Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 213 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Ċipru

{SWD(2025) 213 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Ċipru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u li jipprekludi defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 3 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.

(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Ċipru żied kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)Fis-17 ta’ Mejju 2021, Ċipru ppreżenta l-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fl-20 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru 6 , li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fit-8 ta’ Diċembru 2023 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 7 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li Ċipru jkun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta’ Ċipru 8 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, li jkopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq 4 snin.

(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2025 ta’ Ċipru. Fl-istess jum, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport tal-2025 dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, fejn Ċipru kien identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kien hemm il-ħtieġa ta’ analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 9 fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025.

(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. B’ħarsa lejn il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-enerġija affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u hija mutur tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.

(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għal Ċipru. F’dan ġie vvalutat il-progress ta’ Ċipru fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Ċipru. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċja Ċipru. Huwa vvaluta wkoll il-progress ta' Ċipru fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(11)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Ċipru. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għal Ċipru għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta’ Mejju 2025 10 . Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li Ċipru ma għadux jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn estern u privat qed jonqsu, parzjalment minħabba tkabbir ekonomiku qawwi, u t-tnaqqis tad-dejn tal-gvern huwa appoġġat aktar minn bilanċi pożittivi baġitarji kontinwi; id-defiċit fil-kont kurrenti għadu mdaqqas. Ċipru għamel progress importanti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri li jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet tiegħu. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi u dak korporattiv mhux finanzjarju qed jonqos bħala sehem tal-PDG, prinċipalment bis-saħħa ta’ effetti qawwija ta’ denominatur minħabba tkabbir nominali għoli tal-PDG. Sehem kbir ta’ dejn korporattiv huwa dovut minn entitajiet bi skop speċjali, li s-selliefa tagħhom jinsabu barra minn Ċipru, u li joħolqu riskji limitati għall-ekonomija. Barra minn hekk, is-self improduttiv miżmum mill-banek kien qed jonqos b’mod sinifikanti minħabba l-bejgħ, it-tħassir u r-ripagamenti. Is-self improduttiv miżmum minn kumpaniji li jakkwistaw kreditu qed jonqos ukoll u dan qed iwassal għal aktar tnaqqis fl-ingranaġġ. Id-dejn tal-gvern qed jonqos b’pass mgħaġġel u Ċipru huwa mbassar li se jsostni bilanċi favorevoli baġitarji. Minkejja li naqas fl-2024, id-defiċit fil-kont kurrenti għadu għoli u huwa mistenni li jitjieb biss marġinalment; il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva għadha mdaqqsa iżda hija eżaġerata b’mod sinifikanti minħabba l-preżenza ta’ entitajiet bi skop speċjali mingħajr rabtiet diretti sinifikanti mal-ekonomija domestika. Ċipru qed jagħmel progress fil-politika biex jindirizza l-vulnerabbiltajiet tiegħu. B’mod partikolari, il-qafas ta’ esklużjoni sar kompletament operattiv fl-2024, u l-leġiżlazzjoni li għandha l-għan li tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv hija mistennija li tnaqqas id-dejn tal-unitajiet domestiċi u tagħti spinta lit-tfaddil tagħhom.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(12)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għal Ċipru: 6,0 % fl-2025, 5,0 % fl-2026, 5,4 % fl-2027, u 4,3 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 8,9 % fl-2025, 14,3 % fl-2026, 20,5 % fl-2027, u 25,7 % fl-2028. Fit-30 ta’ April 2025 Ċipru ppreżenta r-Rapport ta’ Progress Annwali 11 tiegħu, dwar l-aderenza mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Ċipru dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(13)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakommandat li tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025.

(14)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 12 , is-surplus tal-gvern estiż ta' Ċipru żdied minn 1,7 % tal-PDG fl-2023 għal 4,3 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 73,6 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 65,0 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 2,9 % fl-2024. Fir-rapport ta’ Progress Annwali, Ċipru jistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 huwa ta’ 3,2 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta kien aktar baxx milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-istimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal nefqa totali aktar baxxa u tnaqqis ogħla għall-kofinanzjament nazzjonali tal-programmi tal-UE, li jirriflettu data disponibbli aktar reċenti 13 . Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 14 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet restrittiva, b’1,9 % tal-PDG, fl-2024.

(15)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġezzjonijiet baġitarji minn Ċipru jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 3,1 % kemm fl-2025 kif ukoll fl-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pproġettata għal 1,9 % fl-2025 u 2,1 % fl-2026. It-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 3,0 % fl-2025 u 2,5 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,0 % kemm fl-2025 u fl-2026.

(16)Fir-rapport ta’ Progress Annwali, is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 3,5 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 57,4 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 6,8 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern ta’ 3,5 % tal-PDG fl-2025. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 7,3 % fl-2025. Dawn il-proġezzjonijiet ogħla ta’ tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali huma dovuti għall-fatt li l-Kummissjoni qed tistenna żieda kemxejn aktar b’saħħitha fit-tkabbir tan-nefqa netta fl-2025, għalkemm tibda minn bażi aktar baxxa. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun espansjonarja, b’1,1 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 58,0 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment is-surplus għoli tal-gvern flimkien ma’ tkabbir ekonomiku solidu.

(17)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 1,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,4 % tal-PDG fl-2024, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż ta’ Ċipru.

(18)In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż f’Ċipru ammontat għal 1,7 % tal-PDG fl-2021, 1,5 % tal-PDG fl-2022 u 1,9 % tal-PDG fl-2023 15 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pproġettata li tkun 1,4 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Dan jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 0,3 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021.

(19)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta f’Ċipru hija pproġettata li tikber b’7,3 % fl-2025 u 10,4 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta ta’ Ċipru fl-2025 huwa pproġettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni 16 ta’ 0,5 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija wkoll ipproġettata li tkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta’ 0,5 % tal-PDG. Id-devjazzjoni pproġettata taqbeż il-limitu ta’ 0,3 % tal-PDG għad-devjazzjoni annwali iżda ma taqbiżx il-limitu ta’ 0,6 % tal-PDG għad-devjazzjoni kumulattiva. B’mod ġenerali, dan ifisser li hemm riskju ta’ devjazzjoni mit-tkabbir tan-nefqa netta massima rakkomandata, meta d-data tal-eżitu għall-2025 se tkun disponibbli fir-rebbiegħa li jmiss.

(20)Fir-rapport ta’ Progress Annwali, is-surplus tal-gvern estiż huwa proġettat li jiżdied għal 3,7 % tal-PDG fl-2026, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa proġettat li jonqos għal 52,6 % sa tmiem l-2026. Wara l-2026, fir-Rapport ta’ Progress Annwali, is-surplus tal-amministrazzjoni pubblika huwa pproġettat li jibqa’ 3,7 % tal-PDG fl-2027 u l-2028. Min-naħa tiegħu, wara l-2026, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pproġettat li jonqos għal 48,4 % fl-2027 u għal 43,3 % fl-2028. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern ġenerali ta’ 3,4 % tal-PDG fl-2026. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5,4 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun restrittiva, b’0,6 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa proġettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 51,9 % sa tmiem l-2026. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 jirrifletti prinċipalment is-surplus għoli tal-gvern flimkien ma’ tkabbir ekonomiku solidu.

Sfidi ewlenin tal-politika

(21)F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta' Ċipru permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Ċipru jkompli jaċċellera r-riformi u l-investimenti billi jindirizza l-isfidi rilevanti. Ċipru għandu jżid il-kapaċità amministrattiva tiegħu biex jissorvelja b’mod effettiv l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, iħaffef l-eżekuzzjoni tal-investiment, u jsostni progress fl-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(22)L-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludi appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), aċċellerat f’Ċipru. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dan il-programm, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tiegħu fil-prattika. Ċipru diġà qed jieħu azzjoni taħt il-programm tal-politika ta’ koeżjoni tiegħu biex jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, Ċipru qed ikompli jiffaċċja sfidi, inklużi ż-żieda fit-temperaturi u r-riskji ta’ nixfa, li qed ipoġġu pressjoni akbar fuq il-provvista tal-ilma u l-infrastruttura kritika, kif ukoll in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, Ċipru huwa meħtieġ – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – li jirrieżamina l-programm tiegħu filwaqt li jqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fis-CSRs tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 17 jestendu l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ valutazzjoni tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Jipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

(23)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP tiġi mgħoddija permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Ċipru jista’ juża dawn l-inizjattivi biex jappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, Ċipru qed jiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, l-aċċess għall-finanzi, l-ambjent tan-negozju, it-tranżizzjoni tal-enerġija, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-ispariġġ fil-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħaddiema.

(25)L-investiment pubbliku u privat fir-R&Ż f’Ċipru għadu fost l-aktar baxx fl-UE, bl-intensità pubblika tar-riċerka u l-iżvilupp staġnata għal 0,29 % tal-PDG fl-2023 (medja tal-UE: 0,72 %) u r-R&Ż tan-negozju niżel għal 0,28 % – ħames darbiet taħt il-medja tal-UE. Dan jirriżulta minn fatturi strutturali bħal ekonomija bbażata fuq is-servizzi, għadd limitat ta’ negozji kbar, suq tal-ekwità privata sottożviluppat u baġit żgħir għall-inċentivi. Minkejja finanzjament baxx, Ċipru għandu output xjentifiku qawwi, iżda l-kummerċjalizzazzjoni hija dgħajfa, b’0,7 applikazzjoni għal privattivi biss għal kull EUR 1 biljun tal-PDG fl-2022 (medja tal-UE: 3,2). L-ekosistema tal-innovazzjoni hija frammentata, b’rabtiet fqar bejn l-universitajiet, in-negozji ġodda, il-gvern, u s-settur finanzjarju. L-għadd ta’ gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM, science, technology, engineering and mathematics) qed jonqos, u d-densità tar-riċerkaturi għadha baxxa. L-istrateġija attwali tar-riċerka u l-innovazzjoni m’għandhiex miri u indikaturi, mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, valutazzjonijiet tal-impatt, u finanzjament fit-tul, u hemm bżonn li jittejjeb il-qafas legali għall-kummerċjalizzazzjoni u l-kapital ta’ riskju għoli.

(26)Sistema finanzjarja diversifikata u li tiffunzjona tajjeb hija essenzjali biex tingħata spinta lill-investiment, l-innovazzjoni u r-reżiljenza ekonomika. F’Ċipru, l-aċċess għal strumenti alternattivi ta’ tfaddil u investiment għadu limitat, u s-swieq kapitali mhumiex żviluppati biżżejjed. Is-settur bankarju huwa robust, iżda l-finanzjament mhux bankarju għadu mhux utilizzat biżżejjed, u d-dipendenza tal-unitajiet domestiċi fuq depożiti bankarji tradizzjonali tippersisti, u dan ixekkel il-fluss tal-kapital f’investimenti aktar produttivi. Il-livelli ta’ litteriżmu finanzjarju għadhom baxxi meta mqabbla mal-medja tal-UE, u dan jillimita l-kapaċità u l-motivazzjoni tal-unitajiet domestiċi biex jinvolvu ruħhom fi strateġiji ta’ investiment diversifikati. Barra minn hekk, il-preżenza limitata ta’ investituri istituzzjonali u kapital ta’ riskju tfixkel l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli għal ditti innovattivi u negozji ġodda.

(27)Kif stabbilit fil-Boxxla għall-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex jilħaq din l-ambizzjoni, Ċipru jeħtieġ ukoll li jieħu azzjoni. 68 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jkunu qed jagħmlu negozju f’Ċipru 18 . Ambjent regolatorju li jiffavorixxi n-negozju huwa essenzjali biex tingħata spinta lill-investiment, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Ċipru għamel progress fit-titjib tal-ambjent tan-negozju tiegħu, inklużi riformi biex jissimplifika r-reġistrazzjoni tan-negozju u tnaqqis fil-pagamenti tardivi fi tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju u minn gvern għal negozju. Fl-istess ħin, l-ostakli regolatorji u amministrattivi għadhom sinifikanti. Il-proċeduri kumplessi ta’ liċenzjar u ta’ permessi, il-kostijiet għoljin tal-konformità mar-regoli tat-taxxa għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u l-ostakli għall-kompetizzjoni fis-servizzi tal-bejgħ bl-imnut u dawk professjonali għadhom ta’ piż fuq id-dinamiżmu tan-negozju.

(28)Il-governanza tal-intrapriżi tal-Istat (SOEs, state-owned enterprises) għadha ma laħqitx l-istandards internazzjonali, b’nuqqasijiet f’oqsma bħall-politiki tas-sjieda u t-trasparenza finanzjarja. Ċipru dan l-aħħar stabbilixxa Kunsill Konsultattiv għan-nomina tal-membri tal-bord tal-SOEs u adotta miżuri biex itejjeb is-sorveljanza finanzjarja. Madankollu, in-nuqqas ta’ obbligi mandatarji ta’ rapportar u inventarju komprensiv tal-entitajiet pubbliċi jfixklu l-monitoraġġ effettiv. Dan iwassal ukoll għal tħassib relatat mal-governanza, ir-responsabbiltà u l-kwalità u l-ipprezzar tas-servizzi f’setturi kkontrollati b’mod predominanti mill-SOEs, bħas-settur tal-elettriku. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, huwa essenzjali li jinħoloq inventarju aġġornat regolarment tal-entitajiet pubbliċi u li jiġi adottat approċċ ta’ riforma kkoordinat li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha. Dan għandu jinkludi l-iżvilupp ta’ politika ċara dwar is-sjieda tal-SOEs li tiddefinixxi r-rwoli, ir-responsabbiltajiet u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet li jissorveljaw l-SOEs.

(29)Ċipru kompla javvanza t-tranżizzjoni tal-enerġija tiegħu, b’mod partikolari billi żied il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tiegħu. Madankollu, iż-żejt u l-prodotti petroliferi għadhom jirrappreżentaw parti kbira mill-konsum tal-enerġija u l-pajjiż jeħtieġ li jkompli jaċċellera t-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili fis-setturi kollha. Dan l-użu kontinwu tal-fjuwils fossili joħloq sfida sinifikanti għat-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għall-ilħuq tal-mira ta’ Ċipru għall-2030 skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. L-iżolament enerġetiku jippersisti u jeħtieġ li jiġi megħlub billi jitħaffef il-proġett tal-Interkonnettur tal-Baħar il-Kbir, li kien akkumpanjat minn dewmien. Huwa meħtieġ li tiġi estiża u aġġornata s-sistema tal-elettriku u l-grilja ta’ Ċipru u b’mod partikolari s-sistemi tal-ħżin tal-enerġija għall-enerġija rinnovabbli. L-iżvilupp ta’ sistemi ta’ ħżin tal-enerġija rinnovabbli huwa vitali biex tiżdied il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fin-network ta’ trażmissjoni u biex jitnaqqas it-tnaqqis tal-enerġija. It-trasport sostenibbli u affordabbli jibqa’ prijorità, peress li s-settur tat-trasport ta’ Ċipru qed jiffaċċja żieda fl-użu tal-enerġija, dipendenza sħiħa fuq it-trasport tal-merkanzija bit-triq, u inċentivi u infrastruttura limitati għall-elettrifikazzjoni tal-flotta. Id-dipendenza għolja tal-pajjiż fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija taggrava l-vulnerabbiltajiet tas-settur estern. Integrazzjoni aktar profonda tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija għal xokkijiet esterni tal-enerġija u tagħmel il-pajjiż aktar attraenti għall-investiment barrani produttiv. Ċipru jeħtieġ li jżid l-isforzi tiegħu fl-ingranaġġ tal-finanzjament privat għat-titjib u r-rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika, speċjalment tal-bini bl-agħar rendiment li jesponi lill-konsumaturi vulnerabbli għall-faqar enerġetiku, fost l-oħrajn, billi jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji tiegħu jipparteċipaw fil-Koalizzjoni Ewropea għall-Finanzjament tal-Effiċjenza Enerġetika.

(30)Il-faqar enerġetiku u l-elettriku affordabbli huma kwistjoni urġenti f’Ċipru minkejja li ġew implimentati miżuri ta’ appoġġ immirati. Ċipru huwa fost il-pajjiżi bl-ogħla prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi fl-UE, u b’hekk ipoġġi b’mod partikolari lill-konsumaturi vulnerabbli taħt pressjoni finanzjarja konsiderevoli. Kemm l-arretrati fuq il-kontijiet tal-utilitajiet kif ukoll il-problemi strutturali bħal tnixxijiet u tnaqqis għadhom mifruxa. Il-kostijiet għoljin tat-tkessiħ ipoġġu wkoll piż sinifikanti fuq l-unitajiet domestiċi.  

(31)Ċipru qed jiffaċċja sfidi ambjentali sinifikanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskarsezza tal-ilma u l-ġestjoni tal-iskart. Fl-2022, l-isfruttament tal-ilma laħaq livell kritiku, li jirrifletti użu eċċessiv serju tar-riżorsi tal-ilma rinnovabbli. L-agrikoltura, li tikkonsma 88 % tal-ilma tan-nazzjon, taggrava l-kwistjoni tal-irrigazzjoni skaduta u l-użu limitat ta’ teknoloġiji li jiffrankaw l-ilma. Ċipru qed jiffaċċja nuqqas sinifikanti fl-investiment fl-infrastruttura tal-ilma, bi ħtiġijiet kbar fit-trattament tal-ilma tax-xorb u tal-ilma mormi. Minkejja l-isforzi permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 2021-2027 u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, ir-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari u l-produttività tar-riżorsi għadhom taħt il-medja tal-UE. Fl-2022, Ċipru rriċikla biss 15 % tal-iskart muniċipali u 70 % tal-iskart mill-imballaġġ, filwaqt li ġġenera l-aktar skart tal-ikel għal kull persuna fl-UE u volumi ogħla mill-medja ta’ skart muniċipali. Imposta fuq il-miżbliet skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tista’ ttejjeb il-ġestjoni tal-iskart jekk tiġi infurzata kif xieraq.

(32)Ċipru huwa dejjem aktar vulnerabbli għar-riskji klimatiċi, inklużi n-nirien fil-foresti, ix-xita irregolari, in-nixfiet u l-maltempati. Minkejja l-investimenti ppjanati, ir-riżorsi ta’ Ċipru għall-adattament għat-tibdil fil-klima mhumiex biżżejjed meta mqabbla mal-medji tal-UE. L-istrateġija nazzjonali ta’ adattament għandha l-għan li żżid ir-reżiljenza, b’enfasi fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u l-protezzjoni kostali, iżda l-approċċ għadu fil-biċċa l-kbira mhux vinkolanti. It-tisħiħ tal-governanza u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost il-ministeri u l-awtoritajiet lokali huma passi kritiċi biex jiġu implimentati b’mod effettiv il-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u biex Ċipru jtejjeb ir-reżiljenza tiegħu għall-klima u jallinja ruħu aktar mill-qrib mal-istandards tal-UE.

(33)Il-prestazzjoni tal-impjiegi ta’ Ċipru kienet b’saħħitha, iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet qed jillimita dejjem aktar l-iżvilupp ekonomiku. Setturi ewlenin bħall-kostruzzjoni, l-enerġija, il-kura tas-saħħa, l-agrikoltura u l-ospitalità jiffaċċjaw nuqqasijiet akuti, li huma aggravati aktar minn spariġġi fil-ħiliet u forza tax-xogħol mhux utilizzata biżżejjed. Barra minn hekk, is-sehem ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (12,9 %) għadu ogħla mill-medja tal-UE, speċjalment għan-nisa żgħażagħ. Ċipru qed jiffaċċja wkoll tnaqqis sinifikanti fil-kisba tal-ħiliet bażiċi fost iż-żgħażagħ – ikkaratterizzat mill-akbar żieda ta’ progress insuffiċjenti fl-UE mill-2018 – minħabba fatturi bħal parteċipazzjoni limitata fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, implimentazzjoni mhux kompluta tal-politika, u awtonomija baxxa fl-iskola. Dan joħloq ostaklu kbir għall-isforzi ta’ taħriġ mill-ġdid. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali sekondarji (VET, vocational education and training) għadha limitata, filwaqt li l-opportunitajiet ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-allinjament mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol mhumiex biżżejjed. Is-sehem ta’ studenti rreġistrati fl-oqsma STEM huwa l-aktar baxx fl-UE, u jikkontribwixxi għal nuqqasijiet persistenti f’oqsma kritiċi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Barra minn hekk, il-ħiliet diġitali fost il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol għadhom baxxi, b’mod partikolari fost il-gruppi vulnerabbli, u l-parteċipazzjoni tal-adulti fl-apprendiment naqset b’mod sinifikanti. Għaddejjin riformi appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus – bħall-implimentazzjoni ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment, programmi ta’ ħiliet elettroniċi, u aġġornamenti tal-kurrikulu – iżda l-impatt sħiħ tagħhom għad irid jimmaterjalizza.

(34)L-aċċess għas-servizzi tal-kura fit-tul għall-persuni akbar fl-età għadu limitat u l-infiq pubbliku huwa fost l-aktar baxx fl-UE. Il-proporzjon ta’ persuni li għandhom 65 sena jew aktar li jeħtieġu kura fit-tul minħabba diffikultajiet serji fil-kura personali jew fl-attivitajiet domestiċi, huwa wieħed mill-ogħla fl-UE, b’34,3 %. Is-sehem dejjem akbar tal-popolazzjoni ta’ 65 sena u aktar se jirriżulta f’domanda saħansitra ogħla għall-kura fit-tul fis-snin li ġejjin. L-isfidi tal-aċċess huma aggravati min-nuqqas ta’ ħaddiema, xprunati minn pagi baxxi u kopertura baxxa tan-negozjar kollettiv. Biex itejjeb id-disponibbiltà, l-aċċess għas-servizzi u l-kwalità tagħhom, Ċipru jista’ jintroduċi mudell integrat ta’ kura fit-tul, li jinkorpora mekkaniżmu robust ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għall-forom kollha ta’ kura fit-tul.

(35)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal Ċipru, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:

1.Isaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali għad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Jiżgura li n-nefqa netta tosserva l-perkors rakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025.

2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, jaċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+, FK), filwaqt li jibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Jagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inklużi l-opportunitajiet ipprovduti mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex itejjeb il-kompetittività.

3.Isaħħaħ r-riċerka u l-innovazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka billi jrawwem l-investiment pubbliku u privat fir-R&Ż, itejjeb is-sinerġiji bejn ir-riċerka u n-negozju, u jadotta strateġija kontinwa fit-tul għar-riċerka u l-innovazzjoni b’indikaturi input-output u finanzjament pluriennali. Jiffaċilita d-diversifikazzjoni tal-ekonomija u aktar investiment produttiv billi jippermetti strumenti alternattivi ta’ tfaddil u investiment, iżid il-litteriżmu finanzjarju, jiffaċilita l-parteċipazzjoni fis-swieq kapitali u jtejjeb l-aċċess għal opportunitajiet ta’ finanzjament mhux bankarji għan-negozji. Jissimplifika r-regolamentazzjoni, itejjeb l-għodod regolatorji u jnaqqas il-piż amministrattiv, b’enfasi speċjali fuq it-titjib tal-proċeduri ta’ liċenzjar u ta’ permessi għall-investiment u l-istabbiliment ta’ negozji ġodda. Itejjeb il-governanza tal-intrapriżi tal-istat billi jallinjaha mal-aħjar prattiki internazzjonali, inkluż in-nomina tal-bordijiet ibbażata fuq il-mertu, il-politika tas-sjieda u l-ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni.

4.Inaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jkompli jiddiversifika l-provvista tal-enerġija, b’mod partikolari billi jiżviluppa interkonnessjonijiet tal-enerġija ma’ pajjiżi ġirien, iżid il-finanzjament għall-effiċjenza enerġetika, jippromwovi t-trasport sostenibbli u jaġġorna l-grilja tal-elettriku u l-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, biex jakkomoda sehem dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Jindirizza l-faqar enerġetiku. Iżid l-investimenti fl-infrastruttura tal-ilma, tal-ilma mormi, u tal-ġestjoni tal-iskart, jippromwovi prattiki sostenibbli tal-użu tal-ilma, u jsaħħaħ l-isforzi għall-prevenzjoni tal-iskart u jtejjeb il-ġbir separat tal-iskart muniċipali u mill-imballaġġ. Itejjeb l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, billi jiffoka fuq it-titjib tal-qafas istituzzjonali li jirregola l-adattament għat-tibdil fil-klima.

5.Jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet billi jsaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, iżid aktar il-kapaċità u l-attraenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll jippromwovi t-tagħlim għall-adulti. Iżid l-isforzi ta’ politika biex jissaħħu l-ħiliet ekoloġiċi u diġitali. Ikompli jżid il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, itejjeb il-ħiliet bażiċi, u jżid il-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM). Itejjeb id-disponibbiltà tas-servizzi tal-kura fit-tul u l-aċċess għalihom billi jintroduċi mudell tal-kura fit-tul modern, iffinanzjat b’mod adegwat u integrat.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.    
(3)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta ta’ (i) nefqa f’imgħax; (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni; (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru (10686/2021).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-20 ta’Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru (15571/2024).
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali strutturali fuq terminu medju ta’ Ċipru, ĠU C/2025/10/2.
(9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 13.05.2024, ELI: http:// data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).)
(10)    SWD(2025) 68 final.
(11)    Ir-Rapporti ta’ Progress Annwali tal-2025 huma disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en
(12)    Il-Eurostat, indikaturi tal-euro, 22.4.2025.
(13)    Iċ-ċifri tal-Kummissjoni għall-2024 huma bbażati fuq data tal-eżitu f’konformità man-notifika fiskali ta’ April 2025, filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali jiddependu fuq data preċedenti.
(14)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(15)    Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG, classification of functions of government).
(16)    Mill-2026 dawn iċ-ċifri se jidhru fil-kont ta’ kontroll li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(17)    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu – COM (2025) 123 final.
(18)    “Business’ attitudes towards corruption in the EU” Flash Report (L-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE), Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024).