|
17.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 13/242 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/64
tal-14 ta' Diċembru 2016
dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu gliċirriżiku ammonjat bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2). |
|
(2) |
L-aċidu gliċirriżiku ammonjat kien awtorizzat mingħajr limitu ta' żmien f'konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Imbagħad dan il-prodott iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-aċidu gliċirriżiku ammonjat bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. L-applikant talab li dan l-addittiv jitniżżel fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji”. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata bid-dettalji u bid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(4) |
Fl-opinjoni tagħha tal-11 ta' Diċembru 2014 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet proposti għall-użu fl-għalf, l-aċidu gliċirriżiku ammonjat ma għandux effetti negattivi fuq is-saħħa tal-annimali, fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-funzjonament tal-aċidu gliċirriżiku ammonjat fl-għalf huwa simili għal dak fl-ikel. L-Awtorità diġà kkonkludiet li, għall-ikel, l-aċidu gliċirriżiku ammonjat huma effikaċi, hekk kif iżid ir-riħa jew it-togħma tal-ikel. L-Awtorità ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar is-sikurezza tal-aċidu gliċirriżiku ammonjat użat fl-ilma tax-xorb. Madanakollu, dik is-sustanza tista' tintuża f'għalf kompost sussegwentement amministrat permezz tal-ilma. |
|
(5) |
Għandhom jiġu previsti restrizzjonijiet u kundizzjonijiet sabiex ikun hemm kontroll aħjar. Għal raġunijiet prattiċi u b'kunsiderazzjoni tal-valutazzjoni mill-ġdid imwettqa mill-Awtorità, il-kontenut massimu rrakkomandat għandu jiġi stabbilit. Meta jinqabeż il-kontenut irrakkomandat tal-addittiv fl-għalf komplet, in-numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf, ismu u l-ammont miżjud tiegħu għandhom jiġu indikati fuq it-tikketti tat-taħlitiet lesti minn qabel, tal-għalf kompost u tal-materjali tal-għalf. |
|
(6) |
L-Awtorità kkonkludiet li fin-nuqqas ta' dejta dwar is-sikurezza tal-utent l-aċidu gliċirriżiku ammonjat għandu jitqies bħala irritanti għall-ġilda, għall-għajnejn u għas-sistema respiratorja, u bħala sensitizzatur tal-ġilda. Konsegwentement, jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf li ressaq il-Laboratorju ta' Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(7) |
Il-valutazzjoni tal-aċidu gliċirriżiku ammonjat turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta' dik is-sustanza għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
|
(8) |
Peress li r-raġunijiet ta' sikurezza ma jeħtiġux li jkun hemm, minnufih, l-applikazzjoni tat-tibdiliet fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għall-aċidu gliċirriżiku ammonjat, jixraq li jingħata perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Awtorizzazzjoni
Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u mill-grupp funzjonali “komposti li jagħtu t-togħma”, hija awtorizzata bħala addittiv tal-għalf fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.
Artikolu 2
Miżuri tranżizzjonali
1. Is-sustanza speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li jkun fihom din is-sustanza, li huma prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Awwissu 2017 f'konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.
2. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanzi speċifikati fl-Anness u li huma prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Frar 2018 f'konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk dawn ikunu maħsubin għall-annimali li jipproduċu l-ikel.
3. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanzi speċifikati fl-Anness u li huma prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Frar 2019 f'konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk dawn ikunu maħsubin għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda adittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).
(3) EFSA Journal 2015;13(1):3971.
ANNESS
|
Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv |
Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni |
Addittiv |
Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku |
Speċi jew kategorija tal-annimal |
Età massima |
Kontenut minimu |
Kontenut massimu |
Dispożizzjonijiet oħra |
Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni |
||||||||||||||||||
|
mg ta' sustanza attiva/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' umdità ta' 12 % |
|||||||||||||||||||||||||||
|
Kategorija: Addittivi sensorji. Grupp funzjonali: Komposti aromatiċi |
|||||||||||||||||||||||||||
|
2b16060 |
— |
Aċidu gliċirriżiku ammonjat |
Kompożizzjoni tal-addittiv Aċidu gliċirriżiku ammonjat Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva Aċidu gliċirriżiku ammonjat Prodott bl-estrazzjoni ta' speċi tal-ġeneru Glycyrrhiza Purità: min. 98-100 % (abbażi tal-materja niexfa) Formula kimika: C42H65O16 Nru tal-CAS: 53956 -04-0 Nru tal-FLAVIS: 16.060 Metodu tal-analiżi (1) Għall-identifikazzjoni tal-aċidu gliċirriżiku ammonjat fl-addittiv tal-għalf u f'taħlitiet lesti minn qabel ta' aromatizzanti tal-għalf: European Pharmacopeia 6.0, metodu 01/2008:1772. |
L-ispeċijiet kollha tal-annimali |
— |
— |
— |
|
is-6 ta' Frar 2027 |
||||||||||||||||||
(1) Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports