5.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 296/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1082/2008

ta’ l-4 ta’ Novembru 2008

li jniedi reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ polietilene tereftalat li joriġina, fost l-oħrajn, mill-Malażja, u li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Billi:

A.   TALBA GHAL REVIŻJONI

(1)

Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni tressqet minn Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD (“l-applikant”), produttur esportatur fil-Malażja (“il-pajjiż ikkonċernat”).

B.   IL-PRODOTT

(2)

Il-prodott taħt reviżjoni hu polietilene tereftalat b’numru tal-viskożità ta’ 78 ml/g jew iżjed, skont l-Istandard ISO 1628-5 li joriġina mill-Malażja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa huwa klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM 3907 60 20 .

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(3)

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju ta’ anti-dumping definittiv imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 (2) li skonthom l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Malażja, u prodott mill-applikant, huma suġġetti għal dazju ta’ anti-dumping definittiv ta’ 160,1 Eur/t bl-eċċezzjoni ta’ bosta kumpaniji li huma msemmija speċifikament u li huma suġġetti għal dazji individwali.

D.   IL-BAŻIJIET GHAR-REVIŻJONI

(4)

L-applikant jallega li hu ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li l-miżuri anti-dumping kienu bbażati fuqu, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 1998 sat-30 ta’ Settembru 1999 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”) u li mhu relatat mal-ebda produtturi esportaturi tal-prodott li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq.

(5)

L-applikant jallega wkoll li beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu investigattiv oriġinali.

E.   IL-PROĊEDURA

(6)

Il-produtturi Komunitarji magħrufa li huma kkonċernati kienu infurmati bl-applikazzjoni ta’ hawn fuq u ngħataw l-opportunità li jikkumentaw. Ma waslu l-ebda kummenti.

(7)

Wara li eżaminat l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm evidenza biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni ta’ “esportatur ġdid”, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bil-ħsieb li tiddetermina l-marġini individwali ta’ dumping u, jekk jinstab li kien hemm dumping, il-livell ta’ dazju li l-importazzjonijiet tagħhom tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità jridu jkunu suġġetti għalih.

(8)

Jekk jiġi deċiż li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi stabbilit dazju individwali, jista’ jkun hemm bżonn li tiġi emendata r-rata ta’ dazju applikabbli bħalissa għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji mhux imsemmija individwalment fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 192/2007.

(a)

Kwestjonarji

Sabiex tkun tista’ tikseb it-tagħrif neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant.

(b)

Il-ġbir ta’ informazzjoni u smigħ ta’ seduti

Il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna biex jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jipprovdu evidenza ta’ sostenn.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependu minn jekk il-parti tippreżentax ruħha matul il-perjodu stipulat mir-Regolament attwali.

F.   REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEĦĦ U R-REĠISTRAZZJONI TAL-IMPORTAZZJONIJIET

(9)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping fis-seħħ għandu jiġi revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-applikant. Fl-istess waqt, dawn l-importazzjonijiet għandhom isiru bil-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni b’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li, jekk fir-riżultat tar-reviżjoni jinstab dumping fir-rigward tal-applikant, id-dazji anti-dumping jistgħu jiġu intaxxati retroattivament mid-data tal-bidu ta’ din ir-reviżjoni. L-ammont tar-responsabilitajiet ġejjiena possibbli tal-applikant ma jistax jiġi stmat f’dan l-istadju tal-proċediment.

G.   LIMITI TA’ ŻMIEN

(10)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien li matulhom:

(a)

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament jew jipprovdu kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies waqt l-investigazzjoni,

(b)

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(11)

F’każijiet fejn parti interessata tirrifjuta l-aċċess għat-tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdiehx fil-limiti ta’ żmien jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(12)

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

I.   L-IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

(13)

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura matul din l-investigazzjoni se tkun ittrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (3).

J.   L-UFFIĊJAL TAS-SMIGĦ

(14)

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Smigħ tad-DĠ Trade. Huwa jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn meħtieġ, medjazzjoni fi kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’din l-investigazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament ta’ preżentazzjonijiet tal-fehmiet orali u/jew bil-miktub. Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal għas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Trade (http://ec.europa.eu/trade),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 huwa b’dan mibdi skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt l-importazzjonijiet ta’ polietilene tereftalat b’numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5 li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 li joriġina fil-Malażja, prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD (kodiċi addizzjonali TARIC A898) għandhom ikunu suġġetti għad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 192/2007.

Artikolu 2

Id-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 192/2007 huwa b’dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Il-partijiet interessati, biex jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw ruħhom lill-Kumissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju msemmi fil-premessa 10(a) ta’ dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif ieħor, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, fi żmien 40 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess limitu ta’ 40 jum.

2.   Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha, li jinkludu t-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun ittikkettjata bħala “Ristretta” (4) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun ittikkettjata “GĦALL-ISPEZZJONI MILL-PARTIJIET INTERESSATI”.

Kwalunkwe tagħrif li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni u/jew kwalunkwe talba għal seduta għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Office: N-105 4/92

B-1049 Brussell

Faks (32 2) 295 65 05

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)   ĠU L 59, 27.2.2007, p. 1.

(3)   ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Anti-dumping).