02016R1139 — MT — 15.07.2016 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C1

REGOLAMENT (UE) 2016/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2016

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007

▼B

(ĠU L 191 15.7.2016, p. 1)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 122, 17.5.2018, p.  36 (2016/1139)




▼B

▼C1

REGOLAMENT (UE) 2016/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2016

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007

▼B



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-istokkijiet li ġejjin (“l-istokkijiet ikkonċernati”) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet ikkonċernati:

(a) bakkaljaw (Gadus morhua) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 (bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent);

(b) bakkaljaw(Gadus morhua) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICE 25-32 (bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant);

(c) aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 25, 26, 27, 28.2, 29 u 32 (aringi tal-Baltiku Ċentrali);

(d) aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 28.1 (aringi tal-Golf ta' Riga);

(e) aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 30 (aringi tal-Baħar tal-Botnija);

(f) aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 31 (aringi tal-Bajja tal-Botnija);

(g) aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 (aringi tal-Baltiku tal-Punent);

(h) laċċ ikħal (Sprattus sprattus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-32 (Laċċa kaħla tal-Baltiku).

2.  Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa), il-barbun (Platichthys flesus), il-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) u l-barbun lixx (Scophthalmus rhombus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-32 maqbuda meta jsir sajd għall-istokkijiet ikkonċernati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 japplikaw. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

(1) “stokkijiet pelaġiċi” tfisser l-istokkijiet elenkati fil-punti (c) sa (h) tal-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u kwalunkwe kombinament tagħhom;

(2) “medda tal-FMSY” tfisser medda tal-valuri fejn il-livelli kollha ta' mortalità mis-sajd fil-limiti xjentifikament indikati ta' dik il-medda, f'sitwazzjonijiet ta' sajd imħallat u bi qbil mal-parir xjentifiku, jirriżultaw f'rendimenti massimi sostenibbli (MSY) fuq medda twila ta' żmien bil-kundizzjonijiet ambjentali eżistenti medji mingħajr ma jiġi affettwat b'mod sinifikanti l-proċess ta' riproduzzjoni għall-istokkijiet ikkonċernati;

(3) “MSY Flower” u “MSY Fupper” ifissru l-aktar valur baxx u l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY, rispettivament;

(4) “MSY Btrigger” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li taħtu għandha tittieħed azzjoni speċifika u xierqa ta' ġestjoni sabiex ikun żgurat li r-rati ta' sfruttar flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jerġgħu jibnu l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu MSY fuq medda twila ta' żmien.

(5) “l-Istati Membri kkonċernati” tfisser l-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta, jiġifieri: id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja.



KAPITOLU II

OBJETTIVI U MIRI

Artikolu 3

Objettivi

1.  Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi japplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin iġib lura u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.

2.  Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tar-rimi, billi jiġu evitati u jitnaqqsu, kemm jista' jkun, il-qabdiet mhux mixtieqa, u għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċi li huma soġġetti għal-limiti tal-qabdiet u li għalihom japplika dan ir-Regolament.

3.  Il-pjan jimplimenta l-approċċ abbażi tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar jiġu minimizzati. Dan ikun koerenti mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-objettiv li jinkiseb stat ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

B'mod partikolari, il-pjan għandu l-għan li:

(a) jiżgura li l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE jiġu ssodisfati; u

(b) jikkontribwixxi għat-twettiq ta' deskritturi oħra relevanti inklużi fl-Anness I ta' dik id-Direttiva bi proporzjon mar-rwol tas-sajd fl-issodisfar tagħhom.

4.  Il-miżuri taħt il-pjan jittieħdu bi qbil mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli.

Artikolu 4

Miri

1.  Il-mortalità mis-sajd fil-mira tintlaħaq mill-aktar fis possibbli u, fuq bażi progressiva u inkrementali, sal-2020 għall-istokkijiet ikkonċernati, u għandu tinżamm minn dakinhar 'il quddiem fil-meded imniżżla fl-Anness I u b'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

2.  Bi qbil mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati skont l-objettivi u l-miri tal-pjan u għandhom jikkonformaw mal-meded ta' mortalità mis-sajd fil-mira stipulati fl-Anness I, kolonna A, ta' dan ir-Regolament.

3.  Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiġu ffissati f'livelli li jikkorrispondu għal livelli aktar baxxi ta' mortalità mis-sajd minn dawk stipulati fl-Anness I, kolonna A.

4.  Minkejja l-paragrafi 2 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk jistgħu jiġu ffissati skont il-meded ta' mortalità mis-sajd stipulati fl-Anness I, kolonna B, sakemm l-istokk ikkonċernat ikun ogħla mil-livell minimu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk stabbiliti fl-Anness II, kolonna A:

(a) jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza, ikun meħtieġ għall-ksib tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ ta' sajd imħallat;

(b) jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza, ikun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil stokk ikkawżat minn dinamiċi fl-istokkijiet ta' speċijiet imħalltin bejniethom u ma' speċijiet oħra; jew

(c) sabiex jiġu llimitati l-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn snin konsekuttivi għal mhux aktar minn 20 %.

L-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu jiġi spjegat b'referenza għal waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu.

5.  Meta, skont il-parir xjentifiku, ir-rata tal-MSY tinkiseb għall-istokk ikkonċernat sal-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal dak l-istokk jistgħu jiġu ffissati bi qbil mal-paragrafu 4 minn dakinhar 'il quddiem.

6.  Meta, abbażi tal-parir xjentifiku, il-Kummissjoni tqis li l-meded ta' mortalità mis-sajd stipulati fl-Anness I ma jesprimux iżjed b'mod korrett l-objettivi tal-pjan, il-Kummissjoni tista' bħala kwistjoni urġenti, tissottometti proposta għar-reviżjoni ta' dawk il-meded.

7.  L-opportunitajiet tas-sajd fi kwalunkwe każ jiġu ffissati b'tali mod li jkun żgurat li jkun hemm anqas minn 5 % probabilità li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk taqa' taħt il-limitu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (Blim) stipulat b'mod partikolari fl-Anness II, kolonna B.



KAPITOLU III

PUNT TA' REFERENZA GĦALL-KONSERVAZZJONI

Artikolu 5

Salvagwardji

1.  Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni espressi bħala livelli minimi u limiti ta' bijomassa riproduttiva tal-istokk li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità riproduttiva sħiħa għall-istokkijiet ikkonċernati huma stipulati fl-Anness II.

2.  Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernat tkun taħt il-livell minimu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk kif stabbilit fl-Anness II, kolonna A, ta' dan ir-Regolament, jiġu adottati l-miżuri ta' rimedju xierqa kollha biex ikun żgurat ritorn rapidu tal-istokk ikkonċernat għal-livelli ogħla mil-livell li jista' jipproduċi MSY. B'mod partikolari, b'deroga mill-Artikolu 4(2) u (4) ta' dan ir-Regolament u f'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sabiex jinkisbu tali livelli, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokk ikkonċernat għandhom jiġu ffissati f'livell konsistenti ma' mortalità mis-sajd li jitbaxxa taħt il-medda stipulata fl-Anness I, kolonna B, ta' dan ir-Regolament, b'kunsiderazzjoni tat-tnaqqis fil-bijomassa ta' dak l-istokk.

3.  Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati jkun taħt il-limitu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk kif stipulat fl-Anness II, kolonna B, ta' dan ir-Regolament, jittieħdu aktar miżuri ta' rimedju biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk ikkonċernat għal-livelli ogħla mil-livell li jista' jipproduċi MSY, li jistgħu jinkludu, b'deroga mill-Artikolu 4(2) u (4) ta' dan ir-Regolament u f'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, is-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd.

4.  Il-miżuri ta' rimedju msemmija f'dan l-artikolu jistgħu jinkludu:

(a) miżuri tal-Kummissjoni f'każ ta' theddida serja għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013,

(b) miżuri ta' emerġenza tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013,

(c) miżuri skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament.

5.  L-għażla tal-miżuri msemmija f'dan l-Artikolu ssir bi qbil man-natura, is-serjetà, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tas-sitwazzjoni fejn il-bijomassa riproduttiva tal-istokk tkun taħt il-livelli msemmija fil-paragrafu 1.

6.  Meta, abbażi tal-parir xjentifiku, il-Kummissjoni tqis li l-punti ta' referenza għall-konservazzjoni stipulati fl-Anness II ma jesprimux iżjed b'mod korrett l-objettivi tal-pjan, il-Kummissjoni tista', bħala kwistjoni ta' urġenza, tissottometti proposta għar-reviżjoni ta' dawk il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni.



KAPITOLU IV

MIŻURI SPEĊIFIĊI TA' KONSERVAZZJONI GĦALL-BARBUN TAT-TBAJJA', IL-BARBUN, IL-BARBUN IMPERJALI U L-BARBUN LIXX

Artikolu 6

Miżuri għall-barbun tat-tbajja', barbun, il-barbun imperjali u l-barbun lixx maqbudin b'mod inċidentali

1.  Meta l-parir xjentifiku jindika li jkunu meħtieġa miżuri ta' rimedju biex ikun żgurat li l-istokkijiet tal-Baltiku tal-barbun tat-tbajja', tal-barbun, tal-barbun imperjali jew tal-barbun lixx, li jinqabad b'mod inċidentali waqt is-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati, jiġu ġestiti bi qbil mal-objettivi tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati bi qbil mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar:

(a) il-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari d-daqs tax-xibka, id-daqs tas-sunnara, il-bini tal-irkaptu, il-ħxuna tal-ispag, id-daqs tal-irkaptu jew l-użu ta' tagħmir ta' selettività, sabiex tkun żgurata jew titjieb is-selettività;

(b) l-użu tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari l-ħin ta' immersjoni u l-fond tal-irkaptu użat sabiex tkun żgurata jew titjieb is-selettività;

(c) projbizzjoni jew limitazzjoni fuq is-sajd f'żoni speċifiċi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv jew ħut żgħir jew il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet ta' ħut mhux fil-mira;

(d) projbizzjoni jew limitazzjoni fuq is-sajd jew l-użu ta' ċerti tipi ta' rkaptu tas-sajd matul perjodi ta' żmien speċifiċi, sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv jew ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-ħut jew speċijiet ta' ħut mhux fil-mira;

(e) daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni ta' ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar;

(f) karatteristiċi oħra marbuta mas-selettività.

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.



KAPITOLU V

DIŻPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-OBBLIGU TAL-IŻBARK

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu tal-iżbark

1.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-miżuri li ġejjin:

(a) eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-obbligu tal-iżbark għal speċijiet li l-evidenza xjentifika għalihom turi rati għolja ta' sopravivenza, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-irkaptu, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark;

(b) eżenzjonijiet de minimis imsemmijin sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark; tali eżenzjonijiet de minimis jiġu previsti għall-każijiet imsemmija, u għandhom ikunu f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(c) dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dokumentazzjoni tal-qabdiet, b'mod partikolari għall-fini ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark; u

(d) l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar.

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.



KAPITOLU VI

MIŻURI TEKNIĊI

Artikolu 8

Miżuri tekniċi

1.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-miżuri li ġejjin:

(a) speċifikazzjonijiet ta' karatteristiċi ta' rkapti tas-sajd u r-regoli għall-użu tagħhom biex tiġi żgurata jew titjieb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(b) speċifikazzjonijiet ta' modifiki jew apparat addizzjonali mal-irkapti tas-sajd biex tiġi żgurata jew titjieb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(c) limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti rkapti tas-sajd u dwar l-attivitajiet tas-sajd, f'ċerti żoni jew perjodi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira, jew sabiex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; u

(d) l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kwalunkwe mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar.

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.



KAPITOLU VII

REĠJONALIZZAZZJONI

Artikolu 9

Kooperazzjoni reġjonali

1.  L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 ta' dan ir-Regolament.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-21 ta' Lulju 2017 u mbagħad kull 12-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 15. Huma jistgħu wkoll jissottomettu tali rakkomandazzjonijiet meta jitqies neċessarju mill-Istati Membri kkonċernati, b'mod partikolari fil-każ ta' tibdil f'daqqa fis-sitwazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti fir-rigward tal-miżuri li jikkonċernaw sena kalendarja partikolari jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena preċedenti.

3.  L-għoti ta' setgħat mogħtija taħt l-Artikoli 6, 7 u 8 ta' dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħra tal-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk taħt ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.



KAPITOLU VIII

KONTROLL U INFURZAR

Artikolu 10

Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1224/2009

Il-miżuri ta' kontroll previsti f'dan il-Kapitolu japplikaw flimkien ma' dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, ħlief fejn previst mod ieħor f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 11

Notifiki minn qabel

1.  B'deroga mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-obbligu ta' notifika minn qabel stabbilit f'dak l-Artikolu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta' tul totali ta' tmien metri jew iżjed li jżommu abbord mill-inqas 300 kg bakkaljaw jew żewġ tunnellati stokkijiet pelaġiċi.

2.  B'deroga mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-perjodu ta' notifika minn qabel stabbilit f'dak l-Artikolu jkun ta' mill-inqas siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kostali jistgħu, fuq bażi ta' każ b'każ, jagħtu permess għal dħul aktar bikri fil-port.

Artikolu 12

Il-ġurnali ta' abbord

B'deroga mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b'tul globali ta' tmien metri jew aktar involuti f'sajd fil-mira għall-bakkaljaw iżommu ġurnal ta' abbord tas-sajd dwar l-operazzjonijiet tagħhom bi qbil mal-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 13

Marġni ta' tolleranza fil-ġurnal ta' abbord

B'deroga mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għall-qabdiet li jiġu żbarkati mħallta, il-marġini permess ta' tolleranza fil-kwantitajiet reġistrati fil-ġurnal ta' abbord tas-sajd tal-kwantitajiet f'kilogrammi ta' ħut miżmuma abbord għandu jkun ta' 10 % tal-kwantità totali miżmuma abbord.

Artikolu 14

Portijiet magħżula

Il-limitu massimu applikabbli għall-piż ħaj ta' speċijiet soġġett għall-pjan, li jekk jinqabeż il-bastiment tas-sajd ikollu jiżbarka l-qabdiet tiegħu f'port magħżul jew f'post qrib ix-xatt kif stipulat fl-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 hu:

(a) 750 kilogramma bakkaljaw;

(b) 5 tunnellati stokkijiet pelaġiċi.



KAPITOLU IX

SEGWITU

Artikolu 15

Evalwazzjoni tal-pjan

Sal-21 ta' Lulju 2019, u kull ħames snin minn dakinhar 'il quddiem, il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ksib tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3. Il-Kummissjoni tista' tirrapporta f'data iktar bikrija jekk dan jitqies meħtieġ mill-Istati Membri kollha kkonċernati jew mill-Kummissjoni nnifisha.



KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-20 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm d-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 6, 7 u 8 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu nfurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.



KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati sabiex jinkisbu l-objettivi tal--pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

Artikolu 18

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2187/2005

Ir-Regolament (KE) Nru 2187/2005 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 13(3) jitħassar;

(2) Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Restrizzjoni għas-sajd skont iż-żona

1.  Huwa projbit li titwettaq kwalunkwe attività tas-sajd mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru fiż-żoni magħluqin bit-tgħaqqid f'sekwenza b'linji ta' rombu tal-pożizzjonijiet li ġejjin, li jitkejlu f'konformità mas-sistema tal-koordinati WGS84:

(a) Żona 1:

— 55° 45′ N, 15° 30′ E

— 55° 45′ N, 16° 30′ E

— 55° 00′ N, 16° 30′ E

— 55° 00′ N, 16° 00′ E

— 55° 15′ N, 16° 00′ E

— 55° 15′ N, 15° 30′ E

— 55° 45′ N, 15° 30′ E

(b) Żona 2:

— 55° 00′ N, 19° 14′ E

— 54° 48′ N, 19° 20′ E

— 54° 45′ N, 19° 19′ E

— 54° 45′ N, 18° 55′ E

— 55° 00′ N, 19° 14′ E

(c) Żona 3:

— 56° 13′ N, 18° 27′ E

— 56° 13′ N, 19° 31′ E

— 55° 59′ N, 19° 13′ E

— 56° 03′ N, 19° 06′ E

— 56° 00′ N, 18° 51′ E

— 55° 47′ N, 18° 57′ E

— 55° 30′ N, 18° 34′ E

— 56° 13′ N, 18° 27′ E.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, is-sajd b'għeżul mitfugħa fil-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti ta' malji b'daqs ekwivalenti għal 157 mm jew aktar jew bil-lanez tal-mitlaq huwa permess. L-ebda rkaptu ieħor ma jinżamm abbord.”;

(3) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 28aa

Proċedura għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi fil-kuntest ta' pjanijiet pluriennali

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ) u għat-tul ta' żmien tiegħu, li tadotta miżuri tekniċi. Tali miżuri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' atti delegati adottati f'konformità mal-Artikolu 28b ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u jistgħu, meta jkun xieraq, jidderogaw minn dawn li ġejjin:

(a) l-ispeċifikazzjonijiet tal-ispeċijiet fil-mira, id-daqsijiet tal-malja u d-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni stipulati fl-Annessi II, III u IV għal, u msemmija fl-Artikoli 3 u 4 u l-Artikolu 14(1) ta', dan ir-Regolament;

(b) l-istrutturi, il-karatteristiċi u r-regoli għall-użu ta' rkapti attivi stabbiliti fl-Artikolu 5(2), (3) u (4) u l-Artikolu 6 ta', u fl-Anness II għal, dan ir-Regolament;

(c) l-istrutturi, il-karatteristiċi u r-regoli li jirregolaw l-użu ta' rkapti passivi stabbiliti fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament;

(d) il-lista/i u l-koordinati ta' żoni u perjodi fejn japplikaw projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet tas-sajd kif stabbiliti fl-Artikolu 16 u fl-Artikolu 16a ta' dan ir-Regolament;

(e) l-ispeċijiet li għalihom japplika l-Artikolu 18a(1) ta' dan ir-Regolament, kif ukoll iż-żoni ġeografiċi u l-perjodi ta' applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq is-sajd għal ċerti stokkijiet stabbiliti f'dak il-paragrafu, kif ukoll id-dettalji tekniċi tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 18a(2) ta' dan ir-Regolament.

(4) Fl-Artikolu 28b(2), (3) u (5), il-kliem “Artikoli 14a u 28a” jiġu sostitwiti bil-kliem “Artikoli 14a, 28a u 28aa”.

Artikolu 19

Revoka tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 huwa revokat. Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

MORTALITÀ MIS-SAJD FIL-MIRA

(kif imsemmija fl-Artikolu 4)



Stokk

Meded tal-mortalità mis-sajd fil-mira konsistenti mal-kisba tar-rendiment massimu sostenibbli (FMSY)

 

Kolonna A

(Parti mill-medda tal-FMSY kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) u (3))

Kolonna B

(Parti mill-medda tal-FMSY kif imsemmi fl-Artikolu 4(4))

Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent

0,15 — 0,26

0,26 — 0,45

Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant

Mhux definit

Mhux definit

Aringa tal-Baltiku Ċentrali

0,16 — 0,22

0,22 — 0,28

Aringa tal-Golf ta' Riga

0,24 — 0,32

0,32 — 0,38

Aringa tal-Baħar tal-Botnija

0,11 — 0,15

0,15 — 0,18

Aringa tal-Bajja tal-Botnija

Mhux definit

Mhux definit

Aringa tal-Baltiku tal-Punent

0,23 — 0,32

0,32 — 0,41

Laċċa kaħla tal-Baltiku

0,19 — 0,26

0,26 — 0,27




ANNESS II

PUNTI TA' REFERENZA GĦALL-KONSERVAZZJONI TA' BIJOMASSA RIPRODUTTIVA TAL-ISTOKK

(kif imsemmija fl-Artikolu 5)



Stokk

Punti ta' referenza għall-konservazzjoni

 

Kolonna A

Punt ta' referenza minimu ta' bijomassa riproduttiva tal-istokk (f'tunnellati) kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) (MSY Btrigger)

Kolonna B

Limitu tal-punt ta' referenza ta' bijomassa riproduttiva tal-istokk (f'tunnellati) kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) (Blim)

Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent

38 400

27 400

Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant

Mhux definit

Mhux definit

Aringa tal-Baltiku Ċentrali

600 000

430 000

Aringa tal-Golf ta' Riga

60 000

Mhux definit

Aringa tal-Baħar tal-Botnija

316 000

Mhux definit

Aringa tal-Bajja tal-Botnija

Mhux definit

Mhux definit

Aringa tal-Baltiku tal-Punent

110 000

90 000

Laċċa kaħla tal-Baltiku

570 000

410 000



( *1 ) Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).”;