IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.10.2026
COM(2026) 553 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Li tippermetti lill-Italja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Li tippermetti lill-Italja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (), u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 (), u mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE, fil-verżjoni emendata tagħha (), huma l-elementi ewlenin tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz tar-riformi u l-investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u jiffoka fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u koerenti tar-regoli.
(2)Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f’rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17(1), l-Artikoli 19 jew 20 tar-Regolament (UE) 2024/1263 huma r-referenza operazzjonali unika għas-sorveljanza fiskali annwali ta’ kull Stat Membru u huma fil-qalba tal-qafas tal-governanza ekonomika. Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti minn dik ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jistabbilixxu restrizzjoni baġitarja għal 4 jew 5 snin, li hija bbażata fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin li jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn 3 snin.
(3)Il-qafas jipprevedi flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli fl-eventwalità ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri u li jkollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263 (“klawżoli liberatorji nazzjonali”). Fil-każ tal-aħħar, wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq l-analiżi tagħha, fi żmien 4 ġimgħat mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta tiegħu kif stabbiliti mill-Kunsill, meta (i) ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istat Membru, (ii) ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, u (iii) dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill irid jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.
(4)Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, li ltaqgħu f’Versailles fl-10 u l-11 ta’ Marzu 2022, ħadu l-impenn li jsaħħu l-kapaċitajiet Ewropej tad-difiża fid-dawl tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn l-għanijiet ġew imtennija fil-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar id-difiża Ewropea tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda l-attivazzjoni, b’mod koordinat u bħala miżura immedjata, tal-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(5)Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Marzu 2025 (), il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-flessibbiltà provduta mill-klawżola liberatorja nazzjonali b’mod koordinat bil-ħsieb li jiġi mmassimizzat l-impatt fuq il-mezzi tad-difiża tal-UE. Din il-flessibbiltà għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni għal livelli ogħla ta’ nfiq fid-difiża dment li ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Dik il-Komunikazzjoni tispjega li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill meta japprova l-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju jew meta jistabbilixxi l-perkorsi korrettivi skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, sakemm id-devjazzjoni tkun iġġustifikata minn żieda fl-infiq fid-difiża meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, u li l-eċċess annwali sal-2028 ma jaqbiżx il-1,5 % tal-PDG. Żidiet lil hinn minn dak l-ammont ikunu soġġetti għall-valutazzjonijiet normali tal-konformità. Tali massimu huwa neċessarju biex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tiġix ipperikolata, filwaqt li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà hekk kif jimxu lejn livell ogħla ta’ nefqa fid-difiża. L-ammonti preċiżi jiġu determinati meta ssir disponibbli d-data tal-eżitu, biex jiġi żgurat li l-flessibbiltà addizzjonali tintuża biss għall-iskop maħsub tagħha.
(6)Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni ħabbret li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jista’ jiġi estiż biex jakkomoda l-miżuri deċiżi mill-Istati Membri wara t-28 ta’ Frar 2026 li jsaħħu r-reżiljenza strutturali tas-sistema tal-enerġija Ewropea u jħaffu l-pass tat-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili (minn hawn ’il quddiem, “miżuri tas-sigurtà tal-enerġija”) (). Fit-18 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż bi gwida ulterjuri għall-Istati Membri dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tfassil tal-flessibbiltà addizzjonali għall-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija (). Sabiex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tiġix ipperikolata, u biex titrażżan iż-żieda meħtieġa fl-aġġustament fiskali fil-perjodi sussegwenti, il-limitu massimu eżistenti ta’ 1,5 % tal-PDG jibqa’ l-istess u japplika kemm għall-flessibbiltà relatata mad-difiża kif ukoll dik relatata mal-enerġija. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-flessibbiltà mogħtija għall-miżuri ta’ sigurtà tal-enerġija ma taqbiżx iż-0,3 % tal-PDG fis-sena, filwaqt li l-flessibbiltà kumulattiva sa tmiem l-2028 ma taqbiżx iż-0,6 % tal-PDG.
(7)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta‘ Jannar 2025 () approvat il-perkors tan-nefqa netta tal-Italja. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 () stabbiliet perkors tan-nefqa korrettiva għall-Italja għas-snin sal-2026.
(8)Fil-11 ta’ Settembru 2026, l-Italja ressqet talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali għad-difiża u s-sigurtà tal-enerġija.
(9)Fit-talba tagħha, l-Italja tissottolinja r-riperkussjonijiet tal-gwerra ta’ aggressjoni persistenti tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq fid-difiża. Din is-sitwazzjoni hija ċirkostanza eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll ta’ kull Stat Membru.
(10)Fit-talba tagħha, l-Italja tirrapporta data dwar in-nefqa totali fid-difiża sal-2026 (it-Tabella 1) u tipprevedi nefqa addizzjonali fid-difiża sa massimu ta’ 0,9 punti perċentwali tal-PDG sa tmiem l-2028. Iż-żieda tkun tirrifletti kemm il-programmi ta’ investiment pluriennali ġodda kif ukoll in-nefqa kurrenti addizzjonali, inkluż għadd ogħla ta’ persunal u kostijiet operatorji oħra. Għalhekk, iż-żieda fin-nefqa fid-difiża għandha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Italja u tikkontribwixxi għad-deterjorament tal-bilanċ tal-gvern u għaż-żieda tad-dejn tal-gvern.
Tabella 1: Infiq totali fid-difiża fl-Italja
|
|
2021 a
|
2022 a
|
2023 a
|
2024 a
|
2025 b
|
2026 b
|
|
Nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż (% tal-PDG)
|
1,4
|
1,2
|
1,2
|
1,3
|
1,3
|
1,3
|
Sors: a: il-Eurostat. b: l-Informazzjoni pprovduta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-Italja.
(11)Id-data dwar in-nefqa fid-difiża tal-gvern ġenerali tinġabar u tiġi rilaxxata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonijiet tal-Gvern (COFOG) () fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA2010) (). Din id-data hija xierqa biex jiġi vvalutat l-impatt tal-infiq fid-difiża fuq id-defiċit, id-dejn u n-nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. Il-Eurostat, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, stabbilixxa proċess ta’ ġbir ta’ data, li huwa allinjat mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 ().
(12)Barra minn hekk, jista’ jkun li l-konsenja għal xi wħud mill-kuntratti għal tagħmir militari ffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali ssir fi stadju aktar tard, u għaldaqstant l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi jinħass biss wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola. Sabiex tiġi indirizzata din l-eventwalità, jenħtieġ li l-flessibbiltà mogħtija skont il-klawżola liberatorja nazzjonali tapplika wkoll għan-nefqa fid-difiża marbuta ma’ tali konsenja aktar tard, dment li l-kuntratti korrispondenti jkunu ġew iffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola u li dan l-infiq ittardjat fid-difiża jibqa’ fil-limitu ġenerali msemmi.
(13)In-nefqa ffinanzjata minn self ipprovdut skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (), tibbenefika awtomatikament mill-flessibbiltà msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jirrapportaw lill-Eurostat kull nefqa relatata mad-difiża li ssir fil-qafas tal-Istrument SAFE taħt il-kategoriji “prodotti tad-difiża” u “prodotti oħra għal finijiet tad-difiża” kif definiti fir-Regolament (UE) 2025/1106.
(14)Fit-talba tagħha tal-11 ta’ Settembru 2026, l-Italja tenfasizza wkoll ir-riperkussjonijiet tal-azzjoni militari fil-Golf Persjan, li tipperikola s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa fit-tul. Din is-sitwazzjoni hija ċirkostanza eċċezzjonali li l-Istat Membru ma għandux kontroll fuqha u tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq tal-gvern biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati u l-vulnerabbiltajiet relatati magħhom, u b’hekk tali żieda fl-infiq tal-gvern tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija.
(15)Fit-talba tagħha, l-Italja tippreżenta lista ta’ setturi fejn il-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija ffinanzjati fil-livell nazzjonali, deċiżi wara t-28 ta’ Frar 2026, huma ppjanati b’impatt baġitarju dirett, li għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati u jsaħħu s-sigurtà tal-Ewropa. Il-miżuri previsti jappoġġaw investimenti, pereżempju, fl-elettrifikazzjoni residenzjali, fit-titjib tar-rendiment tal-bini u ta’ faċilitajiet privati u pubbliċi fl-użu tal-enerġija, inkluż l-iskejjel, l-universitajiet u l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, fl-użu ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, inkluż is-sistemi fotovoltajċi, l-inċentivi finanzjarji mmirati u skemi ta’ garanzija pubblika biex tiġi promossa d-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet produttivi, l-investimenti fit-trasport ferrovjarju, it-trasport pubbliku u l-mobbiltà urbana sostenibbli, kif ukoll l-espansjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, il-ħżin tal-enerġija, il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u l-bijofjuwils. Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari, dawn il-miżuri previsti jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-flessibbiltà għas-sigurtà tal-enerġija. Din il-valutazzjoni inizjali ma tippreġudikax valutazzjonijiet futuri tal-eliġibbiltà li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni. Il-miżuri jenħtieġ li jkunu mmirati u kosteffettivi u mfassla biex jimmassimizzaw l-impatt f’termini tal-kontribut tagħhom għad-dekarbonizzazzjoni u/jew l-iffrankar tal-enerġija. Pereżempju, it-titjib tar-rendiment tal-bini u ta’ faċilitajiet privati u pubbliċi fl-użu tal-enerġija, jenħtieġ li jkun ambizzjuż biżżejjed, pereż. biex jinkiseb iffrankar tal-enerġija fil-bini li jikkorrispondi għal rinnovazzjonijiet medji jew fil-fond. Jenħtieġ li, b’mod partikolari, il-miżuri tal-infrastruttura tat-trasport u l-miżuri li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet produttivi jaċċelleraw l-elettrifikazzjoni ta’ dawn is-setturi.
(16)Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-eliġibbiltà f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni, tal-addizzjonalità, tal-immirar, u tal-kosteffettività ta’ miżuri konkreti, u tal-impatt baġitarju tagħhom, bħala parti mis-sorveljanza fiskali regolari tagħha. Din se ssir sabiex tiġi ddeterminata l-flessibbiltà li tirriżulta mill-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati meta jiġi stabbilit il-kont ta’ kontroll għall-Italja u tiġi vvalutata l-konformità mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati.
(17)Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Italja tirrapporta darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni l-lista ta’ miżuri konkreti ta’ sigurtà tal-enerġija li tqis eliġibbli għall-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali u tipprovdi evidenza rigward l-eliġibbiltà u l-impatt baġitarju tagħhom. Dan ir-rapportar regolari dwar il-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija se jifforma parti mill-proċess ta’ sorveljanza fiskali biannwali. Ir-rapportar tar-rebbiegħa jenħtieġ li jinkludi miżuri u l-kost baġitarju tagħhom għas-sena preċedenti u t-tbassir tagħhom għas-sena kurrenti, filwaqt li r-rapportar tal-ħarifa jenħtieġ li jinkludi miżuri għas-sena kurrenti, kif ukoll miżuri għas-sena ta’ wara, li jkunu ġew adottati jew imħabbra b’mod kredibbli f’biżżejjed dettall. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tqis, fis-sorveljanza fiskali tagħha, il-miżuri konkreti biex ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija, fil-limiti massimi annwali u kumulattivi ta’ 0,3 u 0,6 fil-mija tal-PDG, rispettivament.
(18)Jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess, żieda fin-nefqa netta matul il-perjodu kopert mill-klawżola liberatorja nazzjonali se twassal għal dejn ogħla tal-gvern u għal defiċit ogħla sa tmiem dak il-perjodu. Il-projezzjonijiet indikattivi mwettqa mill-Kummissjoni u s-suppożizzjoni li, sal-2028 jkun hemm adozzjoni lineari taż-żieda sħiħa fin-nefqa tal-gvern permessa minn din ir-rakkomandazzjoni (jiġifieri l-użu sħiħ tal-limitu massimu ta’ 1,5 % tal-PDG) jissuġġerixxu li l-proporzjon tad-defiċit għall-PDG u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2028 ikunu 1,1 punt perċentwali u 1,3 punt perċentwali ogħla, rispettivament, milli kieku n-nefqa netta tikber f’konformità mal-perkors stabbilit mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/651. Dan x’aktarx ikun jeħtieġ aġġustament fiskali addizzjonali wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-qafas fiskali, inkluż biex jiġi żgurat li l-proporzjon tad-dejn jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-defiċit jibqa’ jew jinġieb taħt it-3 % tal-PDG u jinżamm taħt il-valur referenzjarju fuq terminu medju. L-Italja tirrikonoxxi li, fil-futur, nefqa strutturali ogħla fid-difiża u s-sigurtà tal-enerġija tista’ tirrikjedi politiki biex jiġu ppreżervati s-sostenibbiltà fiskali u l-konformità mar-regoli fiskali fuq it-terminu medju. Iż-żieda limitata mbassra fil-livelli tad-defiċit u tad-dejn ikkawżata mill-klawżola liberatorja nazzjonali, flimkien mal-impenn tal-Italja li timplimenta l-aġġustament meħtieġ biex tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-qafas fiskali fil-pjan li jmiss, tiżgura li s-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreżervata fuq it-terminu medju.
(19)Din ir-rakkomandazzjoni ma timmodifikax id-definizzjonijiet ta’ defiċit, dejn u nefqa netta tal-gvern, u l-kunċetti relatati. Id-data bbażata fuq dawn il-kunċetti trid tiġi kkompilata u rrapportata mill-Italja f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1263, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 () u r-Regolament (UE) Nru 549/2013 ().
B’DAN JIRRAKKOMANDA:
1.
Sal-2028, l-Italja titħalla tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/651 (), kif ukoll taqbiżhom, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż dawk ir-rati massimi ta’ tkabbir ma tkunx aktar minn
(i)
it-total ta’:
(a)
iż-żieda fin-nefqa fid-difiża f’perċentwal tal-PDG mill-2024 (is-sena ta’ referenza);
(b)
il-kost baġitarju tal-miżuri eliġibbli li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija matul il-perjodu 2026–2028, b’limitu massimu ta’ 0,3 fil-mija tal-PDG fis-sena u 0,6 fil-mija tal-PDG f’termini kumulattivi matul l-istess perjodu;
(ii)
dment li d-devjazzjoni totali li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta ma taqbiżx il-1,5 fil-mija tal-PDG.
2.
Fis-snin wara l-2028, l-Italja xorta tista’ tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta, u taqbiżhom, kif stabbilit b’Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikoli 17, 19 jew 20 tar-Regolament (UE) 2024/1263, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tkun relatata mal-konsenji ta’ tagħmir militari kkuntrattat qabel tmiem l-2028 u tibqa’ fil-limitu massimu kumplessiv imsemmi hawn fuq.
3.
F’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill li huma permessi b’din ir-Rakkomandazzjoni mhumiex se jiġu rreġistrati bħala debiti fil-kont ta’ kontroll tal-Italja.
4.
Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni korretta tan-nefqa addizzjonali, l-Italja trid tinkludi data attwali u ppjanata dwar in-nefqa totali fid-difiża (id-diviżjoni 02 tal-COFOG), inkluż dwar l-investiment fid-difiża (id-diviżjoni 02 P.51 tal-COFOG)u kwalunkwe nefqa li trid tiġi ffinanzjata minn self SAFE li mhijiex koperta fil-COFOG-02:
(a)
għas-snin 2021 sas-sena T-1 (bis-sena T tkun is-sena kurrenti) fir-rapportar lill-Kummissjoni (Eurostat) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2009;
(b)
għas-snin 2021 sas-sena T (is-sena kurrenti), fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u fir-rapporti ta’ progress annwali f’konformità mal-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 15, u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263;
(c)
għas-snin T (is-sena attwali) u T+1 fl-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ().
5.
Sabiex tiġi żgurata reġistrazzjoni korretta, l-Italja trid tirrapporta lill-Kummissjoni miżuri konkreti li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fl-2026–2028. Ir-rapportar lill-Kummissjoni ta’ dawn il-miżuri konkreti jenħtieġ li jirrispetta l-mudell ta’ rapportar li jrid jiġi pprovdut mill-Kummissjoni, inkluża informazzjoni dwar l-istat ta’ implimentazzjoni, evidenza rigward l-eliġibbiltà tagħhom, u jenħtieġ li jiġi kkwantifikat b’mod trasparenti u prudenti. Ir-rapportar għandu jsir darbtejn fis-sena, fir-rebbiegħa sal-15 ta’ April, u fil-ħarifa, fil-kuntest tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, sal-15 ta’ Ottubru.
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President