KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fl‑10 ta’ April 2025 ( 1 )

Kawża C‑97/24

S.A.,

R.J.

vs

The Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth, l‑Irlanda,

The Attorney General,

intervenjent:

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni – Ksur suffiċjentement serju – Forza maġġuri – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/33/UE – Artikoli 17 u 18 – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali – Influss enormi ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni temporanja jew internazzjonali – Nuqqas ta’ aċċess għal kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – Artikolu 18(9) – Eżawriment tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 1 u 4 – Dinjità tal-bniedem u riskju ta’ trattament inuman jew degradanti”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn S.A. u R.J., żewġ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (flimkien, “ir-rikorrenti”), minn naħa, u l-Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth (il-Ministru għat-Tfal, għall-Ugwaljanza, għad-Diżabbiltà, għall-Integrazzjoni u għaż-Żgħażagħ, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), Ireland u l-Avukat Ġenerali (l-Irlanda) (flimkien, l-“awtoritajiet Irlandiżi”), min-naħa l-oħra, dwar l-għoti ta’ danni minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ akkomodazzjoni, ikel, ilma u kundizzjonijiet materjali oħra ta’ akkoljenza lir-rikorrenti sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom.

2.

Ir-rikorrenti jitolbu kumpens minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali naqsu milli josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ( 2 ).

3.

It-talba għal responsabbiltà taħt id-dritt tal-Unjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi fundamentali ta’ Francovich et ( 3 ) u ta’ Brasserie du pêcheur u Factortame ( 4 ), (flimkien, il-“ġurisprudenza Francovich”), li stabbilixxew il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal telf u għal danni kkawżati lill-individwi bħala riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu u li huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija bbażata ( 5 ).

4.

Skont dan il-prinċipju, l-individwi li jkunu sofrew dannu għandhom dritt għal kumpens jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: ir-regola tad-dritt tal-Unjoni li ġiet miksura għandu jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi; il-ksur ta’ dik ir-regola għandu jkun suffiċjentement serju; u għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u t-telf jew id-dannu subit mill-individwi (iktar ’il quddiem it-“test Brasserie du pêcheur u Factortame”) ( 6 ). L-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istati Membri għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, skont il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ( 7 ).

5.

Fil-kawża preżenti, filwaqt li r-rikorrenti jsostnu li t-tliet partijiet ta’ dan it-test huma ssodisfatti, l-awtoritajiet Irlandiżi jinvokaw forza maġġuri sabiex jipprekludu li jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju u għalhekk issodisfar tar-rekwiżiti tat-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame. Dawn l-awtoritajiet ma jikkontestawx li huma naqsu milli jipprovdu akkomodazzjoni lir-rikorrenti kif meħtieġ mir-regoli nazzjonali ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/33. Madankollu, huma jiċħdu li r-rikorrenti għandhom xi dritt għad-danni peress li, skont huma, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni kien ikkawżat minn ċirkustanzi li jammontaw għal forza maġġuri u għalhekk ma kienx “suffiċjentement serju” fis-sens tat-tieni parti ta’ dan it-test.

6.

Din il-kawża għalhekk tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux jinvokaw forza maġġuri bħala difiża għal talba għad-danni bbażata fuq il-ksur tagħhom tad-Direttiva 2013/33.

I. Il-kuntest ġuridiku

7.

L-Artikoli 2, 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33 huma rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 18(9) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza differenti minn dawk li jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta:

(a)

stima tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-applikant hija rekwiżita, skont l-Artikolu 22;

(b)

kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti.

Tali kondizzjonijiet differenti għandhom fi kwalunkwe każ ikopru il-ħtiġiet bażiċi.”

8.

Id-Direttiva 2013/33 hija trasposta fid-dritt Irlandiż mill-European Communities (Reception Conditions) Regulations 2018 (ir-Regolamenti tal‑2018 tal-Komunitajiet Ewropej (Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza)) ( 8 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”).

9.

Ir-Regolamenti jiddefinixxu l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza bħala li huma “pprovduti lil riċevitur għall-finijiet ta’ konformità mad-[Direttiva 2013/33]” u li jikkostitwixxu dawn li ġejjin:

“(a)

l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-benefiċċji assoċjati pprovduti in natura,

(b)

l-allowance għall-ispejjeż ta’ kuljum, u

(c)

ħwejjeġ ipprovduti bħala benefiċċju finanzjarju taħt it-taqsima 201 tas-Social Welfare Consolidation Act 2005’ [(l-Att ta’ Konsolidazzjoni tal-Ħarsien Soċjali tal‑2005)]”.

10.

L-allowance għall-ispejjeż ta’ kuljum hija ddefinita bħala “dik il-parti tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li tikkostitwixxi ħlas ta’ kull ġimgħa magħmul, taħt skema amministrata mill-Ministru għall-Impjieg u għall-Protezzjoni Soċjali, lil riċevitur sabiex iħallas l-ispejjeż personali u inċidentali tiegħu”.

11.

Ir-Regolament 4 tar-Regolamenti jipprevedi l-forma ta’ eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 fejn il-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli jkunu temporanjament eżawriti, iżda jagħmilha ċara li tali dispożizzjoni eċċezzjonali għandha madankollu tissodisfa “l-ħtiġijiet bażiċi tar-riċevitur”.

12.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li f’waħda mill-kawżi quddiem il-qrati Irlandiżi, fis-sentenza SY vs Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth ( 9 ), il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) sabet li l-Ministru kiser l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti u taħt l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) meta naqas li jipprovdi lil applikant għal protezzjoni internazzjonali b’akkomodazzjoni, b’ikel u b’faċilitajiet sanitarji, u ħarġet dikjarazzjoni li n-nuqqas tal-Ministru li jipprovdi lill-applikant bil-“kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali” skont ir-Regolamenti huwa illegali, u bi ksur tad-drittijiet tal-applikant taħt l-Artikolu 1 tal-Karta. Ma kien hemm l-ebda appell mill-Ministru minn dik is-sentenza. SY madankollu ma talabx danni.

II. Il-fatti

13.

S.A., li huwa ċittadin Afgan, u R.J., li huwa ċittadin Indjan, ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda fil‑15 ta’ Frar u fl‑20 ta’ Marzu 2023 rispettivament.

14.

Huma saru intitolati għal kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza taħt ir-Regolamenti. Madankollu, ma ngħatawx akkomodazzjoni. Ir-rikorrenti rċevew vawċer wieħed ta’ EUR 25. Fiż-żmien tal-applikazzjonijiet tagħhom, huma ma kinux eliġibbli għal allowance għall-ispejjeż ta’ kuljum għal dawk li jfittxu ażil, peress li l-awtoritajiet Irlandiżi qiesu li tali eliġibbiltà kienet tiddependi mir-residenza f’ċentru ta’ akkoljenza għal dawk li jfittxu ażil.

15.

Ir-rikorrenti raqdu barra fit-toroq ta’ Dublin f’temp ta’ spiss bix-xita u ffriżat jew kultant f’akkomodazzjoni prekarja.

16.

S.A. jippreċiża li huwa kien assistit mill-Irish Refugee Council (il-Kunsill Irlandiż għar-Refuġjati), organizzazzjoni mhux governattiva, li pprovdietlu lista ta’ organizzazzjonijiet tal-karità f’Dublin kif ukoll ikliet u aċċess għall-faċilitajiet tal-kamra tal-banju għal persuni mingħajr dar. Huwa ra u esperjenza vjolenza fit-toroq. Huwa esperjenza biża’ li jiġi attakkat u kellu tħassib li l-affarijiet tiegħu jinsterqu. Wara xi ġimgħat jorqod barra fit-triq, mar joqgħod f’parkeġġ b’ħafna sulari fir-raħal ta’ Skerries qrib Dublin. Xi drabi, kien mistieden jorqod fi djar ta’ Afgani oħra. Kultant għamel jumejn mingħajr ma kiel b’mod xieraq għax ma setax jaffordja jivvjaġġa fiċ-ċentru tal-belt sabiex ikollu aċċess għall-ikel minn organizzazzjonijiet tal-karità, jew sabiex jixtri l-ikel. Ħafna drabi kien jgħaddi ħames jew sitt ijiem mingħajr ma jinħasel għax kien diffiċli ħafna sabiex jaċċessa l-faċilitajiet. Huwa ddeskriva li kien iħoss il-bard, u kien iħossu bil-ġuħ, umiljat u beżgħan. S.A. kien ġarrab ġrieħi f’inċident stradali fl-Ungerija fi triqtu lejn l-Irlanda, li għalihom kien irċieva kura medika ta’ emerġenza. Huwa kiseb rapporti mediċi li jagħtu dettalji dwar il-konkussjoni u l-uġigħ li sofra u bagħathom lill-Ministru sabiex jitlob prijorità fl-għoti ta’ akkomodazzjoni minħabba vulnerabbiltà.

17.

R.J. jistqarr li, waqt li kien qiegħed jorqod fit-toroq ta’ Dublin, irċieva tinda, ikel u ħwejjeġ mingħand organizzazzjoni tal-karità. Stqarr li ħafna drabi kien jesperjenza l-ġuħ, iżda li xi drabi kien jieħu ikel minn organizzazzjonijiet tal-karità. Kull lejl kien jibża’ li t-tinda tiegħu kienet se tingħata n-nar minn nies li kienu ppersegwitaw applikanti oħra għall-protezzjoni internazzjonali. Huwa ma setax ilaħħaq mal-bżonnijiet ta’ iġjene tiegħu. R.J. żviluppawlu problemi ta’ saħħa waqt li kien jgħix fit-toroq. Huwa stqarr li kien iddisprat u beża’ għall-futur u l-benesseri tiegħu. R.J. jistqarr li ħassu waħdu u li kien jibża’.

18.

Ir-rikorrenti talbu li l-awtoritajiet Irlandiżi jirrikonoxxu l-istat ta’ vulnerabbiltà tagħhom, iżda l-applikazzjonijiet tagħhom ma ġewx milqugħa.

19.

Wara bidla fil-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-allowance ta’ sussistenza, ir-rikorrenti, fil‑5 u fl‑20 ta’ April 2023 rispettivament, u b’effett retroattiv mid-data li fiha ġew sottomessi l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, ngħataw allowance għall-ispejjeż ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 38.80 kull wieħed fil-ġimgħa. Huma setgħu wkoll jiksbu ħlasijiet sabiex ikopru ħtiġijiet addizzjonali ad hoc.

20.

S.A u R.J. kisbu akkomodazzjoni fis‑27 ta’ April u fit‑22 ta’ Mejju 2023 rispettivament. Kienu ilhom jgħixu barra fit-triq għal 71 u 64 jum rispettivament.

21.

Sussegwentement, ir-rikorrenti ppreżentaw rikorsi kontra l-awtoritajiet Irlandiżi quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), il-qorti tar-rinviju, fejn talbu kumpens għad-danni minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel, ta’ ilma u ta’ kundizzjonijiet materjali oħra ta’ akkoljenza li jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom.

22.

Quddiem dik il-qorti, l-awtoritajiet Irlandiżi ma humiex jikkontestaw li r-rikorrenti għandhom jingħataw id-dikjarazzjonijiet mitluba fil-kawża dwar ksur tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 1 tal-Karta. Madankollu, huma jiċħdu li r-rikorrenti għandhom kwalunkwe dritt għad-danni, peress li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni kien, fil-fehma tagħhom, ikkawżat minn ċirkustanzi li jammontaw għal forza maġġuri u għalhekk ma kienx “suffiċjentement serju” taħt it-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame.

23.

L-awtoritajiet Irlandiżi ma invokawx in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji. Madankollu, huma jargumentaw li l-influss bla preċedent ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fittxu protezzjoni temporanja jew internazzjonali fl-Irlanda eżawrixxa l-kapaċità ta’ akkomodazzjoni pprovduta minn dawn l-awtoritajiet, b’konsegwenza li, għal perijodu ta’ erba’ xhur u nofs, irġiel adulti li ma kinux miżżewġin u ma kinux vulnerabbli tħallew mingħajr akkomodazzjoni offruta mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn l-awtoritajiet madankollu għamlu l-isforzi kollha raġonevoli sabiex jipprovdu akkomodazzjoni għall-persuni kkonċernati u sabiex jissodisfaw ħtiġijiet oħra ta’ akkoljenza. Għalhekk, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ma kienx intenzjonat.

24.

L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw ukoll li l-forza maġġuri hija fi kwalunkwe każ disponibbli bħala difiża awtonoma taħt id-dritt tal-Unjoni.

25.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li rapport ippubblikat fl‑2020 kien wissa li l-Irlanda kellha tippjana għall-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ madwar 3500 applikazzjoni ġdida fis-sena. Madankollu, wara l-invażjoni Russa tal-Ukraina, bejn Frar 2022 u Mejju 2023 waslu fl-Irlanda kważi 100000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi li kienu qegħdin ifittxu protezzjoni temporanja jew internazzjonali, li iktar minn 80000 minnhom kellhom jiġu akkomodati mill-awtoritajiet Irlandiżi.

26.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni tal-possibbiltà li Stat Membru jinvoka forza maġġuri sabiex jevita r-responsabbiltà f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta l-obbligi inkwistjoni jirriżultaw minn drittijiet invjolabbli taħt il-Karta u jkunu espressi f’termini obbligatorji u mhux derogabbli fid-Direttiva 2013/33.

27.

Jekk tali possibbiltà kellha tiġi rrikonoxxuta, imbagħad ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-forza maġġuri tistax tiġi invokata fejn ma kienx possibbli li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni jiġu ttrattati mingħajr sagrifiċċju eċċessiv, meta ġew adottati l-miżuri raġonevoli kollha jew fejn kien oġġettivament impossibbli li jiġi rrispettat id-dritt tal-Unjoni. In-natura tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġġustifika eżami rigoruż, speċjalment peress li l-ħtieġa ta’ kapaċità ta’ akkomodazzjoni permanenti addizzjonali ma baqgħetx imprevedibbli minn ċertu mument. Għalhekk seta’ kien mistenni li l-awtoritajiet Irlandiżi, li kellhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti, jagħmlu sforzi sabiex isibu akkomodazzjoni privata għall-persuni kkonċernati, permezz tal-provvista ta’ vawċers ta’ akkomodazzjoni jew ta’ ammonti ogħla ta’ għajnuna finanzjarja, jew sabiex jibnu xelters ta’ emerġenza.

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Meta ‘forza maġġuri’ ma tkunx prevista bħala difiża fid-Direttiva jew fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni inkwistjoni, din id-difiża tkun tista’ madankollu tiġi invokata bħala difiża għal talba għad-danni skont is-sentenza [fil-kawża Francovich et] għal ksur ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni li jagħti drittijiet lill-individwi li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għad-dinjità tal-bniedem li jinsab fl-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (kemm jekk tiġi invokata bħala difiża skont it-tieni parti tat-test [Brasserie du pêcheur u Factortame] jew jekk tiġi invokata b’mod ieħor)?

(2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, liema huma l-parametri u l-portata xierqa ta’ din id-difiża ta’ forza maġġuri?”

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

29.

Ir-rikorrenti, il-Ministru, il-Gvern Taljan, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-rikorrenti, il-Ministru, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta li saret fil‑5 ta’ Frar 2025.

IV. Analiżi

30.

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru jistax jinvoka forza maġġuri bħala difiża għal talba għad-danni bbażata fuq ir-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni taħt id-Direttiva 2013/33 li jifformaw parti mid-dritt fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minqux fl-Artikolu 1 tal-Karta. F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, dik il-qorti titlob iktar kjarifika dwar il-kunċett ta’ ksur “suffiċjentement serju” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u taħt liema kundizzjonijiet tali difiża tista’ tiġi invokata.

31.

Qabel ma nidħol fil-kwistjoni dwar jekk difiża ta’ forza maġġuri hijiex disponibbli fil-kuntest ta’ talba għad-danni skont il-ġurisprudenza Francovich, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tidher li hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma taqax taħt l-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33, li jistabbilixxi r-regoli għal każijiet fejn kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni li huma normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti. Għalhekk, għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni tistax tapplika għaċ-ċirkustanzi preżenti.

32.

Jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jaġixxu. F’dak il-każ, il-kwistjoni tal-forza maġġuri tqum biss jekk iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma kinux ikkontemplati mil-leġiżlatur.

33.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC – Que choisir u CLCV ( 10 ), li tinvolvi d-Direttiva dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja l-assenza ta’ xi riferiment għall-forza maġġuri f’din id-direttiva, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” jikkonkretizza l-kunċett ta’ “forza maġġuri” fil-kuntest tal-imsemmija direttiva ( 12 ). F’kuntest ieħor, fis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, ÖBB-Personenverkehr, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regolament li jirregola d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji intenzjonalment jonqos milli jeżenta lill-partijiet mir-responsabbiltà minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji ( 13 ). Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, wieħed jista’ jargumenta li, bid-deroga prevista fl-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà rregola l-kwistjoni, u b’hekk ma hemmx ħtieġa li tiġi kkunsidrata difiża ġenerali ta’ forza maġġuri. Dan ineħħi l-ħtieġa ta’ diskussjoni dwar id-disponibbiltà tagħha f’talba abbażi tal-ġurisprudenza Francovich.

34.

Għal din ir-raġuni, dawn il-konklużjonijiet huma strutturati f’żewġ partijiet. L-ewwel, ser neżamina d-definizzjoni ta’ forza maġġuri u nevalwa jekk l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jistax jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tiegħu f’ċirkustanzi fejn ikun hemm eżawriment tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni minħabba influss enormi fl-Irlanda ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali (Sezzjoni A). It-tieni, ser nevalwa d-difiża ta’ forza maġġuri fil-qafas tat-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame, billi nikkunsidra l-implikazzjonijiet tagħha għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (Sezzjoni B).

A. Jekk japplikax l‑Artikolu 18(9) tad‑Direttiva 2013/33

1.   Il‑portata tad‑difiża tal‑forza maġġuri

35.

Qabelxejn, għandi nfakkar li l-kunċett ta’ forza maġġuri ġie invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni u huwa mifhum fil-ġurisprudenza bħala li jirreferi għal “ċirkustanzi esterni għal min jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata” ( 14 ). Peress li l-kunċett ta’ forza maġġuri ma għandux l-istess portata fid-diversi oqsma ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tifsira tiegħu għandha tiġi stabbilita skont il-kuntest legali li fih ikun intiż li jipproduċi l-effetti tiegħu ( 15 ).

36.

Fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ ksur taħt l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li forza maġġuri tista’ tikkostitwixxi difiża possibbli għal nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Tabilħaqq, ġie rrikonoxxut li Stat Membru li jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jkunu temporanjament insormontabbli li jipprekluduh milli jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jista’ jinvoka sitwazzjoni ta’ forza maġġuri ( 16 ).

37.

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-livell li jrid jintlaħaq sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jammontaw għal forza maġġuri huwa għoli. Anki f’ċirkustanzi anormali u imprevedibbli, Stat Membru huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri kollha fis-setgħa tiegħu sabiex jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni ( 17 ). Fis-sentenza fil-kawża Vilkas, fil-kuntest ta’ deċiżjoni qafas dwar mandat ta’ arrest Ewropew, it-test tqiegħed f’termini tal-konsegwenzi ta’ azzjonijiet imprevedibbli u li ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata mill-awtoritajiet ( 18 ), kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 19 ). Din il-formulazzjoni ġiet adottata l-iktar reċentement fis-sentenza mogħtija fil-kawża UFC - Que choisir u CLCV ( 20 ). Barra minn hekk, kif tindika l-espressjoni “diffikultajiet li jkunu momentarjament insormontabbli” ( 21 ), l-interpretazzjoni stretta tal-forza maġġuri timplika li, jekk l-avveniment li jikkawża l-inkapaċità ta’ twettiq huwa temporanju, l-obbligu tad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi sospiż biss għat-tul tal-avveniment u għal perijodu raġonevolment qasir.

38.

Huwa wkoll stabbilit sew li d-diffikultajiet fl-ordinament ġuridiku intern ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ( 22 ). Barra minn hekk, forza maġġuri ma tistax tirreferi għal diffikultajiet ta’ natura interna li jirriżultaw mill-organizzazzjoni politika jew amministrattiva ta’ Stat Membru jew minħabba nuqqas ta’ setgħat, ta’ għarfien, ta’ mezzi jew ta’ riżorsi ( 23 ).

39.

Fil-ġurisprudenza, l-iktar reċentement matul il-pandemija tal-COVID‑19, xi Stati Membri invokaw il-forza maġġuri minħabba l-kriżi tas-saħħa mingħajr preċedent ( 24 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li din il-pandemija kienet tikkostitwixxi ċirkustanza inevitabbli u straordinarja, hija ma kinitx tiġġustifika b’mod awtomatiku sospensjoni ġenerali tal-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikjediet prova speċifika dwar kif il-pandemija pprekludiet b’mod dirett il-konformità mad-direttiva inkwistjoni u għaliex ma setgħet ittieħdet l-ebda miżura alternattiva sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni ( 25 ).

40.

Fi ftit kliem, Stat Membru li jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jkunu temporanjament insormontabbli li jipprekluduh milli jikkonforma ruħu mal-obbligi speċifiċi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jista’ jinvoka sitwazzjoni ta’ forza maġġuri, iżda biss għall-perijodu neċessarju sabiex jiġu rrimedjati tali diffikultajiet.

2.   Jekk l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jikkostitwixxix espressjoni speċifika ta’ forza maġġuri

41.

Id-Direttiva 2013/33 tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ( 26 ). L-Artikolu 17 tagħha jistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa ( 27 ). B’mod partikolari, skont l-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-miżuri adottati għal dawn l-għanijiet jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali tagħhom. L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi modalitajiet għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza.

42.

L-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi li: “F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza differenti minn dawk li jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta: […] kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti”. Għalhekk jippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw eċċezzjonalment mill-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza standard, sakemm tali devjazzjoni tkun debitament iġġustifikata u tapplika biss għal perijodu raġonevoli li jkun qasir kemm jista’ jkun.

43.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-derogi, din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata b’mod xieraq sabiex tittratta rekwiżiti preċiżi u sitwazzjonijiet speċifiċi ( 28 ). Barra minn hekk, bħala arranġament eċċezzjonali, l-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat b’mod strett u jimponi fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa, fir-rigward ta’ kull deroga ( 29 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex ssodisfatti f’dan il-każ.

44.

L-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 huwa intiż sabiex jipprovdi ċertu flessibbiltà lill-Istati Membri sabiex jaġixxu f’sitwazzjonijiet straordinarji. Filwaqt li din id-dispożizzjoni ma tużax it-terminu forza maġġuri b’mod espliċitu, hija tirreferi għat-termini “b’mod eċċezzjonali”, “[f]’każijiet debitament ġustifikati” u “perjodu raġonevoli”. Dawn l-elementi jistgħu jinftiehmu bħala l-espressjoni speċifika tal-kundizzjonijiet ta’ forza maġġuri li jikkorrispondu għal ċirkustanzi anormali u imprevedibbli, sal-punt li l-avveniment li jikkawża t-telf tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni jikkorrispondi għal avveniment anormali u imprevedibbli. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata bħala rikonoxximent leġiżlattiv speċifiku ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw deroga temporanja mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva. Waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi hija l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli, sakemm jiġi ppruvat li l-avveniment li jikkawża t-telf tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni huwa imprevedibbli u anormali.

45.

Minn dan isegwi li l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jittratta ċirkustanzi straordinarji u b’hekk li jagħti espressjoni konkreta lill-kunċett ta’ forza maġġuri. Meta ċ-ċirkustanzi anormali u imprevedibbli jeżawrixxu l-kapaċità ta’ akkomodazzjoni, u jagħmluha impossibbli li jiġu ggarantiti l-istandards tas-soltu ta’ akkoljenza ( 30 ), is-sitwazzjoni, għall-perijodu meħtieġ sabiex jiġu rrimedjati dawn id-diffikultajiet, taqa’ taħt il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

46.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza tagħha fil-kawża Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “bl-adozzjoni tad-[Direttiva] 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni żgura wkoll li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jkollu jaffaċċja żieda sinjifikattiva ħafna fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, u żiedet li “l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jippermett[i] li ssir deroga parzjali mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva meta […] il-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni f’ċentri ta’ akkoljenza jkunu eżawriti” ( 32 ). Minn din is-sentenza jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jipprevedi ċirkustanzi eċċezzjonali meta l-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu eżawriti. B’mod partikolari, ir-riferiment għal “żieda sinjifikattiva ħafna” fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jenfasizza b’mod ċar li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tindirizza sitwazzjonijiet straordinarji pjuttost milli diffikultajiet normali.

47.

Barra minn hekk, b’analoġija, jekk avveniment bħall-pandemija tal-COVID‑19 kien meqjus bħala avveniment li potenzjalment jaqa’ taħt l-isfera ta’ direttiva bħad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar, allura avveniment bħal influss enormi ta’ refuġjati jista’ wkoll jiġi rregolat mil-leġiżlatur u għalhekk ikun jaqa’ fi ħdan qafas ta’ direttiva. Barra minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li ċirkustanzi straordinarji jistgħu jiġu rregolati speċifikament minn leġiżlazzjoni sekondarja fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur skont id-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar, allura wieħed jista’ raġonevolment jistenna li d-drittijiet soċjali fundamentali – bħal ma huma dawk taħt id-Direttiva 2013/33 – jistgħu wkoll ikunu suġġetti għal regolamentazzjoni mil-leġiżlatur f’sitwazzjonijiet estremi, bħal influss enormi ta’ refuġjati li jeżawrixxi l-kapaċità eżistenti ta’ akkomodazzjoni, sakemm is-sitwazzjoni ma tkunx prevedibbli peress li tkun eċċediet kwalunkwe tbassir raġonevoli.

48.

Madankollu, tali influss enormi ta’ refuġjati ma jistax jitqies li jikkostitwixxi sitwazzjoni eċċezzjonali għal żmien illimitat peress li, f’ċertu mument, din is-sitwazzjoni titlef il-kwalifika tagħha ta’ avveniment anormali u imprevedibbli. Ir-riferiment għal “perjodu raġonevoli” fl-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jikkorrobora din l-interpretazzjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni fiha rekwiżit ta’ “każijiet debitament ġustifikati” li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimplika prova speċifika li turi li influss enormi ta’ persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni impedixxa l-osservanza tad-direttiva inkwistjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx issodisfatti f’dan il-każ.

49.

Dan jissuġġerixxi li, f’dan il-każ, l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 għandu jitqies bħala d-difiża xierqa sakemm ir-riżoluzzjoni tad-diffikultajiet iddum għal perijodu raġonevoli. Minn dan isegwi li, ladarba dan il-perijodu jintemm, l-Istat Membru ma jistax jibqa’ jinvoka din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 18(9)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jittratta żewġ xenarji speċifiċi ħafna, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tar-rikorrenti (a) u l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni (b). Minn dan isegwi li l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 ma jirregolax xenarji oħra (bħal diżastri naturali jew gwerer, li ġew diskussi waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) fejn l-akkomodazzjoni hija ineżistenti jew assenti minħabba diffikultajiet insuperabbli li jseħħu fi ħdan jew fil-viċinanzi tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 bħala espressjoni speċifika ta’ forza maġġuri ma tipprekludix il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw forza maġġuri bħala difiża ġenerali f’xenarji oħra.

50.

Bħala konklużjoni, minħabba l-funzjoni ċara tiegħu bħala deroga limitata għal ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 għandu jitqies bħala espressjoni speċifika ta’ forza maġġuri. Għalhekk, influss enormi ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jammonta għal difiża awtonoma ta’ forza maġġuri, peress li din id-dispożizzjoni diġà tipprovdi qafas għat-trattament ta’ tali influssi. Fil-kawża preżenti, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux jinvokaw forza maġġuri bħala difiża għan-nuqqas tagħhom li jipprovdu għall-ħtiġijiet bażiċi ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 ( 33 ).

51.

Madankollu, jekk is-sitwazzjoni ma tikkonċernax eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni minħabba numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, allura forza maġġuri – bħala difiża separata u iktar ġenerali – tista’ tikseb rilevanza bħala parti mit-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame.

52.

Minn dan isegwi li sitwazzjoni ta’ eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni minħabba influss enormi ta’ refuġjati taqa’ taħt l-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33, sakemm il-qorti tar-rinviju tivverifika li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti. F’dak il-każ, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu fformulati mill-ġdid, peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame huma eżaminati bis-suppożizzjoni li l-Artikolu 18(9) ta’ din id-direttiva jirregola s-sitwazzjoni inkwistjoni.

3.   Formulazzjoni mill-ġdid tad‑domanda preliminari

53.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 huwa applikabbli għal sitwazzjoni ta’ influss enormi ta’ persuni li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali li twassal għall-eżawriment tal-kapaċità ordinarja ta’ akkomodazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, id-domandi magħmula għandhom jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, moqri fid-dawl tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem minqux fl-Artikolu 1 tal-Karta, u in vista tal-funzjoni ċara tiegħu bħala deroga limitata għal ċirkustanzi eċċezzjonali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ talba għad-danni, lil dan l-Istat Membru milli jinvoka forza maġġuri minħabba l-eżawriment ta’ tali kapaċità ta’ akkomodazzjoni.

4.   L‑applikazzjoni tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame

a)   Kondotta bi ksur tad-dritt tal-Unjoni

54.

Peress li l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxu l-obbligu ġenerali li jiġu pprovduti kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, inkluż l-akkomodazzjoni, in-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tipikament jikkostitwixxi ksur. Madankollu, jekk l-Artikolu 18(9) ta’ din id-direttiva jippermetti deroga f’każijiet ta’ eżawriment temporanju tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni u jiġi interpretat bħala espressjoni ta’ forza maġġuri, allura n-nuqqas tal-Istat Membru li jipprovdi akkomodazzjoni jista’ mhux neċessarjament jitqies bħala illegali, sakemm il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. F’dak il-każ, il-ksur fis-sens tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame ma jkunx jirriżulta direttament mill-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33, iżda pjuttost minn applikazzjoni potenzjalment ħażina jew minn invokazzjoni ħażina tal-Artikolu 18(9) ta’ din id-direttiva. Jekk Stat Membru indebitament jinvoka l-forza maġġuri skont l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet tiegħu, allura l-ksur ikun jirrigwarda din id-dispożizzjoni stess.

55.

Konsegwentement, jekk l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jiġi applikat b’mod żbaljat – pereżempju, jekk il-kundizzjonijiet għad-deroga ma jiġux issodisfatti – allura l-Istat Membru jista’ xorta jkun qiegħed jikser l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva. F’tali każ, tista’ tinħoloq responsabbiltà tal-Istat, sakemm il-ksur ikun suffiċjentement serju fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

b)   Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni

1) It-test stabbilit mill-ġurisprudenza

56.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fejn l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni, ksur suffiċjentement serju jfisser ksur manifest u gravi mill-Istat Membru tal-limiti li huma imposti fuq din il-marġni ( 34 ). Għalhekk, jingħad li t-test tal-Brasserie du pêcheur u Factortame huwa “dipendenti fuq id-diskrezzjoni” ( 35 ).

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 55 tas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iddikjarat li l-kriterju deċiżiv sabiex ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi meqjus gravi biżżejjed huwa jekk l-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati b’mod manifest u gravi injoraw il-limiti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. Fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar jekk Stat Membru injorax b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja elenkat ċerti fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 36 ). Fil-punt 56 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatturi li l-qorti kompetenti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni jinkludu ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura, kemm hija wiesgħa s-setgħa ta’ evalwazzjoni li r-regola miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali jew tal-Unjoni, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew id-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew le ta’ żball eventwali ta’ dritt ( 37 ), il-fatt li l-attitudni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni setgħet tikkontribwixxi għan-nuqqas, u l-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta’ miżuri jew ta’ prattiki nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni ( 38 ). Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, deċiżjoni preliminari jew l-eżistenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita sewwa fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi ksur ( 39 ).

58.

Madankollu, fil-każ li l-Istat Membru kellu setgħa ta’ evalwazzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ( 40 ).

2) Jekk l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 iħallix diskrezzjoni lill-Istati Membri

59.

L-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jidher li jħalli ċertu marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri dwar kif jittrattaw sitwazzjonijiet fejn il-kapaċità ta’ akkomodazzjoni hija eżawrita. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet għal kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza differenti meta l-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni jkunu temporanjament eżawriti. Dan jindika li l-Istati Membri għandhom ċerta flessibbiltà sabiex jiddeċiedu kif jipprovdu kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta l-akkomodazzjoni ma tkunx disponibbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 ma jiddefinixxix b’mod preċiż kif l-Istati Membri għandhom jittrattaw in-nuqqas ta’ kapaċità, li jimplika li huma għandhom ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedu liema miżuri speċifiċi għandhom jieħdu – jekk permezz ta’ xelters ta’ emerġenza, ta’ akkomodazzjoni temporanja, ta’ appoġġ finanzjarju, jew ta’ soluzzjonijiet oħra. Tali konklużjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħmilha ċara li l-obbligu li jiġu pprovduti kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza huwa obbligatorju, iżda l-Istati Membri għandhom ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni dwar kif dan għandu jinkiseb ( 41 ).

60.

Pereżempju, fis-sentenza tagħha Saciri, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni fl-għażla ta’ kif jipprovdu kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – jew permezz ta’ akkomodazzjoni diretta jew fil-forma ta’ allowances finanzjarji. Madankollu, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din is-setgħa ta’ evalwazzjoni tapplika għall-mezzi iżda mhux għall-prinċipju. Filwaqt li dik is-sentenza indirizzat obbligi ġenerali ta’ akkoljenza iktar milli derogi skont l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, il-prinċipju li l-Istati Membri għandhom ċertu flessibbiltà fl-implimentazzjoni fl-ambitu tar-restrizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huwa rilevanti wkoll f’din il-kawża.

61.

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi kemm il-bażi kif ukoll il-limitu tas-setgħa tal-Istati Membri li jidderogaw mill-Artikolu 18(1) sal-Artikolu 18(8) – u mhux mill-obbligi usa’ previsti fid-direttiva jew fid-dritt tal-ażil tal-Unjoni inġenerali. L-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jagħti biss setgħa ta’ evalwazzjoni limitata ħafna lill-Istati Membri, peress li jirreferi għall-iffissar ta’ “modalitajiet […] differenti” għal kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi, f’termini inekwivoċi, obbligu li jiġu koperti l-“ħtiġiet bażiċi” tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Minn dan isegwi li, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-metodu għall-għoti tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, ma jistgħux jevitaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni li jipprovdu għal bżonnijiet bażiċi, bħal akkomodazzjoni xierqa lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ( 42 ), sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali ta’ dawn l-applikanti jiġu rrispettati.

62.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2013/33 għandha l-għan li tiżgura li d-dritt fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minqux fl-Artikolu 1 tal-Karta, li huwa marbut mill-qrib mal-Artikolu 4 tal-Karta ( 43 ), jiġi rrispettat bis-sħiħ. Id-dritt għad-dinjità tal-bniedem huwa dritt assolut u mhux derogabbli ( 44 ), li jifforma l-pedament ta’ drittijiet fundamentali oħra, u ma jistax jiġi limitat.

63.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkonfermat li l-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttiva 2013/33, kif ukoll l-osservanza tal-invjolabbiltà tad-dinjità tal-bniedem taħt l-Artikolu 1 tal-Karta, jipprekludu b’mod assolut lill-Istati Membri milli jonqsu milli jipprovdu lil min ifittex ażil, anki b’mod temporanju, il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza minimi stabbiliti f’din id-direttiva ( 45 ). Fir-rigward tan-natura tal-istandards minimi meħtieġa mill-Istati Membri, il-premessa 11 tad-Direttiva 2013/33 tgħid li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu żgurati “standard ta’ ħajja dinjituż” ( 46 ).

64.

B’mod partikolari, fis-sentenza Saciri, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, kemm jekk il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jingħataw in natura kif ukoll jekk jingħataw f’forma ta’ allowances jew ta’ vawċers, dawn għandhom ikunu biżżejjed “għall-bżonnijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil” ( 47 ), jiġifieri għandhom ikunu biżżejjed sabiex jiġi żgurat lilhom livell ta’ ħajja dinjituż u adegwat għas-saħħa, kif ukoll sabiex jiżguraw is-sussistenza tagħhom, b’mod partikolari billi jippermettulhom li jkollhom akkomodazzjoni, jekk ikun meħtieġ, fis-suq privat tal-kera ( 48 ). Għall-finijiet ta’ din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament iddeċidiet li huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istandards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil, peress li s-saturazzjoni tan-netwerks tal-akkoljenza ma tistax tiġġustifika xi deroga mill-osservanza ta’ dawn l-istandards ( 49 ).

65.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett tad-dinjità tal-bniedem fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Karta jeżiġi li l-persuna kkonċernata ma ssibx ruħha f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma dawk li jkollha fejn tgħix, li tiekol, li jkollha x’tilbes u li tinħasel, u li b’hekk iddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tqiegħda fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem ( 50 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta fil-każ fejn l-indifferenza tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollha l-konsegwenza li persuna kompletament dipendenti fuq l-għajnuna pubblika ssib ruħha, indipendentement mill-volontà tagħha u mill-għażliet personali tagħha, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem ( 51 ).

66.

F’dan ir-rigward, f’kawża dwar l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid li nuqqas li jiġu pprovduti s-sett sħiħ ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jew dawk relatati mal-akkomodazzjoni, mal-ikel jew mal-ħwejjeġ, anki jekk b’mod temporanju, ma jkunx jista’ jiġi rrikonċiljat mal-obbligu li jiġi żgurat livell ta’ għajxien dinjituż għall-applikant, peress li dan ikun iċaħħad lil dan l-applikant mill-possibbiltà li jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu, bħalma huma dawk li jkollu fejn jgħix, li jiekol, li jkollu x’jilbes u li jinħasel ( 52 ).

67.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, moqri fid-dawl tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem u għall-protezzjoni kontra trattament inuman jew degradanti minqux fl-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, għandu jiġi interpretat, l-ewwel, bħala espressjoni speċifika ta’ forza maġġuri, minħabba l-funzjoni ċara tiegħu bħala deroga limitata għal ċirkustanzi eċċezzjonali; it-tieni, bħala li japplika għal sitwazzjoni ta’ influss enormi ta’ persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali li twassal għall-eżawriment tal-kapaċità ordinarja ta’ akkomodazzjoni fl-Istat Membru ospitanti; u, it-tielet, bħala li jipprekludi, fil-kuntest ta’ talba għad-danni, lil tali Stat Membru milli jinvoka forza maġġuri minħabba l-eżawriment tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni b’riżultat ta’ tali influss.

68.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-kawża ma tistax tiġi riżolta abbażi tal-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 u tqis li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-applikabbiltà tal-forza maġġuri bħala difiża awtonoma, imbagħad inressaq il-punti li ġejjin b’mod sussidjarju.

B. Forza maġġuri bħala difiża awtonoma

69.

Bis-suppożizzjoni li l-forza maġġuri tista’ tiġi invokata bħala difiża awtonoma fil-konfront ta’ talba għad-danni minħabba ksur minn Stat Membru tad-Direttiva 2013/33, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-difiża hijiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

1.   L-identifikazzjoni tar-regola miksura mill-Istat Membru kkonċernat

70.

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma identifikatx liema regola tad-Direttiva 2013/33 ġiet miksura mill-Istat Membru kkonċernat. Minflok, hija tibbaża ruħha fuq ksur tal-“obbligi tad-dritt tal-Unjoni” li huma imposti minn “drittijiet invjolabbli tal-Karta (hawnhekk, l-Artikolu 1), u li huma espressi f’termini obbligatorji, mhux derogabbli f’[dik id-direttiva], u li jirrelataw mal-ħtiġijiet l-iktar bażiċi meħtieġa għal standard minimu ta’ dinjità tal-bniedem”.

71.

Fil-fehma tiegħi, qabel ma tiġi applikata t-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame, huwa importanti li tiġi identifikata r-regola li ġiet miksura mill-Istat Membru kkonċernat.

72.

F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li, meta tiġi invokata bħala mezz ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2013/33, il-forza maġġuri topera bħala “ġustifikazzjoni ġenerali”, peress li hija intiża li tiġġustifika n-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva. Madankollu, fl-eżami tat-talbiet tar-rikorrenti, jidher li r-regoli li ġew miksura mill-Irlanda huma stabbiliti fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33. Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika r-regola speċifika li ġiet miksura, għall-finijiet preżenti huwa preżunt li r-regola inkwistjoni tinsab f’dawn iż-żewġ artikoli tad-Direttiva 2013/33.

2.   It-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame u l-evalwazzjoni tas-setgħa ta’ evalwazzjoni

73.

Il-Ministru jsostni li, fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, inter alia, in-natura intenzjonali jew involontarja tal-ksur, in-natura skużabbli jew le ta’ żball ta’ dritt, u l-attitudni adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa jsostni, essenzjalment, li l-influss enormi ta’ refuġjati Ukraini wara l-bidu tal-gwerra fl‑2022 u ż-żieda fin-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali wara l-pandemija tal-COVID‑19 jikkostitwixxu sitwazzjoni ta’ forza maġġuri tant li l-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti kien involontarju.

74.

Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, it-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame tiddependi mill-marġni ta’ evalwazzjoni ( 53 ). F’dan ir-rigward, wieħed għandu jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, ksur ta’ “ħtiġijiet bażiċi” fis-sens tal-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 u, min-naħa l-oħra, ksur tal-obbligi l-oħra li jinsabu fl-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva, peress li l-Istati Membri ma jgawdux mill-istess grad ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni meta jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet. B’differenza mill-kunċett ta’ “ħtiġijiet bażiċi” stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 ( 54 ), l-obbligi l-oħra stabbiliti fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33 jippermettu setgħa ta’ evalwazzjoni f’ċerti oqsma, bħall-modalitajiet sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet materjali tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jmorru lil hinn milli jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet bażiċi tiegħu.

75.

Tabilħaqq, l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, in fine, jistabbilixxi standard minimu mhux derogabbli ta’ “ħtiġijiet bażiċi” fil-qafas usa’ tal-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva. Huwa jfittex li jiżgura li l-Istati Membri jibqgħu marbuta b’rekwiżit assolut li jissalvagwardjaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-applikanti, u b’hekk essenzjalment jegħleb kull setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Istati Membri meta jonqsu milli jkopru l-ħtiġijiet bażiċi tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kunċett ta’ “ħtiġijiet bażiċi”, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta, huwa ċar li l-Istati Membri ma jgawdu minn ebda setgħa diskrezzjonali dwar jekk jistgħux ikopru dawn il-ħtiġijiet bażiċi. Għaldaqstant, sempliċi nuqqas li jiġu ssodisfatti dawn il-ħtiġijiet bażiċi huwa fih innifsu biżżejjed sabiex jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, mingħajr il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati elementi addizzjonali taħt it-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame.

76.

Tali interpretazzjoni ta’ dan it-test hija, barra minn hekk, konformi mal-Karta, peress li l-kunċett ta’ “ħtiġijiet bażiċi” huwa intrinsikament marbut mad-dinjità tal-bniedem li, kif spjegajt iktar ’il fuq, huwa dritt assolut u mhux derogabbli, li jifforma l-pedament ta’ drittijiet fundamentali oħra, u ma jistax jiġi limitat ( 55 ). Dan ifisser li sempliċi ksur ta’ obbligu impost mill-Artikolu 1 tal-Karta huwa dejjem serju. L-invjolabbiltà fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Karta tfisser li din il-protezzjoni qatt ma tista’ titneħħa, lanqas f’każijiet ta’ emerġenza ( 56 ).

77.

Għaldaqstant, fil-kuntest tat-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame, in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jiġu ggarantiti ħtiġijiet bażiċi jikser id-dinjità umana tal-persuna kkonċernata, li awtomatikament jirrendih suffiċjentement gravi.

78.

Fil-kawża preżenti, il-kwistjoni hija jekk il-forza maġġuri tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jiġu koperti l-“ħtiġijiet bażiċi” tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li hija intrinsikament marbuta mad-dritt fundamentali għad-dinjità tal-bniedem. Fil-fehma tiegħi, jekk il-ksur jolqot drittijiet assoluti, bħad-dinjità tal-bniedem, huwa diffiċli li tiġi invokata forza maġġuri – preċiżament għaliex tali drittijiet ma humiex derogabbli.

79.

Peress li d-Direttiva 2013/33 timplimenta obbligi ta’ drittijiet fundamentali, hija għandha tiġi interpretata skont l-Artikoli 1 u 4 tal-Karta li, skont l-obbligu taħt l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom jinqraw fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fir-rigward tal-Artikolu 3 KEDB. Din il-ġurisprudenza għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru naqasx milli jkopri l-“ħtiġijiet bażiċi”, fis-sens tal-Artikolu 18(9) ta’ din id-direttiva, ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

80.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li, fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Lulju 2020, N.H. et vs Franza ( 57 ), il-Qorti EDB sabet li Franza kienet kisret l-Artikolu 3 KEDB f’ċirkustanzi fejn l-applikanti għall-ażil kienu ġew imċaħħda minn bżonnijiet bażiċi bħal kenn u aċċess għas-sanità. L-evalwazzjoni tal-Qorti EDB kienet ibbażata fuq diversi kriterji ewlenin, inklużi, l-ewwel, il-kundizzjonijiet materjali tal-għajxien tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali waqt li kienu qegħdin jistennew l-eżitu tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil; it-tieni, it-tul ta’ żmien li matulu r-rikorrenti kienu ġarrbu dawn il-kundizzjonijiet u n-nuqqas ta’ appoġġ adegwat matul dak iż-żmien ( 58 ), it-tielet, l-eżistenza tal-obbligu pożittiv tal-Istat ( 59 ); ir-raba’, il-vulnerabbiltà partikolari tar-rikorrenti bħala persuni li jfittxu ażil; u l-ħames, jekk l-awtoritajiet nazzjonali kinux ħadu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li r-rikorrenti jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni jew għal forom oħra ta’ għajnuna soċjali. In-nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha u b’mod effettiv ikkontribwixxa għall-konstatazzjoni ta’ ksur ( 60 ).

81.

F’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti EDB fil-kawża N.H. et vs Franza tiddefinixxi l-limitu li taħtu l-kundizzjonijiet materjali jsiru inumani jew degradanti. Dan ifisser li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li jippermetti lill-Istati Membri japplikaw standards nazzjonali iktar baxxi. Għalhekk, fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/33, ir-rekwiżiti ta’ akkomodazzjoni adegwata, li wieħed ikollu mezzi suffiċjenti sabiex iżomm livell ta’ għajxien dinjituż u ta’ aċċess għall-kura medika ma jistgħux ikunu inqas minn dak meħtieġ mill-Artikolu 1 tal-Karta. Fin-nuqqas, dawn l-istandards iktar baxxi jistgħu jesponu lill-persuni li jfittxu ażil għal kundizzjonijiet li jammontaw għal trattament inuman jew degradanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Ibrahim et, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinixxietx il-limitu ta’ severità b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 3 KEDB, iżda b’riferiment għal-limitu adottat fis-sentenza Jawo, jiġifieri “sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema” ( 61 ). Barra minn hekk, jidher li l-grad ta’ tbatija tal-individwi li huwa meħtieġ sabiex tiskatta l-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Karta huwa l-fattur determinanti ewlieni tas-severità tal-ksur, pjuttost milli l-intenzjoni jew it-tort tal-Istat.

82.

Minn dan isegwi li, jekk Stat Membru jonqos milli jipprovdi akkomodazzjoni bażika, mezzi ta’ sussistenza jew kura medika, huwa jikser l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33, flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta. Għalhekk, Stat Membru huwa prekluż milli jinvoka forza maġġuri sabiex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu li jipprovdi għall-ħtiġijiet bażiċi ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jaċċetta li Stat Membru jista’ jonqos milli jikkonforma ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva minħabba forza maġġuri, xorta waħda jkollu dmir attiv li jipproteġi d-dinjità tal-bniedem ( 62 ).

83.

Minn dan isegwi wkoll, għall-finijiet tat-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame – jekk il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminaha xorta waħda – li l-Istati Membri ma għandhom ebda setgħa ta’ evalwazzjoni li jbaxxu l-livell ta’ protezzjoni taħt l-istandards minimi meħtieġa mill-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, li għandhom l-għan li jipprevjenu trattament inuman jew degradanti. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni dwar kif jorganizzaw u jimplimentaw il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, huma marbuta li jilħqu dak il-limitu minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali meta jimplimentaw id-Direttiva 2013/33. Jekk l-Irlanda naqset milli tagħmel dan, li hija kwistjoni li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju, l-argument imressaq mill-Ministru, li jgħid li d-difiża ta’ forza maġġuri hija ġġustifikata f’dan il-każ, peress li l-ksur u d-dannu li jirriżulta ma kinux intenzjonati jew kienu involontarji, u li l-iżball inkwistjoni kien skużabbli, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni parti tat-test Brasserie du pêcheur u Factortame.

84.

Fl-aħħar, il-Ministru jsostni li l-isforzi fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, immirati sabiex tinkiseb distribuzzjoni iktar ġusta tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jammontaw għal “pożizzjoni meħuda minn istituzzjoni [tal-Unjoni]” taħt it-test Brasserie du pêcheur u Factortame. Skont il-Ministru, dan il-patt jirrifletti r-rikonoxximent tal-Unjoni Ewropea li l-qafas leġiżlattiv attwali ma jiżgurax distribuzzjoni ġusta tal-applikazzjonijiet għall-ażil. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan il-patt ma jissostitwixxix, ma jimmodifikax u ma jissospendix b’mod retroattiv id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33. Sakemm jiġu adottati bidliet leġiżlattivi u jkunu daħlu fis-seħħ, l-Istati Membri jibqgħu marbuta bir-regoli eżistenti u għandhom jiżguraw il-konformità magħhom. Minn dan isegwi li l-Ministru ma jistax jinvoka l-adozzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil bħala mezz sabiex jiġġustifika n-nuqqas tal-Irlanda li tkopri l-ħtiġijiet bażiċi tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, għalkemm dan il-patt jirrikonoxxi nuqqasijiet fil-qafas leġiżlattiv attwali tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, dan ma jfissirx li jikkostitwixxi ammissjoni ta’ mġiba legali ħażina fil-livell tal-Unjoni. Tali rikonoxximent ma huwiex ekwivalenti għal pożizzjoni istituzzjonali li tipproteġi lill-Istati Membri mir-responsabbiltà fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettqa fil-passat.

85.

Minn dan isegwi li jekk Stat Membru jonqos milli jipprovdi bżonnijiet bażiċi għal applikant għal protezzjoni internazzjonali, huwa jikser l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33 flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, u huwa prekluż milli jinvoka forza maġġuri sabiex jiġġustifika dan in-nuqqas.

V. Konklużjoni

86.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

L-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem u għall-protezzjoni kontra trattament inuman jew degradanti minquxa fl-Artikoli 1 u 4 tal-Karta,

għandu jiġi interpretat, l-ewwel, bħala espressjoni speċifika ta’ forza maġġuri, minħabba l-funzjoni ċara tiegħu bħala deroga limitata għal ċirkustanzi eċċezzjonali; it-tieni, bħala li japplika għal sitwazzjoni ta’ influss enormi ta’ persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali li twassal għall-eżawriment tal-kapaċità ordinarja ta’ akkomodazzjoni fl-Istat Membru ospitanti; u, it-tielet, bħala li jipprekludi, fil-kuntest ta’ talba għad-danni, lil tali Stat Membru milli jinvoka forza maġġuri minħabba l-eżawriment tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni b’riżultat ta’ tali influss.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 180, p. 96).

( 3 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991 (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 35).

( 4 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996 (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 31).

( 5 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 54).

( 6 ) Ara wkoll is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 22); tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 44); u tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il-Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur) (C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 31). Dan il-prinċipju japplika għall-każijiet kollha ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, irrispettivament mill-awtorità pubblika li kienet l-awtur ta’ dan il-ksur (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe,C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 116).

( 8 ) S.I. Nru 230 tal‑2018.

( 9 ) [2023] IEHC 187.

( 10 ) C‑407/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza UFC – Que choisir u CLCV, EU:C:2023:449 (punti 51, 60 u 62).

( 11 ) Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).

( 12 ) Ibid., punt 54. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża UFC - Que choisir u CLCV (C‑407/21, EU:C:2022:690, punt 55).

( 13 ) C‑509/11, EU:C:2013:613 (punti 49 u 50). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li impriża ferrovjarja ma għandhiex dritt illi tinkludi fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tagħha klawżola skont liema hija eżentata mill-obbligu tagħha li tagħti kumpens minħabba dewmien, meta d-dewmien iseħħ minħabba każ ta’ forza maġġuri (punt 52).

( 14 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il-Qorti tal-Awdituri vs Pinxten (C‑130/19, EU:C:2021:782, punt 781 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-duttrina tal-forza maġġuri ġiet applikata f’oqsma differenti tad-dritt tal-Unjoni, bħal fil-liġi tal-kompetizzjoni, il-liġi doganali, u l-kuntratti pubbliċi.

( 15 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C‑640/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Vilkas, EU:C:2017:39, punt 54), u s-sentenza UFC - Que choisir u CLCV (punt 53).

( 16 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Trihalomethanes fl-ilma tax-xorb) (C‑481/22, EU:C:2024:85). Dwar il-limitazzjoni ratione temporis, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ara s-sentenza UFC - Que choisir u CLCV (punti 67 u 75). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑407/21, EU:C:2022:690, punt 80) fejn jiġi argumentat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża ċarament ma kinitx ifformulata b’tali mod li tillimita l-effetti tagħha għall-perijodu neċessarju sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet ikkawżati mill-avveniment li jista’ jikkostitwixxi forza maġġuri.

( 17 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (Dritt ta’ terminazzjoni mingħajr ħlas) (C‑540/21, EU:C:2023:450, punti 81 sa 88). B’mod iktar ġenerali, hija ġurisprudenza stabbilita li d-derogi mill-obbligi tal-Istati Membri taħt id-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 215).

( 18 ) Is-sentenza Vilkas (punt 53).

( 19 ) Ibid. (punt 56).

( 20 ) Sentenza UFC - Que choisir u CLCV (punt 54). Standard iktar strett ġie applikat fis-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblaca (C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 31), fil-kuntest ta’ direttiva dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tas-sentenza Ferriera Valsabbia et vs Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, EU:C:1980:81, punt 140), għamlet riferiment għal kawżi esterni li jkollhom konsegwenzi irreżistibbli u inevitabbli sal-punt li jkun oġġettivament impossibbli għall-persuna kkonċernata li tosserva l-obbligi tagħha.

( 21 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑68/11, EU:C:2012:815, punt 64).

( 22 ) Sentenza UFC - Que choisir u CLCV (punt 72).

( 23 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 28).

( 24 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (Dritt ta’ terminazzjoni mingħajr ħlasijiet) (C-540/21, EU:C:2023:450). Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-adozzjoni mis-Slovakkja ta’ liġi, li emendat il-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tippermetti lill-aġenziji tal-ivvjaġġar joffru lill-klijenti emenda tal-kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kurrenti jew pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, minflok ma jipprovdu rifużjoni fi żmien 14-il jum kif mitlub mill-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar pakketti tal-ivvjaġġar.

( 25 ) Ibid.; il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-leġiżlazzjoni Slovakka, li ħelset lill-organizzaturi kollha tal-pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom minħabba l-pandemija, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-invokazzjoni tal-forza maġġuri. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li tali leġiżlazzjoni ma kinitx limitata biss għal każijiet li fihom tali restrizzjonijiet finanzjarji kienu verament immanifestaw ruħhom, iżda kienet testendi għall-kuntratti kollha affettwati mill-pandemija, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja speċifika tal-organizzaturi.

( 26 ) Premessa 1 tad-Direttiva 2013/33.

( 27 ) Kif jirriżulta mid-definizzjonijiet fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-Direttiva 2013/33, “kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali” tfisser is-sett sħiħ ta’ miżuri li Stati Membri jagħtu lill-applikanti skont din id-direttiva u jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala allowances finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta li huma, u allowance għall-ispejjeż ta’ kuljum.

( 28 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (247/85, EU:C:1987:339, punt 7); tas‑7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 21); u tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑164/09, EU:C:2010:672, punt 28).

( 29 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 34), u tat‑23 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 66).

( 30 ) Dan jallinja mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162), li tipprovdi espliċitament għal mekkaniżmi għat-trattament ta’ influssi bil-massa. Jekk il-kriżi tkun estrema, l-Unjoni tista’ tiskatta din id-direttiva, li tipprovdi għal mekkaniżmu kollettiv għat-tqassim bejn xulxin tal-piżijiet. L-Artikolu 1 jipprovdi li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li jiġu stabbiliti standards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom u li tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu lil dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi tagħhom. L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-implimentazzjoni ta’ din il-protezzjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li tipprevjeni li s-sistema użata għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali tiġi eċċessivament mgħobbija minn sottomissjonijiet bil-massa u simultanji ta’ applikazzjonijiet għal status ta’ refuġjat, fl-interess tal-persuni spostati u ta’ persuni oħra li jitolbu protezzjoni internazzjonali.

( 31 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020 (C‑808/18, EU:C:2020:1029).

( 32 ) Ara l-punti 222 u 223 ta’ dik is-sentenza. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-bosta referenzi għal “ċirkustanzi eċċezzjonali” li jinkludu “influss f’daqqa waħda ta’ massa ta’ applikanti għall-ażil” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6, p. 101). Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistipula l-livelli minimi għall-ilqugħ ta’ applikanti għall-ażil fl-Istati Membri (COM(2001) 181 final) (ĠU 2001, C 213 E, p. 286). Id-deroga inkwistjoni toriġina mill-Artikolu 14(8) ta’ din id-direttiva. L-ipoteżi tal-eżawriment tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni ġiet żviluppata fil-proċess leġiżlattiv sussegwenti u, għalhekk, ma jsir ebda riferiment għaliha f’dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni.

( 33 ) Ara l-punt 37 iktar ’il fuq.

( 34 ) Ara pereżempju, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 37). Bl-istess mod, fir-rigward tal-Istati Membri, ksur suffiċjentement serju jimplika “ksur manifest u serju mill-Istat Membru tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu”. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 105).

( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑395/17, EU:C:2019:98, punt 59).

( 36 ) Ara wkoll is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 30), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 113). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta f’Dyson et vs Il‑Kummissjoni (C‑122/22 P, EU:C:2023:552, punt 70).

( 37 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2003, Evans (C‑63/01, EU:C:2003:650, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ibid., (punt 120).

( 40 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C‑5/94, EU:C:1996:205, punt 28), u tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 71).

( 41 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956); tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et (C‑79/13, EU:C:2014:103, iktar ’il quddiem is-“sentenza Saciri”); u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI (C‑179/11, EU:C:2012:594). Pereżempju, fis-sentenza Saciri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil jistgħu wkoll jiksbu akkomodazzjoni tal-familja fis-suq tal-kiri privat.

( 42 ) Ara s-sentenza Saciri (punti 35 sa 40 u 46 sa 49).

( 43 ) L-Artikoli 1 u 4 tal-Karta ġew marbuta mill-qrib fil-kuntest tal-każijiet tal-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Jawo, EU:C:2019:218, punt 92). Din ir-rabta kienet preżenti wkoll fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ibrahim et”, EU:C:2019:219), u fis-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 36). In-natura assoluta tad-dritt minqux fl-Artikolu 4 tal-Karta, li huwa marbut mill-qrib ma’ dak tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, ġiet innotata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 85), u tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 56). Dwar in-natura assoluta jew mhux derogabbli tad-dritt minqux fl-Artikolu 1 tal-Karta, ara Dupré, C., “Article 1 – Human dignity”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 14 sa 15; Jones, J., “Human Dignity in the EU Charter of Fundamental Rights and its Interpretation Before the European Court of Justice”, Liverpool Law Review, 2012, Vol. 33, p. 287.

( 44 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, CK et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59), u tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 36). Ara wkoll Dupré, C., “Article 1 – Human dignity”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 20. Filwaqt li d-dinjità tal-bniedem ma hijiex elenkata b’mod espliċitu fost id-drittijiet previsti fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), in-natura fundamentali tagħha tissuġġerixxi li ma tistax tiġi dderogata. Filwaqt li din il-konvenzjoni ma għandhiex artikolu separat espliċitament iddedikat biss għad-dinjità tal-bniedem, il-kunċett huwa inerenti u jirfed ħafna mid-dispożizzjonijiet tagħha, notevolment l-Artikolu 3 tagħha, li jipprojbixxi t-tortura u t-trattament jew il-pieni inumani jew degradanti. Rigward id-deroga minn obbligi taħt il‑KEDB, l-Artikolu 15(2) tal‑KEDB jispeċifika ċerti drittijiet, bħad-dritt għall-ħajja (Artikolu 2) u l-projbizzjoni ta’ tortura u trattament jew pieni inumani jew degradanti (Artikolu 3), li minnhom ma hija permessa ebda deroga, anki fi żminijiet ta’ emerġenza.

( 45 ) Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Ministero dell’Interno (Irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza) (C‑422/21, EU:C:2022:616, punt 39); is-sentenza Saciri (punt 35); u s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI (C‑179/11, EU:C:2012:594, punt 56).

( 46 ) Ara wkoll il-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33.

( 47 ) Is-sentenza Saciri (punt 48).

( 48 ) B’mod partikolari, fis-sentenza Saciri (punt 42), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-allowances għandhom ikunu biżżejjed sabiex jippermettulhom li jkollhom akkomodazzjoni privata jew appoġġ permezz ta’ għajnuna soċjali f’każ ta’ saturazzjoni fl-akkomodazzjoni tas-settur pubbliku għal dawk li jfittxu ażil.

( 49 ) Is-sentenza Saciri (punt 50).

( 50 ) Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956, punt 46), li tiċċita s-sentenza Jawo (punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jawo (punt 92), u s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 51).

( 52 ) Ara, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956, punt 47). B’mod partikolari, fil-punti 47 u 48 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li sanzjoni li tikkonsisti fl-irtirar, anki jekk tkun biss temporanja, tas-sett sħiħ ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jew ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza relatati mal-akkomodazzjoni, mal-ikel jew mal-ħwejjeġ tkun irrikonċiljabbli mar-rekwiżit li jiġi żgurat livell ta’ għajxien dinjituż għall-applikant, peress li tkun tipprekludi lill-applikant milli jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu, u tkun tammonta wkoll għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, sa fejn anki l-iktar sanzjonijiet stretti ma jistgħux iċaħħdu lill-applikant mill-possibbiltà li jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu.

( 53 ) Ara l-punt 56 iktar ’il fuq.

( 54 ) L-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, in fine, jipprovdi li “[t]ali kondizzjonijiet differenti għandhom fi kwalunkwe każ ikopru il-ħtiġiet bażiċi”, u b’hekk jillimita l-portata tad-deroga mill-obbligu li jiġu żgurati kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza disponibbli taħt din id-dispożizzjoni f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

( 55 ) Ara l-punt 62 iktar ’il fuq.

( 56 ) Ara Dupré, C., “Article 1 – Human dignity”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 20.

( 57 ) CE:ECHR:2020:0702JUD002882013.

( 58 ) Dan kien jinkludi fatturi bħal nuqqas ta’ dar, nuqqas ta’ aċċess għal ħtiġijiet bażiċi (ikel, kenn, iġjene), u espożizzjoni għal kundizzjonijiet tat-temp ħorox.

( 59 ) Il-Qorti EDB sabet li dawn l-obbligi pożittivi kienu jeżistu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Ara, pereżempju, il-punt 116 ta’ dik is-sentenza.

( 60 ) Abbażi ta’ dawn il-fatturi, il-Qorti EDB kkonkludiet li N.H., K.T. u A.J. kienu sofrew trattament kuntrarju għall-Artikolu 3 KEDB minħabba deprivazzjoni materjali estrema u għajnuna mill-Istat inadegwata. Madankollu, fir-rigward ta’ S.G., il-Qorti EDB ma sabet l-ebda ksur. Id-differenza f’dawn il-kawżi jidher li tinsab fit-tul tal-perijodu ta’ tbatija tar-rikorrenti.

( 61 ) Ara s-sentenza Ibrahim et (punt 90).

( 62 ) Ara Dupré, C., “Article 1 – Human dignity”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 19.