SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Għaxar Awla)

23 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 34 u 36 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija – Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva – Reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi – Bejgħ online – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi klassifikazzjoni ta’ età u ttikkettjar tal-programmi – Protezzjoni tal-minuri – Reġistrazzjonijiet li diġà kienet is-suġġett ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar fi Stat Membru ieħor – Proporzjonalità”

fil-Kawża C‑662/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (Il-Qorti Amministrattiva Suprema, Il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura mibdija minn

Booky.fi Oy,

fil-preżenza ta’:

Kansallinen audiovisuaalinen instituutti (KAVI),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Kansallinen audiovisuaalinen instituutti (KAVI), minn E. Lauri u L. Pekkala,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Ringborg, I. Söderlund u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Booky.fi Oy dwar deċiżjoni tal-Kansallinen audiovisuaalinen instituutti (KAVI) (Istitut nazzjonali tal-awdjoviżiv, il-Finlandja) li timponilha li ssemmi, fl-informazzjoni relatata mar-reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi offruti għall-bejgħ permezz tal-ħanut online tagħha, il-limitu ta’ età li inqas minnu dawn il-programmi ma jistgħux jintraw, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Finlandiża.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni fuq id-drittijiet tat-tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1577, p. 3), u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Settembru 1990, jipprovdi:

“L-Istati partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-funzjoni moqdija mill-media u jiżguraw li t-tfal jkollhom aċċess għal informazzjoni u għal materjal li ġej minn varji sorsi nazzjonali u internazzjonali, b’mod partikolari dik li hija intiża għall-promozzjoni kemm tal-benesseri soċjali, spiritwali u morali tiegħu kif ukoll tas-saħħa fiżika u mentali tiegħu. Għal dan il-għan, l-Istati partijiet:

[…]

e)

jiffavorixxu t-tfassil ta’ prinċipji gwida xierqa intiżi għall-protezzjoni tat-tfal kontra l-informazzjoni u l-materjali li huma ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom, meqjusa d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 u 18” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id‑dritt tal‑Unjoni

4

Il-premessi 59 u 104 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, bir-rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15), jistipulaw:

“(59)

Id-disponibbiltà ta’ kontenut dannuż fis-servizzi tal-media awdjoviżiva tqajjem tħassib għal-leġislaturi, l-industrija tal-media u l-ġenituri. Probabilment ser ikun hemm ukoll sfidi ġodda, speċjalment f’rabta ma’ pjattaformi ġodda u prodotti ġodda. Regoli li jipproteġu l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tal-minuri kif ukoll tad-dinjità tal-bniedem fis-servizzi kollha tal-media awdjoviżiva, inkluża l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva huma għaldaqstant neċessarji.

[…]

(104)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ħolqien ta’ żona mingħajr fruntieri interni għas-servizzi tal-media awdjoviżiva filwaqt li jiġi assigurat fl-istess ħin livell għoli ta’ protezzjoni tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-minuri u d-dinjita’ tal-bniedem kif ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’disabilita’ ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalita’, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.”

Id‑dritt Finlandiż

5

L-Artikolu 1 tal-kuvaohjelmalaki (710/2011) [il-Liġi dwar il-programmi awdjoviżivi (710/2011)], tas‑17 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi”), jipprovdi li l-għan ta’ din il-liġi huwa l-protezzjoni tat-tfal kontra l-programmi awdjoviżivi ta’ ħsara għall-iżvilupp tagħhom.

6

Skont kliem l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi:

“Din l-istess liġi tapplika għall-provvista u għall-kontroll ta’ programm awdjoviżiv fil-Finlandja meta dan jiġi pprovdut fuq it-televiżjoni jew fil-kuntest ta’ servizz ta’ programmi on demand li għalihom tapplika l-laki sähköisen viestinnän palveluista (917/2014) [il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (917/2014)]. Din tapplika għall-fornituri l-oħra ta’ programmi awdjoviżivi u għall-kontroll tagħhom fil-Finlandja, meta:

1)

l-programm huwa pprovdut minn impriża jew minn operatur irreġistrat fil-Finlandja jew li għandu stabbiliment f’dan il-pajjiż;

2)

il-programm huwa pprovdut minn persuna li hija ċittadin Finlandiż jew li għanda r-residenza abitwali tagħha fil-Finlandja; jew

3)

id-deċiżjoni ta’ provvista tal-programm ittieħdet fil-Finlandja.”

7

L-Artikolu 3(3) tal-Liġi dwar il-programmi awdjoviżivi jiddefinixxi l-provvista ta’ programm awdjoviżiv bħala t-tqegħid tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sabiex dan jinxtara.

8

L-Artikolu 3(5) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-klassifikazzjoni tikkonsisti fid-determinazzjoni, abbażi tal-wiri tal-programm awdjoviżiv, ta’ jekk dan jistax ikollu effett ta’ ħsara fuq l-iżvilupp tat-tfal ta’ età ta’ inqas minn età speċifika.

9

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet li jgħidu mod ieħor tal-Artikoli 9 sa 11, programm awdjoviżiv jista’ jiġi pprovdut biss jekk huwa kklassifikat konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16, u jekk dan ikun jinkludi jew ikun akkumpanjat minn indikazzjoni viżibbli b’mod ċar tal-limitu ta’ età u tal-kontenut jew, jekk dan huwa programm awdjoviżiv fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16, jekk dan ikun jinkludi jew ikun akkumpanjat minn indikazzjoni viżibbli b’mod ċar tal-limitu ta’ età u tal-kontenut. Jekk dan huwa programm awdjoviżiv fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 16, dan jista’ jiġi pprovdut biss jekk ikun jinkludi jew ikun akkumpanjat minn indikazzjoni viżibbli b’mod ċar tal-limitu ta’ età ta’ tmintax-il sena.”

10

Skont kliem il-ħames paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi:

“Fornitur ta’ programmi awdjoviżivi għandu jagħti, fil-kuntest tal-provvista tal-programmi, informazzjoni dwar il-limiti ta’ età u l-miżuri l-oħra li jiffavorixxu l-protezzjoni tat-tfal.”

11

L-Artikolu 9 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Programm awdjoviżiv ma għandux jiġi kklassifikat u lanqas ittikkettat jekk:

1)

il-kontenut tiegħu huwa esklużivament materjal edukattiv jew kulturali;

2)

il-kontenut tiegħu huwa esklużivament il-mużika, l-isport jew riproduzzjonijiet ta’ manifestazzjonijiet ta’ avvenimenti sportivi, kulturali jew ta’ ġabra jew manifestazzjonijiet jew avvenimenti simili;

3)

il-kontenut tiegħu huwa esklużivament id-DIY, il-benesseri, diskussjonijiet, logħob, il-moda, il-ġardinaġġ, il-kostruzzjoni, it-tisjir, id-dekorazzjoni, quiz, konkorsi b’logħob jew suġġetti oħra simili proposti għall-etajiet kollha;

4)

il-kontenut tiegħu huwa esklużivament materjal ta’ marketing għal prodotti jew għal servizzi;

5)

il-kontenut tiegħu huwa esklużivament materjal ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ideoloġiċi jew politiċi;

6)

il-kontenut tiegħu huwa informazzjoni dwar l-attwalità;

7)

il-kontenut tiegħu huwa xandira diretta.

B’deroga mill-ewwel paragrafu tal-punt 4, programm awdjoviżiv li l-kontenut tiegħu huwa materjal ta’ marketing għal programmi awdjoviżivi għandu jiġi kklassifikat.”

12

L-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“programm awdjoviżiv ma għandux jiġi kklassifikat u ttikkettat jekk:

1)

jitqiegħed għad-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ pubblikazzjoni online fis-sens tal-laki sananvapauden käyttämisestä joukkoviestinnässä (460/2003) [il-Liġi dwar l-Eżerċizzju tal-Libertà tal-Espressjoni fil-media (460/2003)] u huwa prodott jew mixtri fil-kuntest tax-xandir ta’ din il-pubblikazzjoni;

2)

jitqiegħed għad-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ servizz li jipprovdi programmi prodotti minn persuni privati u huwa prodott minn persuna privata għal finijiet rikreattivi;

3)

huwa pprovdut fil-kuntest ta’ attività edukattiva jew ta’ attività oħra kulturali u huwa prodott fil-kuntest ta’ attività edukattiva jew ta’ attività oħra kulturali;

4)

huwa logħba li titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ servizz li jipprovdi logħob u li l-fornitur tagħha josserva kodiċi ta’ kondotta li huwa fassal għal tali servizz u li huwa kkontrollat konformement mal-Artikolu 8.”

13

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-programmi awdjoviżivi jipprevedi:

“Il-[KAVI] jista’, fuq applikazzjoni, jawtorizza l-provvista ta’ programmi awdjoviżivi mingħajr klassifikazzjoni u mingħajr ittikkettjar abbażi tal-liġi preżenti matul avveniment speċjali organizzat għall-provvista ta’ programmi awdjoviżivi.”

14

Skont kliem l-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi:

“Programm awdjoviżiv jitqies bħala li huwa ta’ ħsara għall-iżvilupp tat-tfal jekk dan jista’ jkollu effett ta’ ħsara fuq l-iżvilupp tat-tfal minħabba l-vjolenza tiegħu jew minħabba l-kontenut sesswali jew li jinduċi ansjetà tiegħu, jew b’kull mod ieħor simili.

Il-kuntest jew il-mod li bih huma deskritti l-avvenimenti fil-programm għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tan-natura ta’ ħsara ta’ programm awdjoviżiv.”

15

L-Artikolu 16 tal-Liġi dwar il-programmi awdjoviżivi huwa fformulat kif ġej:

“Jekk programm awdjoviżiv huwa ta’ ħsara għall-iżvilupp tat-tfal fis-sens tal-Artikolu 15, dan għandu, skont il-kontenut tiegħu, jiġi kklassifikat bil-limitu ta’ età ta’ 7, 12, 16 jew 18-il sena, u dan għandu jingħata simbolu li jiddeskrivi l-kontenut tiegħu. Jekk programm ma għandux jitqies bħala ta’ ħsara għall-iżvilupp tat-tfal, dan għandu jiġi kklassifikat bħala li jista’ jiġi pprovdut għall-etajiet kollha.

Jekk programm huwa espliċitament intiż li jiġi pprovdut biss għal persuni ta’ iktar minn 18-il sena, dan ma jiġix ikklassifikat. Tali programm jista’ jiġi pprovdut biss jekk jinkludi jew huwa akkumpanjat minn indikazzjoni viżibbli b’mod ċar tal-limitu ta’ età ta’ 18-ilsena.

Il-[KAVI] jista’ japprova l-limitu ta’ età u s-simbolu li jiddeskrivi l-kontenut tal-programm li jkunu ngħataw fit-territorju tal-Ewropa, għall-finijiet tal-użu ta’ dan il-programm fil-Finlandja konformement mal-liġi preżenti, mingħajr il-ħtieġa li l-imsemmi programm jiġi kklassifikat fil-Finlandja.”

16

Skont l-Artikolu 19 ta’ din il-liġi, il-KAVI huwa inkarigat li jiżgura l-osservanza tal-imsemmija liġi.

17

L-Artikolu 30 tal-istess liġi jipprovdi l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni adottata mill-KAVI.

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Booky.fi hija impriża Finlandiża li tikkummerċjalizza, permezz ta’ ħanut online, programmi awdjoviżivi rreġistrati fuq tagħmir fiżiku bħal ma huma DVDs u Blu-ray discs.

19

Fil-kuntest ta’ kontroll imwettaq fl‑2018, il-KAVI kkonstata li Booky.fi kienet toffri għall-bejgħ reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi mingħajr ma tipprovdi l-informazzjoni dwar il-limitu ta’ età awtorizzat u dwar il-kontenut tal-programm awdjoviżiv imposti mil-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2018, il-KAVI ordna, b’mod partikolari, li Booky.fi turi dawn l-indikazzjonijiet fost l-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjonijiet ta’ programmi li hija tikkummerċjalizza, u sussegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2018, huwa ċaħad l-ilment ippreżentat minn Booky.fi kontra din id-deċiżjoni.

21

Booky.fi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-KAVI quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2019. Dik il-qorti ddeċidiet li, peress li, fil-każ ta’ ħanut online, il-provvista lill-pubbliku ta’ programm awdjoviżiv, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi, isseħħ matul it-tqegħid għall-bejgħ tar-reġistrazzjoni ta’ tali programm jew tal-possibbiltà li dan jiġi ordnat b’mod ieħor, l-imsemmija reġistrazzjoni għandha tinkludi jew tkun akkumpanjata mill-indikazzjoni dwar l-età prevista minn din il-liġi.

22

Insostenn tal-appell li hija ppreżentat kontra din is-sentenza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, Booky.fi ssostni li l-fatt li jiġi impost li l-programmi awdjoviżivi li hija tikkummerċjalizza fil-ħanut online tagħha jiġu suġġetti għal klassifikazzjoni u għal ittikkettjar, skont limiti ta’ età applikabbli fil-Finlandja, meta dawn diġà kienu s-suġġett ta’ tali klassifikazzjoni fi Stat Membru ieħor u meta fuqhom diġà twaħħlu indikazzjonijiet tal-limitu ta’ età konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor, jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE

23

Skont Booky.fi, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tat-tfal meta l-provvista ta’ programmi awdjoviżivi hija esklużivament intiża għal xerrejja ta’ età maġġuri. Hija ssostni, barra minn dan, li l-obbligu li r-reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi kollha offruti f’ħanut online jiġu kklassifikati, konformement mal-leġiżlazzjoni Finlandiża, jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u jkun inqas restrittiv għall-moviment liberu tal-merkanzija jekk ikunu biss dawk ir-reġistrazzjonijiet effettivament importati fil-Finlandja li jkunu suġġetti għal dan l-obbligu. F’dan ir-rigward, Booky.fi tindika li hija tordna r-Reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi li hija toffri fuq is-sit tal-bejgħ tagħha mingħand bejjiegħa bl-ingross internazzjonali biss skont l-ordnijiet li hija tkun irċeviet.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, il-provvista ta’ reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi permezz ta’ ħanut online jaqa’ taħt il-kunċett ta’ provvista ta’ programmi awdjoviżivi, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi, b’tali mod li indikazzjoni dwar il-limitu ta’ età li tikkorrispondi għall-klassifikazzjoni bbażata fuq din il-liġi għandha tidher fl-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni meta l-imsemmija reġistrazzjoni tiġi offruta għall-bejgħ, u dan indipendentement mill-fatt li l-programm li hija tinkludi ikun, barra minn hekk, ġie kklassifikat mill-organizzazzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

25

Fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi akkumpanjati minn indikazzjonijiet tal-limitu ta’ età korrispondenti għall-klassifikazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma tippermettix li x-xerrej ikun informat, fil-mument tal-bejgħ, dwar il-kontenut tal-programm awdjoviżiv u dwar it-ttikkettjar skont il-limiti ta’ età fis-seħħ fil-Finlandja, u dan ma jippermettix li jintlaħaq il-livell ta’ protezzjoni tat-tfal imsemmi mil-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi.

26

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tat-tilwima mressqa quddiemha, l-obbligu ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar tal-programmi skont l-età previst minn din il-liġi jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tat-tfal imfittex mill-istess liġi.

27

B’mod partikolari, dik il-qorti tqis li ċ-ċirkustanzi ta’ din it-tilwima huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008:85), sa fejn, f’dan il-każ, ma jistax ikun hemm deroga mill-obbligu dwar l-indikazzjonijiet tal-limitu ta’ età previst mil-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi anki meta huwa ċert li x-xerrej tar-reġistrazzjoni tal-programm awdjoviżiv huwa maġġorenni.

28

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huma wkoll differenti minn dawk tal-leġislazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008:85), sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tapplika kemm għall-bejjiegħa ta’ reġistrazzjonijiet awdjoviżivi stabbiliti fit-territorju nazzjonali kif ukoll għal dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, filwaqt li dan ma huwiex il-każ tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 34 TFUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, jipprekludi interpretazzjoni tal-[ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi] li teżiġi l-klassifikazzjoni [ta’ reġistrazzjonijiet ta’] programmi [awdjoviżivi] taħt il-Liġi dwar il-Programmi [Awdjoviżivi] u l-pubblikazzjoni tal-indikazzjoni dwar l-età li għaliha huma adatti dawn il-programmi, liema indikazzjoni tiddependi mill-imsemmija klassifikazzjoni, flimkien mal-indikazzjonijiet dwar il-prodott, u dan diġà f’mument li fih [ir-reġistrazzjonijiet ta’] programmi [awdjoviżivi] jkun[u] jinsab[u] għal bejgħ f’ħanut online u minkejja li [r-reġistrazzjonijiet ta’] programmi [awdjoviżivi] jkunu ġew ikklassifikati u ttikkettjati fi Stat Membru ieħor iżda jkunu għadhom ma ġewx ikkunsinnati fil-Finlandja?

Għall-finijiet tal-għoti ta’ risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li l-Liġi dwar il-Programmi [Awdjoviżivi] ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar eċċezzjonijiet mir-rekwiżit ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar ibbażati fuq il-fatt li nkisbet ċertezza li x-xerrej tal-mezzi li fuqhom jinħażnu l-programmi viżwali huwa maġġorenni u li r-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq dwar klassifikazzjoni ġdida u ttikkettjar meta [reġistrazzjoni ta’] programm [awdjoviżiv] [t]iġi offrut[a] f’ħanut online japplika biss meta l-programm ikun qiegħed jiġi offrut minn kumpanniji jew negozjanti li huma rreġistrati fil-Finlandja jew li għandhom stabbiliment hemmhekk jew meta jkun offrut minn persuna li hija ċittadina Finlandiża jew għandha r-residenza abitwali tagħha fil-Finlandja, jew inkella meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li l-programm jiġi offrut fil-Finlandja?

2)

Jekk sabiex ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq dwar klassifikazzjoni ġdida u ttikkettjar jitqies li huwa proporzjonat, huwa meħtieġ li tkun tista’ ssir eċċezzjoni għal dan ir-rekwiżit ibbażata fuq il-fatt li nkisbet ċertezza li x-xerrej [tar-reġistrazzjonijiet ta’] programmi [awdjoviżivi] huwa maġġorenni: fil-każ ta’ bejgħ lil maġġorenni għandha tkun meħtieġa ċertezza assoluta li x-xerrej huwa maġġorenni fil-mument tal-ordni u tal-bejgħ [tar-reġistrazzjoni ta’] programm [awdjoviżiv] jew huwa suffiċjenti li l-bejjiegħ tal-[tar-reġistrazzjoni ta’] programm [awdjoviżiv] jkun għamel sforz sabiex jiżgura li x-xerrej huwa maġġorenni?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan tal-protezzjoni tal-minuri kontra l-kontenuti awdjoviżivi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp tagħhom, teżiġi li l-programmi awdjoviżivi rreġistrati fuq tagħmir fiżiku u kkummerċjalizzati permezz ta’ ħanut online jkunu, minn qabel, is-suġġett ta’ proċedura ta’ kontroll kif ukoll ta’ klassifikazzjoni, skont il-limiti ta’ età, u ta’ ttikkettjar korrispondenti konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, u dan anki meta dawn il-programmi diġà kienu s-suġġett ta’ proċedura kif ukoll ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar analogi b’applikazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru ieħor.

31

Il-qorti tar-rinviju titlob, barra minn dan, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk humiex rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprevedix deroga minn tali rekwiżit meta jista’ jiġi stabbilit li x-xerrej ta’ reġistrazzjoni koperta minn din il-leġiżlazzjoni huwa maġġorenni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika biss għall-programmi pprovduti minn impriżi jew minn operaturi rreġistrati jew stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat jew minn persuna li hija ċittadina ta’ dan l-Istat Membru jew li fih għandha r-residenza abitwali tagħha jew inkella meta d-deċiżjoni li dawn il-programmi jiġu pprovduti ttieħdet f’dan l-Istat Membru.

32

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat FUE li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE, ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll ta’ kull miżura li għandha effett ekwivalenti (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 34 TFUE tirrigwarda kull miżura ta’ Stati Membri li tista’ tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, miżura, anki jekk la għandha l-għan u lanqas l-effett li tittratta b’mod inqas favorevoli prodotti minn Stati Membri oħra, taqa’ fi ħdan il-kunċett ta’ “miżuri li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi”, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, jekk tfixkel l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru għal prodotti li joriġinaw fi Stati Membri oħra (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan il-każ, l-effett ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-programmi awdjoviżivi għandhom, konformement mad-dritt tal-Istat Membru li fih dawn huma kkummerċjalizzati permezz ta’ ħanut online, wara li jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ kontroll minn qabel kif ukoll ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar skont il-limiti ta’ età stabbiliti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri, huwa dak li l-importazzjoni ta’ reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi li ġejjin minn Stat Membru ieħor ssir iktar vinkolanti u iktar għalja.

36

Għalhekk, tali miżura hija ta’ natura li tostakola l-aċċess, għas-suq tal-Istat Membru kkonċernat, tar-reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi li ġejjin minn Stati Membri oħra u, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, din tikkostitwixxi, konsegwentement, miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, li hija bħala prinċipju inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw minn dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C‑244/06, EU:C:2008:85, punti 34 u 35).

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ madankollu tkun iġġustifikata minħabba r-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minħabba rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-għan imfittex u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, hekk kif huwa stipulat fl-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-programmi awdjoviżivi, għall-protezzjoni tal-minuri kontra programmi awdjoviżivi li l-kontenut tagħhom huwa ta’ ħsara għall-iżvilupp tagħhom.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tat-tfal hija sanċita fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 24(1) tagħha jipprovdi li t-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Din hija rikonoxxuta wkoll minn diversi strumenti legali internazzjonali li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni fuq id-drittijiet tat-tfal, li ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u li l-Artikolu 17(e) tagħha jistipula li l-Istati partijiet għaliha għandhom jiffavorixxu t-tfassil ta’ prinċipji gwida xierqa intiżi għall-protezzjoni tat-tfal kontra l-informazzjoni u l-materjali li huma ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom.

40

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, programmi awdjoviżivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessa 59 tad-Direttiva 2010/13, in-neċessità ta’ protezzjoni tal-minuri kontra l-preżenza ta’ kontenuti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għalihom filwaqt li fakkar, fil-premessa 104 ta’ din id-direttiva, li dan huwa għan ta’ interess ġenerali li jistħoqqlu livell għoli ta’ protezzjoni.

41

Konsegwentement, il-protezzjoni tal-minuri kontra programmi awdjoviżivi li l-kontenut tagħhom jista’ jkun ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp tagħhom tikkostitwixxi rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali li huwa ta’ natura li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 40).

42

Hekk kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, għad fadal li jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi l-ilħuq ta’ dan l-għan leġittimu u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

43

F’dan ir-rigward, hija finalment il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u kemm din il-leġiżlazzjoni tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan il-għan, dik il-qorti hija obbligata li teżamina b’mod oġġettiv, bl-għajnuna tad-data tal-istatistika, limitati jew b’mezzi oħra, jekk il-provi prodotti mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-mezzi magħżula huma xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija kif ukoll jekk huwiex possibbli li dawn tal-aħħar jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung, C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tagħti risposta utli lil dik il-qorti, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiemha, li huma ta’ natura li jippermettu li l-imsemmija qorti tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati, għandu jiġi osservat li r-rekwiżit li l-programmi awdjoviżivi kkummerċjalizzati fi Stat Membru jkunu, minn qabel, ikklassifikati f’dan l-Istat Membru u/jew ikunu mgħonija b’indikazzjoni tal-età minima rrakkomandata sabiex ikunu jistgħu jintraw, sa fejn din tippermetti li l-konsumaturi jkunu informati dwar in-natura tal-kontenut ta’ dawn il-programmi u, għaldaqstant, li huma jiddeterminaw liema mill-imsemmija programmi huma xierqa għall-età tat-tfal li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom, huwa xieraq sabiex il-persuni minuri jiġu protetti kontra l-programmi li l-kontenut tagħhom jista’ jkun ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 47).

46

Madankollu, il-leġiżlazzjoni li tipprevedi tali miżura tista’ titqies li hija ta’ natura li tiggarantixxi l-ilħuq ta’ tali għan biss jekk din tissodisfa verament l-intenzjoni li dan l-għan jintlaħaq u jekk din tiġi implimentata b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi diversi derogi mill-obbligu ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar tal-programmi awdjoviżivi fil-Finlandja.

48

Hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, dawn id-derogi, previsti fl-Artikoli 9 u 10 tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi, huma bbażati fuq il-kontenut tal-programm ikkonċernat jew fuq il-kuntest li fih dawn jiġu pprovduti. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 11 ta’ din il-liġi, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, deroga tista’ tingħata fuq applikazzjoni.

49

Għaldaqstant, tali derogi, sa fejn huma ddefiniti b’mod strett u/jew sa fejn dawn jirrigwardaw programmi awdjoviżivi li l-kontenut tagħhom ma jistax, a priori, ikun ta’ ħsara għall-iżvilupp tal-minuri, huma ta’ portata limitata. Għalhekk, bla ħsara għal verifiki mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li dawn huma ta’ natura li jostakolaw l-ilħuq tal-għan imfittex mill-imsemmija liġi.

50

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi jirriżulta li reġistrazzjoni ta’ programm awdjoviżiv hija rregolata minn din il-liġi biss jekk din tiġi kkummerċjalizzata, fil-Finlandja, minn impriża jew minn operatur irreġistrat f’dan l-Istat Membru jew li għandu stabbiliment f’dan il-pajjiż, minn ċittadin Finlandiż jew minn persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha fil-Finlandja, jew jekk id-deċiżjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ din ir-Reġistrazzjoni ġiet adottata fil-Finlandja.

51

Sa fejn il-konsegwenza ta’ tali dispożizzjoni hija li mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi tiġi eskluża parti mir-reġistrazzjonijiet li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fil-Finlandja minn Stat Membru ieħor, u b’dan il-mod tippermetti li jiġu kkummerċjalizzati, fil-Finlandja, reġistrazzjonijiet ta’ programmi mingħajr ittikkettjar dwar l-età minima meħtieġa sabiex dawn ikunu jistgħu jintraw, jidher li din tista’ tillimita l-effettività tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’detriment tal-ilħuq tal-għan ta’ protezzjoni tal-minuri.

52

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Finlandiż indika li ma kienx possibbli li fil-Finlandja tiġi stabbilita sistema legali li abbażi tagħha r-reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi mibjugħa mill-bogħod minn Stat Membru ieħor jistgħu jkunu suġġetti għall-obbligu ta’ klassifikazzjoni previst mil-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi. F’kull każ, fil-prattika, kien ikun impossibbli li l-osservanza ta’ tali obbligu tiġi ssorveljata b’mod effikaċi.

53

Barra minn hekk, skont dan il-gvern, il-maġġoranza tal-konsumaturi Finlandiżi jwettqu x-xiri tagħhom fi ħwienet online stabbiliti fil-Finlandja, b’tali mod li l-ilħuq tal-għan imfittex mil-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi ma huwiex kompromess b’mod fundamentali mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jkoprux il-fornituri barranin kollha ta’ reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi.

54

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina b’mod oġġettiv, abbażi, b’mod partikolari, tal-elementi prodotti mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, jekk, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar tar-reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi kkummerċjalizzati fil-Finlandja jissodisfax verament l-intenzjoni li jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-persuni minuri kontra dawk ir-reġistrazzjonijiet li l-kontenut tagħhom jista’ jkun ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp tagħhom.

55

Għal dan il-għan, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni r-ratio legis li fuqha hija msejsa l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-konsegwenzi li din il-limitazzjoni għandha, b’mod konkret, fuq l-ilħuq tal-għan imfittex.

56

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-neċessità tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, fuq il-livell tal-Unjoni, tar-regoli applikabbli għall-klassifikazzjoni u għat-ttikkettjar tal-programmi awdjoviżivi, Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni li huma għandhom l-intenzjoni li jiżguraw fir-rigward tal-persuni minuri kontra l-kontenuti awdjoviżivi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp tagħhom.

57

Għalhekk, il-miżuri adottati minn Stat Membru għall-protezzjoni tal-minuri kontra tali kontenuti ma jikkorrispondux neċessarjament għal kunċett kondiviż mill-Istati Membri kollha f’dak li jirrigwarda l-livell u l-modalitajiet ta’ din il-protezzjoni. Billi dan il-kunċett jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor skont kunsiderazzjonijiet b’mod partikolari ta’ natura morali jew kulturali, lill-Istati Membri għandha tiġi rrikonoxxuta ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li Stat Membru għażel modalitajiet ta’ protezzjoni tal-persuni minuri kontra l-kontenuti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp tagħhom li huma differenti minn dawk adottati minn Stat Membru ieħor ma tistax, fiha nnifisha, taffettwa l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan il-qasam, sa fejn dawn għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għan li huma jridu jilħqu u tal-livell ta’ protezzjoni li l-Istat membru kkonċernat għandu l-intenzjoni li jiżgura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li Stat Membru jista’ leġittimament iqis li l-konsumaturi li jinstabu fit-territorju tiegħu għandhom ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-indikazzjonijiet tal-limitu ta’ età u tal-kontenut li jirriflettu l-preċetti morali u kulturali prevalenti f’dan l-Istat Membru sabiex huma jkunu jistgħu jiddeċiedu, f’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk programm awdjoviżiv speċifiku huwiex xieraq għall-età tal-persuni minuri taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

60

Konsegwentement, Stat Membru ma jistax jiġi rikjest li jirrinunċja għall-obbligu li jimponi li l-programmi awdjoviżivi kkummerċjalizzati permezz ta’ ħanut online jkunu, minn qabel, is-suġġett, f’dan l-Istat Membru, ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar skont il-limiti ta’ età għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri, għar-raġuni li tali programm diġà kien is-suġġett, fi Stat Membru ieħor, ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar għal dawn l-istess finijiet.

61

Bl-istess mod, Stat Membru ma jistax jiġi obbligat li jipprevedi deroga mill-obbligu ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar tal-programmi awdjoviżivi skont il-limiti ta’ età fil-każ fejn jista’ jiġi stabbilit li x-xerrej ta’ reġistrazzjoni hija persuna maġġorenni. Fil-fatt, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni u t-ttikkettjar tal-programmi awdjoviżivi skont il-limiti ta’ età jitwettqu minn qabel l-ispedizzjoni tat-tagħmir li fuqu huma rreġistrati, iżda biss wara x-xiri ta’ dan tal-aħħar, il-konsumaturi ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeterminaw, f’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk programm huwiex xieraq għall-età tal-persuni minuri taħt ir-responsabbiltà tagħhom jew li jista’ jkollhom aċċess għal din ir-reġistrazzjoni. Għalhekk ikun jeżisti riskju ikbar li minuri jkollu aċċess għal programm li ma huwiex xieraq għall-età tiegħu. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, Stat Membru lanqas ma jista’ jiġi rikjest li jissuġġetta għall-obbligu ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar biss dawk il-programmi li r-reġistrazzjonijiet tagħhom huma effettivament ikkunsinnati f’dan l-Istat Membru.

62

Barra minn dan, għandu jiġi osservat li l-preġudizzju ikkawżat lill-moviment liberu tar-reġistrazzjonijiet ta’ programmi awdjoviżivi permezz ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex minn din il-miżura jintlaħaq, punt li għandu, madankollu, jiġi vverifikat mil-qorti tar-rinviju.

63

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlatur Finlandiż illimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Programmi Awdjoviżivi u ppreveda diversi derogi mill-obbligu ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar tal-programmi awdjoviżivi fl-Artikoli 9 sa 11 ta’ din il-liġi.

64

Barra minn hekk, fil-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm ebda element li jagħti l-wieħed x’jifhem li l-proċedura ta’ klassifikazzjoni segwita b’applikazzjoni ta’ din il-liġi ma hijiex faċilment aċċessibbli, li din ma tistax titwettaq f’terminu raġonevoli, u lanqas li, f’każ li tirriżulta f’rifjut, id-deċiżjoni adottata f’dan ir-rigward ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C‑244/06, EU:C:2008:85, punti 50 u 51).

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun kif ġej:

–

l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan tal-protezzjoni tal-minuri kontra l-kontenuti awdjoviżivi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp tagħhom, teżiġi li l-programmi awdjoviżivi rreġistrati fuq tagħmir fiżiku u kkummerċjalizzati permezz ta’ ħanut online jkunu, minn qabel, is-suġġett ta’ proċedura ta’ kontroll kif ukoll ta’ klassifikazzjoni, skont il-limiti ta’ età, u ta’ ttikkettjar korrispondenti konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, u dan anki meta dawn il-programmi diġà kienu s-suġġett ta’ proċedura kif ukoll ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar analogi b’applikazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru ieħor, dejjem sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ilħuq ta’ dan il-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq;

–

f’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li parti mir-reġistrazzjonijiet li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Istat membru kkonċernat minn Stat Membru ieħor hija eskluż mill kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma hijiex ta’ importanza determinanti, bil-kundizzjoni li tali limitazzjoni ma tikkompromettix l-ilħuq tal-għan imfittex. Lanqas ma huwa ta’ natura determinanti l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprevedix deroga minn dan ir-rekwiżit meta jista’ jiġi stabbilit li x-xerrej ta’ reġistrazzjoni koperta minn din il-leġiżlazzjoni huwa maġġorenni.

Fuq it‑tieni domanda

66

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan tal-protezzjoni tal-minuri kontra l-kontenuti awdjoviżivi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp tagħhom, teżiġi li l-programmi awdjoviżivi rreġistrati fuq tagħmir fiżiku u kkummerċjalizzati permezz ta’ ħanut online jkunu, minn qabel, is-suġġett ta’ proċedura ta’ kontroll kif ukoll ta’ klassifikazzjoni, skont il-limiti ta’ età, u ta’ ttikkettjar korrispondenti konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, u dan anki meta dawn il-programmi diġà kienu s-suġġett ta’proċedura kif ukoll ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar analogi b’applikazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru ieħor, dejjem sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ilħuq ta’ dan il-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

 

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li parti mir-reġistrazzjonijiet li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Istat membru kkonċernat minn Stat Membru ieħor hija eskluża mill kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma hijiex ta’ importanza determinanti, bil-kundizzjoni li tali limitazzjoni ma tikkompromettix l-ilħuq tal-għan imfittex. Lanqas ma huwa ta’ natura determinanti l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprevedix deroga minn dan ir-rekwiżit meta jista’ jiġi stabbilit li x-xerrej ta’ reġistrazzjoni koperta minn din il-leġiżlazzjoni huwa maġġorenni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.