KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015 ( 1 )
Kawża C‑73/14
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-Unjoni Ewropea lit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar — Artikoli 13(2), 16(1) u 17(1) TUE — Artikoli 218(9) u 335 TFUE — Rappreżentanza esterna tal-Unjoni Ewropea — Ksur tal-prerogattivi tal-Kunsill — Kooperazzjoni leali — Artikolu 263 TFUE — Ammissibbiltà”
|
1. |
Fid-29 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-Unjoni Ewropea (“l-UE”) lit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar (“ITLOS”) dwar opinjoni konsultattiva li għandha tingħata minn dik il-qorti. |
|
2. |
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qiegħed jitlob l-annullament tad-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2013” sabiex tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni. Appoġġat minn għadd ta’ Stati Membri, dan essenzjalment jikkontendi li l-Kummissjoni kellha titlob u tottjeni l-approvazzjoni tiegħu qabel ma’ ppreżentat id-dikjarazzjoni bil-miktub quddiem l-ITLOS. Il-Kunsill isostni li, minħabba dan in-nuqqas, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 218(9) TFUE u/jew l-Artikolu 16 TUE (l-ewwel u t-tieni partijiet, rispettivament, tal-ewwel talba) u kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (it-tieni talba). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li kellha l-kompetenza li tippreżenta dik id-dikjarazzjoni mingħajr l-approvazzjoni tal-Kunsill; u li hija kkooperat bi sħiħ mal-Kunsill. |
|
3. |
Il-kwistjoni ċentrali diskussa bejn il-partijiet għalhekk tirrigwarda l-identità ta’ istituzzjoni tal-UE fdata bil-kompitu li tiddeċiedi dwar il-pożizzjoni tal-UE quddiem qorti kostitwita skont ftehim internazzjonali li fih l-UE hija parti kontraenti. |
|
4. |
Sejjer neżamina l-aspetti varji ta’ dik il-kwistjoni ferm importanti iktar ’il quddiem, iżda jidhirli li l-aġir tal-Kunsill huwa fil-fatt inammissibbli u għandu jkun miċħud fuq dak il-fatt biss. |
Id-dritt li jirregola l-ITLOS
|
5. |
L-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (‘UNCLOS’). ( 2 ) |
|
6. |
L-ITLOS huwa kkostitwit u rregolat mill-UNCLOS, b’mod partikolari permezz tal-Anness VI tagħha, li jinkludi l-Istatut tiegħu. |
|
7. |
L-Artikolu 16 tal-Istatut tal-ITLOS jeżiġi li l-ITLOS jistabbilixxi r-regoli tiegħu dwar il-proċedura. L-Artikolu 20 jistabbilixxi li l-ITLOS għandu jkun disponibbli lill-partijiet kontraenti. |
|
8. |
Skont l-Artikolu 133 tar-regoli tal-proċedura tal-ITLOS, li huma applikabbli għall-proċeduri ta’ opinjoni konsultattiva tal-Awla dwar it-Tilwim ta’ Qiegħ il-Baħar tal-ITLOS, il-partijiet kontraenti tal-UNCLOS għandhom ikunu mitluba mill-ITLOS sabiex jippreżentaw dikjarazzjonijiet bil-miktub dwar id-domanda/i mressqa fit-talba għall-opinjoni konsultattiva. |
|
9. |
L-Artikolu 138(1) tar-regoli tal-proċedura tal-ITLOS jipprovdi li l-ITLOS għandu “jagħti opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni legali jekk ftehim internazzjonali relatat mal-għanijiet tal-[UNCLOS] jipprovdi b’mod speċifiku għas-sottomissjoni lill-[ITLOS] ta’ talba għal dik l-opinjoni”. L-Artikolu 138(3) jipprovdi li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, l-ITLOS “għandu japplika mutatis mutandis l-Artikoli 133 sa 137”. |
Dritt tal-Unjoni
Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
|
10. |
L-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi: “Kull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali.” |
|
11. |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE tipprovdi li l-Kunsill għandu “jeżerċita funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika u ta’ koordinazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati”. Il-bqija tal-Artikolu 16 jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw l-azzjoni tal-Kunsill. B’mod partikolari, l-Artikolu 16(3) jipprovdi li “[i]d-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor.” |
|
12. |
L-Artikolu 17(1) TUE jipprovdi: “Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. Hija għandha tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet skond dawn it-Trattati. Hija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ l-[UE] taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-[UE]. [...] Għandha teżerċita funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, eżekuzzjoni u amministrazzjoni, skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati. Bl-eċċezzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u ta’ każijiet oħrajn previsti fit-Trattati, hija għandha tassigura r-rappreżentanza esterna ta’ l-[UE]. [...]” |
Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
13. |
L-azzjoni esterna mill-UE hija rregolata mill-Ħames Parti tat-TFUE u t-Titolu V ta’ din il-Parti jirregola l-ftehim internazzjonali. F’dak it-Titolu, l-Artikoli 216 u 217 TFUE jagħtu s-setgħa lill-UE sabiex tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi l-proċedura skont liema dawk il-ftehimiet għandhom ikunu nnegozjati u konklużi. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu huma dawn li ġejjin: “1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207 [il-politika kummerċjali komuni], ftehim bejn l-[UE] u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja. 2. Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta’ negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim u jikkonkludihom. 3. [...I]l-Kummissjoni [għandha tippreżenta] rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina [...] in-negozjatur ta’ l-[UE] [...] 4. Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur [...] 5. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim [...] 6. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim. 7. Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista’, b’deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9, jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova f’isem l-[UE] emendi għall-ftehim meta dan jipprovdi li dawn l-emendi għandhom jiġu adottati skond proċedura simplifikata jew minn korp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista’ jorbot kondizzjonijiet speċifiċi ma’ din l-awtorizzazzjoni. 8. Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha. Mandankollu, għandu jaġixxi b’mod unanimu [f’ċirkostanzi speċifiċi]. 9. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni [...], għandu jadotta deċiżjoni [...] li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-[UE] f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim. 10. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura. 11. [Dan is-subartikolu jipprovdi għall-proċedura sabiex tinkiseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim huwiex kompatibbli mat-Trattati u l-konsegwenzi ta’ opinjoni kuntrarja].” |
|
14. |
L-ewwel, it-tieni u s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jistabbilixxu: “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-[UE] għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġislattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-[UE] maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom. [...] Il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.” |
|
15. |
L-Artikolu 264 TFUE jipprovdi li, jekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara l-att inkwistjoni bħala null u tista’, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta’ l-att li ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi. |
|
16. |
L-Artikolu 335 TFUE jipprovdi: “F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-[UE] għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa’ mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, l-[UE] għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni. Madankollu, l-[UE] għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa ta’ l-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom.” |
Il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut
|
17. |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE ( 3 ), l-UE kkonkludiet il-Ftehim li jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ l-stokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat ta’ l-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (“il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut”). L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/414 jipprovdi: “Fejn il-Komunità tinizja proċedura għas-soluzzjoni ta’ kwistjoni kif ipprovvdut fil-[Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut], għandha tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni. Qabel tieħu kull azzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri, billi tqis il-limiti li jorbtu taż-żmien tal-proċeduri.” |
|
18. |
L-ITLOS huwa fost il-ġurisdizzjonijiet quddiem liema dawk il-proċeduri jistgħu jiġu ppreżentati. |
L-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
19. |
L-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-“Istatut”) jipprovdi, inter alia, li rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja “[…] għandu jkun akkompanjat, meta ikun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament [...]”. |
|
20. |
L-Artikoli 120 u 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġu li r-rikors għandu jinkludi, inter alia, s-suġġett tal-kawża u t-talbiet mitluba, u għandu jkun akkumpanjat, b’mod partikolari, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament. |
|
21. |
L-Artikolu 150 jipprovdi li: “Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, ex officio u wara li jinstemgħu l-partijiet u l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.” |
L-isfond tat-tilwima
|
22. |
Fit-28 ta’ Marzu 2013, l-ITLOS irċieva talba għal opinjoni konsultattiva mill-Kummissjoni Sub-Reġjonali tas-Sajd (“is-SRFC”), organizzazzjoni intergovernattiva għall-kooperazzjoni fis-sajd stabbilita permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Marzu 1995 bejn il-Cape Verde, il-Gambja, il-Guinea, il-Guinea-Bissau, il-Mauritania, is-Senegal u s-Sierra Leone ( 4 ). L-UE kkonkludiet ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd ma’ ħamsa mill-Istati tal-SRFC u, ma’ tnejn minnhom, protokolli li jagħtu aċċess għas-sajd bl-għotja ta’ kontribuzzjoni finanzjarja bħala korrispettiv. |
|
23. |
Dik it-talba, reġistrata bħala l-Każ Nru 21, tirrigwarda domandi essenzjalment relatati mad-drittijiet, obbligi u obbligazzjonijiet tal-Istati tal-bandiera, aġenziji internazzjonali u tal-Istati kostali f’każijiet ta’ sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“IUU”) u fir-rigward li tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli ta’ stokk ta’ ħut komuni u stokkijiet ta’ interess komuni. |
|
24. |
Fl-24 ta’ Mejju 2013, l-ITLOS stieden lill-partijiet kontraenti tal-UNCLOS sabiex jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar id-domandi ppreżentati sa mhux iktar tard mid-29 ta’ Novembru 2013, u ddeċieda li jżomm seduta. |
|
25. |
Fi ħdan il-Kunsill, it-talba għall-opinjoni konsultattiva ġiet diskussa f’okkażjonijiet diversi f’żewġ gruppi ta’ ħidma: l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liġi tal-Baħar (“COMAR”), essenzjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni u ammissibbiltà; u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Politika Interna u Esterna tas-Sajd (“FISH”), fir-rigward tas-sustanza tad-domandi. Matul id-diskussjonijiet tal-bidu fil-COMAR bejn April u Lulju 2013, il-Kummissjoni indikat li d-dipartimenti tagħha kienu qegħdin jikkunsidraw jekk l-UE kellhiex tintervjeni fil-Każ Nru 21 u impenjat ruħha li tikkonsulta l-Kunsill kif xieraq. |
|
26. |
Fil-5 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni espliċita ( 5 ) sabiex tippreżenta dikjarazzjonijiet bil-miktub f’isem l-UE lill-ITLOS fil-Każ Nru 21 u li tipparteċipa fis-seduta (Artikolu 1). Hija tat istruzzjonijiet lid-dipartiment legali tagħha sabiex tagħmel dan (Artikolu 2). F’dik id-deċiżjoni, il-premessa numru 9 għamlet riferiment għall-Artikolu 335 TFUE bħala l-bażi legali għall-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f’isem l-UE u l-premessa numru 11 speċifikat li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Kummissjoni kellha tavża lill-Kunsill permezz tal-grupp ta’ ħidma kompetenti tagħha. |
|
27. |
Waqt laqgħat tal-FISH fit-12 ta’ Settembru 2013 u tal-COMAR fis-17 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat għal darb’oħra li kienet sejra tippreżenta osservazzjonijiet f’isem l-UE u argumentat li, skont l-Artikolu 335 TFUE, ebda approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill ma kienet meħtieġa sabiex il-Kummissjoni setgħet taġixxi. Fil-laqgħa tal-FISH, il-Presidenza tal-Kunsill sostniet li l-Kunsill kien meħtieġ li japprova l-kontenut tas-sottomissjonijiet magħmula f’isem l-UE u stiednet lill-Kummissjoni sabiex din tissottometti abbozz tad-dikjarazzjoni lill-Kunsill sa mhux iktar tard minn l-aħħar ta’ Ottubru 2013. |
|
28. |
Fit-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill abbozz li kien jindika l-linji prinċipali tad-dokument li kellu jiġi ppreżentat lill-ITLOS. Il-paragrafu introduttorju ta’ dak id-dokument iċċita d-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013 fejn il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tippreżenta sottomissjonijiet f’isem l-UE fil-Każ Nru 21, u tenniet li l-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill kienu sejrin ikunu nfurmati skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Il-Kummissjoni saħqet ukoll li kienet qiegħda tistenna li tikkunsidra bis-sħiħ kull suġġeriment u parir mingħand l-Istati Membri sabiex tagħmel il-każ tal-UE iktar sod. |
|
29. |
Dak id-dokument ġie eżaminat mill-FISH u mill-COMAR fl-24 u fit-30 ta’ Ottubru 2013 rispettivament, meta l-Kummissjoni rrepetiet li ma kinitx sejra tippreżenta ebda abbozz tad-dikjarazzjoni lill-Kunsill għall-approvazzjoni tiegħu minn qabel. Verżjonijiet riveduti tad-dokument ġew diskussi waqt il-laqgħat tal-FISH tal-15 u tat-22 ta’ Novembru 2013. Fis-27 ta’ Novembru 2013, fuq il-bażi ta’ rapport ippreparat mill-FISH, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (“Coreper”) iddiskuta l-kwistjoni. Id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Presidenza insistew li kien imiss lill-Kunsill, skont il-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil tal-politika skont l-Artikolu 16 TUE, li jiddeċiedi jekk l-UE kellhiex tippreżenta sottomissjonijiet u, jekk hu hekk, li japprova il-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, jekk il-Kunsill ma setax japprova xi pożizzjoni dwar dik is-sottomissjoni f’isem l-UE, ma kienx ser ikun hemm pożizzjoni tal-UE u ma setgħet ssir ebda sottomissjoni. Il-Kummissjoni enfasizzat li ebda approvazzjoni tal-Kunsill ma kienet meħtieġa u li kienet sejra tippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS. |
|
30. |
Fid-29 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat il-kummenti li rċeviet minn numru ta’ Stati Membri, ppreżentat id-dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-UE u għaddiet kopja permezz ta’ posta elettronika lis-Segretarjat tal-Kunsill. Bejn it-18 u d-29 ta’ Novembru 2013, fil-kapaċità tagħhom bħala Stati Partijiet tal-UNCLOS, seba’ Stati Membri kienu ppreżentaw id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-ITLOS. |
|
31. |
Sussegwentement, wara li ġie ppreżentat ir-rikors f’din il-kawża, il-Kummissjoni ppreżentat dikjarazzjoni oħra bil-miktub fit-13 ta’ Marzu 2014 fit-tieni sezzjoni ta’ proċeduri bil-miktub u ħadet sehem fis-seduti li saru mit-2 sal-5 ta’ Settembru 2014. L-ITLOS ta l-opinjoni konsultattiv tiegħu fit-2 ta’ April 2015. |
Il-proċedura, l-aggravji u t-talbiet mressqa
|
32. |
Fir-rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ressaq żewġ talbiet legali. Fl-ewwel talba, l-Kunsill jikkontendi li l-kompitu sabiex tiġi deċiża l-pożizzjoni tal-UE fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tiegħu skont l-Artikolu 218(9) TFUE jew, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 16(1) TUE. Għalhekk, il-Kunsill jissottometti li l-Kummissjoni kellha tottjeni l-approvazzjoni tiegħu minn qabel ma’ bagħat id-dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-UE lill-ITLOS. Fit-tieni talba, l-Kunsill jallega li l-Kummissjoni injorat id-dmir ta’ kooperazzjoni leali fl-Artikolu 13(2) TUE. |
|
33. |
Il-Kunsill għalhekk qiegħed jitlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja “tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Novembru 2013, li tissottometti ‘Dikjarazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-[UE]’ lill-[ITLOS] fil-Każ [Nru] 21” u li tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż. Hemm speċifikat li mhux qed jintalab l-annullament tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
34. |
Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors u tordna lill-Kunsill sabiex iħallas l-ispejjeż. Alternattivament, talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni tagħha sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida fi żmien raġonevoli. |
|
35. |
Il-Gvern tal-Awstrija, dak tar-Repubblika Ċeka, dak tal-Finlandja, dak ta’ Franza, dak tal-Greċja, dak tal-Litwanja, dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak ta’ Spanja intervjenew u ppreżentaw dikjarazzjonijiet insostenn tal-Kunsill. Fis-seduta tal-14 ta’ April 2015, ir-rappreżentanti tal-partijiet, dawk tar-Repubblika Ċeka, dawk ta’ Franza, dawk tal-Pajjiżi l-Baxxi, dawk ta’ Spanja u dawk tar-Renju Unit ittrattaw il-kawża (dak ta’ l-aħħar appoġġa ukoll lill-Kunsill). F’dik l-okkażjoni, l-Kunsill qal li, jekk id-deċiżjoni kontestata kellha tkun annullata, ma kienx sejjer joġġezzjona għat-talba tal-Kummissjoni sabiex jinżammu fis-seħħ l-effetti tagħha sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida. Waqt is-seduta ġew imressaq wkoll kwistjonijiet marbuta mal-ammissibbiltà. |
L-evalwazzjoni
|
36. |
Kif ġa għidt, nikkunsidra li l-azzjoni tal-Kunsill hija waħda inammissibbli – għar-raġunijiet, li sejjer nispjega hawn taħt, li jirrigwardaw l-assenza ta’ att li jista’ jiġi mistħarreġ u ikkontestat f’waqtu. L-inammissibbiltà ta’ kawża hija kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ex officio ( 6 ). Bħala prinċipju, u bħala kwistjoni ta’ loġika, din għandha tkun eżaminata qabel ma tiġi ttrattata s-sustanza tal-każ. Madankollu, l-kwistjoni ta’ spiss ġiet evitata fejn, għalkemm l-ammissibbiltà tal-kawża dehret dubjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li kien xieraq li tagħti deċiżjoni dwar il-mertu ( 7 ). |
|
37. |
Jiena ma nipproponix li jsir dan fil-kawża preżenti, billi jiena tal-fehma li r-regoli dwar l-ammissibbiltà għandhom jkunu applikati b’mod uniformi u mhux b’mod diskrezzjonali. Madankollu, nagħraf li l-partijiet jixtiequ jkollhom deċiżjoni ċara fuq il-kwistjoni importanti dwar l-entità tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, kif stipulati fit-Trattati, f’sitwazzjoni bħal dik li wasslet għat-tilwima. Jiena għalhekk sejjer neżamina dawk il-kwistjonijiet wara li nkun stabbilixxejt ir-raġunament tiegħi, li jiena nsostni għandu jipprevali, dwar l-ammissibbiltà. |
Ammissibbiltà
|
38. |
Ir-rikors ppreżentat mill-Kunsill huwa bbażat fuq l-Artikoli 263 u 264 TFUE; dan jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Kummissjoni u jitlob dikjarazzjoni li l-att huwa wieħed null. L-Artikolu 21 tal-Istatut u l-Artikoli 120 u 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw għal tali proċeduri. |
|
39. |
Il-Kunsill, fir-rikors tiegħu, qiegħed jitlob l-annullament tad-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2013” li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS f’isem l-UE fil-Każ Nru 21. Ir-rikors ma kellux mehmuż miegħu dik id-“deċiżjoni” f’ebda forma, iżda biss bi prova li dik id-dikjarazzjoni bil-miktub kienet fil-fatt ġiet ippreżentata lill-ITLOS fid-29 ta’ Novembru 2013 u li l-Kunsill kien mgħarraf bil-preżentata dakinhar stess. |
|
40. |
Madankollu, hija dik id-deċiżjoni li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub, li huwa esklussivament u espliċitament l-att li l-Kunsill qiegħed jitlob li jkun iddikjarat null. Il-Kunsill iddikjara b’mod ċar, f’nota ta’ qiegħ tat-talba mitluba fir-rikors tiegħu kif ukoll fir-risposta tiegħu, li mhux qiegħed jitlob li tkun dikjarata nulla d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata lill-ITLOS. |
|
41. |
Jekk huwa fil-fatt minnu li ttieħdet deċiżjoni mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2013 sabiex tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub, din setgħet biss tkun, hekk jidher, deċiżjoni impliċita, billi ma ġiex ippruvat li din ġiet espressa f’xi dokument jew anki verbalment. |
|
42. |
Jidhirli li huwa ċar, madankollu, li ma ttieħdet ebda deċiżjoni bħal din. Fil-5 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni fil-fatt ħadet deċiżjoni espliċita u raġunata sabiex tippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS fil-Każ Nru 21 u tat istruzzjonijiet lid-dipartiment legali tagħha sabiex jimplementa dik id-deċiżjoni. Ma kien hemm bżonn ta’ ebda deċiżjoni ulterjuri sabiex tkun ippreżentata dik id-dikjarazzjoni. Lanqas ma nstabet xi prova fil-proċess li ttieħdet dik id-deċiżjoni, kemm bil-miktub jew f’xi forma oħra. Ma hemm ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet fid-29 ta’ Novembru 2013 li tagħmel xi ħaġa li ma kinitx ġa deċiża li tagħmel fid-deċiżjoni li ħadet iktar qabel. Hemm biss il-fatt mhux ikkontestat li d-dikjarazzjoni ġiet fil-fatt ippreżentata, u posta elettronika mibgħuta mill-Kummissjoni li qiegħda tavża lill-Kunsill dwar dik id-dikjarazzjoni. |
|
43. |
Jekk ma ttieħdet ebda deċiżjoni fid-29 ta’ Novembru 2013, ma tistax tiġi ddikjarata nulla – u lanqas ma jistgħu jinżammu l-effetti tagħha sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida. L-assenza ta’ att li jista’ jkun mistħarreġ tostakola b’mod assolut it-teħid ta’ proċeduri, fis-sens tal-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. ( 8 ) Dan jgħodd ukoll, a fortiori, f’każ ta’ assenza ta’ ebda att. |
|
44. |
L-għan tal-proċedura skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE huwa sabiex tinkiseb deċiżjoni li att li jkollu effetti legali huwa (jew ma huwiex) null. Dik id-deċiżjoni tkun inutli, u ta’ ħela ta’ ħin ġudizzjarju, jekk ma jistax ikollha ebda effett tanġibbli. Il-proċedura ma hijiex intiża sabiex tingħata biss dikjarazzjoni astratta tad-dritt li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, għalkemm huwa minnu li dawn id-dikjarazzjonijiet probabbli jkunu jifformaw parti integrali mir-raġunament meħtieġ sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-validità ta’ att ( 9 ). Il-proċedura ta’ annullament ma tistax tintuża sabiex tingħata deċiżjoni bħal dik fl-assenza ta’ kwalunkwe att fejn l-annullament tiegħu jista’ jolqot xi pożizzjoni legali. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-pożizzjonijiet proċedurali tagħhom qabel ma jippreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jistgħu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-Trattati, l-Istatut jew ir-Regoli tal-Proċedura. |
|
45. |
Jidhirli, madankollu, li l-għan tal-Kunsill huwa li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS mingħajr ma tkun kisbet l-approvazzjoni tal-Kunsill minn qabel. Dak jista’ jimplika li huwa kellu jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013, meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ prinċipju. |
|
46. |
Kieku l-Kunsill għamel hekk, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-terminu ta’ xahrejn sabiex jitressqu proċeduri (estiżi b’terminu fiss ta’ għaxart’ijiem għal raġuni ta’ distanza, skont l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja) kienu jibdew jiddekorru mill-ġurnata meta sar jaf bid-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013. |
|
47. |
Skont il-Kummissjoni, dik id-deċiżjoni ma ġietx innotifikata jew ikkomunikata lill-Kunsill. Madankollu, il-Kunsill kien infurmat b’mod ċar u espliċitu b’din id-deċiżjoni u bil-kontenut essenzjali tagħha fil-paragrafu introduttorju fl-ewwel dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2013 ( 10 ), li ġie diskuss waqt il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill tal-FISH u tal-COMAR fl-24 u fit-30 ta’ Ottubru 2013 rispettivament, sa liema żmien kienet neċessarjament nġabet għall-attenzjoni tal-Kunsill, id-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013. Jekk hemm xi dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dik id-deċiżjoni u kif din kellha l-intenzjoni li timplementaha sfaxxa fix-xejn ukoll bħala riżultat ta’ dawk il-laqgħat. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet ċara u mhux ambigwa: ma kinitx sejra tippreżenta ebda abbozz tad-dikjarazzjoni għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill. |
|
48. |
Il-Kunsill ma talabx l-annullament tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013 fit-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem mill-aħħar data possibbli li seta’ sar jaf b’dik id-deċiżjoni, u ma ppreżentax ir-rikors tiegħu f’dawn il-proċeduri sal-10 ta’ Frar 2014. |
|
49. |
Madankollu, jiena konxju li ż-żewġ partijiet f’din il-kawża jixtiequ ħafna li tingħata deċiżjoni dwar il-kompetenzi u l-prerogattivi rispettivi tagħhom, hekk kif ukoll huma l-Istati Membri li ntervjenew. Nirrikonoxxi wkoll li d-determinazzjoni tal-liġi hija ta’ importanza kardinali għat-twettiq tar-rappreżentanza esterna tal-UE, u li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat iddeċidiet kwistjonijiet fil-mertu komparabbli anki fejn kien hemm indikazzjonijiet ċari ta’ inammissibbiltà. Jiena għalhekk issa sejjer neżamina l-kwistjonijiet fil-mertu li jitqajmu f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti, iżda waqt li nagħmel dan mhux sejjer nindirizza r-raġunament tiegħi fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta dikjarazzjoni lill-ITLOS fil-Każ Nru 21 għandhiex tkun annullata – kwistjoni li nikkunsidra ma tistax tingħata risposta f’dawn il-proċeduri, għar-raġunijiet li tajt. |
Sustanza
Rimarki preliminari
|
50. |
Fl-ewwel lok għandi nindirizza żewġ aspetti preliminari dwar din il-kawża: hekk huwiex meħtieġ li jiġi deċiż jekk l-UE għandhiex kompetenza esklużiva jew kondiviża fir-rigward tad-domandi mressqa quddiem l-ITLOS; u l-iskop eżatt tal-ilment tal-Kunsill. |
|
51. |
L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kompetenza esklużiva jew kondiviża: il-Kunsill aċċetta li d-domandi kienu ta’ tħassib, almenu parti minnhom, fuq kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-UE dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-Politika Komuni tas-Sajd fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE. Iżda, il-Kunsill isostni li l-kwistjoni preliminari dwar jekk l-ITLOS għandux il-ġurisdizzjoni li jagħti opinjonijiet konsultattivi taqa kompletament fil-kompetenza tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ssostni li l-UE għandha l-kompetenza esklużiva fir-rigward tad-domandi ppreżentati; u li l-UE hija kompetenti wkoll li tieħu pożizzjoni dwar sa fejn tasal il-ġurisdizzjoni tal-ITLOS. |
|
52. |
Huwa fatt komuni li l-UE, bħala parti kontraenti tal-UNCLOS, tista’ tesprimi ruħha quddiem l-ITLOS ( 11 ). Hekk kif il-Gvern Franċiż irrimarka sew, il-kwistjoni ewlenija fil-kawża preżenti hija jekk hijiex il-Kummissjoni jew il-Kunsill huwa kompetenti li jiddeċiedi fuq il-pożizzjoni tal-UE quddiem dak it-tribunal. Dik id-domanda ma hijiex marbuta mal-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri; u l-Kunsill ma ressaq ebda ilment fuq dak il-punt. Jiena għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkunsidra din il-kwistjoni tal-aħħar. |
|
53. |
It-tieni nett, x’inhu l-iskop eżatt tal-ilment tal-Kunsill? |
|
54. |
Sabiex inqiegħda b’mod sempliċi kemm jista’ jkun: il-Kunsill qiegħed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi liema istituzzjoni hija nkarigata, skont it-Trattati, bil-kompitu li tiddeċiedi fuq (b’distinzjoni minn tesprimi) il-pożizzjoni tal-UE quddiem l-ITLOS fi proċeduri konsultattivi. |
|
55. |
Il-Kunsill mhux qiegħed isostni li l-prerogattivi tiegħu jinkludu li r-rappreżentanza tall-UE quddiem l-ITLOS jew quddiem xi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali oħra. Huwa jaċċetta li dan il-kompitu jispetta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 335 TFUE (moqri kemm waħdu jew flimkien mal-Artikolu 17(1) TUE) ( 12 ). Dak huwa distint, iżda, mill-kwistjoni dwar liema istituzzjoni hija kompetenti li tiddeċiedi fuq il-pożizzjoni li tiġi mbagħad espressa mill-Kummissjoni għan-nom tal-UE quddiem korp ġudizzjarju bħall-ITLOS. |
|
56. |
Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena sejjer l-ewwel neżamina jekk (i) l-Artikolu 218(9) TFUE japplikax għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali fejn l-UE għandha locus standi; u (jekk le) jekk (ii) l-Artikolu 16(1) TUE jikkostitwixxix bażi legali sabiex il-Kunsill iżomm il-kompetenza li jiddeċiedi fuq il-preżentazzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Jiena sejjer wara neżamina d-dmir ta’ kooperazzjoni leali. Fl-aħħar nett, sejjer neżamina l-iskop u l-limiti tal-Artikolu 335 TFUE, li fuqu straħet il-Kummissjoni bħala l-bażi legali sabiex tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet lill-ITLOS. |
L-ewwel parti tal-ewwel talba: l-Artikolu 218(9) TFUE
|
57. |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel talba tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Kummissjoni kisret il-prerogattivi tagħha skont l-Artikolu 218(9) TFUE skont liema l-Kunsill għandu jistabbilixxi, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-UE f’sede mwaqqfa permezz ta’ ftehim meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali. Il-Kunsill jissottometti li l-ITLOS, inkluż ukoll meta jkun mitlub jagħti opinjoni konsultattiva, huwa ‘sede’ fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni u tadotta atti li jkollhom effetti legali (anki jekk dawk l-effetti ma humiex vinkolanti). Madankollu, il-Kunsill isostni li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 218(9) TFUE, għall-kuntrarju ta’ dak ta’ qablu l-Artikolu 300(2) KE, ma jikkostitwixxix iktar lex specialis fir-rigward tal-proċedura għan-negozjar, l-iffirmar u konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, iżda għandha tittieħed bħala dispożizzjoni għaliha waħedha. |
|
58. |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE għall-interventi tal-UE fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali. Hija tinterpreta dik id-dispożizzjoni fis-sens li din tapplika għal sede li jfasslu r-regoli li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ tfassil ta’ trattati u/jew funzjonijiet kważi leġiżlattivi li huma stabbiliti permezz ta’ ftehim internazzjonali sabiex jippermettu dak il-ftehim li jkun żviluppat billi jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet fil-qafas ta’ dak il-ftehim. It-terminu “sede” fl-Artikolu 218(9) TFUE ma jkoprix sede li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji peress illi dawk il-funzjonijiet ma jinvolvux il-ħolqien ta’ regoli ġodda. Madankollu, il-frażi “f’sede” tindika b’mod ċar li pożizzjonijiet espressi mill-UE quddiem qorti ma jidħlux fl-iskop tal-Artikolu 218(9) TFUE. |
|
59. |
Jiena sejjer l-ewwel neżamina l-kliem tal-Artikolu 218(9) TFUE u wara sejjer inħares lejn kif ġie abbozzat, il-kuntest u l-għanijiet tiegħu. |
|
60. |
L-Artikolu 218(9) TFUE japplika biss fejn pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem l-UE “f’sede stabbilita fi ftehim” u, prinċipalment, “meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali”. |
|
61. |
Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel parti tal-ewwel talba tal-Kunsill ma tistax tirnexxi peress illi meta l-UE tipparteċipa fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali, bħall-proċeduri konsultattivi tal-ITLOS, ma tkunx qiegħda tieħu pożizzjoni fis-sede (hi kif inhi kkaratterizzata) li tkun ġiet msejħa sabiex tiddeċiedi tilwim li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħha jew tagħti opinjoni fuq kwistjonijiet purament ta’ interpretazzjoni. |
|
62. |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, la l-UE u lanqas xi parti oħra li għandha locus standi sabiex tidher quddiem dik is-sede ma tieħu parti fl-entità li tiddelibera. Lanqas ma tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ sentenza jew f’xi xorta oħra ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Pjuttost, parti tesprimi il-pożizzjoni tagħha fuq il-kwistjoni mressqa quddiem is-sede permezz ta’ (bil-fomm u/jew bil-miktub) sottomissjonijiet “lil” (jew “quddiem”) dik is-sede bil-għan li tinfluwixxi fuq l-eżitu tal-proċeduri. |
|
63. |
Ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-WTO”) dwar is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim juru l-linja diviżorja bejn is-sitwazzjoni fejn il-pożizzjoni f’isem l-UE hija meħuda “f’” sede (li għaliha japplika l-Artikolu 218(9) TFUE) u s-sitwazzjoni fejn dan ma huwiex il-każ. Filwaqt li l-Membri kollha tal-WTO, inkluża l-UE, huma rrappreżentati u jieħdu sehem fil-proċessi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-Korp tad-WTO għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (“id-DSB”), inkluż meta id-DSB jadotta rapporti ta’ bord u tal-Korp tal-Appell (sabiex dawn isiru vinkolanti), ( 13 ) huma ma jieħdux sehem fl-eżerċizzju tal-bord u tal-Bord tal-Appell fil-ġurisdizzjoni (rispettiva) tagħhom. |
|
64. |
Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-399/12 (“il-kawża OIV ”). Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 218(9) TFUE japplika fil-kuntest ta’ rakkomandazzjonijiet, fir-rigward tal-Politika Agrikola Komuni, li fuqhom issir votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (“l-OIV”), minkejja l-fatt li l-UE (għall-kuntrarju tal-Istati Membri tagħha) ma tistax tipparteċipa formalment fil-korp governattiv tal-OIV peress li ma hijiex Membru tal-OIV. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod speċifiku l-ġurisprudenza tagħha skont liema, meta l-qasam ta’ dritt jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UE, il-fatt li l-UE ma tipparteċipax fil-ftehim internazzjonali inkwistjoni ma jipprekludihiex milli teżerċita din il-kompetenza billi tistabbilixxi, fil-kuntest tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fi ħdan il-korp maħluq minn dan il-ftehim, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma partijiet tal-imsemmi ftehim li jaġixxu in solidum fl-interess tagħha ( 14 ). Il-pożizzjoni tal-UE dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali tal-OIV kellha għalhekk tkun espressa “f’” dak il-korp minn Stati Membri li jaġixxu kollettivament fl-interess tal-UE. |
|
65. |
Filwaqt li l-frażi “meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali” tipprovdi kuntest għall-interpretazzjoni tal-frażi “f’sede stabbilita fi ftehim” (peress illi tagħmilha ċara li l-iskop tal-Artikolu 218(9) TFUE huwa limitat għas-sitwazzjonijiet fejn dik is-sede tadotta atti li jkollhom effetti legali), ma tistax tintuża sabiex jiġi argumentat li l-Artikolu 218(9) TFUE japplika wkoll meta l-UE tipparteċipa f’proċeduri ġudizzjarji internazzjonali. Naċċetta li deċiżjonijiet u sentenzi oħra ġudizzjarji jistgħu ikunu tassew “atti li jkollhom effetti legali”. Filwaqt li fit-terminoloġija tat-Trattat, il-kelma “att” mhix tipikament użata sabiex tindika l-eżitu ta’ proċeduri ġudizzjarji, ( 15 ) il-Qorti tal-Ġustizzja stess ġa użat it-terminu “acte juridictionnel” sabiex tiddeskrivi deċiżjoni ta’ qorti ( 16 ). Barra minn hekk, filwaqt li opinjoni konsultattiva ma għandhiex eżattament l-istess effetti legali bħal deċiżjoni ġudizzjarja vinkolanti fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali (jew xi regola oħra tad-dritt internazzjonali li hija parti mil-liġi applikabbli li tirregola tilwima u fejn il-ġurisdizzjoni hija stabbilita), naqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 218(9) TFUE ma jispeċifikax li l-effetti legali ta’ att għandhom ikunu vinkolanti. Dik kienet ukoll il-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża OIV fejn din aċċettat li rakkomandazzjonijiet (mhux vinkolanti) tal-OIV jistgħu jinfluwixxu b’mod deċiżiv il-kontenut ta’ dritt tal-UE li jirregola l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-swieq tal-inbid u li tali rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari minħabba li ġew inkorporati fil-liġi tal-UE, kellhom effett legali ( 17 ). Jiena għalhekk inkun ippreparat li nikkunsidra li opinjoni konsultattiva tal-ITLOS hija kapaċi li tikkostitwixxi “att li jkollu effetti legali” peress illi fiha interpretazzjoni mis-sede li għandha l-awtorità li tagħmel dan u li tipprovdi t-tifsira tal-obbligi assunti taħt l-UNCLOS u ftehimiet oħra li l-ITLOS għandha il-kompitu li tinterpreta, bħall-Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut. |
|
66. |
Madankollu din l-interpretazzjoni wiesa’ ta’ “atti li jkollom effetti legali”, moqrija waħedha, ma tistax tibdel it-tifsira ta’ “f’sede stabbilita fi ftehim” sabiex tinkludi sitwazzjonijiet fejn l-UE ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dawk l-atti mis-sede. |
|
67. |
Ninnota wkoll illi l-Artikolu 218(7) jippermetti, “b’deroga” mill-Artikolu218(9), għal iktar simplifikazzjoni tal-proċedura, billi tingħata lill-Kunsill is-setgħa li jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova, f’isem l-UE, modifiki għall-ftehim fejn dan jipprovdi li dawn jiġu adottati minn proċedura ssimplifikata jew minn sede stabbilit bil-ftehim. |
|
68. |
Dik id-deroga tagħmel sens jekk l-atti li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 218(9) TFUE għandhom ikunu nnegozjati mill-partijiet kontraenti “fis-” sede mwaqqfa bil-ftehim. Iżda il-kuntest huwa biċ-ċar wieħed ta’ negozjar u approvazzjoni ta’ dokumenti li jkollhom effetti legali, iktar milli dak ta’ proċeduri ġudizzjarji internazzjonali fejn jiġu interpretati dawk l-atti. |
|
69. |
L-interpretazzjoni ta’ “f’sede” li nipproponi hija wkoll ikkonfermata bl-istorja ta’ tfassil tal-Artikolu 218(9) TFUE. |
|
70. |
Dik l-istorja turi li l-Artikolu 218(9) TFUE ġie inkluż peress illi bosta ftehimiet internazzjonali bilaterali u multilaterali, li permezz tagħhom l-UE assumiet obbligi fil-konfront ta’ Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, entitajiet stabbiliti li huma fdati bl-implimentazzjoni ta’ ftehimiet u li ngħataw is-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet li jkollhom (b’mod vinkolanti) effetti legali għall-partijiet kontraenti. Wieħed mill-ewwel eżempji kien dak tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija ( 18 ), fejn id-deċiżjonijiet tagħha dwar id-drittijiet ta’ ħaddiema Torok huma, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kapaċi li jkollhom effett dirett fl-ordni ġuridiku tal-UE ( 19 ). L-istatus ta’ dawk id-deċiżjonijiet huwa għalhekk ġeneralment mqabbel ma’ dawk tal-ftehimiet internazzjonali sottostanti; u dawk jistgħu konsegwentement ikunu kkunsidrati bħala sors addizzjonali ta’ dritt tal-UE ( 20 ). |
|
71. |
Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ebda dispożizzjoni speċifika ta’ Trattat ma stabbilixxiet proċedura sabiex tiddeċiedi dwar il-pożizzjoni (ta’ dakinhar) tal-KE f’dawk is-sede li jieħdu deċiżjonijiet. Sakemm ma kinux jiġu adottati arranġamenti ad hoc bejn l-istituzzjonijiet, kienet tipikament tintuża l-proċedura fl-Artikolu 228 KE sabiex ikunu konklużi ftehimiet internazzjonali ( 21 ). |
|
72. |
Din is-sitwazzjoni kienet ikkunsidrata insodisfaċenti, peress illi l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali kienet tirrikjedi l-kunsens minn qabel jew konsultazzjoni minn qabel tal-Parlament Ewropew u għalhekk kienet pjuttost elaborata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssuġġeriet li tintuża proċedura ssimplifikata, fejn ġie limitat l-involviment tal-Parlament Ewropew, b’mod li jista’ jkun hemm parteċipazzjoni iktar effettiva tal-UE fis-sede li jieħdu deċiżjonijiet stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali ( 22 ). It-Trattat ta’ Amsterdam laħaq parzjalment dak il-għan billi għamel emenda fl-Artikolu 228 KE (li wara sar l-Artikolu 300 KE) u żied t-tieni subparagrafu għall-Artikolu 300(2) KE (li huwa l-preċedessur tal-Artikolu 218(9) TFUE). Dan stabbilixxa proċedura ssimplifikata, fejn ebda kunsens jew konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew ma kienu meħtieġa sabiex il-Kunsill seta’ jiddeċiedi dwar “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali [...]”. Madankollu, l-iskop materjali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE kien limitat għall-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni konklużi mill-UE. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni jew kunsens tal-Parlament Ewropew kienu xorta waħda meħtieġa meta kunsilli ta’ assoċjazzjoni kienu msejħa sabiex jadottaw “deċiżjonijiet li jikkompletaw jew li jimmodifikaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”. |
|
73. |
It-Trattat ta’ Nizza wessa’ l-iskop materjali tad-dispożizzjoni, sabiex il-proċedura ssimplifikata setgħet tintuża sabiex tiddeċiedi dwar il-pożizzjoni li kellha tkun adottata mill-Komunità f’entitajiet mwaqqfa minn xi ftehim internazzjonali. Din tibqa’ s-sitwazzjoni attwali. |
|
74. |
Ma nistax għalhekk naċċetta li l-Artikolu 218(9) huwa dispożizzjoni awtonoma, kif qiegħed jissuġġerixxi l-Kunsill. L-istorja ta’ tfassil juri b’mod ċar li dan jifforma parti integrali mir-regoli applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. L-għan tiegħu jibqa’ identiku għal dak tal-Artikolu 300(2) KE. Dan jippermetti lill-UE sabiex tuża proċedura ssimplifikata biex tieħu sehem fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ korpi mwaqqfa skont ftehim internazzjonali li huma msejħa sabiex jadottaw atti li jkollhom effetti legali, sakemm l-atti inkwistjoni ma jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim (f’liema każ jeħtieġ li jkun hemm l-involviment minn qabel tal-Parlament Ewropew) . ( 23 ) |
|
75. |
L-interpretazzjoni li nipproponi fuq il-bażi ta’ kemm it-test kif ukoll tal-istorja ta’ tfassil tal-Artikolu 218(9) TFUE hija, għalhekk, ikkonfermata mill-istruttura ġenerali ta’ dik id-dispożizzjoni. |
|
76. |
Fl-aħħar nett, niġbed l-attenzjoni għall-ċerti konsegwenzi legali u prattiċi li jsegwu mill-konklużjoni li l-Artikolu 218(9) TFUE japplika għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet fi proċeduri legali internazzjonali. |
|
77. |
L-ewwel nett, minn dik l-interpretazzjoni, ma jkunux iktar permissibbli dispożizzjonijiet li jinstabu llum f’liġi sussidjarja tal-UE li jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex tibda proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim wara li tkun ikkonsultat jew infurmat Stati Membri. |
|
78. |
Fost id-dispożizzjonijiet li saru invalidi hemm l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/414 ( 24 ) u l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94, kif emendat (ir-Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ: ‘it-TBR’) ( 25 ). B’mod iktar ġenerali, id-diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha llum sabiex tippreżenta proċeduri quddiem il-WTO u li tieħu sehem fihom tista’ tiġi ovvjament mxekkla. ( 26 ) |
|
79. |
It-tieni nett, billi proċeduri ġudizzjarji huma suġġetti għall-osservanza ta’ skadenzi stretti proċedurali (mhux bħas-sitwazzjoni li hija normalment applikabbli meta atti jkunu qed jiġu ppreparati sabiex jiġu adottati minn sede li tieħu d-deċiżjonijiet), hemm ir-riskju li l-Kunsill jista’ ma jilħaqx maġġoranza kkwalifikata ( 27 ) dwar il-pożizzjoni tal-UE malajr biżżejjed sabiex tittieħed azzjoni f’isem l-UE. Dik għandha it-tendenza li tnaqqas il-ħila tal-UE li tinfluwixxi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li hija ffirmat. Dak ir-riżultat jidher li jmur kontra il-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-involviment tal-UE bħala parteċipanti internazzjonali, kif muri fil-kawża OIV ( 28 ). |
|
80. |
Nikkonkludi li, peress illi l-UE ma tiħux sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali, l-Artikolu 218(9) TFUE mhux intiż li jkopri s-sitwazzjoni fejn l-UE tippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub jew bil-fomm f’dawk il-proċeduri. Huwa għalhekk ma huwiex meħtieġ li jiġu kkunsidrati f’iktar dettall il-kundizzjonijiet li fadal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE. ( 29 ) Jiena għalhekk nipproponi li l-ewwel parti tal-ewwel talba tal-Kunsill għandha tiġi miċħuda. |
It-tieni parti tal-ewwel talba: l-Artikolu 16(1) TUE
|
81. |
Il-Kunsill jikkontendi li, skont l-Artikolu 16(1) TUE, huwa responsabbli sabiex jiddefinixxi l-politiki tal-UE. Il-funzjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 TUE, hija li tiżgura (fejn meħtieġ) ir-rappreżentanza esterna tal-UE. Għalkemm il-Kunsill jaċċetta li hija l-Kummissjoni li għandha tirrappreżenta l-UE quddiem l-ITLOS skont l-Artikolu 335 TFUE, li huwa rifless speċifiku tas-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, huwa wieħed mill-prerogattivi esklużivi tal-Kunsill li jiddetermina jekk l-UE għandhiex tesprimi pożizzjoni u, jekk hu hekk, biex tiddeċiedi dwar il-kontenut jew ta’ lanqas dwar il-linji ġenerali ta’ dik il-pożizzjoni. Bħala riżultat, meta ġew ippreżentati dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-ITLOS mingħajr il-kunsens tal-Kunsill, il-Kummissjoni kisret il-prerogattivi tal-Kunsill skont l-Artikolu 16(1) TUE. Il-Kummissjoni twieġeb li l-Kunsill qiegħed jinjora d-distinzjoni bejn ir-rappreżentanza esterna għal raġunijiet politiċi (li għaliha hija applikabbli s-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE u li fir-rigward tagħha l-Artikolu 16(1) jista’ jkun rilevanti jekk ma tkunx għad ġiet stabbilta politika tal-UE) u r-rappreżentanza tal-UE quddiem tribunal internazzjonali (li għaliha hija applikabbli t-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE flimkien mal-Artikolu 335 TFUE). |
|
82. |
Kif naraha jien, is-suċċess ta’ din il-parti tal-ewwel talba tal-Kunsill jiddependi, fl-ewwel lok, fuq jekk id-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-UE fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali hijiex kwistjoni ta’ tfassil ta’ politika u, fit-tieni lok, fuq jekk l-eżekuzzjoni ta’ tali funzjonijiet hijiex “stipulata fit-Trattati”. |
|
83. |
Għal dak li jikkonċerna l-ewwel minn dawk il-kundizzjonijiet, il-Kunsill, appoġġat minn uħud mill-Istati Membri li intervjenew, jikkontendi li d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS kienet deċiżjoni politika. L-UE ma kienet taħt l-ebda obbligu li tieħu sehem fil-proċeduri. Billi r-risposta korretta għat-talba għal opinjoni konsultattiva ma tistax tiġi dedotta b’mod oġġettiv u newtrali mit-testi rilevanti (b’mod partikolari, l-UNCLOS), kull sottomissjoni mill-UE tinvolvi għażliet politiċi, inklużi dawk li jikkonċernaw il-kwistjonijiet preliminari dwar il-ġurisdizzjoni ġenerali tal-ITLOS u l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni konsultattiva. |
|
84. |
Naċċetta li kull att mwettaq minn istituzzjoni tal-UE, speċjalment f’relazzjonijiet esterni, jista’ jkollu konsegwenzi politiċi. Bl-istess mod, sottomissjonijiet ippreżentati fi proċeduri (internazzjonali) huma, min-natura tagħhom stess, intiżi sabiex jinfluwixxu d-deċiżjoni li tirriżulta minn dawk il-proċeduri. Skont ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri ġudizzjarji internazzjonali, parti li għandha locus standi sabiex tintervjeni tista’, pereżempju, tikkontesta l-ġurisdizzjoni, tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ xi uħud jew tad-domandi kollha mressqa, tissuġġerixxi risposti għal xi uħud jew għad-domandi kollha, jew tiffoka fuq argument partikolari iktar milli fuq ieħor. |
|
85. |
Madankollu, kif naraha jien, dan ma jfissirx neċessarjament li sottomissjonijiet ippreżentati fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali jidħlu fil-“funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika” tal-Kunsill skont l-Artikolu 16(1) TUE ( 30 ). |
|
86. |
Fil-kawża preżenti, il-Kunsill kien ġa eżerċita r-rwol tiegħu ta’ “tfassil ta’ politika” fi ħdan il-qafas tal-UNCLOS qabel ma l-Kummissjoni ppreżentat id-dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS. |
|
87. |
L-ewwel nett, l-UE saret parti minn kemm l-UNCLOS kif ukoll il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd ma’ ħamsa mill-Istati tal-SRFC imsemmija hawn fuq skont il-proċeduri li fihom il-Kunsill ħa sehem sħiħ fir-rwol riżervat għalih permezz tat-Trattati ( 31 ). Huwa konsegwentement, b’mod partikolari, qabel li jkun marbut bid-dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim tagħhom ( 32 ) u, b’mod iktar ġenerali, bl-arranġamenti li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni sabiex dawn jiġu interpretati. Skont l-Artikolu 216(2) TFUE, dawn il-ftehimiet internazzjonali huma vinkolanti fuq l-UE u jifformaw parti integrali mid-dritt tal-UE ( 33 ). |
|
88. |
It-tieni nett, l-UE adottat sensiela wiesa’ ta’ regoli interni li jkopru l-aspetti sostanzjali ta’ dawk il-ftehimiet. B’mod partikolari, kif innotat il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 rilevanti għas-sajd IUU, bħal dawk li jiddefinixxu s-“sajd illegali”, huma mibnija fuq il-bażi ta’ regoli internazzjonali diġà eżistenti ( 34 ). |
|
89. |
Dawn huma għażliet ta’ “tfassil ta’ politika” li l-Kunsill għamel skont l-Artikolu 16(1) TUE u r-regoli proċedurali speċifiċi fit-Trattati li jipproteġu l-prerogattivi tal-Kunsill fir-rigward tan-negozjar, iffirmar u konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. |
|
90. |
Il-kjarifika sussegwenti u l-applikazzjoni ta’ impenji eżistenti tal-UE skont id-dritt internazzjonali permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji internazzjonali, inklużi l-proċeduri konsultattivi tal-ITLOS, jirrappreżentaw biss fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-konsegwenzi tal-għażliet ta’ “politika” li ttieħdu iktar kmieni mill-Kunsill u għalhekk ma jeħtieġx li tiġi ddefinita politika ġdida. |
|
91. |
Għalkemm din hija s-sitwazzjoni hawnhekk, nsiba bit-tqila li naċċetta li dan dejjem ikun il-każ. Għalhekk, mhux imprevedibbli li, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji internazzjonali fejn l-UE għandha locus standi, l-UE jista’ jkollha l-bżonn li tieħu pożizzjoni fuq kwistjoni li għadha ma hijiex koperta mill-obbligi eżistenti tal-UE skont id-dritt internazzjonali li għandhom ikunu interpretati (u applikati) f’dawk il-proċeduri jew b’xi regoli oħra tad-dritt internazzjonali fejn l-UE diġà ħadet pożizzjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-prerogattivi tal-Kunsill għandhom jiġu osservati. Madankollu, jidhirli li l-proċeduri tal-ITLOS inkwistjoni f’dan il-każ, u s-sottomissjonijiet ippreżentati mill-UE, kienu jirrigwardaw kwistjonijiet li rriżultaw mill-ħidma tal-UNCLOS u l-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet ta’ Ħut. |
|
92. |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni li fuqha tiddependi din il-parti tat-talba tal-Kunsill, jidhirli li, fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma jistax jistrieħ fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE f’iżolazzjoni minn kull dispożizzjoni oħra tat-Trattati. |
|
93. |
Jiena ninterpreta l-frażi “kif stipulat fit-Trattati” bħala li tfisser neċessarjament li l-funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika tal-Kunsill ma jistgħux jiġu eżerċitati mingħajr ma jkun hemm dispożizzjoni separata (jew, fejn hu rilevanti, numru ta’ dispożizzjonijiet) fit-Trattati li tistabbilixxi dik is-setgħa, u b’hekk ikun osservat il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi. |
|
94. |
Ma naħsibx, madankollu, li l-assenza ta’ dispożizzjoni oħra fit-Trattati li tistabbilixxi r-rwol tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ strumenti speċifiċi li permezz tagħhom l-UE taġixxi esternament – u li permezz tagħhom il-politiki esterni tal-UE jistgħu jingħataw effett – hija ta’ ostakolu għall-Kunsill fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu skont l-Artikolu 16(1) TUE sabiex jiddeċiedi dwar politiki tal-UE f’relazzjonijiet esterni fejn għadha ma teżisti l-ebda politika suffiċjenti. Jekk dak kellu jkun il-każ, l-UE tista’ tkun mfixkla b’mod serju fl-isforzi tagħha sabiex taġixxi b’mod effettiv. Fil-fatt, it-Trattati ma fihomx dispożizzjonijiet separati fuq bosta strumenti ta’ azzjoni esterna li permezz tagħhom l-UE, li għandha personalità ġuridika internazzjonali, tista’ taġixxi ( 35 ). Azzjoni esterna effettiva mill-UE għandha tkun kapaċi li tuża varjetà ta’ strumenti u meta tagħmel dan, il-prerogattivi tal-Kunsill għandhom ikunu osservati. |
|
95. |
Inżid ngħid li, fejn it-Trattati jistabbilixxu r-regoli proċedurali li fihom il-Kunsill għandu jaġixxi fir-rigward ta’ strument partikolari ta’ azzjoni esterna tal-UE, il-Kunsill ma jistax jagħmel użu mill-Artikolu 16(1) TUE sabiex jippreġudika dawk ir-regoli ( 36 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonfermat li jirriżulta mill-Artikolu 13(2) TUE li r-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u ma humiex għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet innifishom ( 37 ). |
|
96. |
Għalhekk, kif ġa spjegajt iktar ’il fuq, id-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-UE fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali ma kinitx teħtieġ hawnhekk li l-Kunsill jeżerċita iktar dawn il-prerogattivi. |
|
97. |
Nikkonkludi li t-tieni parti tal-ewwel talba tal-Kunsill għandha tiġi miċħuda. |
It-tieni talba: l-Artikolu 13(2) TEU
|
98. |
Permezz tat-tieni talba, il-Kunsill jikkontendi li l-aġir tal-Kummissjoni jikser b’mod ċar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE. Il-Kunsill jissottometti li l-Kummissjoni naqset milli: (i) tippreżenta, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, proposta għad-deċiżjoni tal-Kunsill sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-UE li għandha tkun ippreżentata quddiem l-ITLOS, (ii) tikkoopera mal-Kunsill sabiex ikun stabbilit il-kontenut tad-dikjarazzjoni li għandha tkun ippreżentata u (iii) tqis il-fehma tal-Kunsill li, fl-assenza ta’ pożizzjoni tal-UE maqbula mill-Kunsill, ma setgħet tiġi ppreżentata lill-ITLOS, l-ebda dikjarazzjoni bil-miktub, billi ħabbret fil-laqgħa tal-Coreper tas-27 ta’ Novembru 2013 li kienet sejra tipproċedi bil-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni u mbagħad għamlet eżattament dan jumejn wara. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li żammet il-Kunsill informata bis-sħiħ u, kemm jista’ jkun, ħadet inkunsiderazzjoni l-kummenti ddettaljati mill-Istati Membri individwali meta ppreparat id-dikjarazzjoni bil-miktub li ppreżentat lill-ITLOS. |
|
99. |
Id-dmir ta’ kooperazzjoni leali reċiproka skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE japplika fil-limiti tas-setgħat mogħtija lil kull istituzzjoni permezz tat-Trattati. Mhux għalhekk intiż li jżid jew inaqqas dawk is-setgħat ( 38 ). Għalhekk, fejn it-Trattati jipprovdu li l-Kummissjoni hija kompetenti li taġixxi mingħajr l-approvazzjoni tal-Kunsill, id-dmir tal-Kummissjoni li tikkoopera mal-Kunsill ma jistax ikun estiż sabiex jipprekludi lill-Kummissjoni milli taġixxi b’dan il-mod. |
|
100. |
Kif naraha jien, l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni talba tal-Kunsill huma msejsa fuq l-assunzjoni li, fuq interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kummissjoni kienet teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill sabiex tippreżenta sottomissjonijiet fil-proċeduri konsultattivi tal-ITLOS u li l-ebda livell ta’ konsultazzjoni jew kooperazzjoni leali ma setgħu jirrimedjaw dan il-ksur. Madankollu, jekk — kif ikkonkludejt — l-Artikolu 218(9) TFUE ma kienx jeħtieġ li l-Kummissjoni tikseb din l-awtorizzazzjoni minn qabel, il-Kummissjoni ma setgħetx tonqos fid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali billi ma ħaditx passi sabiex tikseb din l-awtorizzazzjoni. |
|
101. |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti, nikkunsidra li l-fatti disponibbli juru li, waqt il-preparazzjoni tad-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni, fil-fatt, ikkonsultat l-Istati Membri u l-Kunsill, u ħadet il-kummenti tagħhom inkunsiderazzjoni (inklużi dawk relatati mal-ġurisdizzjoni tal-ITLOS) ( 39 ) qabel ma’ ippreżentat id-dikjarazzjoni f’isem l-UE fit-terminu speċifikat mill-ITLOS. |
|
102. |
Għal dawn ir-raġunijiet, jiena għalhekk nikkonkludi li t-tieni talba għandha tiġi miċħuda wkoll. |
Kwistjoni addizzjonali: l-Artikoli 17(1) TUE u l-Artikolu 335 TFUE
|
103. |
Jekk l-Artikolu 16(1) TUE u l-Artikolu 218(9) TFUE ma humiex applikabbli, ir-rikors tal-Kunsill għandu jiġi miċħud: ta’ lanqas taħt dawk id-dispożizzjonijiet, il-Kunsill kien ġa ħa l-pożizzjoni rilevanti; u ma kellux il-kompetenza li jiddeċiedi fuq il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub inkwistjoni. Iżda dik il-konklużjoni timplika wkoll illi d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni kienet msejsa sew, kif tikkontendi l-Kummissjoni, fuq l-Artikolu 335 TFUE (moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TUE) u għalhekk kienet taqa’ fil-kompetenza tal-Kummissjoni? Jew, jekk l-Artikolu 335 TFUE ma japplikax, il-Kummissjoni kienet xorta waħda kompetenti, skont l-Artikolu 17(1) TUE, li tieħu dik id-deċiżjoni? Issa ser nindirizza dawn il-kwistjonijiet. |
|
104. |
Kif naraha, ġaladarba l-pożizzjoni rilevanti tal-UE teżisti diġà, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(1) TUE, sabiex teżegwixxi dik il-pożizzjoni billi twettaqha u tirrappreżenta dik il-pożizzjoni fuq ix-xena internazzjonali (inkluż fil-proċeduri ġudizzjarji internazzjonali). Wara kollox, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE u li tassigura l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet skont dawn it-Trattati ( 40 ). |
|
105. |
Jekk l-Artikolu 335 TUE huwa sempliċiment l-espressjoni speċifika, fir-rigward tar-rappreżentanza tal-UE, tal-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 17(1) TUE, l-Artikolu 335 TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TUE, jagħtu lill-Kummissjoni l-kompetenza li tiddeċiedi dwar dikjarazzjonijiet bil-miktub bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża. |
|
106. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni diġà aċċettat li l-Artikolu 282 KE (li sar l-Artikolu 335 TFUE) huwa, minkejja il-frażi “[f’]kull wieħed mill-Istati Membri” f’dik id-dispożizzjoni, “…l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali, [u] jipprovdi li l-Komunità għandha l-kapaċità ġuridika, u hija, għal dan il-għan, rappreżentata mill-Kummissjoni” ( 41 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk straħet ukoll fuq il-fatt li l-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-miżuri li ttieħdu skont dan huma applikati (l-Artikolu 211 KE, li sar it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE). Bħala riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ( 42 ) li kienet iddikjarat inammissibbli l-proċeduri ta’ annullament ippreżentati minn manifatturi tas-sigaretti kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċeduri quddiem il-qrati ta’ Stat terz (l-Istati Uniti tal-Amerika) dwar l-allegat involviment ta’ dawn il-manifatturi f’sistema ta’ kuntrabandu fit-territorju tal-Komunità Ewropea. Il-Kummissjoni kienet bdiet dawk il-proċeduri fl-Istati Uniti mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill ( 43 ). |
|
107. |
Fis-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, il-kompetenza tal-Kummissjoni skont dawk id-dispożizzjonijiet kienet li tiddeċiedi, mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill, li tibda proċeduri quddiem il-qrati ta’ Stat terz u li tiddefinixxi l-iskop u s-sustanza tal-proċedura legali istitwita. Il-Qorti tal-Ġustizzja dehret li aċċettat li dawk l-elementi kollha jikkostitwixxu “rappreżentanza” tal-UE mill-Kummissjoni. Kif naraha jien, dan jimplika neċessarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax ir-rwol tal-Kummissjoni, bħala waħda mill-istituzzjonijiet politiċi ewlenin tal-UE, bħala paragunabbli ma’ dak ta’ avukat (il-Kummissjoni) li qiegħed jirrappreżenta l-klijent tiegħu (l-UE). |
|
108. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li r-rappreżentazzjoni tal-UE mill-Kummissjoni teżisti sabiex jingħata effett lill-personalità ġuridika tal-UE billi taġixxi fi proċeduri legali. Għall-kuntrarju tal-Kunsill u tal-Gvern Awstrijak, ma nsib ebda raġuni valida għala l-firxa tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tirrappreżenta l-UE għandha tkun differenti skont il-forum li quddiemu l-UE tipparteċipa bħala parti fil-proċeduri ġudizzjarji. |
|
109. |
Lanqas ma jien konvint mill-argument tal-Kunsill li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fil-kawża Reynolds Tobacco, id-dikjarazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni lill-ITLOS ma jappartjenux lir-rwol tagħha bħala “gwardjan tat-Trattati” skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE. |
|
110. |
Huwa minnu, fil-kawża Reynolds Tobacco il-kawża ċivili fl-Istati Uniti kienet intiża essenzjalment sabiex jinkiseb kumpens mill-kumpanniji tat-tabakk inkonnessjoni mal-allegata parteċipazzjoni tagħhom fil-kuntrabandu tas-sigaretti fil-Komunità Ewropea, fejn b’hekk evitaw milli jħallsu d-dazju u l-VAT. Il-Kummissjoni kienet għalhekk qiegħda taġixxi sabiex tipproteġi l-integrità tal-unjoni doganali u l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea ( 44 ). |
|
111. |
Madankollu, il-fatt li, meta ppreżentat dikjarazzjonijiet bil-miktub quddiem l-ITLOS fil-Każ Nru 21, il-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tfittex li tikseb b’mod immedjat konsegwenzi simili u prattiċi għall-funzjonament tas-suq intern u l-baġit tal-Unjoni ma jfissirx li ma kinitx qiegħda taġixxi b’mod konformi mal-mandat tagħha skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE. |
|
112. |
L-ewwel nett, filwaqt li proċeduri konsultattivi tal-ITLOS huma neċessarjament differenti fin-natura tagħhom minn kawża ċivili intiża li jinkiseb kumpens finanzjarju għat-telf, it-tnejn jistgħu jwasslu għal riżultati li jkollhom konsegwenzi għall-Unjoni. It-tnejn għalhekk jistgħu jeħtieġu li l-Kummissjoni tieħu “inizjattivi xierqa” u li “ġġib ’il quddiem l-interessi ġenerali tal-[UE]”. |
|
113. |
It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li l-mandat tal-Kummissjoni bħala “gwardjan tat-Trattati” jinkludi li tkun żgurata l-implementazzjoni korretta minn Stat terz tal-obbligi li jkun daħal għalihom taħt ftehim konkluż mal-UE permezz tal-metodi previsti mill-ftehim jew minn deċiżjonijiet meħuda skont dan il-ftehim ( 45 ), inkluża l-proċedura sabiex jiġu riżolti t-tilwim ( 46 ). Konsistenti ma’ dan, ma nsib ebda raġuni ta’ prinċipju sabiex tiġi eskluża mill-mandat tal-Kummissjoni r-rappreżentanza fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali. |
|
114. |
It-tielet nett, id-domandi mressqa lill-ITLOS għall-opinjoni konsultattiva tiegħu kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-UE (UNCLOS), il-ftehimiet bilaterali dwar is-sajd tal-UE ma’ Stati terzi (b’mod partikolari, ma’ ħames membri tal-SRFC) u l-Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut. Dawn l-istrumenti internazzjonali kollha jifformaw parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-UE u huma vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet. Madankollu, id-domandi speċifiċi mressqa jirrigwardaw il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni konkorrenti tal-Istati kostali u tal-Istat tal-bandiera sabiex jiżguraw konservazzjoni tajba tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra s-sajd IUU – żona li fiha l-UE adottat leġiżlazzjoni sussidjarja speċifika fuq il-bażi ta’ regoli internazzjonali diġà eżistenti ( 47 ). Il-fatt li, waqt dawn il-proċeduri, jistgħu jiġu mqajjma aspetti addizzjonali marbuta ma’ kwistjonijiet ġenerali (hawnhekk, il-ġurisdizzjoni tal-ITLOS li jagħti opinjonijiet konsultattivi u l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula) huma inerenti f’kull proċedura legali. |
|
115. |
Jiena għalhekk nikkunsidra li l-Artikolu 335 TFUE, meħud flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, pprovda lill-Kummissjoni b’bażi legali xierqa sabiex isiru dikjarazzjonijiet miktuba u bil-fomm lill-ITLOS f’isem l-UE. |
Konklużjoni
|
116. |
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq u tal-Artikoli 138 u 140 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tqassim tal-ispejjeż, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Magħmula f’Montego Bay, fl-10 ta’ Diċembru 1982, 1833 UNTS 3. L-UNCLOS daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru 1994. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU 1998 L 179, p.1).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE tat-8 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-[UNCLOS] li għandha x’taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ l-stokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat ta’ l-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 4, p. 3).
( 4 ) Il-Konvenzjoni ta’ 1985 iffirmata ġewwa Dakar ġiet emendata fl-14 ta’ Lulju 1993 fi Praia, Cape Verde. It-test tal-Konvenzjoni, kif emendat, huwa disponibbli biss bil-Franċiż u jista’ jiġi kkonsultat fis-sit: http://spcsrp.org/Documents.
( 5 ) Deċiżjoni C(2013) 4989 finali (mhux ippubblikat; “id-deċiżjoni tal-5 ta’ Awissu 2013”).
( 6 ) Ara, pereżempju, s-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, C‑141/05, EU:C:2007:653, punt 29.
( 7 ) Ara, pereżempju, s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, EU:C:2004:173, punt 26; ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑301/03, EU:C:2005:550, il-punti 61 sa 81.
( 8 ) Digriet fil-kawża Brüggemann vs ECOSOC, 248/86, EU:C:1987:429, il-paragrafu 6.
( 9 ) Qabbel, f’kuntest differenti, l-ħsieb wara l-ġurisprudenza bbażata fuq id-deċiżjoni Foglia vs Novello, 104/79, EU:C:1980:73.
( 10 ) Li taqra: “B’Deċiżjoni C(2013)4989 tal-5 ta’ Awissu 2013 il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta sottomissjonijiet f’isem l-[EU] fuq it-talba minn entità sub-reġjonali [...] għal opinjoni konsultattiva lill-[ITLOS]. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali l-grupp ta’ ħidma kompetenti tal-Kunsill għandu jkun infurmat.”
( 11 ) Ara il-punti 8 u 9 iktar ’l fuq.
( 12 ) Min-naħa l-oħra, numru ta’ Stati Membri li intervenew isostnu li l-Artikolu 335 TFUE mhux applikabbli fil-kawża preżenti, partikolarment minħabba li l-kliem ta’ dak l-artikolu jikkonferixxi biss fuq il-Kummissjoni l-kompitu li tirrapreżenta l-UE f’ċerti proċeduri legali mressqa quddiem il-qrati tal-Istati Membri.
( 13 ) Ara l-Artikoli IV:2 u IV:3 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Artikoli 16(4) u 17(14) tal-Ftehim dwar Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni ta’ Tilwim.
( 14 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 52.
( 15 ) It-terminu “att” (iktar milli “deċiżjoni”) huwa użat ukoll fi verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 218(9) TFUE li eżaminajt (ara, b’mod partikolari, ‘acte’ fil-verżjoni Franċiża, ‘actos’ fil-verżjoni Spanjola, ‘Akte’ fil-verżjoni Ġermaniża, ‘akty’ jew ‘actów’ fil-verżjoni Pollakka, ‘atos’ fil-verżjoni Portugiża, ‘säädoksiä’ fil-verżjoni Finlandiża, ‘akter’ fil-verżjoni Svediża); u (bħall-Ingliż) mhux użat f’dawk il-lingwi meta id-dispożizzjonijiet tat-Trattati jsemmu qrati jew tribunali. Ara pereżempju, l-Artikolu 67(4) TFUE: “[…] il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili”; l-Artikolu 256(1) TFUE: “Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali […]” u l-Artikolu 267 TFUE: “Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju […]”.
( 16 ) Ara, pereżempju, s-sentenzi Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 26, u Il-Komunità Ewropea, C‑199/05, EU:C:2006:678, punt 33.
( 17 ) Ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punti 63 u 64.
( 18 ) Kif inhi x-xejra bil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE – Turkija huwa kompost minn rappreżentanti ta’ kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll tat-Turkija. L-Artikolu 22 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE – Turkija (ĠU 1973 C 113, p. 2, (referenza għall-verżjoni Ingliża peress li mhux disponibbli bil-Malti)) jikkonferixxi “setgħa ta’ deċiżjoni” fuq il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati f’dak il-Ftehim.
( 19 ) Ara s-sentenza Sevince, C‑192/89, EU:C:1990:322, punti 17 sa 24.
( 20 ) Ara, inter alia, Dashwood, A., “External Relations Provisions of the Amsterdam Treaty”, 35 CMLRev. (1998), p. 1019, f’1026 u Martenczuk, B., “Decisions of Bodies Established by International Agreements and the Community Legal Order”, f’Kronenberger, V., (edizzjoni), The European Union and the International Legal Order: Discord or Harmony? TMC Asser Press, L-Aja, 2001, p. 141, f’157.
( 21 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat l-atti li għandhom ikunu adottati minn dawk il-korpi bħala ftehimiet previsti fis-sens ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 218(11) TFUE, fatt li jippermettilhom li jirrivedu l-kompatibilità tagħhom mat-Trattati qabel l-adozzjoni tagħhom. Ara l-Opinjoni 2/92, EU:C:1995:83, punt II-8, fir-rigward tat-Tielet Edizzjoni Riveduta dwar it-trattament nazzjonali tal-Kunsill ta’ l-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:289, il-punt 44.
( 22 ) Ara l-paragrafu 26 tal-opinjoni tal-Kummissjoni “Reinforcing political union and preparing for enlargement” (COM(96) 90 finali, 28 ta’ Frar 1996) dwar iż-żamma tal-Konferenza Intergovernattiva 1996 għall-emendar tat-Trattati li nnotat li l-UE ma kinitx “attrezzata li tmexxi negozjati f’organizzazzjonijiet internazzjonali u tipparteċipa fl-attivitajiet tagħhom, kif inhi msejjħa iktar spiss sabiex tagħmel dan. [...] Il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-[EU] hija mdgħajfa f’ħafna każijiet”. Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet li “it-Trattat għandu jinkludi dispożizzjonijiet mfassla b’mod speċifiku sabiex jippermettu l-Unjoni li titkellem b’vuċi waħda u għalhekk tiddefendi l-iteressi kollha rilevanti b’mod iktar effettiv”.
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2114, il-punt 97.
( 24 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.
( 25 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 400), kif l-aħħar emendata bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2014, li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU 2014 L 18, p. 1). Skont l-Artikolu 13, il-Kummissjoni, inter alia, għandha s-setgħa, wara li kien sar ilment minn impriżi, industriji jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom tal-UE, li tadotta deċiżjonijiet dwar il-ftuħ u t-tmexxija ta’ proċeduri tal-WTO ta’ soluzzjoni tat-tilwim, wara li tkun infurmat l-Istati Membri.
( 26 ) Skont is-sit elettroniku (https://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/dispu_by_country_e.htm), l-UE aġixxiet (sa mis-16 ta’ Ġunju 2015) bħala lanjant f’ħamsa u disgħin każ, u bħala konvenuta fi tnejn u tmenin każ u bħala intervenjenti f’mija u disa’ u erbgħin każ.
( 27 ) L-Artikolu 218(8) TFUE jispeċifika li l-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata matul il-proċedura. L-istess jgħodd ovvjament għall-Artikolu 16(3) TUE.
( 28 ) Sentenza fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258.
( 29 ) Trattata fil-qosor fil-punt 65 hawn fuq.
( 30 ) Ninnota f’dan ir-rigward li l-Kunsill jidher li jaċċetta (almenu għalissa) li dawk l-għażliet jistgħu jsiru b’mod validu mill-Kummissjoni meta tistitwixxi proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim b’konformità mar-rekwiżiti proċedurali stipulati fit-TBR u fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/414 (dwar il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet ta’ Ħut), mingħajr ma’ tikser l-Artikolu 16(1) TUE. Il-Kunsill ma spjegax għala l-proċeduri konsultattivi tal-ITLOS (jew xi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali oħra) għandhom ikunu meqjusa b’mod differenti.
( 31 ) Ara l-punt 13 iktar ’il fuq. Meta l-UNCLOS ġie ratifikat f’isem l-UE, il-Kunsill ibbaża ruħu , inter alia, fuq l-Artikolu 113 KE (politika kummerċjali komuni) u l-Artikolu 228(2) u (3) KE (konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali). Il-Kunsill ibbaża ruħu wkoll fuq l-Artikolu 300(2) u (3) KE u adotta r-regolamenti l-iktar riċenti tal-Kunsill li rratifikaw il-ftehimiet tas-sajd mal-Istat tal-SRFC. Ir-regolamenti preċedenti kienu bbażati biss fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat marbuta mal-Politika Komuni tas-Sajd.
( 32 ) L-UE għadha ma għażlitx waħda jew aktar mill-mezzi għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-interpretazzjoni jew applikazzjoni tal-UNCLOS kif stipulati fl-Artikolu 287 UNCLOS. Skont l-Artikolu 7 tal-Anness IV tal-UNCLOS, dak ifisser li l-UE hija meqjusa li aċċettat il-proċedura ta’ arbitraġġ.
( 33 ) Ara, pereżempju, s-sentenza fil-kawża Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 73.
( 34 ) Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008, tad-29 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar r-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999, il-Kummissjoni adottat lista tal-UE ta’ bastimenti tal-IUU (rivedut regolarment) li hija bbażata fuq il-listi stabbiliti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (‘RFMO’): Ara ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 486/2010, tat-28 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta’ bastimenti involuti f’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (ĠU L 131, p. 22). L-UE implementat ukoll miżuri tal-RFMO dwar miżuri li jikkonċernaw xi Stati: ara, pereżempju, Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2004, tas-26 ta’ April 2004, li jipprojbixxi l-Importazzjonijiet tat-tonn (Thunnus thynnus) li joriġina mill-Guinea Ekwatorjali u s-Sierra Leon u li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2092/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 172), li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), fejn l-UE hija parti kontraenti.
( 35 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:334 (“sajd tal-Venezwela”), il-punti 107 u 108.
( 36 ) Bl-istess mod il-Parlament Ewropew, li, skont l-Artikolu 14(1) TUE, “[...] għandu jeżerċita funzjonijiet ta’ kontroll politiku u ta’ konsultazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati”, ma jistax joqgħod fuq dik l-espressjoni tal-kompetenza tiegħu sabiex iwessgħa r-rwol tiegħu fir-rigward ta’ ftehimiet internazzjonali li għalih jipprovdi l-Artikoli 218 TFUE. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025 (“trasferiment ta’ pirati ssuspettati tar-Repubblika tal-Mawrizju”), il-paragrafi 54 u 55.
( 37 ) Ara s-sentenzi fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257 (“status ta’ refuġjat”), il-paragrafu 54 u l-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282 (“każ ta’ taħlit doppju”), punti 41 u 42.
( 38 ) Sentenza fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑48/14, EU:C:2015:91, (“każ dwar is-sustanzi radjoattivi”) punti 57 u 58.
( 39 ) Ara wkoll il-punti 103 sa 115 iktar ’il quddiem dwar l-iskop u l-firxa tas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 335 TFUE.
( 40 ) Ara wkoll is-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, (“Reynolds Tobacco”), EU:C:2006:541, punt 94.
( 41 ) Sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 94.
( 42 ) Sentenza fil-kawża Philip Morris International vs Il-Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6.
( 43 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja minn dak il-fatt: il-Kunsill kien speċifikament ġibed l-attenzjoni għal dan fl-osservazzjonijiet tiegħu fl-intervent favur il-Kummissjoni.
( 44 ) Ara s-sentenza Philip Morris International vs Il-Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 and T‑272/01, EU:T:2003:6, punti 1 sa 3.
( 45 ) Sentenza fil-kawża C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 95 (dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija) u d-digriet Mugraby vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑581/11 P, EU:C:2012:466, punt 68 (dwar il-Ftehim Ewro-Mediterran li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Ġunju 2002 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/356/KE tal-14 ta’ Frar z2006 (ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 168)).
( 46 ) Ara s-sentenza Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, EU:T:2001:133, punt 270.
( 47 ) Ara, pereżempju, l-punt 88 iktar ’il fuq.