza ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni reġjonali, nazzjonali jew tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji).

141.

Kif diskuss hawn fuq, id-derogi jridu jkunu delimitati biżżejjed u jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi. Għalhekk, meta jitfasslu strateġiji ta’ kontroll preventiv, l-ewwel approċċ għandu jkun li l-azzjonijiet isiru marbutin maż-żmien u lokalizzati għal fejn x’aktarx li sseħħ jew tkun qed isseħħ il-ħsara serja. Madankollu, speċijiet mifruxa li jistgħu jikkawżaw ħsara f’żoni kbar, bħall-Gamiema Komuni (Columba palumbus), il-Margun (Phalacrocorax carbo), jew xi speċijiet ta’ wiżż, jistgħu jiġġustifikaw derogi li jkopru żona usa’. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit ġenerali li jiġi żgurat li l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ deroga jkun definit b’mod ċar kemm jista’ jkun. Bl-istess mod, dawn id-derogi jridu jkunu speċifiċi f’termini tan-numri, l-għażla taż-żmien u l-metodi u jridu jispjegaw x’għandha l-għan li tindirizza d-deroga.

142.

L-użu ta’ derogi kkoordinati, bħal “derogi għar-rotta tal-ispeċijiet migratorji”, li taħthom jingħataw derogi għall-ispeċijiet (bħall-Wiżża Artika jew il-Margun) f’pajjiż wieħed biex tiġi evitata ħsara f’pajjiż ieħor, jista’ jkun possibbli. Dan l-approċċ għandu jintuża jew taħt il-qafas ta’ pjan ta’ ġestjoni internazzjonali żviluppat taħt konvenzjoni jew ftehim internazzjonali li għalihom l-UE hija parti jew inkella fi ħdan qafas simili approvat mill-Istati Membri kollha kkonċernati. Barra minn hekk, dan l-approċċ jista’ jintuża jekk: (1) tintwera rabta bejn il-ħsara serja/ir-riskju serju f’żona fi Stat Membru wieħed u l-għasafar soġġetti għad-deroga fi Stat Membru ieħor; (2) il-kundizzjonijiet applikabbli l-oħrajn kollha skont l-Artikolu 9 jiġu ssodisfati; (3) jintwera li deroga applikata fl-Istat Membru fejn iseħħu l-ħsara serja/ir-riskju serju ma hijiex biżżejjed biex tipprevjeni dik il-ħsara serja jew dak ir-riskju serju; u (4) id-derogi jingħataw biss fuq talba tal-Istat Membru fejn iseħħu l-ħsara serja/ir-riskju serju u b’konsultazzjoni miegħu. Eżempju possibbli tal-applikazzjoni ta’ deroga minħabba “ħsara serja” mill-marguni huwa inkluż fl-Anness II ta’ dan id-dokument ta’ gwida.

L-Artikolu 9(1)(a), ir-raba’ inċiż: għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna

143.

Din ir-raġuni tapplika għall-isforzi ta’ konservazzjoni għall-ispeċijiet jew għall-ħabitats, filwaqt li tindirizza sitwazzjonijiet li fihom huwa meħtieġ li jinkisru l-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5 sabiex jiġu protetti flora jew fawna oħrajn. It-tipi ta’ fawna jew flora ma humiex speċifikati, iżda jidhru li huma differenti mill-flora u l-fawna ta’ interess ekonomiku koperti minn dispożizzjonijiet oħrajn tal-Artikolu 9(1)(a). Il-ġustifikazzjoni għall-użu ta’ din ir-raġuni x’aktarx li tkun l-aktar b’saħħitha meta tkun relatata mal-isforzi ta’ konservazzjoni għal speċijiet li huma rari jew mhedda, iżda ma hijiex limitata għal dawn l-ispeċijiet. Barra minn hekk, jidher li f’dan il-każ ma hemmx bżonn li tintwera probabbiltà ta’ effett serju qabel ma tiġi applikata d-deroga.

144.

Id-determinazzjoni ta’ jekk huwiex xieraq li tiġi segwita deroga għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna trid tiġi kkunsidrata fuq bażi ta’ każ b’każ billi l-istat ta’ konservazzjoni u l-ħtiġijiet tal-ispeċijiet rilevanti jiġu bbilanċjati kontra xulxin. Se jkun meħtieġ li jitqiesu diversi fatturi meta jiġi ddeterminat jekk huwiex xieraq li tingħata deroga skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 9(1)(a), iżda fil-każijiet kollha tali derogi jridu jservu skop ta’ konservazzjoni. Ir-rarità tal-istat ta’ konservazzjoni, jew il-vulnerabbiltà tal-ispeċijiet ta’ flora jew fawna se tkun rilevanti. Bl-istess mod, il-fatt li l-flora jew il-fawna li teħtieġ protezzjoni hija aktar rari jew għandha stat ta’ konservazzjoni agħar mill-ispeċi ta’ għasafar li għaliha qed tintalab id-deroga se jkun rilevanti wkoll. Fattur ieħor huwa l-istatus ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet ta’ flora jew fawna protetti fl-UE jew mil-liġi nazzjonali. Il-ġustifikazzjoni għall-użu tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) se tkun aktar b’saħħitha meta tkun relatata ma’ dawk l-ispeċijiet ta’ flora u fawna li huma protetti fil-livell tal-UE (bħall-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV u fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-Ħabitats) jew l-ispeċijiet protetti skont il-liġi nazzjonali.

145.

L-għasafar jistgħu jaffettwaw il-flora u l-fawna permezz ta’ predazzjoni, ragħa, tgħaffiġ, akkumulazzjoni ta’ taqtir tal-ħmieġ, eċċ. Għalhekk, din ir-raġuni għad-deroga tista’ tapplika għal predaturi, bħal għasafar tal-priża li jikkaċċjaw speċijiet protetti. Minħabba li l-fekondità tal-għasafar tal-priża hija baxxa, huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet l-oħrajn kollha possibbli jitqiesu li jevitaw mortalità jew tneħħija addizzjonali mill-popolazzjoni tat-tnissil. L-awtoritajiet iridu juru li l-kampjun(i) li jkun(u) is-suġġett tad-deroga huwa/huma direttament responsabbli għat-tħassib dwar il-konservazzjoni li d-deroga għandha l-għan li tindirizza, filwaqt li jiġu esklużi fatturi oħrajn bħal mard, disponibbiltà fqira tal-ikel u nuqqas ta’ kenn.

146.

Aspett importanti li għandu jiġi kkunsidrat huwa l-punt sa fejn il-predazzjoni tista’ tiġi attribwita direttament għal dinamika usa’ bħat-telf, id-deterjorament jew il-modifika tal-ħabitat. Pereżempju, il-predazzjoni tal-għasafar tal-priża hija l-kawża ewlenija tal-mortalità għall-ħamster Ewropew (Cricetus cricetus), speċjalment matul ir-riproduzzjoni u wara l-ibernazzjoni tagħhom. Madankollu, it-tnaqqis ikkawżat mill-predazzjoni huwa konsegwenza diretta tat-telf u l-frammentazzjoni tal-ħabitat antropoġeniku għall-ħamster. F’Alsace, Franza, il-ħamsters tipikament iħaffru fl-għelieqi tal-qamħ jew tal-alfalfa, li jipprovdu ikel u kenn minn predaturi. Il-konverżjoni ta’ dawn l-għelieqi għal monokultura tal-qamħirrum tirriżulta f’perjodi twal b’ħamrija għerja, u b’hekk tħalli l-ħamsters vulnerabbli għall-predazzjoni tal-għasafar tal-priża (135). F’każijiet bħal dawn, il-kontroll tal-predaturi permezz ta’ derogi jista’ jitwettaq biss meta jkunu għadhom għaddejjin miżuri ta’ restawr tal-ħabitats tal-ispeċijiet fl-istess ħin jew ikunu ttieħdu passi biex jiġu regolati attivitajiet tal-bniedem li jagħmlu l-ħsara. Dawn il-miżuri għandhom jingħataw prijorità fuq il-qtil u t-tneħħija ta’ kampjuni ta’ għasafar tal-priża protetti bħala miżura awtonoma. Dan huwa appoġġat mill-Artikolu 9(1) li jirrikjedi li ma tkun teżisti l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti (ara hawn fuq).

Artikolu 9(1)(b): għal għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim, tar-ripopolazzjoni, l-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tagħmir neċessarju għal dawn l-għanijiet.

147.

Id-derogi mogħtija taħt din l-intestatura jinkludu l-qbid għat-taħżim jew l-użu ta’ tikketti għat-traċċar bis-satellita, għall-iskop li jiġu studjati x-xejriet tal-migrazzjoni, u li jiġu identifikati s-siti ta’ waqfien. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li l-għasafar jinqabdu għall-fini ta’ riċerka dwar mard, bħall-influwenza tat-tjur.

148.

It-terminu “riċerka” fl-Artikolu 9(1)(b) irid jinftiehem bħala “riċerka xjentifika”. Dan ifisser li r-riċerka li hija s-suġġett tad-deroga trid issegwi ċerti passi metodoloġiċi. Pereżempju, proġett ta’ riċerka jrid ikollu objettiv espress f’mistoqsija ta’ riċerka u jkun imfassal b’mod li jwassal għal progress lejn it-tweġiba għal dik il-mistoqsija (136). Tabilħaqq, it-terminu “għal għanijiet ta’” jindika li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ riċerka jridu jkunu raġonevoli u proporzjonati fir-rigward tal-objettiv xjentifiku ddikjarat tiegħu (137). Għalhekk, dan jeħtieġ rabta bejn l-attività permessa permezz tad-deroga u r-riċerka li hija meħtieġa biex tiġi mwieġba l-mistoqsija. Pereżempju, daqs tal-kampjun kbir b’mod mhux raġonevoli li jikkawża disturb intrużiv ħafna għall-ispeċijiet bi skambju għal data xjentifika ġdida limitata jew data li ma tissuperax l-importanza ġenerali tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet ta’ għasafar selvaġġi ma jitqiesx bħala proporzjonat. It-tfassil tar-riċerka huwa mistenni wkoll li jaderixxi ma’ standards xjentifiċi u etiċi, u normalment għandu jitwettaq, jitfassal jew, għall-inqas, jiġi rieżaminat u approvat minn istituzzjoni xjentifika indipendenti. Pereżempju, it-taħżim għandu jsir biss minn ornitologi indipendenti u mħarrġa.

Appoġġ għall-Implimentazzjoni Prattika 4. Flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-Artikolu 9 permezz ta’ approċċ ikkoordinat tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji

Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw l-isfidi relatati mal-ħsara ekonomika minn ċerti speċijiet b’mod effettiv u kkoordinat, jistgħu jiġu applikati derogi għar-rotta tal-ispeċijiet migratorji meta jkun xieraq skont id-Direttiva dwar l-Għasafar. Dan l-approċċ jippermetti lil Stat Membru jagħti derogi għal ċerti speċijiet, speċjalment dawk migratorji (bħall-Wiżża Artika jew il-Margun) sabiex jiġi evitat li sseħħ ħsara serja fi Stat Membru ieħor. Madankollu, dan l-approċċ għandu jseħħ fil-qafas ta’ konvenzjoni jew ftehim internazzjonali li l-UE hija parti għalihom, bħall-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (AEWA) jew il-Konvenzjoni ta’ Berna, jew pjan ta’ azzjoni Ewropew jew reġjonali dwar l-ispeċijiet miftiehem mill-Istati Membri kollha kkonċernati, b’salvagwardji adegwati f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 u konsultazzjoni xierqa mal-Istati Membri kkonċernati u bl-involviment tagħhom (ara l-paragrafu 139).

Kundizzjoni 3: Applikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2)

149.

It-tielet kundizzjoni tikkonċerna l-issodisfar tar-rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2). L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar jistabbilixxi speċifikazzjonijiet preċiżi għad-derogi. Dawn se jippermettu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw id-derogi magħmula skont il-paragrafu 1. L-awtoritajiet kompetenti jridu jinkludu l-informazzjoni li ġejja fid-deċiżjonijiet ta’ deroga tagħhom u fir-rapporti ta’ deroga tagħhom lill-Kummissjoni:

(a)

l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi;

(b)

il-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qabda jew il-qtil;

(c)

il-kondizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skont liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw;

(d)

l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ssodisfati u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jintużaw, f’liema limiti u minn min;

(e)

il-kontrolli li se jkunu magħmula.

150.

Sabiex tiffaċilita l-konformità mal-Artikolu 9(2), il-Kummissjoni sarrfet ir-rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2) f’format ta’ rapportar għad-derogi li juża l-għodda diġitali online msejħa Habitats and Birds Directives Derogation System+ (HaBiDeS+) (138). L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu użu minn din l-għodda li tissimplifika l-proċess għall-konformità ma’ din il-kundizzjoni għall-għoti ta’ derogi. Jekk tintuża, din tista’ tnaqqas il-piż amministrattiv relatat mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 9.

151.

Il-QĠUE sostniet li dawn il-kundizzjonijiet formali “huma maħsuba biex jillimitaw id-derogi għal dak li huwa strettament meħtieġ u biex jippermettu lill-Kummissjoni tissorveljahom” (139). Separatament, il-QĠUE sostniet li “l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam għandha tistabbilixxi l-kriterji ta’ deroga b’mod ċar u preċiż, u għandha tobbliga lill-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom jiħduhom inkunsiderazzjoni” (140). Huma meħtieġa speċifikazzjonijiet sħaħ u akkurati skont l-Artikolu 9(2)(a)-(e) biex jippermettu lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 9(4) biex tiżgura li l-konsegwenzi tad-derogi ma jkunux inkompatibbli mad-Direttiva.

152.

B’mod aktar preċiż, sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 9(2), l-Istati Membri għandhom josservaw dan li ġej fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa minn kull subparagrafu:

—

L-Artikolu 9(2)(a) “l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi”

L-Istati Membri jridu joħorġu u jirrapportaw id-derogi għal kull speċi billi jużaw l-isem xjentifiku tagħha, u mhux miġbura f’livell tassonomiku ogħla jew f’kategorizzazzjonijiet definiti b’mod vag bħal “għasafar”, “l-ispeċijiet kollha”, “ċawl”. Pereżempju, deroga mogħtija lis-sid ta’ vaska tal-ħut kummerċjali għall-qtil ta’ ċertu għadd ta’ Russetti Griżi (Ardea cinerea) u ċertu għadd ta’ Marguni (Phalacrocorax carbo) għandha tiġi rrapportata bħala żewġ derogi differenti. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet f’ċerti każijiet fejn iċ-ċirkostanzi madwar id-deroga kkunsidrata jagħmluha diffiċli li jkun hemm l-informazzjoni kollha meħtieġa, pereżempju, meta l-lista ta’ speċijiet li għandhom ikunu fil-mira ma tkunx tista’ tiġi antiċipata, bħal fil-każ għas-sigurtà tat-traffiku tal-ajru jew fejn ikun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi, iżda xorta waħda tkun irrapportata aktar tard, kif xieraq.

Għal kull speċi, l-għadd ta’ individwi fil-mira u fil-fatt maqtula, jew iddisturbati, jew l-għadd ta’ bejtiet fil-mira u fil-fatt meqruda jew li jġarrbu ħsara, għandu jiġi definit u indikat fir-rapportar. Fejn ma jkunx possibbli li jiġi definit l-għadd eżatt, għandha tiġi indikata stima jew firxa ta’ valuri. Dan xi drabi jsir billi jiġi limitat l-għadd ta’ permessi, u/jew jiġu stabbiliti kwoti nazzjonali jew reġjonali, li jridu jallinjaw mal-Artikolu 9 u mal-objettivi ġenerali tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

—

L-Artikolu 9(2)(b) dwar “il-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qabda jew il-qtil”

Dawn iridu jiġu rrapportati biex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq l-ispeċijiet. Għandhom jiġu inklużi dettalji dwar il-metodi, bħat-tip u d-daqs.

—

L-Artikolu 9(2)(c) dwar “il-kondizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skont liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw”

Id-derogi jridu jkunu limitati fiż-żmien u japplikaw lokalment, billi jimmiraw lejn il-ħin u l-post li fihom il-kwistjoni hija mistennija li sseħħ. Tali dettalji għandhom jiġu definiti bl-akbar preċiżjoni possibbli u meħtieġa biex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga.

—

L-Artikolu 9(2)(d) “l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jkunu użati, f’liema limiti u minn min”

L-awtorità kompetenti li tkun tat id-deroga trid tiġi identifikata b’mod ċar bl-isem sħiħ tagħha fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, kif ukoll lil min tingħata d-deroga, fejn xieraq.

—

L-Artikolu 9(2)(e) “il-kontrolli li se jkunu magħmula”

L-awtoritajiet kompetenti jridu jissorveljaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni korretta tagħhom, jivverifikaw jekk dawn laħqux l-objettiv tagħhom, appoġġat minn evidenza xjentifika u, jekk ikun meħtieġ, jieħdu miżuri korrettivi biex jipprevjenu riskju jew ħsara lill-ispeċi.

4.4.   Ir-rwol tal-Artikolu 9 fl-iżgurar tal-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva dwar l-Għasafar

153.

Il-miżuri meħuda skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Għasafar iridu jikkontribwixxu lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali tad-Direttiva li l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet ta’ għasafar jinżammu f’livell sodisfaċenti jew jiġu adattati għal dak il-livell. B’riżultat ta’ dan, id-derogi mogħtija skont l-Artikolu 9 iridu jkunu konformi mal-objettivi tad-Direttiva, jiġifieri li l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet ta’ għasafar jinżammu f’livell sodisfaċenti, jew jiġu adattati għal dak il-livell (141). Dan huwa ċar mill-Premessa 9 tad-Direttiva, li tenfasizza l-ħtieġa “li jkunu ristretti d-derogi kollha għal dawk l-ispeċi li l-istatus bijoloġiku tagħhom jippermetti dan”. Dan ir-rekwiżit normalment jiġi żgurat permezz tal-valutazzjoni tal-proporzjonalità meta tiġi applikata l-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti, kif spjegat fit-taqsima 4.3 (142).

154.

B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri jridu jimmonitorjaw l-użu ta’ derogi fil-livell nazzjonali biex jiżguraw li l-impatti kumulattivi tagħhom ikunu kompatibbli mal-objettivi tad-Direttiva. Dan se jippermetti lill-Istati Membri, u sussegwentement lill-Kummissjoni, jimmonitorjaw l-impatti tad-derogi fuq il-livelli tal-popolazzjoni tal-ispeċijiet ta’ għasafar, u, jekk ikun meħtieġ, l-impatti transfruntieri tad-derogi fuq il-popolazzjonijiet tal-għasafar transkonfinali. Dan jista’ jirrikjedi li l-awtoritajiet reġjonali jew lokali jivvalutaw l-effetti tad-derogi lil hinn mill-ġuriżdizzjonijiet tagħhom stess, b’mod partikolari fejn id-derogi jittieħdu fil-livell tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji u fi Stati Membri deċentralizzati. Meta wieħed iqis dan ta’ hawn fuq, u b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e), il-monitoraġġ lokali u fuq skala kbira jista’, skont l-istruttura tas-sistema nazzjonali, jiġi indirizzat b’mod differenti, iżda fiż-żewġ każijiet trid tiġi pprovduta skema ġenerali speċifika. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jridu jiżguraw li l-kundizzjonijiet kollha tal-iskema ta’ deroga jiġu ssodisfati qabel ma tingħata deroga, u jimmonitorjaw l-impatt tad-derogi wara li jingħataw (143). Din l-analiżi għandha tkopri kemm id-derogi individwali kif ukoll l-effetti kumulattivi tagħhom meta jiġu vvalutati flimkien ma’ derogi oħrajn, fejn applikabbli. L-użu xieraq tas-sistema ta’ deroga jeħtieġ qafas proċedurali li jipprevjeni effetti mhux mixtieqa fid-dawl tal-objettivi tad-Direttiva dwar l-Għasafar u jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li l-kundizzjonijiet marbuta mad-derogi jiġu ssodisfati (144).

155.

Meta jiġi stabbilit ftehim bejn l-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-ħsara abbażi tal-użu kkoordinat ta’ derogi fil-livell tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji, għandu jkun hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-impatt kumulattiv tad-derogi ma jaffettwax iż-żamma tal-ispeċijiet f’livell sodisfaċenti jew l-adattament għal dak il-livell. Dan jirrikjedi li jiġu stabbiliti 1) valur ta’ referenza favorevoli (VRF) għall-popolazzjoni kkonċernata u 2) limitu ogħla mill-VRF li taħtu għandha tingħata attenzjoni akbar lill-popolazzjoni tal-ispeċi. L-effetti kumulattivi tad-derogi jridu jikkunsidraw ukoll pressjonijiet oħrajn li jħallu impatt fuq il-livelli tal-popolazzjoni tal-għasafar u l-firxa tagħhom, bħall-kaċċa, il-qtil illegali u l-ispeċijiet invażivi. L-Istati Membri jridu jqisu wkoll diversi kriterji relatati b’mod partikolari mas-sitwazzjoni rigward ir-riproduzzjoni tal-ispeċi u r-rata totali ta’ mortalità annwali minħabba kawżi naturali (145).

156.

Tali kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati għal kull unità ta’ ġestjoni individwali tal-popolazzjoni tal-ispeċi, abbażi, pereżempju, tal-mudell adottat għall-Wiżża Artika (146) jew għall-Wiżża Griża (Anser anser) skont l-AEWA.

157.

Approċċ wieħed jista’ jkun li jiġi stabbilit għadd massimu ta’ għasafar li jistgħu jinqatlu jew jitneħħew fil-livell tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji matul ċertu perjodu ta’ żmien biex jiġi żgurat li l-popolazzjoni tibqa’ f’livell sodisfaċenti. Dan il-livell massimu ma jridx ikun mira iżda limitu li ma għandux jinqabeż b’mod kollettiv permezz tal-applikazzjoni ta’ derogi. Dan l-approċċ jista’ jintuża jew fil-qafas ta’ pjan ta’ ġestjoni internazzjonali żviluppat skont konvenzjonijiet jew ftehimiet internazzjonali li għalihom l-UE hija parti jew fi ħdan qafas simili approvat mill-Istati Membri kollha kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati jkollhom bżonn jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jevitaw li jinqabeż dak il-limitu massimu.

4.5.   Artikolu 9(3) u (4)

158.

L-Artikolu 9(3) jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(1) u (2). Skont l-Artikolu 9(4), il-Kummissjoni hija meħtieġa tuża l-informazzjoni disponibbli għaliha, inkluża dik irrapportata skont l-Artikolu 9(3), biex tiżgura li l-konsegwenzi tad-derogi jkunu kompatibbli mad-Direttiva. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tieħu passi xierqa għal dak il-għan.

159.

L-Artikolu 9(4) jistabbilixxi rwol superviżorju għall-Kummissjoni biex tiżgura li l-effetti kumulattivi tad-derogi mogħtija mill-Istati Membri jkunu konformi mal-Artikolu 9(1) u (2), kif ukoll mal-objettivi ġenerali ta’ konservazzjoni tad-Direttiva. Anki meta d-derogi jkunu ġġustifikati f’każijiet individwali, dawn ma għandhomx iwasslu għal sitwazzjoni fejn il-popolazzjonijiet tal-għasafar jonqsu jew ma jilħqux livelli sodisfaċenti, kif spjegat hawn fuq. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw l-implimentazzjoni tagħhom tal-Artikolu 9(1) u (2) lill-Kummissjoni kull sena, skont l-Artikolu 9(3). L-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 9(2) se jkunu partikolarment importanti f’dan il-kuntest għall-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet li deroga jkollha għall-ispeċijiet inkwistjoni.

160.

Għalhekk, l-Artikolu 9(3) u (4) jistabbilixxi qafas għall-monitoraġġ tal-konformità tad-derogi mogħtija fl-Istati Membri mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 u mal-objettivi ġenerali tad-Direttiva.

161.

L-obbligi ta’ rapportar (147) dettaljati fil-format tar-rapportar tad-deroga kurrenti għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza tar-rapportar dwar il-livelli kollha ta’ governanza, inklużi l-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE (148). Il-format il-ġdid tar-rapportar u HaBiDeS+ bħalissa qed jintużaw mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-UE (149) bil-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv relatat mar-rapportar.

162.

Il-Kummissjoni tipprovdi perjodikament feedback lill-Istati Membri abbażi ta’ valutazzjoni tal-informazzjoni fir-rapporti uffiċjali tagħhom. Dan il-feedback jista’ jenfasizza kwistjonijiet ta’ konformità fid-derogi mogħtija minn Stat Membru u jista’, pereżempju, jissuġġerixxi tnaqqis fl-għadd ta’ għasafar li jistgħu jittieħdu jew valutazzjoni mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet alternattivi. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet li jirriżultaw minn informazzjoni mhux kompluta fir-rapporti tad-derogi. L-Istati Membri huma mitluba jaġġustaw is-sistema tad-derogi tagħhom biex jiżguraw il-konformità mad-Direttiva dwar l-Għasafar, b’mod partikolari biex jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi tagħha.

163.

Id-data kollha tad-deroga rrapportata kull sena mill-Istati Membri hija disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (150). Tliet viewers interattivi tad-data jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri bl-użu ta’ filtri bħal skont l-ispeċi u s-sottospeċi (bħal margun spp. differenti), il-pajjiż, is-sena u r-raġuni għall-għoti tad-deroga. Dawn l-għodod diġitali, flimkien mal-għodda ta’ rapportar tal-IT, għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet u li jipprovdu informazzjoni trasparenti u affidabbli dwar id-derogi.

(1)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (verżjoni kodifikata) (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/147/2019-06-26).

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Simplifikazzjoni għall-kompetittività sostenibbli” COM(2025) 980 final.

(3)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tħaffif tal-valutazzjonijiet ambjentali, COM(2025) 984 final. B’mod speċifiku, l-Artikolu 8 tar-Regolament propost għat-tħaffif tal-valutazzjonijiet ambjentali jipproponi li meta l-pjanijiet u l-proġetti jkunu adottaw miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa u proporzjonati biex jevitaw il-qtil u d-disturb, bil-għan li jiġu evitati impatti negattivi sinifikanti fuq il-popolazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati, minkejja l-eżistenza possibbli ta’ impatti negattivi fuq kampjuni individwali ta’ dawk l-ispeċijiet, allura tali qtil jew disturb ma għandux jitqies bħala intenzjonat skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument ta’ gwida, dan ir-regolament propost għad irid jiġi adottat. B’rispett sħiħ lejn il-koleġiżlaturi, li huma kompetenti biss għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, huwa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-gwida li din il-proposta tiġi diskussa. Għalhekk, tista’ tkun meħtieġa reviżjoni ta’ din il-gwida wara l-eżitu tan-negozjati leġiżlattivi ta’ dan ir-Regolament. L-istess huwa rilevanti għall-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej, li wkoll għadu ma ġiex adottat fil-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ din il-gwida https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_25_2945.

(4)  Ara l-kawżi magħquda C-473/19 u C-474/19, Föreningen Skydda Skogen, il-punt 36. Il-Kummissjoni pproduċiet lista ta’ speċijiet ta’ għasafar selvaġġi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (il-lista tal-għasafar): https://circabc.europa.eu/ui/group/3f466d71-92a7-49eb-9c63-6cb0fadf29dc/library/f3bdeb3b-55c0-47a1-8482-e9a91b126b69/details.

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/2025-07-14).

(6)  L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jagħmel liż-ŻPS soġġetti għar-rekwiżiti ta’ ġestjoni bbażati fuq is-sit stabbiliti fl-Artikolu 6(2-4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Għal aktar informazzjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet, irreferi għal “Il-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000: Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-Ħabitats” https://data.europa.eu/doi/10.2779/02245.

(7)  Ir-rekwiżit li jiġu definiti l-objettivi ta’ konservazzjoni u li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ konservazzjoni f’żoni ta’ protezzjoni speċjali ġie kkonfermat fil-Kawża C-66/23, Elliniki Ornithologiki Etaireia, il-punti 46 u 56.

(8)  Ara l-gwida dwar il-kaċċa skont id-Direttiva dwar l-Għasafar https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/birds-directive/sustainable-hunting-under-birds-directive_en.

(9)  Ara l-Kawża C-363/85, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-punt 6; Il-Kawża C-361/88, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja; Il-Kawża C-159/99, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-punt 32; Il-Kawża C-415/01, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 21; Il-Kawża C-58/02, Il-Kummissjoni vs Spanja; Il-Kawża C-6/04, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, il-punti 21, 25 u 26; Il-Kawża C-508/04, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, il-punt 80; u l-Kawża C-290/18 Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (Id-deżinjazzjoni u l-protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni), il-punt 35.

(10)  Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2)(n) tad-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li l-qtil, il-qerda, it-teħid, il-pussess, il-bejgħ jew l-offerta għall-bejgħ illegali u intenzjonali ta’ kampjun jew kampjuni tal-ispeċijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jikkostitwixxu reat kriminali, ħlief fejn tali mġiba tkun tikkonċerna kwantità negliġibbli ta’ tali kampjuni.

(11)  Ara l-gwida dwar il-kaċċa skont id-Direttiva dwar l-Għasafar: https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/birds-directive/sustainable-hunting-under-birds-directive_en.

(12)   Il-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000 – L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (europa.eu).

(13)   https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/eb3840b0-937d-4f0b-b616-107fe9825801.

(14)  Ara l-kawżi magħquda C-473/19 u C-474/19, Föreningen Skydda Skogen, il-punt 36.

(15)   https://circabc.europa.eu/ui/group/3f466d71-92a7-49eb-9c63-6cb0fadf29dc/library/f3bdeb3b-55c0-47a1-8482-e9a91b126b69/details.

(16)  Il-Kawża C-149/94, Vergy, il-punt 18.

(17)  Il-Kawża C-149/94, Vergy, il-punti 12-15.

(18)  Fil-każ tat-Tudun tal-Ġebel (Columbla livia), f’ħafna żoni urbani, il-kampjuni ddomestikati ilhom jaħarbu minn installazzjonijiet tat-tnissil għal żmien twil u jikkostitwixxu popolazzjonijiet ferali li tgħammru ma’ popolazzjonijiet selvaġġi. Filwaqt li l-kampjuni mrobbija fil-magħluq ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, il-ħamiem ferali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar, sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod ċar li huwa mrobbi fil-magħluq u jista’ jintgħaraf mill-popolazzjoni selvaġġa. Jekk din id-distinzjoni fil-livell tal-kampjun ma tkunx tista’ ssir, kif inhu komunement il-każ f’xenarji ta’ ġestjoni tal-ħajja reali, japplika bis-sħiħ ir-reġim protettiv tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Jintużaw diversi strateġiji ta’ ġestjoni biex jikkontrollaw il-popolazzjonijiet tal-ħamiem ferali urban, inklużi l-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet fuq l-għalf, ir-regolamentazzjoni tas-sorsi tal-ikel u tal-ilma, l-użu ta’ deterrenti viżwali u akustiċi, l-installazzjoni ta’ ostakli fiżiċi bħal xbieki u ostakli bil-ponot biex jipprevjenu t-tħejjijiet għall-irqad u t-tbejjit, is-sostituzzjoni tal-bajd fertili b’bajd finta f’barumbari ssorveljati, it-tneħħija tal-bejtiet, l-isterilizzazzjoni, id-distribuzzjoni ta’ għalf kontraċettiv, u l-qbid u t-tneħħija jew ir-rilokazzjoni tal-individwi. Jekk l-għażliet ta’ ġestjoni magħżula jirriskjaw li jiksru l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, iridu jinħarġu derogi xierqa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9.

(19)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punt 51, ara wkoll il-punt 54 ta’ dik is-sentenza. Ara wkoll il-Kawża C-131/24, VIRUS u et, il-punt 40.

(20)  Ara b’analoġija, il-Kawża C-629/23 Eesti Suurkiskjad, il-punt 68.

(21)  Il-Kawża C-262/85, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-punt 8.

(22)  Il-Kawża 247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 8; Il-Kawża C-262/85, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-punt 8.

(23)  Ara b’analoġija fir-rigward tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar, il-Kawża C-57/89, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, il-punt 22.

(24)  L-Artikolu 5 japplika irrispettivament mill-istatus tal-ispeċi jew mill-impatt li attività jkollha fuq l-ispeċi kkonċernata. Għal aktar diskussjoni, ara l-Kapitolu 3.

(25)  Il-Kummissjoni diġà enfasizzat din il-konnessjoni fil-Gwida dwar il-kaċċa sostenibbli skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, p. 20. Tali interpretazzjoni hija derivata mir-rwol li għandha d-Direttiva dwar l-Għasafar fl-iżgurar li l-obbligi internazzjonali tal-UE jiġu ssodisfati skont il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji ta’ Annimali Selvaġġi u, b’mod partikolari, il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (AEWA), il-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Migratorji tal-Priża fl-Afrika u fl-Asja (Raptors MoU) u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Għasafar tal-Art Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (AEMLAP), li kull wieħed minnhom jirrikjedi l-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar u għandu bħala l-objettivi tiegħu ż-żamma jew il-kisba ta’ status ta’ konservazzjoni favorevoli.

(26)  Il-Kawżi magħquda C-473/19 u C-474/19, Föreningen Skydda Skogen, il-punt 35.

(27)  Ara, b’analoġija, il-Kawżi Magħquda C-473/19 u C-474/19, Föreningen Skydda Skogen, il-punt 75.

(28)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-518/04, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, il-punt 16.

(29)  Il-kawżi magħquda C-473/19 u C-474/19 Föreningen Skydda Skogen, il-punt 75.

(30)  Il-kawżi magħquda C-473/19 u C-474/19 Föreningen Skydda Skogen, il-punt 36.

(31)  Il-Kawża C-441/17, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, il-punti 262-263.

(32)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punti 53-54 u l-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punti 43.

(33)  Fil-Kawża C-157/89, Il-Kummissjoni vs L-Italja fil-punt 14, il-QĠUE rreferiet għall-ħtieġa ta’ “sistema kompluta ta’ protezzjoni fil-perjodi li matulhom is-sopravivenza tal-għasafar selvaġġi hija partikolarment mhedda”.

(34)   https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/birds-directive/sustainable-hunting-under-birds-directive_en.

(35)  Il-Kawża C-252/85, Il-Kummissjoni vs Franza, il-punt 9, għalkemm din is-sentenza kienet tikkonċerna l-Artikolu 5(b) u (c), hija tista’ tiġi applikata għall-Artikolu 5 kollu kemm hu, billi l-lingwaġġ ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-projbizzjonijiet li jaqgħu taħtu.

(36)  Il-Kawża C-507/04, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, il-punt 114.

(37)  Il-Kawża C-252/85, Il-Kummissjoni vs Franza, il-punt 15.

(38)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punt 49 u l-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 39.

(39)  Ara l-Kawża C-784/23 Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punti 47-48 fejn il-Qorti kkonfermat li l-kunċett ta’ “intenzjonalità” jrid jinqara b’mod konsistenti bejn l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. B’riżultat ta’ dan, il-Qorti applikat il-ġurisprudenza li ilha teżisti applikata għall-kunċett ta’ “intenzjonalità” skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, għall-kunċett parallel skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

(40)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punt 61.

(41)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punti 49-54.

(42)  Ara l-Kawża C-441/17, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, il-punt 259, fejn il-QĠUE sabet deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li tippermetti t-tqaċċit tas-siġar li kienu magħrufa li huma ħabitats importanti għal għadd ta’ speċijiet ta’ għasafar li jiksru l-Artikolu 5(b) u (d) parzjalment minħabba n-nuqqas li jiġu stabbiliti miżuri ta’ protezzjoni konkreti u speċifiċi li jeskludu l-ħsara pprojbita u jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti tagħhom.

(43)  Ara, b’analoġija, il-Kawżi Magħquda C-473/19 u C-474/19, Föreningen Skydda Skogen, il-punt 77.

(44)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 44. Dan il-każ kien jikkonċerna biss il-projbizzjoni skont l-Artikolu 5(d), iżda l-interpretazzjoni tiegħu hija utli wkoll għall-Artikolu 5(a) u (b).

(45)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 45.

(46)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 57.

(47)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punti 50-53, fejn il-Qorti tirreferi għall-prinċipju tal-effettività.

(48)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 57.

(49)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punti 51 u 57-58.

(50)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punt 54.

(51)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punti 54-56.

(52)  Il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 43.

(53)   https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/birds-directive/sustainable-hunting-under-birds-directive_en.

(54)  Bejta hija post jew struttura vojta li għasfura tagħmel jew tagħżel biex tbid il-bajd tagħha hemmhekk, u fejn ifaqqsu l-bajd tagħha u biex tagħti kenn lill-frieħ tagħha.

(55)  Il-Kawża C-252/85, Il-Kummissjoni vs Franza, il-punt 9.

(56)  Il-Kawża C-252/85, Il-Kummissjoni vs Franza, il-punt 9.

(57)  Il-Kawża C-784//23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punt 62.

(58)  Il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 41.

(59)  Il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 44. F’dan il-każ, il-miżuri preventivi kienu relatati ma’ proġett ta’ triq, iżda l-istess japplika għal attivitajiet oħrajn.

(60)  Il-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 53.

(61)  Ċirku magħluq fis-sieq tad-daqs korrett u li ma jkunx ġie mbagħbas huwa l-kundizzjoni minima biex tingħata prova li għasfur kien fil-pussess tan-nissiel matul l-ewwel 10 ijiem tal-ħajja tal-għasfur, u dan jindika li preżumibbilment kien twieled fil-magħluq.

(62)  Il-Kawża C-441/17, il-Kummissjoni vs Il-Polonja (il-Foresta ta’ Bialowieza), il-punt 252.

(63)  Ara l-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punti 50-53.

(64)   Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/92/oj), kif emendata mid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014. Ara wkoll il-pubblikazzjoni “Guidance on the interpretation of definitions of project categories in Annex I and II of the EIA Directive” (https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/e7f9c73c-86ba-11ef-a67d-01aa75ed71a1/language-en?).

(65)   Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21/07/2001, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/42/oj).

(66)  Fi Franza, il-valutazzjoni tal-impatt ta’ proġett fuq l-ispeċijiet hija simili għall-proċedura skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għas-siti ta’ Natura 2000. Kwalunkwe proġett li x’aktarx ikollu effetti sinifikanti fuq l-għasafar huwa soġġett għal valutazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet tiegħu għall-konservazzjoni tal-għasafar. Jekk il-proġett jaffettwa b’mod sinifikanti l-ispeċi, l-awtorità tuża derogi.

(67)  Fil-Kawża C-131/24, VIRUS et, il-punt 39, il-Qorti kkonfermat li l-proġetti għall-kostruzzjoni ta’ triq jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(d), anki fejn il-ħsara lill-għasafar ma kinitx is-suġġett ta’ dik l-attività.

(68)   5 things you should know about wind energy – European Commission.

(69)   5 things you should know about wind energy – European Commission.

(70)   https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/2b08de80-5ad4-11eb-b59f-01aa75ed71a1/language-mt.

(71)   Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

(72)   https://energy.ec.europa.eu/publications/guidance-designating-renewables-acceleration-areas_en.

(73)   https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/354ebc7c-496d-11ef-acbc-01aa75ed71a1/language-en?WT.mc_id=Searchresult&WT.

(74)   https://commission.europa.eu/document/download/76fa5c90-909c-4bda-b655-edf564f5542e_en?filename=C_2025_4012_1_EN_annexe_acte_autonome_cp_part1_v2.pdf.

(75)  L-Artikolu 16b(2) tad-Direttiva 2023/2413 jindirizza b’mod espliċitu proġetti li jinsabu barra l-RAAs. Fid-dawl ta’ dan, proġetti li jinsabu fi ħdan l-RAAs – li jibbenefikaw minn proċeduri simplifikati għall-ħruġ tal-permessi – ma għandhomx ikunu soġġetti għal regoli aktar stretti dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet minn dawk applikabbli barra l-RAAs.

(76)   https://www.sciencedirect.com/science/article/abs/pii/S0006320797001766.

(77)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52018XC0618(02).

(78)  Il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Selvaġġa Ewropea u l-Ħabitats Naturali, 2004. Recommendation No. 110 on minimising adverse effects of above-ground electricity transmission facilities (power lines) on birds; https://wcd.coe.int/ViewDoc.jsp?id=847305&Site=COE; Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS), 2002. Resolution 7.4 on Electrocution of Migratory Birds; http://www.cms.int/sites/default/files/document/RES_7_04_Electrocution_0_0.pdf.

(79)  Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, EC guidance on undertaking non-energy extractive activities in accordance with Natura 2000 requirements, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2011, https://data.europa.eu/doi/10.2779/98870; u Guidance document on non-energy mineral extraction and Natura 2000: a summary, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2019, https://data.europa.eu/doi/10.2779/985239.

(80)  Teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tal-għasafar li jipprovdu data b’riżoluzzjoni għolja u f’ħin reali qed jintużaw dejjem aktar b’mod wiesa’, u b’hekk inaqqsu l-ħtieġa għal osservazzjonijiet manwali fuq il-post li jeħtieġu ħafna xogħol.

(81)  Sabiex jirċievu appoġġ għall-introjtu tal-UE, il-bdiewa jridu jsegwu sett ta’ regoli bażiċi. L-interazzjoni bejn dawn ir-regoli u l-appoġġ ipprovdut lill-bdiewa tissejjaħ kundizzjonalità. Il-bdiewa huma mistennija jikkonformaw mar-regoli, inklużi kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin (KAAT) sabiex jirċievu appoġġ skont il-PAK. Il-bdiewa li jiksru l-KAAT se jkollhom l-appoġġ tagħhom mill-UE mnaqqas u jistgħu jiffaċċjaw penali oħrajn. Ara r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK).

(82)  Ir-rekwiżit u l-istandard rilevanti tal-KAAT 8 għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 huma ż-“Żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġi” u l-“Projbizzjoni fuq il-qtugħ tas-sisien tal-isġajriet u tas-siġar waqt l-istaġun tat-tgħammir u tat-trobbija tal-frieħ tal-għasafar”.

(83)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punti 49, 54 u 62.

(84)  L-osservazzjoni sempliċi ta’ għasfur mhux bilfors tfisser li l-għasfur qed inissel fiż-żona. Sabiex jiġi kkonfermat li għasfur qed ibejjet f’żona hemm bżonn ta’ evidenza bħas-sejba ta’ bejta b’bajd jew frieħ, l-osservazzjoni ta’ adulti qed iġorru l-ikel għall-frieħ, l-osservazzjoni ta’ frieħ li jkunu għadhom kif bdew itiru, jew l-osservazzjoni ta’ wirjiet ta’ distrazzjoni/taparsi korriment. Sabiex jitqies li hemm probabbiltà ta’ tnissil, għandhom jiġu osservati elementi bħal par f’ħabitat adattat, turija ta’ tgħammir, tisfir territorjali, għasafar li jżuru sit probabbli ta’ bejta, jew bini ta’ bejta.

(85)  DOI: 10.13140/RG.2.2.12902.47687, https://www.researchgate.net/publication/328737807_Suggested_methodology_for_temporal_and_long-term_spatial_restrictions_of_human_activities_around_the_nests_of_strictly_protected_raptors_owls_and_black_storks_Javaslat_a_fokozottan_vedett_ragadozomada.

(86)  Natura 2000 and forests. Part III, Case studies, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2015, https://data.europa.eu/doi/10.2779/65827.

(87)  Il-Kawża C-507/04, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, il-punt 121.

(88)   https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/dab5274d-5891-11ec-91ac-01aa75ed71a1/language-mt.

(89)   Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj); u r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj).

(90)  Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, Natura 2000 u s-sajd – Applikazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Għasafar għall-attivitajiet tas-sajd fil-baħar – Avviż tal-Kummissjoni, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2025, https://data.europa.eu/doi/10.2779/1449747.

(91)  Ara l-gwida dwar il-kaċċa skont id-Direttiva dwar l-Għasafar: https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/birds-directive/sustainable-hunting-under-birds-directive_en.

(92)   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/57 tal-25 ta’ Jannar 2021 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) rigward iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom (ĠU L 24, 26.1.2021, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/57/oj).

(93)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 8.

(94)  Il-Kawża C-557/15, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 47; Il-Kawża C-76/08, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 48; Il-Kawża C-217/19, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (Il-kaċċa fir-rebbiegħa tal-Edreduni), il-punt 66.

(95)  Il-Kawża C-557/15, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 47.

(96)  Il-Kawża C-557/15, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 47.

(97)  Ara l-Kawża C-557/15, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 47; ara wkoll il-Kawża C-217/19, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (Il-kaċċa fir-rebbiegħa tal-Edreduni), il-punt 66.

(98)  Il-Kawża C-339/87, Il-Kummissjoni vs in-Netherlands, il-punt 29.

(99)  Il-Kawża C-339/87, Il-Kummissjoni vs in-Netherlands, il-punt 36.

(100)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 7.

(101)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-76/08, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 59.

(102)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 7.

(103)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punti 28 u 34.

(104)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-601/22, WWF Österreich et, il-punt 73.

(105)  Il-Kawża C-79/03, Il-Kummissjoni vs Spanja, il-punt 28. F’dan il-każ, il-QĠUE kkundannat l-użu ta’ metodi mhux selettivi tal-kaċċa tradizzjonali għaliex ma setgħet issir l-ebda rabta bejn il-prattika li kienet is-suġġett tad-deroga u l-objettiv iddikjarat: il-prevenzjoni ta’ ħsara serja lill-għelejjel.

(106)  Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikoli 278 u 279 tat-TFUE, il-QĠUE tista’, jekk tqis li ċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu dan, tordna li l-applikazzjoni tal-att ikkontestat tiġi sospiża u tista’, fi kwalunkwe kawża li tiġi quddiemha, tippreskrivi kwalunkwe miżura interim meħtieġa. Pereżempju, fil-Kawża C-503/06, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-QĠUE ordnat lill-Italja tissospendi l-applikazzjoni ta’ liġi reġjonali li tagħti derogi għall-kaċċa.

(107)  Wieħed jista’ jara d-derogi individwali fuq https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/dashboards/derogations-and-exceptions-table. Ħarsa ġenerali lejn id-derogi u l-eċċezzjonijiet għall-protezzjoni tal-ispeċijiet madwar l-UE – https://www.eea.europa.eu/mt/analysis/maps-and-charts/overview-of-derogations-and-exceptions-dashboards.

(108)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 7.

(109)  Il-Kawża C-10/96, Ligue Royale Belge pour la protection des oiseaux. Ara wkoll il-Gwida għall-kaċċa sostenibbli skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, il-paragrafu 3.4.2.

(110)  Il-Kawża C-557/15, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 50.

(111)  Il-Kawża C-10/96, Ligue Royale Belge pour la protection des oiseaux, il-punt 22.

(112)  Il-Kawża C-900/19, One Voice, il-punti 40 u 41.

(113)  Il-Kawża C-79/03, Il-Kummissjoni vs Spanja, il-punt 27.

(114)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-601/22, WWF Österreich, il-punt 82.

(115)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punti 54-56.

(116)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punt 56.

(117)  Il-Kawża C-900/19, One Voice, il-punt 32.

(118)  Ara l-Kawża C-23/23, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 69.

(119)  Guide to sustainable hunting under the Birds Directive, it-Taqsima 3.5, paġna 58. https://circabc.europa.eu/ui/group/3f466d71-92a7-49eb-9c63-6cb0fadf29dc/library/4b5dffd4-369c-4c4b-a249-625adc2a7545.

(120)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 27.

(121)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 27.

(122)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 28.

(123)   Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

(124)  L-Artikolu 16(f) tad-Direttiva (UE) 2023/2413.

(125)   Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj).

(126)  L-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti.

(127)  L-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2024/1735 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti.

(128)  Il-proġetti tal-industrija b’emissjonijiet żero netti koperti skont ir-Regolament (UE) 2024/1735 ma humiex eżentati mill-obbligi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, li l-kundizzjonijiet tagħhom ikomplu japplikaw b’mod normali.

(129)   Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj).

(130)  Sabiex tinżamm is-sigurtà tal-avjazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi relatati mal-ajrudromi jistabbilixxi standards tas-sigurtà tal-avjazzjoni, inkluż għall-ġestjoni tal-perikli relatati mal-organiżmi selvaġġi.

(131)  Il-Kawża C-247/85, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-punt 56.

(132)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-601/22, WWF Österreich, il-punt 70. Għalkemm dan il-każ jikkonċerna derogi għall-qtil tal-ilpup, is-sentenza tinterpreta t-tifsira ta’ “ħsara serja”, li tista’ tiġi applikata b’analoġija għall-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

(133)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-601/22, WWF Österreich, il-punt 71.

(134)  Ara, b’analoġija, il-Kawża C-601/22, WWF Österreich, il-punti 72-74.

(135)   https://www.grand-hamster-alsace.eu/the-great-hamster/?lang=en.

(136)  Il-Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-Kawża C-23/23, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 60.

(137)  Il-Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-Kawża C-23/23, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 62.

(138)  Ara l-manwal ta’ rapportar HaBiDeS+ https://circabc.europa.eu/ui/group/173a90fc-40bf-492d-a3a9-df99c4aa8807/library/cfc38522-bd5e-4237-af4b-37928504ee87/details.

(139)  Il-Kawża C-118/94, Associazione Italiana per il WWF, il-punt 21.

(140)  Il-Kawża C-557/15, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 47.

(141)  Il-Kawża C-76/08, Il-Kummissjoni vs Malta, il-punt 59.

(142)  Il-Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva, il-punti 54-56.

(143)  Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(e) li jipprevedu miżuri ta’ kontroll vinkolanti għandhom jiġu trasposti fl-ordni legali nazzjonali, il-Kawża C-192/11, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, il-punti 65 u 67.

(144)  Il-Kawża C-60/05, WWF Italia et, il-punt 44.

(145)  Il-Kawża C-60/05, WWF Italia et, il-punt 25.

(146)  Ara, pereżempju, programmi adattivi ta’ ġestjoni tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji tal-Wiżża Artika: https://egmp.aewa.info/sites/default/files/meeting_files/documents/AEWA_EGM_IWG_9_6_Status_RBG_AFMP.pdf.

(147)  L-obbligi ta’ rapportar meħtieġa skont l-Artikolu 9(3) huma deskritti fil-“Guide to Sustainable Hunting”, it-Taqsima 3.7.1 sa 3.7.8.

(148)  Dan ikopri wkoll l-obbligi kollha ta’ rapportar skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta’ Berna). Skont l-arranġament kurrenti bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Berna, l-Unjoni Ewropea tiġbor id-derogi kollha rrapportati mill-Istati Membri tal-UE għal perjodu ta’ rapportar partikolari, u tibgħathom lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

(149)  L-għodda HaBiDeS+ tista’ tiġi aċċessata online fuq: https://webforms.eionet.europa.eu/.

(150)  Ara l-viewers interattivi tad-data fuq https://www.eea.europa.eu/en/topics/in-depth/nature-protection-and-restoration/species-protection-and-conservation?activeAccordion=fa9bdf76-5165-4f3a-a940-e059381a7972.


ANNESS I

Applikazzjoni tad-derogi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar fir-rigward tal-Wiżża Artika

1.   Sfond

Dan l-anness jiddeskrivi l-użu ta’ derogi fil-kuntest ta’ kunflitti bejn il-Wiżża Artika (Branta leucopsis) u l-attivitajiet tal-bniedem. Bħala għasfur tal-ilma kbir u abbundanti li jirgħa u li jidher f’densitajiet għoljin, l-ispeċi tiġi f’kunflitt mal-attivitajiet agrikoli permezz ta’ ħsara lill-għelejjel lokali u impatt fuq il-ħaxix u kompetizzjoni għalih. Kien hemm storja twila ta’ ġestjoni ta’ tali kunflitti permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri differenti, miġbura fil-qosor hawn taħt.

L-istatus legali u l-popolazzjonijiet tal-wiżż Artiku huma diskussi l-ewwel. Dan l-anness imbagħad jippreżenta t-tipi ta’ miżuri għall-wiżż Artiku li jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ derogi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, u jiġbor fil-qosor il-kunflitti ewlenin li jseħħu. Huwa jippreżenta wkoll l-approċċ ta’ derogi għar-rotta tal-ispeċijiet migratorji fil-qafas tal-Pjan Internazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Speċi Unika (ISSMP) (1) għall-ispeċijiet adottati mill-Partijiet għall-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (AEWA) fl-2019.

Ammont tajjeb ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-Wiżż Artiku, inkluż dwar il-firxa, l-ekoloġija, l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom, id-dettall tan-numri u x-xejriet tal-popolazzjoni jistgħu jinstabu fis-sorsi li ġejjin u ma humiex duplikati hawnhekk:

—

il-Pjan Internazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Speċi Unika tal-AEWA (ISSMP) għall-Wiżża Artika; u

—

paġni web relatati mal-ispeċijiet marbuta mal-Pjattaforma Ewropea għall-Ġestjoni tal-Wiżż (EGMP) tal-AEWA (2) li fihom data u informazzjoni rilevanti ħafna dwar dawn il-popolazzjonijiet. L-EGMP għandha task forces għall-popolazzjoni tal-Wiżża Artika kemm ta’ Greenland kif ukoll tar-Russja.

Aktar sorsi ta’ informazzjoni huma pprovduti fit-Taqsima 8 hawn taħt.

2.   Status ta’ protezzjoni legali tal-Wiżża Artika

Bħal fil-każ tal-ispeċijiet kollha ta’ għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri, il-Wiżża Artika hija koperta mis-sistema ta’ protezzjoni ġenerali tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Il-qbid jew il-qtil intenzjonat tagħha, id-disturb sinifikanti b’mod partikolari matul il-perjodu tat-tnissil u tat-trobbija, il-qerda tal-bejtiet tagħha jew it-teħid tal-bajd tagħha jistgħu jiġu permessi mill-Istati Membri biss f’konformità mas-sistema ta’ derogi tad-Direttiva (l-Artikolu 9).

Il-Wiżża Artika hija elenkata fl-Anness I tad-Direttiva li jeħtieġ klassifikazzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali. Hija ma hijiex elenkata fl-Anness II, li jfisser li l-kaċċa f’konformità mal-Artikolu 7 ma hijiex possibbli. Madankollu, il-kaċċa regolata permezz ta’ deroga mogħtija skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva tista’ sservi bħala għodda leġittima ta’ ġestjoni għall-prevenzjoni ta’ ħsara serja lill-għelejjel.

Il-Wiżża Artika hija elenkata fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni ta’ Berna li jirrikjedi, fost affarijiet oħra, il-projbizzjoni tal-qtil intenzjonat (l-Artikolu 6) (sakemm mhux permezz ta’ deroga skont l-Artikolu 9 ta’ dik il-Konvenzjoni).

Kull popolazzjoni għandha status differenti taħt il-Pjan ta’ Azzjoni tal-AEWA (l-Anness 3, it-Tabella 1), b’rekwiżiti protettivi definiti.

Tabella 1

L-istatus legali tal-popolazzjonijiet tal-Wiżża Artika skont ftehimiet internazzjonali u d-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar.

Popolazzjoni

Id-Direttiva dwar l-Għasafar

Il-Konvenzjoni ta’ Berna

AEWA (3)

Il-Lvant ta’ Greenland / l-Iskozja u l-Irlanda

Anness I

Appendiċi II

B1

Svalbard / il-Lbiċ tal-Iskozja

Anness I

Appendiċi II

A3a

Ir-Russja/il-Ġermanja u n-Netherlands

Anness I

Appendiċi II

C

Popolazzjonijiet mhux migratorji stabbiliti

Anness I

Appendiċi II

Mhux koperti

(3)  Status tal-AEWA: il-popolazzjonijiet huma kklassifikati skont it-tħassib: A (riskju għoli), B (intermedju), C (favorevoli), kif definiti fit-Tabella 1 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-AEWA.

3.   Popolazzjonijiet u xejriet

Hemm erba’ popolazzjonijiet bijoġeografiċi li jinsabu fl-UE (it-Tabella 2), li tlieta minnhom għandhom bażi storika (4) u waħda ma hijiex migratorja. Dawn żdiedu b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar żewġ deċennji (5). Tliet popolazzjonijiet (il-Lvant ta’ Greenland/l-Iskozja u l-Irlanda; Svalbard/il-Lbiċ tal-Iskozja u r-Russja/il-Ġermanja u n-Netherlands) huma elenkati mill-AEWA, filwaqt li l-erbgħa kollha – inklużi l-għasafar residenti – għandhom status fir-rigward tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar u, b’hekk, huma soġġetti għal miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-ħabitat tagħhom f’kull żmien tas-sena, kif ukoll jibbenefikaw mir-rekwiżiti ġenerali tal-Artikolu 3.

Tabella 2

Il-popolazzjonijiet bijoġeografiċi tal-Wiżża Artika li jinsabu fl-UE

Popolazzjoni

Status

Stati taż-żona ta’ distribuzzjoni (UE b’tipa grassa)

Il-Lvant ta’ Greenland / l-Iskozja u l-Irlanda

Migratorji

Br: Greenland, l-Iżlanda, ir-Renju Unit,

Nbr: L-Iżlanda, l-Irlanda, ir-Renju Unit

Svalbard/il-Lbiċ tal-Iskozja

Migratorji

Br: In-Norveġja (Svalbard)

Nbr: In-Norveġja (kontinentali) u r-Renju Unit

Ir-Russja/il-Ġermanja u n-Netherlands

Migratorji

(MU1 u 2)

Br: MU1 ir-Russja, MU2 — il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Estonja, id-Danimarka, MU3, il-Ġermanja, in-Netherlands

Mhux migratorji (MU3)

Nbr: Il-Finlandja, l-Iżvezja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, id-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Belġju

Popolazzjonijiet mhux migratorji stabbiliti (6)

Mhux migratorji

Il-Belġju, Franza, iċ-Ċekja, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit, in-Norveġja

(6)  Ara European Breeding Bird Atlas 2 għad-distribuzzjoni u l-abbundanza fl-istaġun tat-tnissil. Fir-reġjun Baltiku, l-għasafar mhux migratorji huma inklużi bħala segment (Unità ta’ Ġestjoni 2 – hawn taħt) tal-popolazzjoni Russa għall-finijiet ta’ mmudellar u ta’ ġestjoni (ara l-ISSMP).

Br = Għat-tnissil

Nbr = Mhux għat-tnissil

Bħala riżultat tal-isforzi ta’ konservazzjoni fit-tul b’suċċess, prinċipalment derivati mill-obbligi skont id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, l-erba’ popolazzjonijiet kollha tal-Wiżża Artika żdiedu b’mod sinifikanti, u l-istatus tal-popolazzjoni tagħhom fl-UE huwa sigur (favorevoli).

Għall-finijiet tal-Pjattaforma Ewropea għall-Ġestjoni tal-Wiżż (EGMP – it-Taqsima 3.1, l-Appendiċi 1) skont l-AEWA, tliet unitajiet ta’ ġestjoni (MU) huma rikonoxxuti fi ħdan il-popolazzjoni tar-Russja/tal-Ġermanja u tan-Netherlands:

 

MU1: Għasafar migratorji fuq distanzi twal li jnisslu fir-Russja Artika

 

MU2: Għasafar tat-tnissil tal-Baltiku

 

MU3: Għasafar mhux migratorji li jnisslu fil-pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana

Id-daqs tal-popolazzjoni tal-Wiżża Artika fir-Russja/fil-Ġermanja u fin-Netherlands żdied minn 102 000 fis-snin disgħin (1990s) għal madwar 1,6 miljun sa Jannar 2024. L-EGMP tinnota li “wara li kien stabbli f’livell ta’ madwar 1,4 miljun individwu, id-daqs tal-popolazzjoni tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji jidher li reġa’ żdied fl-aħħar żewġ staġuni [fl-2022 u fl-2023] minkejja rapporti dwar it-telf ikkawżat minn tifqigħat tal-influwenza tat-tjur” (7).

B’dawn id-daqsijiet tal-popolazzjoni, l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) telenka l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi bħala tal-Inqas Tħassib (LC). Mit-tliet popolazzjonijiet elenkati fl-AEWA, il-popolazzjoni tar-Russja/tal-Ġermanja u tan-Netherlands bħalissa hija l-akbar. L-aktar stimi u xejriet reċenti tad-daqs tal-popolazzjoni huma ppreżentati mill-EGMP.

Flimkien maż-żieda storika fin-numri tal-popolazzjoni u minħabba li l-ispeċi tinsab f’densitajiet għoljin f’żoni Ewropej mhux tat-tnissil (8), f’dawn l-aħħar snin ġiet irrapportata wkoll żieda fil-ħsara lill-agrikoltura (għalkemm f’xi żoni kien hemm storja twila ta’ tali kunflitti, li tmur lura għal qabel id-Direttiva dwar l-Għasafar).

4.   In-natura tal-kunflitti mal-Wiżż Artiku fl-UE

It-tkabbir fin-numri u fid-distribuzzjoni tal-Wiżż Artiku wassal għal kunflitti dejjem akbar permezz tal-firxa internazzjonali tagħhom. Dawn jinkludu:

—

kunflitti mal-agrikoltura, ħsara lill-għelejjel u wkoll fir-rebbiegħa meta jista’ jkun hemm kompetizzjoni akuta għar-ragħa fil-bidu tal-istaġun mal-annimali tal-azjendi agrikoli (9) speċjalment fil-latitudnijiet tat-tramuntana u/jew f’żoni ta’ waqfa għall-għasafar migratorji u f’żoni fejn l-għasafar migratorji jqattgħu x-xitwa.

—

riskji potenzjali ta’ attakki mill-ajru f’sitwazzjonijiet fejn xi drabi, għadd kbir ħafna ta’ wiżż itir fuq jew qrib l-ajruporti (10); u

—

impatti fuq bijodiversità oħra u/jew funzjonijiet oħrajn tal-ekosistema (11).

5.   L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-applikazzjoni tiegħu għall-Wiżża Artika

Il-Wiżża Artika, bħall-għasafar kollha li jinsabu fin-natura fl-istat selvaġġ fl-UE, hija protetta skont id-Direttiva dwar l-Għasafar. Billi l-ispeċi ma tistax tiġi kkaċċjata (ma hijiex elenkata fl-Anness II), id-deroga mir-rekwiżiti protettivi tal-Artikolu 5 hija possibbli biss jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 jiġu ssodisfati:

—

ma hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti,

—

tapplika waħda mir-raġunijiet elenkati f’9(1)(a), (b), jew (c), u

—

ir-rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2) huma ssodisfati.

Din it-taqsima turi kif it-tliet kundizzjonijiet għad-derogi huma applikati għall-Wiżż Artiku u għall-aktar tipi ta’ derogi użati ta’ spiss.

L-Istati Membri ma għandhomx bżonn jikkonsultaw lill-Kummissjoni qabel ma japplikaw id-derogi. Madankollu, bħala għodda minima għall-koordinazzjoni u bħala mekkaniżmu ta’ feedback, huma jibagħtu lill-Kummissjoni Ewropea rapport annwali dwar id-derogi kollha maħruġa skont l-Artikolu 9. Fir-rapporti, id-derogi huma ġġustifikati abbażi tar-rekwiżiti tad-Direttiva. F’termini prattiċi, dan ifisser li l-użu tad-derogi ma għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn il-popolazzjoni u l-firxa tal-Wiżża Artika jitnaqqsu sa tali punt li jsiru mhux vijabbli, jew ma jinżammux f’livell sodisfaċenti.

Kundizzjoni 1: Nuqqas ta’ alternattiva sodisfaċenti

L-Artikolu 9(1) jiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mir-rekwiżiti tal-Artikoli 5 sa 8 biss “fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti”.

Hemm bosta miżuri jew għodod ta’ ġestjoni mhux letali disponibbli biex itaffu l-ħsara mill-Wiżż Artiku. Dawn tipikament jinvolvu t-tbeżżigħ tal-wiżż bogħod minn għelieqi agrikoli potenzjalment sensittivi bl-użu ta’ diversi deterrenti li jinstemgħu u viżwali (12). Tali miżuri jinftiehmu sewwa, u l-użu tagħhom ilu jeżisti. Metodi oħrajn użati b’mod wiesa’ għall-ġestjoni tal-kunflitti tal-wiżż mal-agrikoltura jinkludu:

—

l-għoti ta’ inċentivi finanzjarji jew l-għoti ta’ kumpens biex jinkoraġġixxu l-akkomodazzjoni tal-Wiżża Artika u ta’ wiżż ieħor fuq l-art agrikola u biex jikkumpensaw għall-profitti mitlufa; u

—

approċċi spazjali strateġiċi għall-ħolqien ta’ żoni ta’ rifuġju (13) (xi drabi msejħa żoni “permessi” u “ipprojbiti”) li jistgħu jakkomodaw il-wiżż imbeżżgħin mill-art agrikola sensittiva tal-madwar.

Ġie kkompilat rieżami sħiħ tal-miżuri ta’ ġestjoni tal-wiżż użati mill-Istati taż-żona ta’ distribuzzjoni tal-UE u mhux tal-UE mill-AEWA EGMP (14).

Fir-rigward ta’ soluzzjonijiet oħra sodisfaċenti, iridu jittieħdu approċċi ta’ tbeżżigħ u ta’ tnaqqis ta’ kunflitti oħrajn. Jekk dawn jirriżultaw li huma ineffiċjenti, jistgħu jingħataw derogi għall-kontroll letali. Il-proporzjonalità ta’ alternattivi differenti tista’ titqies abbażi tal-impatt tagħhom fuq l-ispeċi u n-neċessità ta’ intervent meħtieġ għall-prevenzjoni tal-ħsara. Kunsiderazzjonijiet rilevanti jkunu l-livelli tal-popolazzjoni tal-ispeċi u l-iskala tal-ħsara li l-wiżż qed jikkawżaw, meta mqabbla mal-kost u l-fattibbiltà tal-għażliet disponibbli.

Kundizzjoni 2: Dimostrazzjoni ta’ waħda mis-sitt raġunijiet fl-Artikolu 9(1)(a)-(c)

Ir-raġuni kkwotata l-aktar ta’ spiss mill-Istati Membri għall-ħruġ ta’ derogi għall-Wiżż Artiku hija “biex tiġi evitata ħsara serja lill-għelejjel, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma” (l-Artikolu 9.1(a)).

Il-kunċett ġenerali ta’ “ħsara serja” kkawżata mill-Wiżż Artiku huwa relattiv u, bħala tali, jeħtieġ li jiġi evalwat fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn u meta jseħħ kunflitt. Ir-ragħa intensiv fuq l-art bil-ħaxix, pereżempju, jista’ ma jkunx sinifikanti mil-lat agrikolu fil-ħarifa, meta l-ħaxix ikun għadu abbundanti, jew f’nofs ix-xitwa meta l-annimali tal-azjendi agrikoli jkunu qed jiġu mitmugħa fl-imqawel. Iżda jista’ jkun sinifikanti ħafna fir-rebbiegħa meta jkun hemm ħtieġa agrikola li jiġi sfruttat l-ewwel tkabbir ġdid u nutrittiv tal-ħaxix.

Għal żmien twil, inkisbet esperjenza fil-ġestjoni tal-kunflitti bejn il-wiżż u l-agrikoltura fl-Ewropa (15). Din uriet li l-kunflitti mal-agrikoltura għandhom kemm element spazjali kif ukoll atemporali, fejn u meta jseħħ ir-ragħa huma t-tnejn kwistjonijiet sinifikanti. Għaldaqstant, is-serjetà tal-ħsara għandha tiġi ddeterminata b’referenza għal fatturi bħall-għadd ta’ kampjuni preżenti u r-riskju għall-art agrikola abbażi ta’ fatturi bħaż-żmien tas-sena u l-post. Il-fatturi preċiżi li għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi ddeterminata s-serjetà tal-ħsara għandhom jiġu deċiżi mill-Istati Membri.

Kundizzjoni 3: Rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2)

F’konformità mal-Artikolu 9(2), il-mezzi, l-arranġamenti u l-metodi għall-qbid jew il-qtil iridu jiġu speċifikati fid-deroga. L-awtorità kompetenti għandha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ssodisfati u li tiddeċidi dwar liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jintużaw, fi ħdan liema limiti, u minn min. Huma possibbli varjetà ta’ arranġamenti u ċirkostanzi partikolari ta’ żmien u post relatati mal-limitazzjonijiet fuq id-derogi. Madankollu, l-għadd ta’ għasafar maqtula, jew imbeżżgħin (li huwa partikolarment rilevanti matul l-istaġun tat-tnissil) għandu jiġi indikat u mmonitorjat permezz tad-deroga sa fejn ikun possibbli. Fejn ma jkunux possibbli numri preċiżi, jistgħu jiġu rrapportati l-firxiet ta’ individwi maqtula/imbeżżgħin skont id-deroga. Fi kwalunkwe każ, dawn iċ-ċifri għandhom jibqgħu koerenti mal-għan ewlieni tad-Direttiva dwar l-Għasafar, jiġifieri l-konservazzjoni tal-għasafar.

Għad-derogi skont l-Artikolu 9(1)(c), huwa importanti wkoll li jiġu nnotati l-kundizzjonijiet speċifiċi msemmija f’dak il-punt. Dan jirrikjedi li jiġu żviluppati miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq speċijiet oħrajn mhedda, speċjalment f’żoni ta’ protezzjoni speċjali. Billi l-Artikolu 9(2)(e) jirrikjedi deskrizzjoni tal-kontrolli li se jitwettqu, il-kontroll fuq skala kbira u l-kontroll lokali probabbilment iridu jiġu kkunsidrati b’mod differenti. Iżda fiż-żewġ każijiet għandha tiġi pprovduta skema speċifika.

6.   Studji tal-każijiet

6.1.   Ġestjoni ffokata fuq il-popolazzjoni u l-AEWA

Fl-2019, il-partijiet għall-AEWA adottaw Pjan Internazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Speċi Unika (ISSMP), u sussegwentement mexxew ’il quddiem l-iżvilupp tal-EGMP li jipprovdi mezz strutturat u internazzjonali ta’ kondiviżjoni tal-aħjar prattika fir-rigward tal-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi ta’ wiżż, u oħrajn, speċjalment fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti.

Il-bażi tal-approċċ promoss mill-EGMP hija l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati taż-Żona ta’ Distribuzzjoni, filwaqt li jiġu nnotati kemm in-natura migratorja ta’ ħafna popolazzjonijiet tal-wiżż, kif ukoll il-benefiċċju mill-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet kemm speċifiċi kif ukoll strateġiċi għal problemi komuni. Għall-Wiżż Artiku, dan jipprovdi forum internazzjonali għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet deskritti fl-ISSMP adottat, inklużi approċċi għad-derogi.

Il-Grupp ta’ Ħidma Internazzjonali (IWG) dwar il-Ġestjoni tal-Wiżż Ewropew għamel rakkomandazzjonijiet ta’ ġestjoni dwar il-benefiċċji tal-koordinazzjoni tad-derogi. Il-proċess stabbilixxa valuri ta’ referenza favorevoli, jew FRVs, għad-daqs tal-popolazzjoni, il-medda u l-firxa tal-ħabitat. Il-proċess tal-EGMP jivvaluta kull sena l-aktar data internazzjonali reċenti dwar in-numri, is-sopravivenza u l-produttività għal kull popolazzjoni u jirrapporta dwarhom. Għal kull waħda mill-erba’ popolazzjonijiet ġie stabbilit limitu ta’ sigurtà ta’ 200 % (jiġifieri d-doppju) tal-popolazzjoni ta’ referenza favorevoli (FRP).

Kull 3 snin, l-EGMP tivvaluta jekk id-daqs tal-popolazzjoni u l-unitajiet ta’ ġestjoni tagħha humiex taħt limitu ta’ 200 % u joqorbux lejn il-popolazzjoni ta’ referenza favorevoli (100 %).

L-aħħar informazzjoni dwar l-istatus tal-popolazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet għall-ġestjoni hija ppreżentata fin-nota ta’ informazzjoni mill-10 Laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma Internazzjonali dwar il-Ġestjoni tal-Wiżż Ewropew li saret fl-2025 (16).

L-aħħar xejriet tal-popolazzjoni għat-tliet Unitajiet ta’ Ġestjoni (MUs) tal-popolazzjoni tar-Russja/tal-Ġermanja u tan-Netherlands huma mogħtija fil-Figura 2.

Figura 2

Ix-xejriet għal tliet unitajiet ta’ ġestjoni (MU) tal-popolazzjoni tal-Wiżża Artika tar-Russja/tal-Ġermanja u tan-Netherlands: xellug (aħmar) MU1; ċentru (blu) MU2; lemin (aħdar) MU3  (17)

Il-linja bit-tikek ta’ isfel f’kull graff hija l-FRP, il-linja bit-tikek ta’ fuq hija l-limitu tas-sigurtà ta’ 200 % FRP. Ix-xejriet huma medji bbażati fuq il-Mudell Integrat tal-Popolazzjoni (linja b’kulur solidu) b’intervalli ta’ kunfidenza ta’ 95 % għan-numru ta’ pari ta’ tnissil f’Lulju għal kull MU.

Image 3

Skont l-informazzjoni fin-nota ta’ informazzjoni “...in-numri fl-Unità ta’ Ġestjoni 1 (MU1) tar-Russja huma ferm ogħla mill-FRP u l-livell ta’ limitu ta’ 200 % tal-FRP.

B’kuntrast għal dan, l-Unità ta’ Ġestjoni 2 (MU2) tal-Baltiku rat tnaqqis, bid-daqs tal-popolazzjoni jaqa’ taħt il-limitu ta’ 200 % tal-FRP fl-2024. Dan l-iżvilupp wassal għall-ħtieġa ta’ ġestjoni kkoordinata tal-offtake jekk livelli sinifikanti ta’ deroga jkunu mistennija li jkollhom impatt fuq il-popolazzjonijiet lokali tat-tnissil fid-Danimarka, fil-Finlandja, jew fl-Iżvezja.

Fil-Baħar tat-Tramuntana MU3, in-numru ta’ pari ta’ tnissil żdied dan l-aħħar u issa huwa ogħla mill-FRP. Madankollu, in-numri għadhom taħt il-limitu ta’ 200 %, u b’hekk jeħtieġu ġestjoni kkoordinata tad-deroga bejn il-Ġermanja u n-Netherlands.”

Meta l-livell tal-popolazzjoni jkun ferm ogħla minn 200 %, kif inhu l-każ għall-MU1, il-koordinazzjoni tal-livell tal-offtake permezz ta’ derogi bejn l-Istati Membri kkonċernati ma tkunx meħtieġa. Il-koordinazzjoni tal-offtake issir meħtieġa jekk il-livell tal-popolazzjoni jkun taħt il-limitu ta’ 200 % u joqrob lejn l-FRP. Dan huwa l-każ għall-MU2 u l-MU3. Il-livelli tal-popolazzjoni tagħhom wasslu għall-ħtieġa ta’ ġestjoni kkoordinata tal-offtake jekk applikazzjoni sinifikanti tad-derogi tkun mistennija li jkollha impatt fuq il-popolazzjonijiet lokali tat-tnissil.

Fil-Baħar tat-Tramuntana MU3, in-numru ta’ pari ta’ tnissil żdied dan l-aħħar u issa huwa ogħla mill-FRP. Madankollu, in-numri għadhom taħt il-limitu ta’ 200 %, u b’hekk jeħtieġu ġestjoni kkoordinata tad-derogi bejn il-Ġermanja u n-Netherlands. In-Netherlands u l-Ġermanja qablu li kieku kellhom jiġu ppjanati derogi sinifikanti fil-Ġermanja, il-koordinazzjoni sseħħ bejn iż-żewġ pajjiżi (18). Inkella, il-koordinazzjoni għandha sseħħ primarjament fin-Netherlands, fejn il-popolazzjoni ta’ referenza favorevoli (FRP) nazzjonali issa ġiet distribwita fil-provinċji kollha u qed jiġi implimentat proċess ikkoordinat mill-Kunsilli reġjonali tal-Organiżmi Selvaġġi. B’reazzjoni għal-livelli tal-popolazzjoni li qed joqorbu lejn il-livelli provinċjali tal-FRP, f’xi provinċji fin-Netherlands diġà seħħew sospensjoni jew tnaqqis sinifikanti tad-derogi. Iggwidati mid-deċiżjoni tal-EGM IWG9, in-Netherlands u l-Ġermanja ssottomettew rapport dwar il-koordinazzjoni tal-offtake fiż-żewġ pajjiżi.

6.2.   Esperjenza u soluzzjonijiet fil-Finlandja

Madwar 800 000 Wiżża Artika jew aktar li jitnisslu fir-Russja (tal-Unità ta’ Ġestjoni 1 tal-AEWA) jieqfu u jieklu fl-għelieqi tal-Karelia tat-Tramuntana u tax-Xlokk tal-Finlandja fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. Kull sena tista’ ssir ħsara fuq aktar minn 10 000 ettaru ta’ art agrikola f’dawn iż-żoni.

Għalkemm il-Finlandja nefqet EUR 500 000 fuq il-prevenzjoni tal-ħsara kkawżata mill-wiżż fir-rebbiegħa, inkluż l-ingaġġar ta’ rgħajja tal-wiżż, il-ħsarat jammontaw għal EUR 3-4 miljun.

Il-Finlandja ttestjat sireni, blalen tal-gass, tajriet tal-falkun, figuri umani, kanuni tal-gass li jisplodu, kanuni bil-laser, lasers li jinżammu fl-idejn, rgħajja tal-wiżż, u droni. Madankollu, skont il-Finlandja, l-ebda waħda minn dawn il-provi ma pproduċiet riżultati dejjiema li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-ħsara lill-għelejjel. Diversi deċiżjonijiet tal-Qorti nazzjonali ddeskrivew il-limitazzjonijiet legali għall-użu ta’ xi wħud minn dawn il-metodi fir-rebbiegħa, speċjalment fir-rigward tal-impatti potenzjali tagħhom fuq speċijiet oħrajn ta’ għasafar tat-tnissil. Il-perjodu ġenerali tat-tnissil u tat-tibjit għall-għasafar fil-Finlandja jseħħ bejn April u Lulju.

Fir-rigward tal-permessi għad-derogi tal-ħarifa, fl-2023, il-Qorti Amministrattiva tal-Finlandja tal-Lvant iddikjarat li l-użu ta’ skrataċ vojta jista’ jitqies bħala alternattiva sodisfaċenti għall-isparar letali għall-prevenzjoni ta’ ħsara serja kkawżata mill-Wiżż Artiku lill-għelejjel. Sussegwentement, studju (19) kkonkluda li l-iskrataċ vojta u l-isparar letali huma metodi deterrenti effettivi bl-istess mod, għalkemm f’xi każijiet, l-isparar letali għandu effett aktar qawwi.

Aktar reċentement, il-Finlandja esplorat approċċ aktar kooperattiv permezz ta’ “għelieqi ta’ akkomodazzjoni” fejn il-wiżż huma tollerati, flimkien ma’ għelieqi “pprojbiti” minn fejn jitkeċċew b’mod attiv. Instab li l-wiżż juru għażla individwali għall-għelieqi ta’ akkomodazzjoni meta mqabbla ma’ għelieqi normali jew ripellanti fuq diversi skali. L-istabbiliment ta’ għalqa ta’ akkomodazzjoni funzjonali għall-wiżż jeħtieġ ippjanar bir-reqqa, għarfien dwar l-imġiba tal-wiżż u informazzjoni dwar l-istorja tal-ħsara agrikola u rikonoxximent li l-istatus ta’ konservazzjoni taż-żona waħdu ma jiggarantixxix suċċess.

Instab ukoll li l-għelieqi ta’ akkomodazzjoni funzjonali u attraenti x’aktarx jaħdmu aħjar f’żoni li għandhom storja twila ta’ preferenza għall-wiżż u ħsara agrikola. Dawn ir-riżultati bikrija jissuġġerixxu li din is-sistema ta’ tqassim f’żoni, żviluppata mal-bdiewa lokali, tista’ tnaqqas il-kunflitti billi tikkonċentra l-wiżż fuq żoni magħżula, filwaqt li tipproteġi l-għelejjel f’postijiet oħrajn. Dan il-każ Finlandiż jindika l-potenzjal ta’ approċċi mfassla b’mod konġunt lokalment biex jibbilanċjaw aħjar l-interessi tal-konservazzjoni u tal-biedja.

Madankollu, l-esperjenza twila fil-Finlandja wriet li l-prevenzjoni ta’ ħsara serja lill-għelejjel tista’ tkun teħtieġ ukoll miżuri addizzjonali li jinvolvu kaċċa preventiva. Fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, il-kaċċa preventiva tkun iġġustifikata biex tiġi evitata ħsara serja lill-għelejjel jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9.

6.3.   Ġestjoni tal-Wiżż Artiku residenti fin-Netherlands (20)

Fin-Netherlands, il-Wiżż Artiku ġie stabbilit bħala speċi tat-tnissil fl-1982. Sal-2012, il-popolazzjoni nazzjonali (parti mill-Unità ta’ Ġestjoni 3 tal-AEWA – ara hawn fuq) kienet kibret għal madwar 13 800 par għat-tnissil, u dan wassal biex jiżdied il-kunflitt agrikolu. Iż-żona tad-Delta tat-Tramuntana hija tradizzjonalment il-fortizza tal-popolazzjoni Olandiża b’madwar nofs l-għasafar residenti hemmhekk.

L-ammont ta’ ħsara lill-għelejjel agrikoli u lill-mergħat ikkawżata mill-Wiżż Artiku żdied fiż-żona tad-Delta tat-Tramuntana. Il-kumpens lill-bdiewa għall-għelejjel ivvalutati bħala li saritilhom ħsara mill-wiżż jiġi pprovdut mill-“Fond tal-Fawna” Olandiż (li qabel kien il-Fond tal-Kaċċa), li jikkumpensa t-telf fir-rendiment tal-għelejjel li jinħadmu, l-ewwel qtugħ tal-ħaxix għas-silaġġ, il-kompetizzjoni mal-bhejjem li jirgħu u l-effetti tal-għadajjar tat-tajn waqt it-temp bix-xita. Il-kumpens jitħallas biss wara li l-bdiewa jkunu pprovaw ibeżżgħu l-wiżż mill-art tagħhom.

Mill-2005, l-isparar taħt deroga tal-Wiżż Artiku fiż-żona tad-Delta ġie permess taħt liċenzja bħala miżura tal-aħħar rimedju maħsuba biex tbeżża’ l-wiżż minn għelejjel sensittivi u biex tnaqqas id-daqs tal-popolazzjoni lokali. L-għadd ta’ għasafar maqtula fiż-żona tad-Delta tat-Tramuntana taħt deroga żdied minn 377 fl-2005, għal 5 324 fl-2014.

L-impatt tal-isparar taħt deroga ġie mmonitorjat mill-għadd ta’ għasafar u bejtiet fis-sajf, u mill-valutazzjoni tar-rati ta’ sopravivenza mkejla permezz ta’ taħżim u osservazzjoni mill-ġdid. Id-daqs tal-popolazzjoni kważi rdoppja għal madwar 28 000 individwu matul il-perjodu bejn l-2007 u l-2014, minkejja t-tneħħija annwali ta’ bejn 15 u 25 % tal-wiżż u r-rati ta’ sopravivenza tal-adulti u tal-minorenni ta’ 79 % u 67 % (ara s-sopravivenza naturali 96 % għaż-żewġ klassijiet ta’ età).

L-isparar jista’ jkun inqas effettiv minħabba l-qbid sproporzjonat ta’ wiżż immaturi wara t-tnissil u ta’ individwi minn popolazzjonijiet oħrajn fix-xitwa. Il-wiżż immaturi għandhom mortalità naturali ogħla, speċjalment fl-ewwel xitwa tagħhom, għalhekk, ħafna minn dawk li jinqatlu xorta waħda x’aktarx li kienu jmutu b’mod naturali. Barra minn hekk, il-qtil tal-wiżż li jżuru l-post minn popolazzjonijiet oħrajn ma jkunx effettiv jekk l-għan ikun li jiġu kkontrollati l-għasafar lokali li jikkawżaw il-ħsara.

Sabiex tinkiseb ġestjoni adattiva ottimali, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati huwa kritiku.

7.   Rapportar dwar id-derogi

Ir-rapportar trasparenti dwar id-derogi u l-offtake kkoordinat huwa vitali biex tinbena l-fiduċja fost il-partijiet ikkonċernati u tiġi żgurata l-konformità mal-ftehimiet internazzjonali. B’hekk, il-Kummissjoni żviluppat viewers tad-data tad-derogi online (21). Huma jippreżentaw informazzjoni dettaljata dwar id-derogi annwali sottomessi mill-Istati Membri, kif ukoll statistika dwar il-kompletezza ta’ dawk ir-rapporti:

—

Overview of derogations and exceptions to species protection across the EU;

—

Individual derogations and detailed information about them; u

—

Data completeness of national reports on derogations and exceptions.

8.   Aktar informazzjoni

Ħafna informazzjoni dwar il-miżuri protettivi pprovduti mid-Direttiva dwar l-Għasafar hija disponibbli fuq il-paġna web tal-Kummissjoni: https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/birds-directive_en.

Sorsi oħrajn ta’ informazzjoni utli jinkludu:

—

International Single Species Management Plan for the Barnacle Goose (Russia/Germany & Netherlands Population East Greenland/Scotland & Ireland Population Svalbard/South-west Scotland Population) adottat mill-AEWA MoP 7;

—

European Goose Management Platform – fiha arkivju sħiħ ta’ dokumenti relatati ma’ diskussjonijiet u deċiżjonijiet internazzjonali dwar il-programmi adattivi ta’ ġestjoni tar-rotot tal-ispeċijiet migratorji (AFMPs) għat-tliet popolazzjonijiet tal-Wiżża Artika (ara l-Appendiċi 1 hawn taħt). Din fiha wkoll lista twila ta’ pubblikazzjonijiet rilevanti rieżaminati bejn il-pari hawnhekk; u

—

Goose management: from local to flyway scale – Ħarġa speċjali tal-ġurnal Ambio li fiha għadd kbir ta’ dokumenti dwar il-kunflitti u s-soluzzjonijiet fil-ġestjoni tal-wiżż.


(1)  Jensen, G.H., Madsen, J., Nagy, S. & Lewis M. (kompilaturi) 2018. AEWA International Single Species Management Plan for the Barnacle Goose (Branta leucopsis) – Russia/Germany & Netherlands population, East Greenland/Scotland & Ireland population, Svalbard/South-west Scotland population. AEWA Technical Series No. 70. Bonn, Il-Ġermanja. https://www.unep-aewa.org/publication/international-single-species-management-plan-barnacle-goose-russiagermany-netherlands.

(2)   https://egmp.aewa.info/.

(4)  Scott, D.A. & Rose, D.A. 1996. Atlas of Anatidae populations in Africa and western Eurasia. Pubblikazzjoni Nru. 41 ta’ Wetlands International. Wageningen, in-Netherlands.

(5)  Feige, N., van der Jeugd, H.P., van der Graaf, A.J., Larsson, K., Leito, A. & Stahl, J. 2008. Newly established breeding sites of the Barnacle Goose Branta leucopsis in North-western Europe – an overview of breeding habitats and colony development. Vogelwelt 129: 244-252.

(7)   https://egmp.aewa.info/sites/default/files/meeting_files/reports/egmp_briefing_note_2025.pdf.

(8)  Ara l-AEWA ISSMP għad-dettalji: Jensen, G.H., Madsen, J., Nagy, S. u Lewis M. (kompilaturi) 2018. AEWA International Single Species Management Plan for the Barnacle Goose (Branta leucopsis) – Russia/Germany & Netherlands population, East Greenland/Scotland & Ireland population, Svalbard/South-west Scotland population . AEWA Technical Series No. 70. Bonn, Il-Ġermanja.

(9)  Ara l-AEWA ISSMP għad-dettalji.

(10)  Bradbeer, D.R., Rosenquist, C., Christensen, T.K. & Fox, A.D. 2017. Crowded skies: conflicts between expanding goose populations and aviation safety. Ambio 46 (Suppliment 2): S290-S300.

(11)  Buij, R., Melman, T.C.P., Loonen, M.J.J.E. & Fox, A.D. 2017. Balancing ecosystem function, services and disservices resulting from expanding goose populations. Ambio 46 (Suppliment 2): S301-S318.

(12)  E.g. Robai, C.I., Nyaga, J.M., Karuri, H., Elmberg, J. & Månsson, J. 2024. Reducing the number of grazing geese on agricultural fields – effectiveness of different scaring techniques. Crop Protection 177: 106552.

(13)  Hemm storja twila tal-iżvilupp ta’ żoni ta’ rifuġju għall-Wiżża Artika u għal speċijiet oħrajn ta’ wiżż (pereżempju, Owen, M., Black, J.M., Agger, M.K. & Campbell, C.R.G. 1987. The use of the Solway Firth, Britain, by barnacle geese Branta leucopsis Bechst. in relation to refuge establishment and increases in numbers. Biological Conservation 39(1): 63-81). Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, l-effettività tagħhom hija limitata f’sitwazzjonijiet b’numri dejjem akbar li għandhom jiġu akkomodati.

(14)  Tombre I.M., Brunner, A., D’Hondt, B., Düttmann, H., Enzerink, R., Fox, A., Feige, N., Heldbjerg, H., Herraro B., Huysentruyt, F., Kostiushyn, V., Månsson, J., McKenzie, R., Mensink, G. Meyers, E., Midtgaard, L., Nilsson, L., Nolet, B., Petrovych, O., Post, K., Scallan, D., Teräväinen, M., Uldal, C., Westebring, M. & Høj Jensen, G. 2019. An overview of the management measures for geese in Range States of the European Goose Management Platform. Pubblikazzjoni Nru. 10 tal-AEWA EGMP. Bonn, Il-Ġermanja. 41 pp.

(15)  Roomen, M. van u Madsen, J. 1992. Waterfowl and agriculture: review and future perspective of crop damage in Europe. Il-proċedimenti tal-workshop internazzjonali mlaqqa’ mill-Ministeru għall-Agrikoltura, il-Ġestjoni tan-Natura u s-Sajd u l-IWRB. Pubblikazzjoni Speċjali tal-IWRB Nru. 21. Slimbridge, ir-Renju Unit.

(16)   https://egmp.aewa.info/sites/default/files/meeting_files/reports/egmp_briefing_note_2025.pdf.

(17)  Population status and management recommendations EGM IWG10 – https://egmp.aewa.info/sites/default/files/meeting_files/reports/egmp_briefing_note_2025.pdf.

(18)   https://egmp.aewa.info/sites/default/files/meeting_files/documents/AEWA_EGM_IWG_10_14_Rev.1.pdf.

(19)  Seltmann, M.W., Ylitalo, A.K., Piironen, A., Store, R., Heikkinen, J., Heim, W., Piha, M., Seimola, T., Laaksonen, T. u Forsman, J.T. 2025. Arctic migrating barnacle geese utilize accommodation fields in a new agricultural staging area. Journal of Applied Ecology 62(2):317-328.

(20)  van der Jeugd, H.P. u Kwak, A. 2017. Management of a Dutch resident barnacle goose Branta leucopsis population: How can results from counts, ringing and hunting bag statistics be reconciled? Ambio 46(Suppliment 2): 251-261.

(21)   Derogations and exceptions table dashboard | L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.


ANNESS II

Applikazzjoni ta’ derogi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar fir-rigward tal-Margun

1.   Sfond

Tliet speċijiet tal-familja tal-margun Phalacrocoracidae huma preżenti fl-UE: il-Margun tat-Toppu (Gulosus aristotelis, li qabel kien magħruf bħala Phalacrocorax aristotelis), il-Margun Żgħir (Microcarbo pygmaeus, li qabel kien magħruf bħala Phalacrocorax pygmaeus) u l-Margun (Phalacrocorax carbo). L-ewwel żewġ speċijiet huma t-tnejn elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar minħabba l-istatus ta’ konservazzjoni mhux favorevoli tagħhom. Il-Margun il-Kbir — ħafna drabi magħruf sempliċiment bħala l-margun – huwa aktar mifrux u mill-1997 ma għadux inkluż fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar (1), li jfisser li ma hemm l-ebda obbligu li jiġu kklassifikati żoni ta’ protezzjoni speċjali għal din l-ispeċi.

Bħall-ispeċijiet kollha ta’ għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri, il-Margun (Phalacrocorax carbo) huwa kopert mir-reġim ta’ protezzjoni ġenerali previst mill-Artikoli 5, 6 u 8 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. F’dawn l-aħħar deċennji, bħala riżultat tal-effett ikkombinat tal-miżuri protettivi tad-Direttiva dwar l-Għasafar, l-espansjoni tal-akkwakultura, u fatturi oħrajn, l-għadd ta’ Margun żdied fl-Ewropa (2). Bħala speċi gregarja li tbejjet f’kolonji qrib is-sorsi ewlenin tal-ikel tagħha, il-Margun beda jikkawża kunflitti kemm mas-sajd kummerċjali kif ukoll ma’ dak rikreattiv, kif ukoll mal-akkwakultura, minħabba l-impatti fuq il-ħut u l-kompetizzjoni għalih, iżda dan jista’ wkoll jaffettwa b’mod negattiv l-ispeċijiet ta’ ħut ta’ tħassib partikolari għall-konservazzjoni u joħloq kunflitti ma’ użu kummerċjali jew rikreattiv ieħor tal-korpi tal-ilma.

Sabiex tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kunflitti bejn il-Margun u s-sajd, il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ inizjattivi:

—

Fl-2011, fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni nediet Pjattaforma għall-Margun tal-UE bbażata b’mod predominanti fuq il-proġett INTERCAFE preċedenti (2004-2008) iffinanzjat mill-UE, li ħadem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin biex jistudja fid-dettall il-kunflitti differenti kkawżati mill-Margun. In-network ta’ riċerka INTERCAFE pproduċa serje ta’ rapporti dwar il-kunflitti bejn il-margun u s-sajd appoġġati minn studji ta’ każijiet wesgħin dwar il-ħabitat/is-sajd. L-istudji ta’ każijiet kienu jinkludu “sett ta’ għodod” għall-ġestjoni tal-margun biex jgħinu fil-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-problemi tal-margun fis-sajd Ewropew, li jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet u mill-partijiet ikkonċernati. Id-dokumenti kollha huma disponibbli fuq: https://www.ceh.ac.uk/our-science/projects/intercafe-information

—

Il-Pjattaforma għall-Margun tal-UE pproduċiet serje ta’ dokumenti sommarji dwar id-distribuzzjoni, il-firxa, l-ekoloġija, l-istatus tal-popolazzjoni u x-xejriet tal-Margun, u l-interazzjonijiet tiegħu mal-ħut, mas-sajd u mal-akkwakultura u dwar il-ġestjoni tal-kunflitti bejn il-margun/is-sajd. Id-dokumenti ġew aġġornati fl-2024 u huma disponibbli fuq il-paġna web tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar l-Għasafar  (3). Filwaqt li ċerti elementi huma miġbura fil-qosor hawn taħt, id-dokumenti fuq il-paġna web jirrappreżentaw riżorsi eżawrjenti li jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati l-kunflitti.

—

Fl-2013, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ gwida intitolat Great cormorant – applying derogations under Article 9 of the Birds Directive  (4), ibbażat fuq l-informazzjoni kollha miġbura u l-kisbiet mill-esperjenza u dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

Dan l-anness jissostitwixxi u jaġġorna l-gwida preċedenti ppubblikata fl-2013 u jifforma parti mill-gwida dwar is-sistema ġenerali għall-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar skont id-Direttiva dwar l-Għasafar. Huwa jindirizza speċifikament l-użu ta’ derogi biex jissolvew il-kunflitti bejn il-Margun u l-attivitajiet tal-bniedem. Huwa jipprovdi ħarsa ġenerali qasira lejn in-numri u x-xejriet tal-popolazzjoni tal-ispeċi, l-istatus legali tagħha u n-natura tal-kunflitti involuti, kif ukoll soluzzjonijiet possibbli. Imbagħad jiddeskrivi l-passi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-derogi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

2.   Il-Margun fl-UE

Fl-Ewropa, ġew deskritti żewġ sottospeċijiet tal-Margun. Il-Phalacrocorax carbo carbo (is-sottospeċi tal-Atlantiku) jgħix tul il-kosta tal-Atlantiku u jnissel kważi esklussivament fuq il-kosti tal-blat tal-Iżlanda, tan-Norveġja, tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tal-Punent ta’ Franza. F’dawn l-aħħar snin, għadd dejjem jikber ta’ għasafar iċċaqilqu lejn l-intern tal-pajjiż biex iqattgħu x-xitwa u jfittxu l-ikel fil-ħabitats tal-ilma ħelu u qed iqattgħu perjodi ta’ żmien itwal hemmhekk qabel ma jirritornaw lejn il-kosta biex inisslu.

Il-Phalacrocorax carbo sinensis (is-sottospeċi Kontinentali) tidher mill-Punent tal-Ewropa sal-Asja kollha, iċ-Ċina u l-Indja. Hija dejjem użat kemm siti interni kif ukoll kostali biex tnissel u tfittex l-ikel. Hija tista’ tinstab f’firxa wiesgħa ta’ ħabitats differenti ta’ artijiet mistagħdra minn artijiet mistagħdra kostali, lagi interni u sistemi kbar ta’ xmajjar baxxi għal għadajjar u rziezet tal-ħut, ħofor taż-żrar magħmula mill-bniedem u ġibjuni miftuħa.

Kien hemm żieda sostanzjali fin-numri tas-sottospeċi P. carbo sinensis matul l-aħħar ftit deċennji, filwaqt li l-popolazzjoni tal-P. carbo carbo kibret b’mod aktar modest (u saħansitra naqset f’xi postijiet).

Iż-żieda fiż-żmien mgħoddi fl-intern tal-pajjiż minn xi sottospeċijiet tal-Atlantiku u ż-żieda tas-sottospeċijiet Kontinentali fissru li aktar għasafar taż-żewġ sottospeċijiet issa jidhru f’siti interni. F’dawn is-siti, iż-żewġ speċijiet spiss ġew f’kuntatt ma’ xulxin, u dan xi drabi rriżulta fi tnissil imħallat bejn speċijiet differenti.

Il-marguni għandhom xejriet ta’ migrazzjoni kumplessi. Għall-kuntrarju ta’ ħafna għasafar migratorji oħrajn, dawn mhux kollha jemigraw fl-istess ħin jew lejn l-istess żoni. Id-drawwiet tal-migrazzjoni tagħhom jiddependu sa ċertu punt fuq il-pożizzjoni ġeografika tal-kolonja tat-tnissil. Ħafna għasafar minn pajjiżi tat-Tramuntana u mill-Ewropa Ċentrali jemigraw lejn in-Nofsinhar fix-xitwa. Madankollu, id-distanzi jvarjaw ħafna fost l-individwi mill-istess kolonja u jiddependu wkoll fuq is-severità tax-xitwa. Filwaqt li xi għasafar jemigraw 100 kilometru biss lejn in-Nofsinhar, oħrajn itiru tul il-Baħar Mediterran sal-kosta tal-Afrika ta’ Fuq.

Skont l-aktar għadd pan-Ewropew reċenti ta’ kolonji tat-tnissil fl-Ewropa fl-2012, ikkoordinat mill-IUCN/Wetlands International Cormorant Research Group u ffinanzjat taħt il-proġett tal-UE CORMAN (5), il-popolazzjoni tat-tnissil tas-sottospeċi Kontinentali P. carbo sinensis fil-Punent tal-Palearktiku (li jkopri l-Ewropa fil-Punent tal-Urali, partijiet mil-Lvant Nofsani u mill-Afrika ta’ Fuq) kienet stmata li hija ta’ 370 000 par tat-tnissil. Minn dawn, madankollu, fl-UE 28 (6) kien hemm biss 214 800 par tat-tnissil (li l-maġġoranza tagħhom inisslu f’pajjiżi li jmissu mal-Baħar Baltiku), bil-biċċa l-kbira tal-bqija jnisslu fir-Russja u fl-Ukrajna. Kien hemm ukoll 16 000 par tat-tnissil tas-sottospeċi tal-Atlantiku P. carbo carbo (fi tlieta biss mit-28 Stat Membru tal-EU: Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit).

Skont ir-rapporti skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Għasafar (għall-perjodu 2013-2018) (7), il-popolazzjoni tat-tnissil tas-sottospeċi P. carbo sinensis għall-EU 28 kienet stmata li hija bejn 220 000 u 272 000 par tat-tnissil. Is-sottospeċi hija kkunsidrata li għandha xejra stabbli jew pożittiva fuq perjodu ta’ żmien qasir u twil fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn tnissel.

Iż-żieda fl-għadd ta’ P. carbo sinensis hija probabbilment dovuta għal taħlita ta’ fatturi, inkluża l-protezzjoni legali tagħhom minn persekuzzjoni fil-passat, il-protezzjoni tas-siti ewlenin tat-tnissil tagħhom, tnaqqis fl-użu tad-dichlorodiphenyltrichloroethane (DDT) u ta’ pestiċidi bijoakkumulanti oħrajn, xtiewi aktar ħfief u aċċess aktar faċli għall-ħabitats tal-għalf (8).

Il-popolazzjoni tat-tnissil tas-sottospeċi P. carbo carbo fl-EU-28 ġiet stmata għal 13 910 pari tat-tnissil, b’xejra negattiva fuq perjodu ta’ żmien qasir fi Franza u fir-Renju Unit u xejra pożittiva fuq perjodu ta’ żmien qasir fl-Irlanda. L-aktar ċensiment internazzjonali ewlieni reċenti (2015-2021) tal-għasafar tal-baħar tar-Renju Unit u tal-Irlanda rrapporta total massimu ta’ 13 330 par tat-tnissil, li jindika żieda żgħira fiż-żewġ pajjiżi.

L-Istati Membri bħalissa qed jissottomettu r-rapporti l-ġodda tagħhom skont l-Artikolu 12 għall-perjodu 2019-2024. Skont il-valutazzjoni preliminari tad-data sottomessa, il-popolazzjoni tat-tnissil ta’ P. carbo sinensis hija stmata li hija bejn 287 000 u 323 000 par.

3.   Status ta’ protezzjoni legali tal-Margun

Il-Margun huwa kopert mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni skont id-Direttiva dwar l-Għasafar (l-Artikolu 5). Il-qbid u l-qtil intenzjonati tal-Marguni, id-disturb sinifikanti b’mod partikolari matul il-perjodu ta’ riproduzzjoni, il-qerda tal-bejtiet tagħhom jew it-teħid tal-bajd tagħhom, huma pprojbiti u jistgħu jkunu permessi mill-Istati Membri biss skont is-sistema ta’ deroga stabbilita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Il-Margun ma huwiex elenkat fl-Anness I (speċijiet soġġetti għal miżuri ta’ protezzjoni speċjali) jew fl-Anness II (speċijiet li jistgħu jiġu kkaċċjati) tad-Direttiva.

Fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali, il-Margun huwa elenkat fl-Appendiċi III – Speċijiet ta’ fawna protetti għall-Konvenzjoni ta’ Berna. Bħala tali, ma hijiex speċi strettament protetta, li tippermetti li l-isfruttament tagħha jiġi regolat. L-ispeċi hija koperta wkoll mill-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (AEWA). Hija inkluża fil-Kolonna C, il-Kategorija 1 tat-Tabella 1 tal-Anness 3 tal-Ftehim, li jfisser li għandha popolazzjoni ta’ aktar minn madwar 100 000 individwu u, b’hekk, tista’ tibbenefika b’mod sinifikanti mill-kooperazzjoni internazzjonali.

4.   L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-applikazzjoni tiegħu għall-Margun

Il-Margun, bħala l-għasafar kollha li jinsabu fin-natura fl-istat selvaġġ fl-UE, huwa protett skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, u l-protezzjoni tiegħu hija rregolata mill-Artikoli 5, 6 u 8. L-Artikolu 9 jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw (jiġifieri jitbiegħdu) mill-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5 jekk jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet:

—

ma hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti,

—

tapplika waħda mir-raġunijiet elenkati f’9(1)(a), (b), jew (c), u

—

ir-rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2) huma ssodisfati.

L-Istati Membri ma għandhomx bżonn jikkonsultaw lill-Kummissjoni qabel ma japplikaw id-derogi. Madankollu, bħala għodda minima għall-koordinazzjoni u bħala mekkaniżmu ta’ feedback, huma jibagħtu lill-Kummissjoni Ewropea rapport annwali dwar id-derogi kollha maħruġa skont l-Artikolu 9. Fir-rapporti, id-derogi huma ġġustifikati abbażi tar-rekwiżiti tad-Direttiva. F’termini prattiċi, dan ifisser li l-użu ta’ derogi ma għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn il-popolazzjoni u l-firxa tal-Margun jitnaqqsu sa tali punt li ma jkunux vijabbli, jew ma jinżammux f’livell sodisfaċenti.

L-Istati Membri qed jagħmlu użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet tad-derogi biex jindirizzaw il-kunflitti bejn il-marguni u s-sajd. Hemm differenzi sinifikanti fil-mod kif dan isir, kemm f’termini ta’ metodi kif ukoll ta’ siti fejn jiġu applikati derogi bħala mod ta’ ġestjoni tal-kunflitti. Xi Stati Membri qed jużaw id-derogi b’mod estensiv, inklużi miżuri applikati f’kolonji tat-tnissil, filwaqt li Stati Membri oħrajn ma jużawx derogi (9).

Il-biċċa l-kbira tad-derogi huma approvati biex jippermettu l-qtil jew il-qbid intenzjonat bi kwalunkwe metodu (ipprojbit skont l-Artikolu 5(a)). Il-marguni ġeneralment jinqatlu bħala għajnuna għat-tbeżżigħ sabiex jissaħħu deterrenti oħrajn, jitnaqqas temporanjament l-għadd ta’ għasafar individwali li jieklu f’sit partikolari u jiġu aġġustati l-livelli tal-popolazzjoni tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9. Madankollu, hemm problemi bil-qtil tal-għasafar fil-prattika minħabba li l-għasafar mejtin ħafna drabi jiġu sostitwiti minn oħrajn. Dan huwa partikolarment minnu f’siti fuq ir-rotot tal-migrazzjoni tal-margun, speċjalment fil-ħarifa u fix-xitwa. Jista’ jkun ukoll il-każ fi żminijiet oħrajn tas-sena jekk il-marguni jkunu qed jiċċaqilqu liberament bejn il-postijiet.

Id-derogi jintużaw ukoll ħafna biex jippermettu l-qerda intenzjonata tal-bejtiet u l-bajd tagħhom, jew il-ħsara li ssirilhom, jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom (ipprojbiti skont l-Artikolu 5(b)). Il-qerda tal-bejtiet jew tal-bajd tista’ tnaqqas il-produzzjoni tat-tnissil tal-għasafar sabiex ikun hemm inqas għasafar żgħar li jistgħu jtiru fi tmiem l-istaġun tat-tnissil, inqas għasafar akbar fl-età li jżuru żoni tas-sajd fix-xitwa u, sussegwentement, inqas għasafar adulti biex inisslu. Madankollu, il-marguni huma flessibbli fl-imġiba tat-tnissil tagħhom u l-popolazzjonijiet tagħhom huma pjuttost reżiljenti għall-mortalità. Pereżempju, huwa possibbli għall-marguni li jerġgħu jibnu l-bejtiet tagħhom u jerġgħu jpoġġu l-bajd fihom.

Din it-taqsima turi kif it-tliet kundizzjonijiet għad-derogi jistgħu jiġu applikati fil-każ tal-Margun. Hija turi l-firxa u l-aktar tipi frekwenti ta’ derogi użati mill-Istati Membri.

Kundizzjoni 1: Nuqqas ta’ alternattiva sodisfaċenti

L-Artikolu 9(1) jiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mir-rekwiżiti tal-Artikoli 5 sa 8 biss “fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti”. Dan ifisser li miżura li qed tiġi kkunsidrata ma tistax tiddependi fuq ir-raġunijiet għad-derogi skont l-Artikolu 9 fejn l-objettiv iddikjarat tagħha jista’ jiġi indirizzat b’mod “sodisfaċenti” ieħor li huwa jew (a) legali skont id-Direttiva dwar l-Għasafar (anki jekk jista’ jkun jeħtieġ id-deroga tiegħu stess) jew (b) inqas ta’ ħsara fid-dawl tal-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5 u l-objettivi tad-Direttiva.

Hemm bosta soluzzjonijiet oħra, jew għodod, disponibbli biex jipprevjenu jew inaqqsu l-kunflitt bejn il-Margun u s-sajd u l-ispeċijiet ta’ ħut fil-livell lokali. Dawn il-metodi li jevitaw il-ħtieġa għal derogi għandhom jiġu ppreferuti, sakemm is-soluzzjoni ma tkunx tista’ tiġi eskluża abbażi ta’ esperjenza preċedenti jew implimentazzjoni li tkun sproporzjonata għall-benefiċċji ta’ konservazzjoni li trendi. Għalhekk, it-tfittxija għal alternattivi għandha tkun limitata għal dawk raġonevolment mistennija li jkunu effettivi f’sitwazzjoni partikolari, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli.

Xi eżempji tal-miżuri preventivi:

—

It-tbeżżigħ tal-marguni ’l bogħod minn żona tas-sajd. L-approċċ jiddependi fuq it-tbeżżigħ tal-marguni b’mod suffiċjenti permezz ta’ deterrenti li jinstemgħu jew viżwali sabiex jiċċaqilqu lejn sit ieħor ta’ tiftix għall-ikel. L-effettività tat-tekniki tat-tbeżżigħ tiddependi fuq li d-deterrenti jkunu tal-biża’ biżżejjed sabiex iġiegħlu lill-marguni jmorru xi mkien ieħor u fuq id-disponibbiltà ta’ sit alternattiv “aħjar” fejn ikunu jistgħu jmorru. L-iżvantaġġ ewlieni huwa li l-marguni eventwalment (u spiss pjuttost malajr) jirrealizzaw li ma hemm l-ebda theddida reali, jidraw il-ħsejjes, l-avvistamenti jew l-irwejjaħ u jibdew jinjorawhom. Madankollu, hemm evidenza tajba li l-għasafar jiġu mbeżżgħin konsistentement mill-preżenza tal-bniedem jekk jipperċepixxu li l-bnedmin huma assoċjati mal-periklu. Il-metodi ta’ tbeżżigħ huma l-aktar effiċjenti fuq korpi tal-ilma żgħar, li jfisser li jistgħu ma jkunux effettivi jew proporzjonati biżżejjed bħala miżura preventiva għal dawk akbar. Bl-istess mod, l-effett ta’ tbeżżigħ ta’ miżuri mhux letali jista’ jissaħħaħ billi dawn jiġu kkombinati ma’ kontroll letali limitat li għalih iridu jinkisbu derogi.

—

Il-protezzjoni tal-ħut bl-użu ta’ apparati ta’ esklużjoni biex jipprevjenu l-aċċess għalihom mill-marguni. Dawn it-tekniki jiddependu fuq ix-xbieki u l-wajers fl-ajru sabiex il-marguni jinżammu ’l bogħod mill-ħut. Dawn jaħdmu l-aħjar meta l-ħut ikun ikkonċentrat f’żoni relattivament żgħar. It-tekniki huma ideali għal għadajjar ibbażati fuq l-art jew għal farms tal-ħut raceway fejn il-kompartimenti tax-xbieki jistgħu jkunu mqiegħda f’posthom b’mod permanenti. F’siti oħrajn, bħall-gaġeġ tal-farms tal-ħut f’korpi tal-ilma miftuħa, ix-xbieki kontra l-predaturi jistgħu jiddendlu f’purtieri jew bħala kompartimenti kompluti taħt l-ilma sabiex jipprevjenu lill-għasafar li jgħoddsu milli jilħqu l-istokk tal-ħut fil-borża tal-malja tal-gaġġa. F’siti bħal dawn, jista’ jkun possibbli li jittieħed vantaġġ mill-fatt li l-marguni ġeneralment ikunu jeħtieġu distanzi pjuttost twal għat-tlugħ u għall-inżul. Permezz tal-pożizzjonament ta’ wajers, ħbula jew ostakli tal-malja fl-ilmijiet, jista’ jkun possibbli li jsir diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għall-marguni biex jinżlu fuq wiċċ l-ilma, jew biex jitilgħu minnu. F’korpi tal-ilma akbar, l-esklużjoni kompluta hija aktar diffiċli u tista’ ma tkunx prattika.

—

Tekniki għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut biex titnaqqas id-disponibbiltà tal-ħut għall-marguni. Dawn l-għodod jiddependu fuq il-fatt li jeħtieġ li l-marguni jagħmlu l-għażliet tagħhom meta jiġu biex jagħżlu fejn se jieklu. Huma għandhom jibbilanċjaw għadd ta’ kwistjonijiet jekk iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ikel ta’ kuljum tagħhom. Dawn se jinkludu jekk l-għasfur ikunx qed jitlef jew iżid il-piż (l-istat tal-ġisem tal-għasfur); il-kundizzjonijiet ambjentali (ikunu meħtieġa aktar ikel/enerġija matul perjodi aktar kesħin/li fihom tagħmel aktar xita); l-istadju fiċ-ċiklu annwali (il-perjodi ta’ migrazzjoni, l-istaġun tat-tnissil, il-kenn matul ix-xitwa); id-daqs tal-frieħ u l-età tagħhom, u d-distanzi bejn il-postijiet fejn jistrieħu jew il-kolonji u s-siti tal-għalf. L-għażla tas-sit tal-għalf tiddependi wkoll fuq id-disponibbiltà, l-għadd u l-kwalità tas-siti ta’ tmigħ potenzjali adattati. Sit tal-għalf ta’ kwalità għolja se jkun sit li joffri aċċess u tmigħ mingħajr riskju u mingħajr disturbi, bi provvisti tajbin ta’ ħut relattivament faċli biex jinqabad. It-tekniki tal-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut għandhom l-għan li jbiddlu l-kwalità tal-opportunitajiet tal-għalf disponibbli għall-marguni billi jipprovaw jagħmlu l-ħut inqas faċli biex jinqabad. Il-prinċipju bażiku huwa li jekk il-ħut ikun diffiċli biex jinqabad, allura l-għasafar ikunu jistgħu jagħżlu li jieklu f’ilmijiet oħrajn fejn ikun aktar faċli li jsir sajd. Pereżempju, fejn il-maniġers tas-sajd ikollhom kontroll fuq ir-reġimi tal-istokkjar tal-ħut, hemm diversi għażliet li jistgħu jnaqqsu t-telf tal-ħut u jagħmlu s-siti inqas attraenti għall-marguni li jkunu qed ifittxu l-ikel. Xi eżempji ta’ miżuri huma:

—

Dewmien fl-istokkjar tal-ħut matul l-ogħla preżenza tal-margun

Din il-miżura tista’ tkun effettiva fejn in-numri tal-margun juru qċaċet staġunali ċari (eż. perjodi ta’ tqattigħ tax-xitwa jew ta’ migrazzjoni). Billi titnaqqas id-disponibbiltà tal-ħut meta l-pressjoni tal-margun tkun l-ogħla, il-farms tal-ħut u s-siti tal-istokkjar isiru żoni tal-għalf inqas attraenti. L-evidenza minn diversi Stati Membri turi li l-marguni jistgħu jiċċaqilqu lejn siti alternattivi meta tonqos l-effiċjenza tat-tiftix għall-ikel. Madankollu, dan l-approċċ jeħtieġ flessibbiltà fl-iskedi tal-istokkjar u jista’ ma jkunx fattibbli għas-sajd kollu.

—

Stokkjar tal-ħut f’intervalli frekwenti u f’postijiet multipli

L-istokkjar mifrux u mxerred inaqqas il-prevedibbiltà u l-profittabbiltà tal-opportunitajiet ta’ tmigħ għall-marguni. Ir-rilaxx ta’ kwantitajiet iżgħar ta’ ħut f’diversi siti jnaqqas id-densità tal-priża lokali, li min-naħa tagħha tnaqqas l-inċentiv għall-marguni biex jinġemgħu flimkien. Din il-miżura hija ġeneralment meqjusa bħala prattika tajba fis-sajd estensiv u fix-xmajjar, speċjalment meta tkun ikkombinata mal-kumplessità tal-ħabitat li tillimita l-viżibbiltà tal-ħut.

—

Stokkjar ta’ ħut akbar inqas vulnerabbli għall-predazzjoni

Il-marguni jimmiraw b’mod preferenzjali lejn ħut iżgħar u aktar faċli biex jinqabad. L-istokkjar ta’ klassijiet ta’ daqs akbar jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti t-telf immedjat minħabba l-predazzjoni, b’mod partikolari fl-ilmijiet kalmi u fl-għadajjar tal-ħut. Filwaqt li dan jista’ jżid il-kostijiet tal-istokkjar, spiss jitqies li huwa kosteffettiv fit-tul fejn il-pressjoni mill-predazzjoni tkun għolja.

—

Tekniki ta’ modifika tal-ħabitat biex titnaqqas id-disponibbiltà tal-ħut għall-marguni, bħat-tneħħija ta’ strutturi potenzjali fejn joqogħdu jew jistrieħu qrib ilmijiet sensittivi (eż. siġar mejtin jew strutturi artifiċjali) biex jiskoraġġixxu lill-marguni milli jibqgħu qrib l-istokkijiet tal-ħut, jew il-ħolqien ta’ rifuġji għall-ħut permezz tal-installazzjoni ta’ strutturi mgħaddsa, veġetazzjoni jew rifuġji artifiċjali fejn il-ħut jista’ jistaħba, inaqqsu l-effiċjenza tat-tiftix għall-ikel tal-marguni u jgħinu lill-ħut jevita l-predazzjoni. Iż-żieda fil-kumplessità tal-ħabitats (eż. żoni ta’ riproduzzjoni mtejba, marġini aktar fondi) tipprovdi wkoll lill-ħut b’aktar postijiet fejn jaħrab mill-marguni. Dawn l-għodod huma estensjoni tat-tekniki ta’ ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut deskritti hawn fuq. Huma għandhom l-għan li jagħmlu s-siti inqas attraenti għall-marguni biex jistrieħu, ibejtu jew jieklu. Għalkemm qatt ma huma se jwaqqfu lill-marguni milli jistrieħu, inisslu jew jieklu għalkollox, f’livell speċifiku għas-sit, dawn jistgħu jnaqqsu jew jeliminaw il-preżenza tal-margun u jipprevjenu lill-għasafar milli jikkolonizzaw iż-żona. Il-prevenzjoni tal-marguni milli jistabbilixxu sit ta’ mistrieħ tista’ twaqqafhom milli jiġu attirati lejn żona bil-preżenza ta’ għasafar oħrajn jew tista’ tipprevjeni tentattivi sussegwenti ta’ tnissil.

—

Inċentivi finanzjarji biex jinkoraġġixxu l-akkomodazzjoni tal-marguni fuq il-korpi tal-ilma jew kumpens biex jikkumpensa għat-telf ekonomiku (ara l-Istudju tal-Każ 1)

Madankollu, jekk wara l-implimentazzjoni tal-miżuri preventivi jkun għad hemm kontradizzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, bħall-kombinament ta’ metodi mhux letali u letali, tkun meħtieġa l-applikazzjoni ta’ deroga.

Kundizzjoni 2: Ir-raġuni għad-deroga

Abbażi tar-rapport dwar id-deroga li l-Istati Membri jissottomettu kull sena lill-Kummissjoni Ewropea, l-aktar raġunijiet ikkwotati ta’ spiss mill-Istati Membri għall-ħruġ ta’ derogi għall-Margun huma li tiġi evitata ħsara serja lis-sajd (inkluża l-akkwakultura), lill-foresti u lill-ilma u li jiġu protetti l-flora u l-fawna (l-Artikolu 9(1)(a)).

a.   Derogi għall-prevenzjoni ta’ ħsara serja lis-sajd

Iż-żieda fin-numri ta’ Margun irriżultat f’żieda fil-kunflitti rrapportati mas-sajd u l-akkwakultura, l-aktar minħabba li ħafna mill-korpi tal-ilma fejn il-marguni għandhom it-tendenza li jieklu huma wkoll siti ta’ interess dirett għan-nies – pereżempju, is-sajd kummerċjali, il-farms tal-ħut (estensivi u intensivi), kif ukoll is-sajd rikreattiv (f’ħabitats naturali, seminaturali jew artifiċjali). Is-sajd iseħħ fl-ilma ħelu (inklużi sistemi tal-għadajjar tal-ħut u lagi naturali), ilma salmastru (artijiet mistagħdra kostali), u żoni tal-baħar (żoni kostali). Madankollu, il-predazzjoni tal-margun spiss tkun biss wieħed mill-ħafna fatturi ta’ stress li bħalissa qed ikollhom impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut f’dawk iż-żoni.

Id-Direttiva dwar l-Għasafar ma tagħmilx distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ sajd, eż. kummerċjali jew rikreattiv. Madankollu, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “sajd” ikopri:

—

l-industrija tal-qbid, l-ipproċessar u l-bejgħ tal-ħut jew il-post fejn dan isir,

—

post fejn il-ħut jitrabba biex jinbiegħ (akkwakultura),

—

sajd rikreattiv.

B’mod partikolari, il-kunċett tas-sajd rikreattiv jikkorrespondi mhux biss għaż-żoni fejn isir is-sajd rikreattiv, iżda wkoll għall-klabbs tas-sajd, u s-sistema kummerċjali ta’ tqegħid u teħid ta’ ħut.

Il-kunflitti bejn il-margun u s-sajd kummerċjali huma wkoll kumplessi u dinamiċi ħafna. Iż-żmien u l-firxa ta’ tali kunflitti jvarjaw immens minħabba li hemm varjazzjonijiet kbar fin-numri u d-distribuzzjoni tal-margun madwar l-Ewropa, bl-għasafar iwettqu movimenti staġunali fuq skala wiesgħa bejn iż-żoni tat-tnissil u dawk fejn l-għasafar jistkennu fix-xitwa. B’hekk, il-kunflitti jseħħu fi żminijiet differenti tas-sena, f’postijiet differenti u fuq skali ġeografiċi differenti u jistgħu jinvolvu t-tnissil, il-kenn fix-xitwa, jew l-għasafar migratorji.

Barra minn hekk, minbarra x-xejriet kumplessi ta’ moviment tal-margun, il-kunflitti se jiġu influwenzati wkoll minn dinamika daqstant kumplessa tal-popolazzjoni tal-ħut (eż. mortalità dipendenti mid-densità) u varjazzjonijiet staġunali u annwali f’fatturi esterni, bħall-kundizzjonijiet tat-temp (b’mod partikolari s-severità tax-xitwa) u l-effetti tat-tniġġis tal-ilma, iżda wkoll id-disponibbiltà ta’ mekkaniżmi kumpensatorji.

Din il-kumplessità inerenti tfisser li kull sitwazzjoni hija differenti, u l-valutazzjoni tal-kunflitti teħtieġ approċċ każ b’każ li jqis il-firxa sħiħa ta’ fatturi, u li l-ġestjoni tal-kunflitti għandha tkun adattiva. L-għażla taż-żmien tal-azzjonijiet ta’ ġestjoni fis-sena għandha wkoll rwol kritiku fid-determinazzjoni ta’ kemm huma effettivi.

Għandu jiġi enfasizzat li sabiex Stat Membru jkun jista’ joħroġ deroga, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-ħsara probabbli titqiesx bħala “serja” jew le. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva ma huwiex li tipprevjeni t-theddida ta’ ħsara minuri. Sabiex il-ħsara titqies bħala “serja”, trid tkun mistennija li jkollha impatt ekonomiku sostanzjali fuq is-sajd u/jew fuq l-interessi rikreattivi relatati mas-sajd.

Tipi ta’ ħsara

Il-ħsara lis-sajd tista’ twassal għal telf ekonomiku dirett jew indirett, jew għal telf tal-valur tal-proprjetà, jew għat-telf tal-materjal tal-produzzjoni. Din tista’ wkoll tiġġenera kostijiet addizzjonali (eż. biex tissostitwixxi t-tagħmir bil-ħsara u għar-ripopolazzjoni taż-żoni tas-sajd). Fil-każ tal-interessi tas-sajd rikreattiv, din tista’ twassal għal telf ekonomiku u mhux biss taffettwa ħażin l-interess rikreattiv fih innifsu, sakemm dan ma jkollux konsegwenzi ekonomiċi (eż. tnaqqis fil-bejgħ ta’ liċenzji tas-sajd).

Prevedibbiltà u riskju

Jekk il-ħsara tkun għadha ma seħħitx, għandha tintuża esperjenza tal-passat biex jiġi mbassar jekk hemmx probabbiltà għolja tal-okkorrenza tal-ħsara. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni għandha tikkonċerna ħsara serja lil interess ekonomiku li tmur lil hinn minn sempliċi inkonvenjent jew riskju kummerċjali normali.

Provi

Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li l-ħsara lill-assi (li diġà seħħet jew li mistennija sseħħ) trid tintwera b’mod fattwali. Minħabba d-diffikultajiet tal-kwantifikazzjoni tad-daqs tal-istokk tal-ħut u minħabba li l-predazzjoni mill-marguni tista’ tnaqqas malajr stokk tal-ħut (li jista’ jipprevjeni li jsiru studji dettaljati qabel ma tittieħed azzjoni), jista’ jkun meħtieġ li jittieħed approċċ rapidu u prammatiku biex jiġi ddeterminat jekk il-ħsara hijiex serja, pereżempju, permezz ta’ evalwazzjoni minn esperti indipendenti bl-użu tal-evidenza u l-għarfien xjentifiku kollha disponibbli. Madankollu, meta tintuża opinjoni esperta biex tiġġustifika deroga, tali għarfien espert xorta jirrikjedi ġustifikazzjoni b’bażi xjentifika biex tappoġġa l-konklużjoni tiegħu, kif ukoll li jiġi aċċertat li l-esperti ma jkollhom l-ebda kunflitt ta’ interess. Il-ħsara ekonomika spiss tkun ibbażata fuq il-multiplikazzjoni ta’ għadd stmat ta’ għasafar preżenti kuljum fuq l-għadajjar tal-ħut bil-kwantità medja ta’ ħut li jittiekel kuljum għal kull għasfur. Fejn rilevanti, pereżempju, fejn ma jkunx diġà ovvju abbażi tal-okkorrenzi fiż-żona, għandu jkun hemm monitoraġġ minn ornitologi jew esperti kwalifikati oħrajn tal-organiżmi selvaġġi biex jiġu stmati n-numri ta’ kuljum. Il-kost tat-tixrid tal-mard, l-isforz uman u l-kostijiet tal-munizzjon għall-armi tan-nar użati biex jiskoraġġixxu l-għasafar mill-għadira tal-ħut ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

Prevenzjoni

Għandu jiġi mfakkar li d-derogi maħruġa skont l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-Għasafar huma maħsuba biex jipprevjenu ħsara serja, jiġifieri li ma hemm l-ebda rekwiżit li wieħed jistenna li sseħħ il-ħsara, jew li juri l-ħsara. Madankollu, se jkun meħtieġ li jintwera li x’aktarx isseħħ ħsara. Irid ikun hemm probabbiltà li l-ħsara sseħħ kemm f’post partikolari kif ukoll tkun serja biżżejjed. Jistgħu jintużaw każijiet preċedenti ta’ ħsara biex jintwera li hemm probabbiltà li terġa’ sseħħ ħsara serja, jew, fin-nuqqas ta’ każijiet preċedenti, ikun biżżejjed li jintwera li hemm probabbiltà kbira ta’ ħsara serja.

Fejn il-ħsara jkollha ftit jew xejn impatt ekonomiku, kemm jekk dirett jew indirett, id-derogi relatati mal-ħsara lis-sajd xorta jistgħu jkunu possibbli għall-“protezzjoni tal-fawna u l-flora” (ara l-Kaxxa 1 hawn taħt). B’hekk, il-kejl tal-ħsara jista’ jkun relatat ukoll mal-importanza ekoloġika tal-ispeċijiet li qed jiġu affettwati (eż. speċi rari jew mhedda) daqs kemm ma’ kwalunkwe impatt fuq is-sajd.

Kaxxa 1: Valutazzjoni prattika ta’ jekk il-ħsara hijiex “serja”

Għalkemm il-bijoloġija u l-ekoloġija tal-margun kienu s-suġġett ta’ riċerka xjentifika konsiderevoli, prattikament il-fehim tal-interazzjonijiet bejn il-marguni u l-ħut u s-sajd jibqa’ kumpless. It-telf jista’ jiġi kkwantifikat fis-siti tal-farms tal-ħut, iżda valutazzjonijiet affidabbli huma tipikament ferm aktar diffiċli għal sajd aktar estensiv u f’korpi tal-ilma oħrajn.

Xi studji wrew li l-marguni jista’ jkollhom impatti negattivi sinifikanti fuq l-istokkijiet tal-ħut u s-sajd — li jirriżultaw fi tnaqqis fl-abbundanza tal-ħut u fil-bijomassa. Madankollu, investigazzjonijiet oħrajn indikaw ukoll li s-sempliċi preżenza tal-marguni f’sit mhux bilfors tfisser li qed isseħħ ħsara serja.

Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li jiġu pprovduti xi limiti fissi u standardizzati f’termini ta’ numri tal-popolazzjoni, jew proporzjonijiet jew rati ta’ stokk tal-ħut imneħħija li jistgħu jservu bħala punt ta’ riferiment għall-valutazzjoni tal-okkorrenza ta’ “ħsara serja”.

Madankollu, valutazzjoni oġġettiva bbażata fuq fatti rigward il-preżenza attwali tal-margun u l-impatti potenzjali, filwaqt li jitqiesu fatturi oħrajn li jinfluwenzaw l-istokkijiet tal-ħut, hija dejjem meħtieġa biex tiġġustifika d-derogi.

Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-evidenza tal-ħsara hija disponibbli fid-dokument “Interactions between cormorants, fish and fisheries”, li jipprovdi wkoll links għal studji ta’ każijiet dwar kunflitti fis-sajd għal setturi differenti tas-sajd u l-ħabitat akkwatiku https://circabc.europa.eu/ui/group/e21159fc-a026-4045-a47f-9ff1a319e1c5/library/ab7d8f27-fb1c-4117-8f66-36246abad59c/details

b.   Derogi għall-prevenzjoni ta’ ħsara serja lill-foresti

Il-ħsara lill-veġetazzjoni u lis-siġar ġeneralment isseħħ meta jkun hemm kolonja kbira jew post permanenti kbir fejn jistrieħu l-marguni, li twassal għall-akkumulazzjoni ta’ guano aċiduż. L-istess kunċett ta’ “ħsara serja” japplika kif spjegat hawn fuq fit-taqsima dwar il-prevenzjoni ta’ ħsara serja lis-sajd. Pereżempju, is-serjetà tal-ħsara tista’ tintwera meta l-użu tas-siġar għal skopijiet kummerċjali jkun mhedded. Madankollu, id-daqs taż-żona affettwata għandu jitqies ukoll meta tiġi ddeterminata s-serjetà tal-ħsara.

Meta l-ħsara ma jkollha l-ebda impatt ekonomiku, kemm jekk dirett (l-injam ma jistax jinbiegħ) jew indirett (jaffettwa l-estetika tal-foresta u, b’hekk, inaqqas it-turiżmu), id-derogi relatati mal-ħsara lill-foresti u lill-veġetazzjoni xorta jistgħu jkunu possibbli għall-“protezzjoni tal-fawna u tal-flora” (ara hawn taħt).

c.   Derogi għall-prevenzjoni ta’ ħsara serja lill-ilma

Din ir-raġuni għad-deroga għandha tintuża biss meta l-marguni jikkawżaw ħsara serja lill-iskop kummerċjali tal-korp tal-ilma minbarra s-sajd. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ f’ċerti żoni użati għal attivitajiet ta’ divertiment, pereżempju, li jistgħu jiġu affettwati ekonomikament minn ħsara serja kkawżata mill-marguni, eż. telf serju fil-kwalità tal-korp tal-ilma jew fil-vijabbiltà tiegħu għat-turiżmu minħabba t-tniġġis mill-guano tal-margun. Jekk is-suġġett tad-deroga jkun relatat ma’ attivitajiet tas-sajd, dan għandu jiġi rrapportat bħala “ħsara lis-sajd”, u mhux bħala “ħsara lill-ilma”.

L-istess kunċett ta’ “ħsara serja” japplika kif deskritt hawn fuq fit-taqsima dwar il-prevenzjoni ta’ ħsara serja lis-sajd. Pereżempju, it-turisti attirati lejn is-sbuħija naturali taż-żoni max-xatt jistgħu ma jibqgħux isibu ż-żoni bħala attraenti ladarba l-marguni jibdew joqogħdu fihom, anki minħabba r-riħa qawwija li tkun ġejja mill-bejtiet tal-frieħ. Fuq skala lokali, it-tnaqqis fil-valuri tal-proprjetà u t-tnaqqis fit-turiżmu u r-rikreazzjoni jistgħu jikkawżaw telf ekonomiku għar-residenti taż-żona u għan-negozji li jiddependu fuq l-introjtu mit-turiżmu.

Jekk il-konċentrazzjoni tal-marguni tista’ taffettwa l-kwalità tal-ilma tax-xorb f’ċerti ġibjuni, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) (fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika) għandu jintuża bħala r-raġuni għad-deroga.

d.   Derogi għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna

Ir-raba’ raġuni għad-derogi mwettqa taħt is-subtaqsima (a) tal-Artikolu 9(1) tikkonċerna l-protezzjoni tal-flora u l-fawna. Il-każ għall-użu tad-deroga x’aktarx li jkun l-aktar b’saħħtu meta jkun marbut maż-żamma ta’ popolazzjonijiet ta’ speċijiet li huma rari jew mhedda, iżda ma huwiex limitat għal tali speċijiet.

Pereżempju, hemm inċidenti rrapportati ta’ predazzjoni tal-margun fuq stokkijiet tas-sallura (Anguilla Anguilla), salamun żgħir (Salmo salar), trota tal-irħam (Salmo marmoratus), grayling (Thymallus thymallus) (ara l-Kaxxa 2 hawn taħt), kif ukoll speċijiet oħrajn ta’ ħut li huma protetti (fil-livell tal-UE jew nazzjonali). Kull każ għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa u deċiż abbażi ta’ pariri mill-awtoritajiet kompetenti. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli dwar l-impatt fit-tul fuq il-popolazzjoni(jiet) affettwata/i.

Kaxxa 2: Il-proġett ta’ riċerka “ProtectFish”

Fl-2024, tnieda proġett ġdid iffinanzjat mill-UE taħt il-Programm “Orizzont Ewropa Riċerka u Innovazzjoni”, ProtectFish, biex tiġi analizzata l-popolazzjoni tal-Margun u l-impatt tagħha fuq il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet ta’ ħut tax-xmajjar elenkati taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats. Il-proġett, li għandu enfasi partikolari fuq il-popolazzjonijiet tal-grayling tax-xmajjar, se jwettaq diversi tipi ta’ esperimenti fuq il-post, jirrieżamina r-riżultati eżistenti u jorganizza konsultazzjonijiet/workshops/intervisti biex jevalwa u jikkonsolida l-għarfien eżistenti dwar ir-rwol tal-predazzjoni fuq il-ħut tax-xmajjar protett.

Ir-rwol tal-predazzjoni u l-kontroll tal-predazzjoni se jitkejjel f’meded ta’ xmajjar mgħassa minn mijiet ta’ voluntiera. F’segmenti iqsar tax-xmajjar, se jiġi studjat l-effett ta’ strutturi fiżiċi bħal xbieki u strutturi naturali fuq is-sopravivenza tal-ħut. Id-data dwar is-sajd b’kurrent elettriku se tintuża flimkien ma’ kameras tal-organiżmi selvaġġi biex jiġu mmonitorjati u jingħaddu l-predaturi u l-priża biex jiġi vvalutat l-impatt tal-predazzjoni fuq il-ħut protett mill-UE.

Il-Konsorzju li jwettaq il-proġett jikkonsisti f’universitajiet, istituti ta’ riċerka u organizzazzjonijiet mill-Awstrija, il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, u l-Iżvezja. Huwa kkoordinat mill-Università Teknika Daniża.

Aktar informazzjoni hija disponibbli hawnhekk: https://protectfish.eu/

Kundizzjoni 3: Rekwiżiti tekniċi tal-Artikolu 9(2)

F’konformità mal-Artikolu 9(2), il-mezzi, l-arranġamenti u l-metodi għall-qbid jew il-qtil iridu jiġu speċifikati fid-deroga. L-awtorità kompetenti għandha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ssodisfati u li tiddeċidi dwar liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jintużaw, fi ħdan liema limiti, u minn min. Għalhekk, huma possibbli varjetà ta’ arranġamenti u ċirkostanzi partikolari ta’ żmien u post relatati mal-limitazzjonijiet fuq id-derogi. Madankollu, l-għadd ta’ għasafar li jinqatlu, jew li jiġu mbeżżgħin (li hija sitwazzjoni partikolarment rilevanti matul l-istaġun tat-tnissil), għandu jiġi indikat u mbagħad immonitorjat matul id-deroga fil-każijiet kollha. Dan xi drabi jsir billi jiġi limitat l-għadd ta’ permessi, u/jew jiġu imposti kwoti nazzjonali jew reġjonali. Fi kwalunkwe każ, dawn iċ-ċifri għandhom jibqgħu koerenti mal-għan ewlieni tad-Direttiva dwar l-Għasafar, jiġifieri l-konservazzjoni tal-għasafar.

Għalhekk, wieħed irid iżomm f’moħħu li skema ta’ deroga ma tistax tintuża biex tnaqqas il-popolazzjoni bħala għan fiha nnifisha, iżda biex tissodisfa waħda mid-derogi tal-Artikolu 9(1), jiġifieri, biex tipprevjeni ħsara serja jew biex tipproteġi l-fawna u l-flora. Din ma tistax timmira li telimina kull individwu f’żona, iżda li tnaqqas in-numru skont il-livell ta’ ħsara li trid tittaffa jew l-objettivi ta’ konservazzjoni għall-protezzjoni tal-fawna u l-flora. Madankollu, dan ma jeskludix miżuri mmirati lejn it-tneħħija jew il-prevenzjoni ta’ kolonji tat-tnissil jew ta’ postijiet fejn jistrieħu bil-lejl f’partijiet speċifikati ta’ żona akbar, minħabba li ma jeskludix l-okkorrenza ta’ għasafar individwali.

Matul l-istaġun tat-tnissil, interventi li jikkonċernaw il-bajd (eż. l-applikazzjoni taż-żejt jew is-sostituzzjoni b’bajd falz) huma l-metodu prinċipali li jintuża biex jikkontrolla r-riproduzzjoni tal-Marguni. Madankollu, filwaqt li diversi pajjiżi madwar il-Baħar Baltiku issa qed jużaw dan il-metodu, dan ma huwiex il-każ f’ħafna pajjiżi oħrajn. L-armi tan-nar li jintużaw biex joqtlu jew ibeżżgħu l-għasafar u l-apparati tat-tbeżżigħ (pistoli tal-gass jew oħrajn) huma l-metodi prinċipali użati matul il-migrazzjoni jew iż-żmien tax-xitwa.

Huwa possibbli li jingħataw awtorizzazzjonijiet ġenerali, filwaqt li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet formali tal-Artikolu 9(2), jiġifieri awtorizzazzjonijiet li ma jingħatawx lil individwi speċifiċi, iżda pjuttost lil kategorija ġenerali ta’ persuni awtorizzati bħas-sidien tal-art u l-aġenti tagħhom. Madankollu, kif indikat fil-Gwida għall-Kaċċa Sostenibbli, għall-kuntrarju tal-Artikolu 9(1)(c), li jirrikjedi li d-derogi jingħataw “taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta”, il-kliem tal-Artikolu 9(2) ma jipprekludix tali awtorizzazzjonijiet ġenerali għal derogi bbażati fuq l-Artikolu 9(1)(a). F’dak ir-rigward, kif iddikjarat ukoll fil-Gwida għall-Kaċċa Sostenibbli skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, jekk wieħed jassumi b’mod naturali li d-deroga tkopri l-aspetti kollha msemmija fl-Artikolu 9(2), huwa mistenni li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ derogi lil kategorija wiesgħa ta’ persuni għandhom ikunu speċifikati b’mod ċar fid-deroga.

Fl-aħħar nett, għalkemm id-derogi għandhom jiġu applikati fil-livell tal-Istati Membri, il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tkun utli (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3: L-użu ta’ derogi għar-rotta tal-ispeċijiet migratorji biex tiġi evitata ħsara serja fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor

Huwa possibbli li jintuża kontroll ikkoordinat tal-popolazzjoni, inkluża l-applikazzjoni ta’ “derogi għar-rotta tal-ispeċijiet migratorji”, li taħthom jingħataw derogi għal speċijiet bħall-Margun f’pajjiż wieħed biex tiġi evitata ħsara serja f’pajjiż ieħor.

Dan l-approċċ jista’ jittieħed jew fil-qafas ta’ pjan ta’ ġestjoni internazzjonali żviluppat taħt konvenzjoni jew ftehim internazzjonali li għalihom l-UE hija parti jew inkella f’qafas simili approvat mill-Istati Membri kollha kkonċernati.

Madankollu, sabiex jiġi stabbilit approċċ ikkoordinat, huwa essenzjali li tkun disponibbli informazzjoni akkurata u aġġornata biex jiġu ddeterminati valuri ta’ referenza favorevoli għall-popolazzjoni tal-Margun (id-daqs tal-popolazzjoni, il-firxa u l-estensjoni tal-ħabitat). It-tieni, għandha tiġi stabbilita skema ta’ monitoraġġ ikkoordinata robusta li tipprovdi data regolari dwar in-numri, is-sopravivenza u l-produttività.

Wara dan, irid jintlaħaq ftehim dwar il-popolazzjoni ta’ referenza favorevoli għar-rotta tal-ispeċijiet migratorji u jiġi stabbilit limitu ta’ sigurtà sabiex jiġi żgurat approċċ ta’ prekawzjoni. Abbażi ta’ dak il-ftehim, jista’ jiġi stabbilit livell ta’ referenza separatament għal kull pajjiż. Għandu jintlaħaq ftehim dwar kwistjonijiet bħall-iskala ġeografika għall-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni msemmija hawn fuq tal-pjanijiet ta’ ġestjoni biex jiġi vvalutat l-istatus tal-popolazzjoni u l-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni tal-approċċi ta’ ġestjoni.

Għalhekk, huwa wkoll kruċjali li s-sitwazzjoni tiġi evalwata regolarment u, b’hekk, mhux biss jiġu mmonitorjati n-numri, is-sopravivenza u l-produttività tal-ispeċijiet, iżda wkoll jiġi mmonitorjat is-sajd, inkluża l-valutazzjoni tal-ħsara. Dan huwa fundamentali sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet applikabbli kollha skont l-Artikolu 9 jiġu ssodisfati u biex tiġi evalwata l-effikaċja tal-miżuri, jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni li jkunu għaddejjin u l-adattament tal-istrateġiji, fejn meħtieġ.

5.   Studji tal-każijiet

5.1.   L-indirizzar tal-kunflitti mal-Margun fuq l-għadajjar tal-karpjuni fil-Kroazja

Fil-Kroazja, hemm 15-il għadira estensiva tal-karpjuni li jkopru madwar 12 000 ettaru. Kollha huma siti importanti għat-tnissil u l-migrazzjoni tal-għasafar tal-ilma u huma inklużi fin-network Natura 2000. Għalkemm il-Margun (Phalacrocorax carbo sinensis) ma huwiex speċi fil-mira għall-klassifikazzjoni taż-ŻPS, huwa preżenti regolarment u jiekol fuq l-għadajjar tal-karpjuni. Għalkemm mhux daqstant numeruż bħala għasfur tat-tnissil, hemm pressjoni sinifikanti minn għasafar li jfittxu l-kenn fix-xitwa li fil-biċċa l-kbira jinkludu l-Marguni li ġejjin minn partijiet oħrajn tal-Ewropa (sa 20 000 għasfur jemigraw lejn il-Kroazja kull xitwa).

Il-Margun kien speċi strettament protetta fil-Kroazja sal-1995 u l-Istat ittieħed il-qorti minn għadd ta’ farms tal-ħut li talbu kumpens finanzjarju għad-danni. L-Istat tilef il-kawżi kollha fil-qorti u kien sfurzat iħallas somom kbar għal ħafna snin.

Wara snin ta’ sforzi konġunti minn ornitologi, u mis-setturi tal-konservazzjoni tan-natura u tas-sajd, l-Istat qabel li joffri lill-farms tal-ħut pagamenti annwali ta’ inċentiv għall-“manutenzjoni tal-ekosistemi tal-għadajjar tal-karpjuni” (minflok ma jħallas kumpens għad-danni kkawżati). Din il-miżura, li ilha fis-seħħ mill-2008 u li ġiet aċċettata b’mod wiesa’, għadha għaddejja sal-lum.

Skont il-qafas ta’ azzjoni prijoritizzata tal-Kroazja għall-2021-2027, bejn l-2014 u l-2016, il-Ministeru għall-Agrikoltura pprovda appoġġ mill-Istat lill-farms tal-ħut “għall-manutenzjoni tal-ekosistemi tal-għadajjar tal-karpjuni” li jammonta għal EUR 3,5 miljun. Mill-2018, dan l-appoġġ ġie rivedut biex ikun kumpens “għal ħsara minn diversi speċijiet ta’ għasafar u annimali oħrajn fuq għadajjar tal-karpjuni”, b’allokazzjoni totali ta’ EUR 8,7 miljun mill-2018 sal-2020. Il-kumpensi tħallsu mill-baġit tal-Istat abbażi ta’ ordinanzi annwali tal-Ministeru tal-Agrikoltura u ġew allokati għal kull ettaru ta’ żona produttiva tal-għadajjar tal-ħut. Għal għadajjar tal-ħut protetti b’mod speċjali fejn ma hija permessa l-ebda kaċċa, l-appoġġ żdied bi 30 % fl-2020 u b’50 % mill-2021. L-appoġġ għadu jingħata sal-lum u f’Settembru 2024 il-primjum żdied għal EUR 902,18 għal kull ettaru ta’ żona ta’ produzzjoni.

Fl-2024, ġiet attivata miżura ġdida taħt il-Programm Operazzjonali għas-Sajd u l-Akkwakultura tar-Repubblika tal-Kroazja għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 bit-titolu “Miżura II.10. Akkwakultura li tipprovdi servizzi ta’ ħarsien tal-ambjent”. Din il-miżura tiżgura kumpens għal kostijiet addizzjonali u/jew introjtu mitluf li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ metodi fl-akkwakultura li huma konformi mal-ħtiġijiet speċifiċi tal-ambjent u li huma soġġetti għal rekwiżiti speċjali ta’ ġestjoni li jirriżultaw mid-deżinjazzjoni taż-żoni bħala parti min-network Natura 2000. Kif imsemmi qabel, l-għadajjar estensivi kollha tal-karpjuni huma fi ħdan in-network Natura 2000 u jridu jimplimentaw miżuri ta’ konservazzjoni definiti mill-Ordinanza dwar l-objettivi ta’ konservazzjoni u l-miżuri għaż-ŻPS.

Għalkemm l-għadajjar tal-karpjuni ma ġewx iddeżinjati speċifikament għall-Margun, billi dan ma huwiex elenkat fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar, l-għasafar huma parti integrali mill-ġestjoni tas-sit Natura 2000, minħabba li jinsabu f’kolonji mill-qrib ma’ speċijiet oħrajn ta’ għasafar li jieklu l-ħut li għalihom kien ikklassifikat is-sit. Huma jaqsmu wkoll l-għadajjar tal-ħut bħala ħabitats għall-għalf fix-xitwa. Għalhekk, kwalunkwe kaċċa jew tbeżżigħ tal-marguni jkollu effetti negattivi diretti fuq l-ispeċijiet l-oħrajn ta’ għasafar ukoll.

Il-miżura hija miftuħa għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2029 (11) (bl-aħħar sena ta’ eliġibbiltà tkun l-2028). Il-kriterji għall-Miżura II.10 jinkludu punteġġ ibbażat fuq l-istatus ta’ protezzjoni tal-għadira tal-ħut (riżerva speċjali, park naturali), żona tal-għadira tal-ħut (>1 000 ettaru; 400-1 000 ettaru; < 400 ettaru) u t-tip ta’ farm tal-ħut (mikro u żgħir; medju; intrapriża kbira) (12). Il-primjum huwa stabbilit għal EUR 356/ettaru (13) taż-żona ta’ produzzjoni rreġistrata ta’ għadira tal-ħut, iżda “ma jistax jaqbeż il-35 % tal-introjtu annwali mill-bejgħ ta’ prodotti tal-akkwakultura tal-utent miksub fis-sena kalendarja ta’ referenza”. Dan il-primjum kien ibbażat fuq kalkoli mill-“Proġett ta’ Integrazzjoni ta’ Natura 2000 tal-UE tal-Kroazja — NIP”, li uża l-kunċett tal-kost tal-opportunità, billi qabbel l-introjtu u l-kostijiet tal-għadajjar tal-ħut konvenzjonali ma’ dawk estensivi. Il-kumpens jitħallas 70 % mill-baġit tal-UE u 30 % mill-baġit tal-Istat.

Bħala konklużjoni, wara diversi deċennji ta’ tentattiv biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-marguni fil-Kroazja billi jitneħħew jew jiġu mbeżżgħin l-għasafar li jieklu l-ħut, u billi jingħata kumpens għal kwalunkwe dannu kkawżat, is-sitwazzjoni tjiebet billi l-isforzi ġew diretti mill-ġdid lejn l-għoti ta’ inċentivi għaż-żamma tal-valur tal-bijodiversità tal-għadajjar estensivi tal-karpjuni, u għall-aċċettazzjoni tal-preżenza ta’ speċijiet ta’ għasafar li jieklu l-ħut b’mod partikolari, inkluż il-margun. L-isfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-futur huma relatati mal-iżgurar tal-vijabbiltà ekonomika ta’ għadajjar estensivi tal-karpjuni u mal-iżvilupp ta’ servizzi diversifikati oħrajn ibbażati fuq valuri naturali.

5.2.   Ġestjoni tal-margun fid-Danimarka

Il-pjan ta’ ġestjoni kurrenti tad-Danimarka għall-kunflitt bejn il-Margun u s-sajd ġie ppubblikat f’Marzu 2022 u jibni fuq il-prinċipju tal-ġestjoni tal-kunflitti lokali stabbilit fil-pjan preċedenti, li kien validu mill-2016 sal-2020. L-għan tal-pjan huwa li jinstab bilanċ bejn iż-żamma ta’ popolazzjonijiet vijabbli tal-ispeċijiet u l-indirizzar tat-tħassib tal-industrija tas-sajd.

Il-popolazzjoni tal-margun tad-Danimarka bdiet tikber fis-snin 80 minħabba protezzjoni mtejba fid-Danimarka u fil-bqija tal-Ewropa. Il-popolazzjoni baqgħet relattivament stabbli għal madwar 39 000 par mill-1993 sal-2006. In-numri mbagħad naqsu għal madwar 25 000 fl-2013, iżda żdiedu u mbagħad stabbilizzaw ruħhom wara. Fl-2020, il-popolazzjoni Daniża ġiet stmata għal kważi 32 000 par.

Il-prinċipju li fuqu huwa bbażat il-pjan għall-ġestjoni tal-kunflitti huwa li l-isfidi maħluqa mill-margun iridu jiġu indirizzati lokalment. It-tiftix għall-ikel mill-margun għandu jitnaqqas f’żoni li huma importanti għall-istokkijiet tal-ħut u fejn ikun hemm speċijiet ta’ ħut vulnerabbli. Id-Danimarka ddeżinjat għadd ta’ żoni prijoritarji fejn huma kkonċentrati l-biċċa l-kbira tal-isforzi relatati mal-ġestjoni tal-kolonji tat-tnissil.

Qabel ma jiġi applikat kontroll letali, l-ewwel iridu jiġu pprovati soluzzjonijiet oħrajn, bħat-tbeżżigħ tal-għasafar jew l-użu ta’ deterrenti tekniċi, u jintużaw sal-punt li jkun prattikament u ekonomikament possibbli sabiex tiġi evitata l-ħsara. Jekk dawn il-miżuri ma jkunux sodisfaċenti, jistgħu jittieħdu miżuri regolatorji, li jinkludu l-isparar, il-prattika tat-tidlik tal-bajd biż-żejt jew il-qerda tal-bejtiet u tal-bajd. Dawn il-miżuri jistgħu jitwettqu biss wara awtorizzazzjoni minn qabel. Huwa pprovat mill-prattika li, fil-każ tal-Margun, l-użu ta’ tekniki ta’ tbeżżigħ ikkomplementati b’kontroll letali limitat jagħmel it-tbeżżigħ aktar effettiv.

Minbarra permess regolatorju mill-Aġenzija Daniża għan-Natura, l-isparar jeħtieġ ukoll liċenzja valida tal-kaċċa u permess mis-sid tal-art. Il-kontroll letali jista’ jsir bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Marzu (u mill-1 ta’ April sal-1 ta’ Mejju, sabiex jiġu protetti l-barbun tat-tbajja’, is-salamun u t-trota li jemigraw lejn il-baħar).

Il-prattika tat-tidlik tal-bajd biż-żejt u/jew il-qerda tal-bejtiet u tal-bajd jistgħu jiġu awtorizzati biex jitnaqqas id-daqs tal-kolonji eżistenti jew biex jiġi evitat l-istabbiliment ta’ kolonji ġodda. Dawn jistgħu jitwettqu fil-kolonji tal-margun elenkati fil-pjan ta’ ġestjoni, f’kolonji li jinsabu f’raġġ ta’ 30 kilometru ta’ żoni kostali ddeżinjati bħala importanti għas-sajd u għall-istokkijiet tal-ħut jew nixxigħat u lagi bil-preżenza ta’ koregun abjad, grayling, salamun, trota jew sallura jew f’kolonji li jinsabu aktar minn 30 kilometru minn tali żoni deżinjati, jekk ikun jista’ jiġi pprovat li l-kolonja hija l-kawża ta’ ħsara estensiva lill-ħut, lis-sajd u lill-interessi tas-sajd. Huma meħtieġa permess regolatorju mill-Aġenzija għan-Natura u l-permess mis-sid tal-art kemm għall-prattika tat-tidlik tal-bajd biż-żejt kif ukoll għall-qerda tal-bejtiet u tal-bajd.

Il-pjan tfassal fi djalogu mal-grupp ta’ ħidma stabbilit dwar il-margun u ġie ffinalizzat mill-Ministeru tal-Ambjent. Dan ma għandu l-ebda perjodu ta’ tmiem, iżda se jiġi evalwat u l-għodod tiegħu jiġu aġġornati biex jirriflettu għarfien u esperjenza ġodda mill-qasam.

Kaxxa 4: Huwa validu li l-Margun jitqies bħala theddida serja għal diversi popolazzjonijiet ta’ ħut fin-Netherlands?

Mennobart van Eerden u Stef van Rijn irrieżaminaw ir-riżultati tal-monitoraġġ fit-tul tagħhom fin-Netherlands u ppubblikaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rivista Ravon 87, Diċembru 2022, Volum 24 | Numru 4. pp. 78-81

https://natuurtijdschriften.nl/pub/1019938/RAVON2022024004004.pdf

Sommarju

In-Netherlands “qatt ma intervjeniet billi ħadet miżuri ta’ kontroll tal-popolazzjoni”. Madankollu, il-popolazzjoni tal-pari tat-tnissil għandha t-tendenza li tonqos, b’mod partikolari fiż-żona tal-lagi kbar taż-żona IJsselmeer (tnaqqis ta’ >80 %) b’mod parallel ma’ tnaqqis notevoli fid-disponibbiltà tan-nutrijenti. Wara li kienu l-fortizza tal-ispeċijiet fis-snin 70 u 80, il-kolonji tat-tnissil saru ferm iżgħar u mxew lejn il-korpi tal-ilma iżgħar interni. Dawn il-korpi tal-ilma iżgħar għandhom kwalità tal-ilma u stokkijiet ta’ ħut ferm aħjar. Mid-data fit-tul dwar il-konsum tal-ħut, jidher ċar li l-marguni jieklu l-aktar ħut żgħir u abbundanti (7-25 ċentimetru). Billi d-dieta tagħhom (kif studjata bid-determinazzjoni tal-otoliti) tirrifletti fil-biċċa l-kbira l-kompożizzjoni tal-ħut, il-Marguni jitqiesu li jirreaġixxu fuq id-disponibbiltà tal-ħut b’mod minn isfel għal fuq. Flimkien ma’ ħsad naturali ta’ 20 % jew inqas tal-istokk tal-ħut, fil-livell tas-sistema tal-ilma ftit li xejn hemm biża’ mill-predazzjoni mill-Margun. Dan jista’ jkun il-każ lokalment biss f’korpi tal-ilma żgħar jew b’ħafna ħut, speċjalment meta ma jkunx hemm kenn għall-ħut (injam mejjet, makrofiti a.o.). Il-ġestjoni tal-ħabitats tal-ħut jidher li hija miżura utli biex jitnaqqas ir-riskju ta’ predazzjoni mill-Marguni, speċjalment ħdejn digi ta’ lqugħ, xtiebi jew passaġġi għall-ħut.

6.   Rapportar dwar id-derogi

Ir-rapportar trasparenti dwar id-derogi u l-offtake kkoordinat huwa vitali biex tinbena l-fiduċja fost il-partijiet ikkonċernati u tiġi żgurata l-konformità mal-ftehimiet internazzjonali. B’hekk, il-Kummissjoni żviluppat viewers tad-data tad-derogi online (10). Huma jippreżentaw informazzjoni dettaljata dwar id-derogi annwali sottomessi mill-Istati Membri, kif ukoll statistika dwar il-kompletezza ta’ dawn ir-rapporti:

—

Overview of derogations and exceptions to species protection across the EU;

—

Individual derogations and detailed information about them; u

—

Data completeness of national reports on derogations and exceptions.

7.   Aktar informazzjoni

Id-dokumenti mill-proġett INTERCAFE ffinanzjat mill-UE, li ħadem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin biex jistudja fid-dettall il-kunflitti differenti bejn il-margun u s-sajd, huma disponibbli minn: https://www.ceh.ac.uk/our-science/projects/intercafe.

Dokumenti sommarji dwar id-distribuzzjoni, il-firxa, l-ekoloġija, l-istatus u x-xejriet tal-popolazzjoni tal-Margun, l-interazzjonijiet tiegħu mal-ħut, is-sajd u l-akkwakultura u l-ġestjoni tal-kunflitti bejn il-margun u s-sajd huma disponibbli fuq il-paġna web tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar l-Għasafar:

—

Mistoqsijiet frekwenti dwar l-ekoloġija tal-margun biex jinftiehmu aħjar il-bijoloġija, l-ekoloġija u l-imġiba tiegħu;

—

In-numri u d-distribuzzjoni tal-margun fl-Ewropa li jispjegaw il-monitoraġġ u l-għadd tan-numri ta’ margun fl-UE;

—

Interazzjonijiet bejn il-margun, il-ħut u s-sajd li huma l-aktar sorsi komuni ta’ kunflitt;

—

Il-ġestjoni tal-kunflitti bejn il-margun u s-sajd hija sinteżi ta’ informazzjoni dwar il-miżuri u l-għodod ta’ ġestjoni użati biex jitnaqqsu l-problemi tal-margun għas-sajd;

—

Aspetti soċjali, kulturali u legali ta’ kwistjonijiet bejn il-margun u s-sajd kif ukoll l-ekoloġija tal-għasafar u tal-ħut;

—

Bibljografija estensiva dwar l-aktar pubblikazzjonijiet importanti dwar il-kwistjoni (aktar minn 5 000 pubblikazzjoni akkumpanjati minn tfittxija ta’ kliem ewlieni).


(1)   Id-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE tad-29 ta’ Lulju 1997 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar (ĠU L 223, 13.8.1997, p 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1997/49/oj).

(2)   https://circabc.europa.eu/ui/group/e21159fc-a026-4045-a47f-9ff1a319e1c5/library/b32b1896-aa4b-492b-af20-28f43cfe5bd4/details.

(3)   https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/birds-directive_en.

(4)  Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent u N2K Group EEIG, Great cormorant – Applying derogations under article 9 of the birds directive 2009/147/EC, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2013, https://data.europa.eu/doi/10.2779/56719.

(5)   http://cormorants.freehostia.com.

(6)  Qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

(7)  Il-Kummissjoni Ewropea (2020) Article 12 Web Tool (2013-2018): Population status and trends at the EU and Member State levels [online]. https://nature-art12.eionet.europa.eu/article12/.

(8)   Christof Herrmann, Thomas Bregnballe, Kjell Larsson, Meelis Leivits, Pekka Rusanen, “Population development of Baltic Bird Species: Great Cormorant (Phalacrocorax carbo sinensis)” (2018).

(9)   https://www.eea.europa.eu/mt/analysis/maps-and-charts/overview-of-derogations-and-exceptions-dashboards.

(10)   Overview of derogations and exceptions to species protection across the EU | L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4094/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)