European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/654

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tad-Danimarka

(C/2025/654)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq tar-riformi u l-investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAD-DANIMARKA

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan

(5)

Fl-20 ta' Settembru 2024, id-Danimarka ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan

(6)

Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan tagħha, id-Danimarka talbet informazzjoni teknika (5), li l-Kummissjoni pprovdiet fil-21 ta' Ġunju 2024, u ppubblikat fl-20 ta' Settembru 2024 (6). L-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jibqa' taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju, fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istat Membru fil-qafas ta' żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit (7), f'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/126, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja. L-informazzjoni teknika għad-Danimarka tistabbilixxi li, sabiex jikkonformaw mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas -1,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028; xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-tabella li ġejja. Għal skopijiet ta' informazzjoni, meta wieħed iqis ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas -1,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit mhijiex rekwiżit għad-Danimarka, li hija eliġibbli għal informazzjoni teknika.

Tabella 1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni lid-Danimarka

L-aħħar sena tal-perjodu ta' aġġustament

2028

Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju li ma jinkludix is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

-1,4

Għall-informazzjoni biss: Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju li jinkludi s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

-1,1

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-Danimarka u l-Kummissjoni kienu involuti fi djalogu tekniku f'Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mid-Danimarka u s-suppożizzjonijiet sottostanti (b'mod partikolari t-tkabbir potenzjali u d-distakk fl-output kif ukoll il-miżuri diskrezzjonali inkluż il-miżuri ta' darba), kif ukoll ir-riformi u investimenti previsti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoniekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(8)

Skont l-informazzjoni pprovduta mid-Danimarka fil-pjan tagħha, ma sarx proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (inkluż is-sħab soċjali) qabel il-preżentazzjoni kif previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fl-Artikolu 36(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(9)

Il-pjan jasserixxi li l-Kunsilli Ekonomiċi tad-Danimarka jimmonitorjaw fuq bażi kontinwa l-konformità mal-miri fiskali u jivvalutaw is-sostenibbiltà tal-politika fiskali, kif ukoll il-politika ekonomika b'mod aktar ġenerali, għalkemm la joffri xi dettall dwar il-kontribut sostanzjali tagħhom u lanqas dwar kif dan l-isforz immaterjalizza fil-pjan.

(10)

Il-pjan ġie ppreżentat lill-parlament nazzjonali wara s-sottomissjoni tiegħu.

Proċessi relatati oħra

(11)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lid-Danimarka sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (8).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(12)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(13)

L-attività ekonomika fid-Danimarka kibret bi 2,5 % fl-2023, xprunata mill-esportazzjoni u l-konsum privat. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija tikber bi 2,4 % fl-2024, minħabba l-esportazzjoni netta u l-konsum kemm privat kif ukoll dak tal-gvern. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,5 %, hekk kif il-konsum u l-investiment privati u tal-gvern jiksbu momentum addizzjonali u l-inventarji li qegħdin jiżdiedu jipprovdu kontribut pożittiv għat-tkabbir. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b'1,8 %, hekk kif ikomplu x-xejriet pożittivi għall-konsum u l-investiment privat. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri l-2024-2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fid-Danimarka huwa mistenni li jonqos minn 2,1 % għal 1,7 %, xprunat minn tnaqqis fil-kontribuzzjoni mill-ħaddiema potenzjali li joriġina minn tnaqqis fl-għadd ta' persuni impjegati. Fl-2023 ir-rata tal-qgħad kienet ta' 5,1 %, u l-Kummissjoni tipprojetta li fl-2024 (9) tkun 5,8 %, fl-2025 tkun 5,8 % u fl-2026 tkun 5,8 %. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tiżdied minn -3,8 % fl-2023 għal 1,6 % fl-2024, u li tilħaq 2,2 % fl-2025 u 1,9 % fl-2026.

(14)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 is-surplus tal-gvern estiż tad-Danimarka ammonta għal 3,3 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, dan mistenni li jilħaq 2,3 % tal-PDG fl-2024 u li jkompli jonqos għal 1,5 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, għal 0,9 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tad-Danimarka għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Awwissu 2024. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 33,6 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos għal 31,0 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa projettat li dan jonqos għal 29,3 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 28,3 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(15)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tad-Danimarka jkopri l-perjodu 2025–2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin.

(16)

Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(17)

Il-pjan jintrabat għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 4,4 % matul is-snin 2025–2028. L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta' aġġustament lineari) hija konsistenti ma' medja ta' tkabbir tan-nefqa netta ta' 5,8 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025-2028). Il-perkors tan-nefqa netta previst fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta' 0,5 % (10) tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Dan huwa ogħla mil-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta' -1,4 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fil-21 ta' Ġunju 2024 (11). Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali jiżdied minn 2,1 % fl-2024 għal 2,6 % fl-2025 qabel jonqos għal 0,9 % sal-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tiżdied b'medja ta' 2,1 % fis-sena matul l-2025–2028 u tilħaq medja ta' 2,0 % sal-2028.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tad-Danimarka

 

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan

2025–2028

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

7,2

5,0

5,7

3,8

2,9

4,4

Tkabbir nett fin-nefqa (kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

7,2

12,6

18,9

23,5

27,1

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

2,1

2,6

1,2

1,3

0,9

1,5

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

2,0

1,7

2,6

2,0

2,0

2,1

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tad-Danimarka u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(18)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment minn 32,8 % fl-2024 għal 35,6 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq it-terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jiżdied gradwalment, skont il-pjan, u jilħaq 44,4 % tal-PDG fl-2038.

Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u żviluppi tal-bilanċ fil-pjan tad-Danimarka

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

33,6

32,8

31,4

32,7

33,9

35,6

44,4

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

3,3

1,9

1,0

0,4

0,3

-0,1

-0,8

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tad-Danimarka

Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq it-terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(19)

Abbażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, is-surplus tal-gvern estiż jonqos gradwalment matul il-perjodu ta' aġġustament, għal defiċit ta' 0,1 % tal-PDG sal-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(20)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lid-Danimarka fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal tmien varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (il-bilanċ strutturali primarju fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, it-tkabbir tal-PDG reali, ir-rata tal-imgħax nominali, il-multiplikatur fiskali, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi u l-miżuri ta' darba. Valutazzjoni ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.

—

Il-pjan jassumi li l-bilanċ strutturali primarju fl-2024 huwa aktar baxx mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi biex jitbaxxa l-limitu massimu għan-nefqa, jiġifieri l-perkors tat-tkabbir nett fin-nefqa matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-suppożizzjoni inqas favorevoli fil-pjan tista' tiġi spjegata mid-dipendenza tal-pjan fuq kunċett nazzjonali ta' distakki fl-output li huwa differenti mill-metodoloġija maqbula komunement u timplika kontribuzzjoni ċiklika ogħla. Filwaqt li l-valutazzjoni nazzjonali tad-distakk fl-output tvarja kunċettwalment mill-metodoloġija maqbula komunement, hija sa ċertu punt ikkorroborata minn stimi oħra tal-issikkar tas-suq tax-xogħol u pressjonijiet fuq il-kapaċità fl-ekonomija. Barra minn hekk, it-tbassir nazzjonali ta' Awwissu 2024 huwa bbażat fuq data aktar reċenti li tikkonforma mat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni aktar diffiċli titqies bħala debitament ġustifikata.

—

Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali huwa ogħla mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-suppożizzjoni aktar favorevoli fil-pjan mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni tista' tiġi spjegata mid-dipendenza tal-pjan fuq stimi nazzjonali li huma kunċettwalment differenti minn dawk mill-metodoloġija maqbula komunement. Il-pjan huwa bbażat fuq stima nazzjonali ta' distakk pożittiv fl-output fl-2024, filwaqt li l-metodoloġija maqbula komunement tissuġġerixxi distakk negattiv fl-output. Sabiex jinkiseb l-għeluq tad-distakk fl-output, it-tkabbir potenzjali matul il-perjodu ta' aġġustament huwa ogħla fil-pjan. Ir-rati ogħla ta' tkabbir tal-PDG potenzjali matul il-perjodu ta' aġġustament huma kkumpensati b'rati aktar baxxi ta' tkabbir tal-PDG potenzjali fit-tarf aktar baxx tal-perjodu ta' projezzjonijiet. B'riżultat ta' dan, l-istimi Daniżi huma aktar stabbli minn dawk li jirriżultaw mill-qafas ta' projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni, filwaqt li t-tkabbir akkumulat matul il-perjodu ta' projezzjoni jibqa' kemm kemm aktar baxx mir-riżultati ta' dik il-metodoloġija. Konsegwentement, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-ewwel pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju kif stabbilit fl-Artikolu 36(1), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2024/1263, din is-suppożizzjoni titqies bħala debitament ġustifikata.

—

Il-pjan jassumi li t-tkabbir tad-deflatur tal-PDG huwa aktar baxx mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-suppożizzjoni aktar kawta fil-pjan tista' tiġi spjegata mid-dipendenza tal-pjan fuq it-tbassir nazzjonali ta' Awwissu 2024 abbażi ta' data aktar reċenti. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies bħala debitament ġustifikata.

—

Il-pjan jassumi li l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi huma bħala medja ogħla mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal medja ogħla ta' tkabbir fil-proporzjon tad-dejn matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan u, għalhekk, għal medja aktar baxxa ta' tkabbir fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-suppożizzjoni aktar kawta fil-pjan tista' tiġi spjegata mis-self mill-gvern lil entitajiet tal-akkomodazzjoni soċjali kklassifikati barra mis-settur tal-gvern u mill-użu ta' data aktar reċenti, f'konformità mat-tbassir nazzjonali ta' Awwissu 2024. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies bħala debitament ġustifikata.

—

Il-pjan jassumi li l-miżuri ta' darba huma ogħla mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-suppożizzjoni aktar favorevoli fil-pjan tista' tiġi spjegata bl-użu mill-pjan ta' data dwar l-eżiti għall-ħlas lura tat-taxxa fuq l-akkomodazzjoni miġbura b'mod eċċessiv. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies bħala debitament ġustifikata.

Id-differenzi li jifdal ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B'mod kumplessiv, dawn jikkontribwixxu għal medja ta' tkabbir tan-nefqa netta aktar baxxa fil-pjan milli huwa implikat mill-informazzjoni teknika. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet kumplessivament iwasslu għal medja ta' tkabbir tan-nefqa netta fil-pjan li hija aktar baxxa fil-pjan mill-medja ta' tkabbir tan-nefqa netta implikata mill-informazzjoni teknika. Barra minn hekk, fil-pjan tagħha, id-Danimarka timpenja ruħha għal perkors tan-nefqa netta li huwa aktar baxx minn dan il-limitu massimu. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.

Strateġija fiskali tal-pjan

(21)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji dwar in-nefqa netta huma konsistenti ma' nefqa akbar tal-gvern, b'mod partikolari l-prijoritizzazzjoni ta' servizzi pubbliċi orjentati lejn iċ-ċittadini, filwaqt li jiġi żgurat li l-finanzjament jaġġusta b'rispons għall-bidliet fil-kompożizzjoni demografika, inkluż l-għadd dejjem jikber ta' anzjani. Id-Danimarka għandha l-ħsieb li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tad-difiża, filwaqt li tiżgura li n-nefqa fuq id-difiża u s-sigurtà jikkostitwixxu mill-inqas 2 fil-mija tal-PDG. Barra minn hekk, il-gvern għandu l-għan li jnaqqas it-taxxi fuq l-introjtu personali li jirriżultaw fi dħul aktar baxx mit-taxxa, b'introduzzjoni gradwali tar-riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali mill-2025 'il quddiem. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Il-baġit li l-gvern ippreżenta fil-parlament nazzjonali f'Awwissu 2024 għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn ta' nefqa netta għall-2025.

Intenzjonijiet ta' riforma u investiment fil-pjan biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fejn jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(22)

Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSR, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 91 miżura, li 11 minnhom huma appoġġati mill-RRF, u 5 minnhom huma ffinanzjati mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

(23)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi sett konsistenti ta' riformi u investimenti. Aktar minn 30 miżura jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali. Il-miżuri dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jinkludu riforma tat-taxxa ambjentali fuq l-industrija (inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP)), żieda fit-taxxa fuq id-diżil u riformi u investimenti fuq il-qbid u l-ħżin tal-karbonju biex jittejjeb il-qafas regolatorju u jiżdied l-użu tat-teknoloġija (inkluża fl-RRP). Il-pjan jinkludi wkoll miżuri dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport (CSR dwar it-trasport fl-2019), kemm għat-trasport bit-triq kif ukoll għall-avjazzjoni. Il-miżuri dwar it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari (CSRs fl-2022 u fl-2023) jinkludu pjan ta' azzjoni ġdid dwar l-iskart tal-plastik, responsabbiltà estiża tal-produttur għall-imballaġġ u għall-plastik li jintuża darba biss. Il-miżuri dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis jinkludu riformi biex tiżdied ir-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi bijoċidali, tal-pestiċidi u tal-PFAS. Dawn huma kkomplementati minn miżuri biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-agrikoltura (CSR dwar il-politika ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi fl-2024). Dawn jinkludu ftehim dwar Danimarka ekoloġika, b'riforma tat-taxxa għall-ekwivalenti ta' CO2 fl-agrikoltura, kif ukoll investimenti fil-konverżjoni tal-art f'żoni naturali u titjib fil-prattiki agrikoli (li wħud minnhom huma inklużi fl-RRP). Flimkien mal-Pjan aġġornat dwar il-Baħar, dawn il-miżuri jikkontribwixxu għall-protezzjoni u għar-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi. Il-pjan jinkludi 9 miżuri biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni diġitali (CSRs dwar il-qafas baġitarju u l-governanza fiskali fl-2020, fl-2021, fl-2022 u fl-2023). Dawn jinkludu strateġija ta' diġitalizzazzjoni li tinkludi 61 inizjattiva (inklużi fl-RRP), investimenti fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u l-iżvilupp ta' teknoloġiji avvanzati għas-settur pubbliku, appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-kumpaniji (xi wħud inklużi fl-RRP u oħrajn appoġġati mill-fondi ta' koeżjoni) u investimenti biex tittejjeb il-kopertura tal-broadband (inklużi fl-RRP).

(24)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi aktar minn 40 inizjattiva. Il-prijoritajiet ewlenin tal-pjan f'dan il-qasam qegħdin isaħħu n-negozji u l-impjiegi Daniżi. Il-miżuri biex jiġu appoġġati n-negozji (CSR dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) maħruġa fl-2019) jinkludu żieda kbira fil-fondi biex jiġu appoġġati n-negozji, pakkett ta' intraprenditorija, u riformi biex jiżdied it-tnaqqis tat-taxxa għar-R&I (inklużi fl-RPP). Il-pjan jiffoka ħafna fuq il-politiki li jappoġġaw l-impjiegi, inkluża riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali, diversi bidliet fis-sistema tal-assistenza, li jagħmlu permanenti d-dritt għal spinta edukattiva b'benefiċċji tal-qgħad ta' 110 %, kif ukoll riformi biex jiżdied l-aċċess għax-xogħol internazzjonali. Il-pjan jinkludi wkoll firxa ta' inizjattivi dwar opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol. Il-miżuri dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ (CSR fl-2019) jinkludu riformi dwar l-edukazzjoni primarja u l-edukazzjoni għolja u investimenti biex jittejbu l-VET u l-apprendiment għall-adulti, speċjalment għat-tranżizzjoni ekoloġika (inklużi fl-RPP) (CSR dwar il-ħiliet fl-2023). Il-pjan jinkludi firxa ta' inizjattivi dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, bħal riformi biex jittejjeb l-ambjent tax-xogħol. Il-pjan jinkludi firxa ta' inizjattivi dwar il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, b'riforma tal-Att dwar it-Tfal biex jiżdiedu d-drittijiet tat-tfal, is-simplifikazzjoni tas-sistema tal-benefiċċji tal-mard u l-estensjoni permanenti tal-karta ta' eżenzjoni soċjali mill-2025. Fir-rigward tal-kura tas-saħħa (CSR fl-2020), il-pjan jinkludi riforma tas-sistema tal-kura tas-saħħa lokali biex il-persunal u r-riżorsi fil-qasam tal-kura tas-saħħa jiġu distribwiti aħjar madwar id-Danimarka, investimenti fil-psikjatrija, fil-kura ta' emerġenza u fl-infrastruttura tal-isptarijiet. Dan huwa kkomplementat b'riforma tas-settur tal-kura fit-tul u taħriġ tal-persunal biex jieħu ħsieb lill-persuni b'diżabbiltà. Il-miżuri dwar l-akkomodazzjoni (CSRs fl-2022 u fl-2023) jinkludu riforma tat-taxxa fuq l-akkomodazzjoni li daħlet fis-seħħ fl-2024 u investimenti fl-akkomodazzjoni soċjali.

(25)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi sett konsistenti ta' miżuri, li kollha jwieġbu għas-CSRs dwar l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura tal-enerġija u n-networks indirizzati lid-Danimarka fl-2022 u fl-2023. Il-miżuri biex jiżdiedu d-disponibbiltà u l-użu tat-tisħin ekoloġiku jinkludu investimenti biex titħaffef l-introduzzjoni tat-tisħin distrettwali u inċentivi għall-unitajiet domestiċi biex jaqilbu mit-tisħin bil-gass għat-tisħin ekoloġiku (inklużi fl-RRP). Fir-rigward tal-fjuwils b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u sostenibbli, il-pjan jinkludi investimenti biex tinbena kapaċità tal-elettrolizzaturi ta' 4-6 GW sal-2030, investimenti f'teknoloġiji Power-to-X appoġġati mill-fond REACT-EU u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u żewġ IPCEIs dwar l-idroġenu. Il-miżuri biex tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jinkludu riformi biex jitħaffef il-ħruġ tal-permessi permezz tat-Taskforce Nazzjonali għall-Kriżi tal-Enerġija (inklużi fl-RRP), kif ukoll investimenti biex il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bbażata fuq l-art tiżdied b'erba' darbiet sal-2030 u biex ikun hemm żieda fil-produzzjoni tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, inkluż b'żewġ gżejjer tal-enerġija. Dawn huma kkomplementati minn miżuri biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-elettriku, bħall-espansjoni tal-grilja u qafas aġġornat għall-kumpaniji tal-grilja tal-elettriku. Il-miżuri għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista, li jkopru t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili minn barra l-Unjoni, jinkludu investimenti biex tiżdied temporanjament l-estrazzjoni tal-gass mid-depożiti Daniżi fil-Baħar tat-Tramuntana u tiżdied il-produzzjoni tal-bijogass.

(26)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jinkludi ftehim qafas ta' 10 snin għad-difiża Daniża fl-2024-2033 li jżid l-infiq fuq id-difiża b'DKK 190 biljun matul il-perjodu (li jikkorrispondi għal medja ta' 0,7 % tal-PDG tal-2023 fis-sena). Barra minn hekk, id-Danimarka allokat aktar minn DKK 60 biljun għal appoġġ militari lill-Ukrajna bejn l-2023 u l-2028. B'kollox, dan huwa mistenni li jġib l-infiq annwali fuq id-difiża għal aktar minn 2 % tal-PDG mill-2023 sa tmiem il-perjodu tal-ftehim qafas.

(27)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, meta xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-RRP tad-Danimarka. Hemm informazzjoni dwar għadd ta' miżuri fil-pjan li huma inklużi fl-RRP u li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Il-pjan isemmi wkoll miżuri ffinanzjati permezz ta' fondi strutturali u jżid xi informazzjoni kuntestwali dwar l-interazzjoni tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni mal-politiki nazzjonali li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE u s-CSRs.

(28)

Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tad-Danimarka relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Rigward it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, il-ħtiġijiet ta' investiment tad-Danimarka huma relatati mal-impenn tagħha li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'70 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u li tikseb in-newtralità klimatika sal-2045. Il-pjan isemmi wkoll il-ħtiġijiet ta' investiment relatati mal-intelliġenza artifiċjali, mal-ħiliet diġitali u mad-diġitalizzazzjoni tan-negozji. Fir-rigward tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-ħtiġijiet ta' investiment huma relatati mat-tibdil fid-demografija, iż-żieda fl-impjiegi u fil-ħiliet kif ukoll il-forniment ta' servizz pubbliku dwar il-benesseri. Il-ħtiġijiet ta' investiment relatati mas-sigurtà tal-enerġija jikkonċernaw l-eliminazzjoni gradwali tal-gass, l-indipendenza mill-gass Russu u l-qafas għal teknoloġiji ġodda bħal Power-to-X. Rigward id-difiża, il-pjan jinkludi żieda fin-nefqa fid-difiża għal aktar minn 2 % tal-PDG, f'allinjament mal-impenji tan-NATO. It-tabella dwar il-ħtiġijiet ta' investiment hija kkomplementata minn lista estensiva ta' miżuri li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(29)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tad-Danimarka jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(30)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tad-Danimarka u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(31)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(32)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jilqa' l-fatt li l-pjan ġie diskuss mill-Parlament. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet fid-difiża.

(33)

Il-Kunsill jistenna li d-Danimarka tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(34)

Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali.

(35)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(36)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mid-Danimarka li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(37)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lid-Danimarka.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi informazzjoni teknika i) mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament), u ii) mingħajr u bis-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#denmark.

(7)  Is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 tistabbilixxi li t-titjib annwali fil-bilanċ primarju strutturali huwa ta' 0,4 punti perċentwali tal-PDG (jew 0,25 punti perċentwali tal-PDG f'każ ta' estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament) sakemm id-defiċit strutturali jkun inqas minn 1,5 % tal-PDG.

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tad-Danimarka.

(9)  Iż-żieda fir-rata tal-qgħad fl-2024 hija prinċipalment xprunata minn metodoloġija mibdula għall-istħarriġ dwar il-forza tax-xogħol.

(10)  Din iċ-ċifra tikkorrispondi għall-bilanċ primarju strutturali kkalkolat skont metodoloġija maqbula komunement. Il-bilanċ primarju strutturali rrapportat mid-Danimarka fil-pjan ma huwiex direttament komparabbli mal-informazzjoni teknika peress li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet tekniċi u kunċettwali differenti, kif spjegat fil-pjan, il-Kaxxa 2.2.

(11)  Fix-xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Id-Danimarka

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

5,0

5,7

3,8

2,9

Kumulattiv (*1)

12,6

18,9

23,5

27,1


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/654/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)