European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3143

19.12.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3143

tat-18 ta’ Diċembru 2024

li jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi, il-formati u l-proċeduri għan-notifiki skont l-Artikolu 61(5) tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 61(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2019/881 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà), l-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà (NCCAs) huma responsabbli biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ġew akkreditati u, fejn applikabbli, awtorizzati biex joħorġu ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà f’livelli ta’ assigurazzjoni speċifiċi, u jenħtieġ li jżommu n-notifika aġġornata. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2019/881, il-Kummissjoni hija meħtieġa tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati skont skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà sena wara li tidħol fis-seħħ l-iskema. Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat għan-notifiki u jiġi ffaċilitat il-proċess tan-notifika għall-NCCAs, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika aktar iċ-ċirkostanzi, il-formati u l-proċeduri għan-notifiki. Huwa importanti li dawk l-aspetti jiġu ċċarati bil-ħsieb tal-applikazzjoni tal-ewwel skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà bbażata fuq kriterji komuni (EUCC) stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/482 (2).

(2)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi s-sinerġiji bejn ir-Regolament (UE) 2019/881 u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, inkluż ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (3). Għalhekk qed jiġi propost li l-NCCAs jinnotifikaw lill-Kummissjoni permezz tal-mezz elettroniku ta’ notifika, żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni, imsemmi fid-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Mingħajr ma jiġi affettwat l-obbligu tal-Kummissjoni li tippubblika l-lista tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-lista tkun disponibbli għall-pubbliku wkoll fuq il-mezz elettroniku ta’ notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni.

(3)

In-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditati u, fejn applikabbli, awtorizzati tfisser li dawn il-korpi jistgħu jiġu fdati fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ evalwazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881, li jikkontribwixxu għar-reputazzjoni ġenerali tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ġew notifikati, jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom u jissodisfaw l-obbligi tagħhom maż-żmien. Il-lista ppubblikata tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati jenħtieġ li tkun akkurata u tinżamm aġġornata, filwaqt li tirrifletti l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/881 u, fejn applikabbli, mar-rekwiżiti speċifiċi jew addizzjonali skont skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li l-NCCAs jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fin-notifika mingħajr dewmien żejjed, f’konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2019/881.

(4)

L-NCCAs huma responsabbli biex jiżguraw li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2019/881 u mal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u f’dan il-kuntest jiżguraw l-akkuratezza tan-notifiki. Dawn l-attivitajiet huma soġġetti għal rieżami bejn il-pari, li l-eżitu tiegħu jenħtieġ li jgħin tiġi ddeterminata kwalunkwe bidla meħtieġa bil-għan li tissaħħaħ l-effettività tagħhom. L-NCCAs jistgħu jivverifikaw li korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma jibqax jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti wara li jkun tqajmilhom tħassib dwar dan f’ċirkostanzi differenti. Fejn applikabbli, is-sejbiet tal-mekkaniżmi ta’ rieżami bejn il-pari jenħtieġ li jappoġġaw lill-NCCAs fil-monitoraġġ tal-kompetenza kontinwa tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati. Barra minn hekk, jista’ jitqajjem tħassib dwar il-kompetenza kontinwa ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati lill-NCCA notifikanti minn NCCAs oħra, mill-Kummissjoni jew minn partijiet ikkonċernati.

(5)

Meta tiddeċiedi li tissospendi, tirrestrinġi jew tirtira n-notifika ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, l-NCCA notifikanti trid tikkoopera mal-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni maħtur skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan huwa f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881 li jipprevedi li l-NCCAs jenħtieġ li jassistu, jappoġġaw u jikkooperaw b’mod attiv mal-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni fl-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ superviżjoni tagħhom. Ir-restrizzjoni tan-notifika jenħtieġ li tirreferi għal każ fejn jitnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni jew, fejn applikabbli, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni, u b’hekk il-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika.

(6)

Skont l-Artikolu 54(1)(n) tar-Regolament (UE) 2019/881, kull skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà trid tinkludi, fejn applikabbli, ir-regoli dwar iż-żamma ta’ rekords minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità. Għalhekk huwa meħtieġ li fil-każ ta’ restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar tan-notifika, jew fejn il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikat jkun temm l-attività tiegħu, l-NCCA notifikanti tiżgura li r-rekords ta’ dak il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jinħażnu b’mod sigur u jinżammu għall-perjodu meħtieġ, kif preskritt skont skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2019/881,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi, il-formati u l-proċeduri għan-notifiki tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità mill-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà (NCCAs) skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2019/881.

Artikolu 2

Proċedura għan-notifika

1.   F’konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2019/881, l-NCCAs għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/881 u, fejn applikabbli, ir-rekwiżiti speċifiċi jew addizzjonali skont skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

2.   L-NCCA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bl-użu tal-mezz elettroniku ta’ notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni, kif imsemmi fid-Deċiżjoni 768/2008/KE.

3.   In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness.

Artikolu 3

Numri ta’ identifikazzjoni u lista tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni lil korp ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikat. Għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni uniku anke meta l-korp ikun notifikat skont diversi skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew atti tal-Unjoni.

2.   Meta tagħmel il-lista tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati disponibbli fuq il-mezz elettroniku ta’ notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tinkludi n-numri ta’ identifikazzjoni li jkunu ġew allokati lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati u l-attivitajiet li għalihom ikunu ġew notifikati.

3.   L-ENISA għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati disponibbli fuq is-sit web iddedikat tagħha dwar l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) 2019/881.

Artikolu 4

Tibdil fin-notifiki

1.   L-NCCAs għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti fin-notifika msemmija fl-Artikolu 2 permezz tal-mezz elettroniku ta’ notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed, f’konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2019/881.

2.   Meta NCCA tkun aċċertat, b’kooperazzjoni mal-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni, kif previst fir-Regolament (UE) 2019/881, li korp ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikat ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti jew l-obbligi li għalihom ikun soġġett, l-NCCA għandha tirrestrinġi, tissospendi jew tirtira n-notifika kif xieraq, skont kemm ikun gravi n-nuqqas li jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti jew li jiġu ssodisfati dawk l-obbligi. Għandha tinforma lill-Kummissjoni kif xieraq permezz tal-mezz elettroniku ta’ notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

3.   Fil-każ ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar tan-notifika, jew meta l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikat ikun temm l-attività tiegħu, l-NCCA notifikanti għandha tieħu passi xierqa biex tiżgura li r-rekords ta’ dak il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jinħażnu b’mod sigur u jinżammu għall-perjodu meħtieġ, kif preskritt skont skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2024

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/881/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/482 tal-31 ta’ Jannar 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tal-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà bbażata fuq il-Kriterji Komuni (EUCC) (ĠU L, 2024/482, 7.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/482/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/768(1)/oj).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/765/oj).


ANNESS

Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fin-notifika ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità fil-qafas ta’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2019/881, kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament

1.   

Informazzjoni ġenerali:

(1)

Titolu tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

(2)

Livell(i) ta’ assigurazzjoni, fejn applikabbli, u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità relatati (eż. bażiċi, sostanzjali, għoljin)

(3)

Kamp ta’ applikazzjoni (eż. kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni, kategoriji jew tipi ta’ prodotti, servizzi, proċessi)

2.   

Informazzjoni dwar l-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà notifikanti:

(1)

Isem

(2)

Pajjiż

(3)

Indirizz postali

(4)

Indirizz(i) elettroniku/elettroniċi

(5)

Numru/i tat-telefon

(6)

Sit web

3.   

Informazzjoni dwar il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikat:

(1)

Isem

(2)

Pajjiż

(3)

Indirizz postali

(4)

Indirizz(i) elettroniku/elettroniċi

(5)

Numru/i tat-telefon

(6)

Sit web

4.   

Informazzjoni dwar l-akkreditazzjoni:

(1)

Akkreditazzjoni:

(a)

Data tal-akkreditazzjoni

(b)

Numru ta’ referenza tal-akkreditazzjoni

(c)

Kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni

(d)

Tul taż-żmien tal-validità tal-akkreditazzjoni

(2)

Korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni:

(a)

Isem

(b)

Pajjiż

(c)

Indirizz postali

(d)

Indirizz(i) elettroniku/elettroniċi

(e)

Numru/i tat-telefon

(f)

Sit web

5.   

Informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni (jekk applikabbli):

(1)

Awtorizzazzjoni:

(a)

Data tal-awtorizzazzjoni

(b)

Numru ta’ referenza tal-awtorizzazzjoni

(c)

Kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni

(d)

Tul taż-żmien tal-validità tal-awtorizzazzjoni

(2)

Awtorizzazzjoni tal-awtorità nazzjonali taċ-ċibersigurtà (jekk differenti mill-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà notifikanti):

(a)

Isem

(b)

Pajjiż

(c)

Indirizz postali

(d)

Indirizz(i) elettroniku/elettroniċi

(e)

Numru/i tat-telefon

(f)

Sit web

6.   

Informazzjoni addizzjonali:

(1)

Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa fi skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà speċifika

(2)

Kwalunkwe dokument ġustifikattiv


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3143/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)