European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3144

19.12.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3144

tat-18 ta’ Diċembru 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 fir-rigward tal-istandards internazzjonali applikabbli u li jikkoreġi dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 49(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/482 (2) jispeċifika r-rwoli, ir-regoli u l-obbligi, kif ukoll l-istruttura tal-iskema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà bbażata fuq kriterji komuni (EUCC, European Common Criteria-based cybersecurity certification scheme) f’konformità mal-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/881.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 huwa bbażat fuq standards internazzjonali stabbiliti li huma l-Kriterji Komuni u l-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni miżmuma mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO, International Organization for Standardization) u mill-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC, International Electrotechnical Commission). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jagħmel referenza għall-istandards ISO/IEC, iżda ma jispeċifikax il-verżjoni applikabbli ta’ dawk l-istandards. Għalhekk jenħtieġ li jiġi speċifikat liema verżjoni tal-istandards tapplika għaċ-ċertifikati maħruġa taħt l-EUCC.

(3)

L-organizzazzjonijiet governattivi li kkontribwew għall-iżvilupp tal-Kriterji Komuni u tal-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni permezz tal-Arranġament dwar ir-Rikonoxximent taċ-Ċertifikati tal-Kriterji Komuni fil-qasam tas-Sigurtà tal-IT (CCRA, Common Criteria Recognition Arrangement) huma d-detenturi konġunti, flimkien mal-ISO/IEC, tad-drittijiet tal-awtur fuqhom. Dawk l-organizzazzjonijiet governattivi jżommu d-dritt li jużawhom. Fid-dawl tal-importanza ta’ dawk id-dokumenti li joriġinaw mis-CCRA, jenħtieġ li dawn ikunu wkoll bażi għaċ-ċertifikazzjoni taħt l-EUCC.

(4)

L-istandards tal-Kriterji Komuni u tal-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni huma soġġetti għal interpretazzjonijiet magħmula mis-CCRA li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħhom u li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Faċilitajiet tal-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITSEFs, Information Technology Security Evaluation Facilities) u mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni.

(5)

L-istandards internazzjonali relatati mal-Kriterji Komuni jistgħu jkunu soġġetti għal aġġornamenti. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ordnata u f’waqtha, huwa xieraq li jiġu ddefiniti regoli ta’ tranżizzjoni biex il-bejjiegħa, l-ITSEFs u l-korpi ta’ ċertifikazzjoni, u atturi rilevanti oħrajn jingħataw biżżejjed żmien għall-aġġustamenti meħtieġa. Regoli ta’ tranżizzjoni bħal dawn jenħtieġ li jallinjaw sal-punt xieraq mal-prattiki globali, bħal dawk stabbiliti mis-CCRA.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 ma jispeċifikax sa meta ċertifikazzjoni ta’ prodotti tal-ICT (Information and Communication Technologies) tista’ tkun ibbażata fuq il-verżjonijiet preċedenti tal-istandards tal-Kriterji Komuni u l-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni. Id-dominji tekniċi u l-profili tal-protezzjoni elenkati fl-Annessi I, II u III ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni huma bbażati fuq verżjonijiet preċedenti tal-istandards ISO/IEC 15408 u 18045. Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jenħtieġ li jispeċifika f’liema ċirkostanzi l-verżjoni preċedenti tal-Kriterji Komuni u l-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni għadha tapplika u kif se topera t-tranżizzjoni lejn l-aħħar verżjoni tal-istandards internazzjonali.

(7)

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jenħtieġ li jkun prijorità għall-partijiet ikkonċernati rilevanti li jaġġornaw id-dominji tekniċi rilevanti u l-profili tal-protezzjoni. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jenħtieġ li jipprevedi li l-miri tas-sigurtà bbażati fuq verżjoni preċedenti tal-istandards jiġu aċċettati sal-31 ta’ Diċembru 2027 fi qbil mal-politika ta’ tranżizzjoni adottata mis-CCRA. Madankollu, ta’ min jinnota li l-politika ta’ tranżizzjoni tas-CCRA tkopri l-evalwazzjonijiet inizjali tal-prodotti u l-profili tal-protezzjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024, id-data li fiha l-EUCC kienet għadha mhux applikabbli. Barra minn hekk, f’konformità mal-politika ta’ tranżizzjoni tas-CCRA, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jenħtieġ li jipprevedi li l-miri ta’ sigurtà konformi ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li jiddikjara l-konformità mal-profili tal-protezzjoni bbażati fuq verżjoni preċedenti tal-istandards jiġu aċċettati sal-31 ta’ Diċembru 2027. Barra minn hekk, meta jinħareġ ċertifikat ġdid skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 fil-kuntest ta’ proċess ta’ rieżami ta’ ċertifikat nazzjonali li jibda fi żmien sentejn mill-ħruġ taċ-ċertifikat inizjali, jenħtieġ li jkun possibbli li tintuża verżjoni preċedenti tal-istandards. Dan ma jkunx rilevanti għal proċess ta’ rieżami li ma jirrikjedix il-ħruġ ta’ ċertifikat ġdid skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 u fejn iċ-ċertifikat jibqa’ validu.

(8)

Bil-għan li tiġi żgurata tranżizzjoni ordnata għall-aħħar verżjoni tal-istandards, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jenħtieġ li jipprevedi regoli ta’ tranżizzjoni speċifiċi u jkompli jippermetti l-ħruġ ta’ ċertifikati skont dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li jiddikjaraw konformità mal-profili tal-protezzjoni li huma bbażati fuq verżjonijiet preċedenti tal-istandards ippubblikati mis-CCRA fejn l-użu ta’ profili tal-protezzjoni bħal dawn huwa meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan huwa l-każ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (3) kif ukoll tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/650 (5).

(9)

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jelenka d-dokumenti tal-aqwa żvilupp tekniku applikabbli għall-evalwazzjoni tal-prodotti tal-ICT u tal-profili tal-protezzjoni. Madankollu, ma jispeċifikax il-verżjoni tad-dokumenti. Għalhekk jenħtieġ li jiġi speċifikat liema verżjoni tad-dokumenti tapplika għaċ-ċertifikati maħruġa skont l-EUCC. Dawk il-verżjonijiet jibnu fuq id-dokumenti approvati mill-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà (ECCG, European Cybersecurity Certification Group), filwaqt li għaddew minn rieżami ulterjuri għall-inklużjoni tagħhom fl-EUCC. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Anness I jiġi emendat biex jinkludi dokumenti aġġornati u ġodda tal-aqwa żvilupp tekniku wara l-approvazzjoni tagħhom mill-ECCG, u b’hekk tiġi żgurata akkreditazzjoni uniformi tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità skont l-EUCC. Ir-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni relatati mal-akkreditazzjoni tal-ITSEFs jenħtieġ li jiġu aġġornati biex tiġi ċċarata l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ indipendenza u imparzjalità, u jenħtieġ li jiġi stabbilit dokument tal-aqwa żvilupp tekniku ġdid għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni.

(10)

Id-dokumenti tal-aqwa żvilupp tekniku jistgħu jiżdiedu mal-EUCC jew jistgħu jkunu soġġetti għal aġġornamenti fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ manutenzjoni tagħha. Għal dokumenti ġodda jew aġġornati tal-aqwa żvilupp tekniku, jista’ jkun hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli ta’ tranżizzjoni xierqa biex il-bejjiegħa, l-ITSEFs, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni u partijiet ikkonċernati oħrajn ikunu jistgħu jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa. Għall-aġġornament tad-dokument tal-aqwa żvilupp tekniku relatat mal-akkreditazzjoni tal-ITSEFs, id-dokument aġġornat jenħtieġ li japplika għall-akkreditazzjonijiet maħruġa qabel it-8 ta’ Lulju 2025 biss meta jiġu rieżaminati, bħal fil-kuntest ta’ proċedura ta’ valutazzjoni jew ta’ rivalutazzjoni. Barra minn hekk, id-dokument aġġornat jenħtieġ li japplika għall-akkreditazzjonijiet kollha għall-ITSEFs maħruġa wara t-8 ta’ Lulju 2025.

(11)

Korrezzjonijiet ulterjuri tal-Artikoli 5, 8, 16, 29 u 44 u tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jikkontribwixxu biex jiġi żgurat test uniformi u interpretazzjoni legali ċara.

(12)

Ir-regoli għan-notifiki tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li jiġu stabbiliti orizzontalment għall-iskemi kollha fl-ambitu tal-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3143 (6) ikopri regoli ta’ notifika bħal dawn. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jitħassru mid-data li jsir applikabbli r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3143.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jiġi emendat u kkoreġut kif xieraq.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2019/881,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punti (1) u (2) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(1)

“Kriterji Komuni” tfisser il-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, kif stabbiliti fl-istandards ISO/IEC 15408-1:2022, ISO/IEC 15408-2:2022, ISO/IEC 15408-3:2022, ISO/IEC 15408-4:2022 jew ISO/IEC 15408-5:2022, jew stabbiliti fil-Kriterji Komuni tal-Evalwazzjoni tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-verżjoni CC:2022, il-Partijiet 1 sa 5, ippubblikati mill-parteċipanti tal-Arranġament dwar ir-Rikonoxximent taċ-Ċertifikati tal-Kriterji Komuni fil-qasam tas-Sigurtà tal-IT;

(2)

“Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni” tfisser il-Metodoloġija Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, kif stabbilita fl-istandard ISO/IEC 18045:2022, jew il-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-verżjoni CEM:2022, ippubblikata mill-parteċipanti tal-Arranġament dwar ir-Rikonoxximent taċ-Ċertifikati tal-Kriterji Komuni fil-qasam tas-Sigurtà tal-IT;”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Standards tal-evalwazzjoni

1.   L-istandards li ġejjin għandhom japplikaw għall-evalwazzjonijiet imwettqa bl-iskema tal-EUCC:

(a)

il-Kriterji Komuni;

(b)

il-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2027, jista’ jinħareġ ċertifikat bl-iskema tal-EUCC billi jiġu applikati wieħed mill-istandards li ġejjin:

(a)

ISO/IEC 15408-1:2009, ISO/IEC 15408-2:2008 jew ISO/IEC 15408-3:2008;

(b)

il-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-verżjoni 3.1, ir-reviżjoni 5, ippubblikat mill-parteċipanti tal-Arranġament dwar ir-Rikonoxximent taċ-Ċertifikati tal-Kriterji Komuni fil-qasam tas-Sigurtà tal-IT;

(c)

ISO/IEC 18045:2008;

(d)

il-Metodoloġija Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, ir-reviżjoni 5, il-verżjoni 3.1, ippubblikat mill-parteċipanti tal-Arranġament dwar ir-Rikonoxximent taċ-Ċertifikati tal-Kriterji Komuni fil-qasam tas-Sigurtà tal-IT.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2027, jista’ jinħareġ ċertifikat li japplika l-istandards imsemmija fil-paragrafu 1 bl-iskema tal-EUCC li jiddikjara l-konformità ma’ profil tal-protezzjoni li jkun applika l-istandards elenkati fil-paragrafu 2.

4.   Ċertifikat li japplika l-istandards imsemmija fil-paragrafu 1 jista’ jinħareġ ukoll bl-iskema tal-EUCC li jiddikjara konformità ma’ profil tal-protezzjoni li jkun applika wieħed mill-istandards li ġejjin, dment li l-użu ta’ dan il-profil tal-protezzjoni jkun meħtieġ skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (*1), ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) jew id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/650 (*3):

(a)

il-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-verżjoni 3.1, ir-reviżjoni 1 sa 4, ippubblikat mill-parteċipanti tal-Arranġament dwar ir-Rikonoxximent taċ-Ċertifikati tal-Kriterji Komuni fil-qasam tas-Sigurtà tal-IT;

(b)

il-Metodoloġija Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-verżjoni 3.1., ir-reviżjoni 1 sa 4, ippubblikat mill-parteċipanti tal-Arranġament dwar ir-Rikonoxximent taċ-Ċertifikati tal-Kriterji Komuni fil-qasam tas-Sigurtà tal-IT.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tat-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-installazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139, 26.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/799/oj)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj)."

(*3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/650 tal-25 ta’ April 2016 li tistabbilixxi l-istandards għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem u siġilli skont l-Artikoli 30(3) u 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 109, 26.4.2016, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/650/oj).”;"

(3)

fil-Kapitolu IV, jiddaħħal l-Artikolu 20a li ġej:

“Artikolu 20a

Speċifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità

L-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandha tqis l-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni u tal-ITSEFs kif stabbilit fid-dokumenti tal-aqwa żvilupp tekniku applikabbli elenkati fl-Anness I, il-punt 2.”

(4)

l-Artikoli 23 u 24 jitħassru;

(5)

fl-Artikolu 48 jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Anness I jew II, id-dokumenti tal-aqwa żvilupp tekniku għandhom japplikaw mid-data tal-applikazzjoni tal-att emendatorju li permezz tiegħu jkunu ġew inkorporati fl-Anness I jew II.”

;

(6)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej fl-Artikolu 49:

“4.   Meta jitwettaq ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 fi żmien sentejn mill-ħruġ taċ-ċertifikat inizjali u fejn dan ir-rieżami jwassal għall-ħruġ ta’ ċertifikat ġdid f’konformità ma’ dan ir-Regolament, jistgħu jiġu applikati l-istandards elenkati fl-Artikolu 3(2). Id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat inizjali għandha tinftiehem bħala d-data tal-ħruġ tal-aħħar ċertifikat għal prodott tal-ICT jew profil tal-protezzjoni li fuqu hija bbażata ċ-ċertifikazzjoni kurrenti.”

;

(7)

l-Anness I huwa sostitwit bit-test tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(8)

l-Anness IV huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

b’asserzjoni tal-konformità ma’ profil tal-protezzjoni ċċertifikat bħala parti mill-proċess tal-ICT, meta l-prodott tal-ICT jagħmlu parti mill-kategorija tal-prodotti tal-ICT koperta b’dak il-profil tal-protezzjoni.”;

(2)

l-Artikolu 8 huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Informazzjoni meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni u għall-evalwazzjoni”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Applikant għaċ-ċertifikazzjoni bl-EUCC għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-attivitajiet taċ-ċertifikazzjoni u tal-evalwazzjoni lill-korp taċ-ċertifikazzjoni u lill-ITSEF, jew iqiegħdha għad-dispożizzjoni b’xi mod ieħor.”

;

(3)

l-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Informazzjoni meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-profili tal-protezzjoni

Applikant għaċ-ċertifikazzjoni ta’ profil tal-protezzjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-attivitajiet taċ-ċertifikazzjoni u tal-evalwazzjoni f’forma kompluta u korretta lill-korp taċ-ċertifikazzjoni u lill-ITSEF jew jagħmilha disponibbli mod ieħor. l-Artikolu 8(2), (3), (4) u (7) għandu japplika mutatis mutandis.”;

(4)

fl-Artikolu 17, jitħassar il-paragrafu 1;

(5)

fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta d-detentur taċ-ċertifikat tal-EUCC ma jipproponix azzjoni ta’ rimedju xierqa tul il-perjodu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1, iċ-ċertifikat għandu jiġi sospiż f’konformità mal-Artikolu 30 jew jiġi rtirat f’konformità mal-Artikolu 14 jew mal-Artikolu 20.”

.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(4) għandu japplika mit-8 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/881/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/482 tal-31 ta’ Jannar 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tal-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà bbażata fuq il-Kriterji Komuni (EUCC) (ĠU L, 2024/482, 7.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/482/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tat-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-installazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139, 26.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/799/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/650 tal-25 ta’ April 2016 li tistabbilixxi l-istandards għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem u siġilli skont l-Artikoli 30(3) u 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 109, 26.4.2016, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/650/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3143 tat-18 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi, il-formati u l-proċeduri għan-notifiki skont l-Artikolu 61(5) tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ĠU L, 2024/3143, 19.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3143/oj).


ANNESS I

“ANNESS I

Dokumenti tal-aqwa żvilupp tekniku li jappoġġaw id-dominji tekniċi u dokumenti tal-aqwa żvilupp tekniku oħrajn

1.   

Dokumenti tal-aqwa żvilupp tekniku li jappoġġaw id-dominji tekniċi fil-livell AVA_VAN.4 jew.5:

(a)

id-dokumenti li ġejjin relatati mal-evalwazzjoni armonizzata tad-dominju tekniku “kards intelliġenti u apparati simili”:

(1)

“Rekwiżiti minimi tal-ITSEF għall-evalwazzjonijiet tas-sigurtà tal-kards intelliġenti u apparati simili”, il-verżjoni 1.1;

(2)

“Rekwiżiti Minimi tas-Sigurtà tas-Sit”, il-verżjoni 1.1;

(3)

“Applikazzjoni tal-Kriterji Komuni għaċ-ċirkwiti integrati”, il-verżjoni 1.1;

(4)

“Rekwiżiti tal-Arkitettura tas-Sigurtà (ADV_ARC) għall-kards intelliġenti u apparati simili”, il-verżjoni 1.1;

(5)

“Ċertifikazzjoni ta’ prodotti tal-kards intelliġenti ‘miftuħa’”, il-verżjoni 1.1;

(6)

“Evalwazzjoni tal-prodott kompost għall-kards intelliġenti u apparat simili”, il-verżjoni 1.1;

(7)

“Applikazzjoni tal-Potenzjal ta’ Attakki fuq Kards Intelliġenti u Apparati Simili”, il-verżjoni 1.2.

(b)

id-dokumenti li ġejjin relatati mal-evalwazzjoni armonizzata tad-dominju tekniku “Apparati tal-hardware b’kaxxi tas-sigurtà”:

(1)

“Rekwiżiti minimi tal-ITSEF għall-evalwazzjonijiet tas-sigurtà tal-apparati tal-hardware bil-kaxxi tas-sigurtà”, il-verżjoni 1.1;

(2)

“Rekwiżiti Minimi tas-Sigurtà tas-Sit”, il-verżjoni 1.1;

(3)

“Applikazzjoni tal-Potenzjal ta’ Attakki fuq apparati tal-hardware bil-kaxxi tas-sigurtà”, il-verżjoni 1.2.

2.   

Dokumenti tal-aqwa żvilupp tekniku relatati mal-akkreditazzjoni armonizzata tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità:

(a)

“Akkreditazzjoni tal-ITSEFs għall-EUCC”, il-verżjoni 1.1 għall-akkreditazzjonijiet maħruġa qabel it-8 ta’ Lulju 2025.

(b)

“Akkreditazzjoni tal-ITSEFs għall-EUCC”, il-verżjoni 1.6c, għall-akkreditazzjonijiet li jkunu għadhom kif inħarġu jew ġew rieżaminati wara t-8 ta’ Lulju 2025.

(c)

“Akkreditazzjoni tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni (CBs, Certification Bodies) għall-EUCC”, il-verżjoni 1.6b.

”

ANNESS II

Fl-Anness IV għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482, it-Taqsima IV.3, il-punti 5 u 6 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“5.

Meta l-bidliet ikunu ġew ikkonfermati bħala minuri mill-korp taċ-ċertifikazzjoni, ma għandux jinħareġ ċertifikat ġdid għall-prodott tal-ICT immodifikat u għandu jiġi stabbilit rapport tal-manutenzjoni għar-rapport taċ-ċertifikazzjoni inizjali.

Ir-rapport tal-manutenzjoni għandu jiġi inkluż bħala subsett tar-rapport tal-analiżi tal-impatt, li jkun fih it-taqsimiet li ġejjin:

(a)

introduzzjoni;

(b)

deskrizzjoni tal-bidliet;

(c)

evidenza tal-iżviluppatur affettwat.

6.

Ir-rapport tal-manutenzjoni msemmi fil-punt 5 għandu jiġi pprovdut lill-ENISA għall-pubblikazzjoni fuq is-sit web taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tagħha.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3144/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)