14.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 494/2014

tat-13 ta' Mejju 2014

li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni u l-lista tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 9 tiegħu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 97/78/KE tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

(2)

L-Artikolu 19(1) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tfassal lista tal-prodotti tal-pjanti li għandhom ikunu soġġetti għal verifiki veterinarji fuq il-fruntiera u lista tal-pajjiżi terzi li jistgħu jiġu awtorizzati jesportaw dawk il-prodotti tal-pjanti lejn l-Unjoni.

(3)

Għaldaqstant, l-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 (2) jelenka l-ħuxlief u t-tiben bħala prodotti tal-pjanti soġġetti għal kontrolli veterinarji fuq il-fruntieri, filwaqt li l-Parti I tal-Anness V ta' dak ir-Regolament telenka l-pajjiżi li minnhom l-Istati Membri huma awtorizzati jimportaw il-ħuxlief u t-tiben.

(4)

L-Ukraina dan l-aħħar talbet l-awtorizzazzjoni biex tesporta t-tiben f'forma ta' gerbuba lejn l-Unjoni u talbet li tiġi inkluża fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004.

(5)

Il-Bjelorussja diġà tinsab elenkata fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 u hija awtorizzata li tesporta l-ħuxlief u t-tiben ta' kull tip lejn l-Unjoni. Madankollu, xi Stati Membri esprimew tħassib rigward il-bidla fis-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-Bjelorussja, b'referenza għat-tifqigħat tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. Dawn jibżgħu li l-esportazzjoni ta' ħuxlief u tiben mhux ipproċessat minn dak il-pajjiż terz jista' jkun ta' riskju għoli għas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni. Għaldaqstant, intalab li jiġu adottati miżuri ta' prekawzjoni permezz tal-adozzjoni ta' kundizzjonijiet aktar restrittivi fuq l-importazzjoni tal-ħuxlief u t-tiben mill-Bjelorussja.

(6)

L-analiżi turi li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-Bjelorussja u fl-Ukraina ma tippreżentax riskju ta' tixrid ta' mard tal-annimali infettiv jew kontaġġjuż fl-Unjoni, jekk titħalla biss l-importazzjoni ta' tiben f'forma ta' gerbuba maħsub għall-kombustjoni, b'kundizzjoni li dan jitwassal direttament mill-post ta' spezzjoni fil-fruntiera (BIP) approvat tad-dħul fl-Unjoni għall-impjant tad-destinazzjoni fejn ikun se jinħaraq. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-kunsinni ma jippreżentawx riskju għas-saħħa tal-annimali billi jiġu ddevjati mid-destinazzjoni maħsuba tagħhom, jeħtieġ li jiġu ttrasferiti skont il-proċedura ta' transitu doganali, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (3), u jiġu mmonitorjati fis-sistema veterinarja kompjuterizzata integrata (TRACES) b'mod xieraq mill-BIP tad-dħul fl-impjant tad-destinazzjoni.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 136/2004 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 se jeħodlu postu l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f'postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

“ANNESS V

IL-LISTA TAL-PAJJIŻI LI JIRREFERI GĦALIHOM L-ARTIKOLU 9

Kodiċi ISO

Pajjiż

AU

L-Awstralja

BY

Il-Bjelorussja (1)

CA

Il-Kanada

CH

L-Isvizzera

CL

Iċ-Ċilì

GL

Il-Groenlandja

IS

L-Islanda

NZ

New Zealand

RS

Is-Serbja (2)

UA

L-Ukraina (1)

US

L-Istati Uniti tal-Amerika

ZA

L-Afrika t'Isfel (ħlief dik il-parti taż-żona ta' kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tinsab fir-reġjun veterinarju ta' Transvaal tat-Tramuntana u tal-Lvant, fid-distrett ta' Ingwavuma tar-reġjun veterinarju ta' KwaZulu-Natal u fiż-żona tal-fruntiera mal-Botswana fil-Lvant tal-lonġitudni 28°)


(1)  Tiben f'forma ta' gerbuba maħsub għall-kombustjoni biss, li huwa kkonsenjat direttament skont il-proċedura doganali ta' transitu kif previst fl-Artikolu 4(16)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1) u permezz ta' monitoraġġ fi TRACES mill-post ta' spezzjoni fil-fruntiera (BIP) approvat tad-dħul fl-Unjoni sal-impjant tad-destinazzjoni fl-Unjoni, fejn se jinħaraq.

(2)  Kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16).”