|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2500 |
24.9.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2500
tat-23 ta’ Settembru 2024
b’appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab — Fażi III
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
L-Istrateġija tal-2018 tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti (SALW) u l-munizzjon tagħhom intitolata “Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini” (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”) tiddikjara li l-Unjoni tagħti prominenza partikolari lill-kooperazzjoni reġjonali bħala mezz effiċjenti ta’ kontroll tal-armi ħfief. |
|
(2) |
L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li l-Unjoni ser tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni u l-assistenza għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-:“PtA tan-NU”). |
|
(3) |
Fid-dokument ta’ eżitu tar-raba’ Konferenza tan-NU għar-Rieżami tal-Progress li sar fl-Implimentazzjoni tal-PtA tan-NU f’Ġunju 2024, l-Istati Membri tan-NU impenjaw ruħhom li jsaħħu, kif adatt, is-sħubiji u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir. |
|
(4) |
L-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2015 tafferma li l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ SALW hija meħtieġa għall-kisba ta’ bosta għanijiet, inkluż dawk relatati mal-paċi, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom. Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm “Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna” tal-2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU jappella għal approċċ inklużiv, integrat u parteċipatorju għall-kontroll tal-armi ħfief fil-livell tal-pajjiżi u, f’ċerti sitwazzjonijiet, fil-livell subreġjonali. |
|
(5) |
Il-Lega tal-Istati Għarab (LAS) hija organizzazzjoni reġjonali li tiġbor flimkien il-pajjiżi Għarab kollha, bil-għan li tippromwovi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-membri tagħha. |
|
(6) |
Fl-2016, l-Unjoni u l-LAS stabbilew Djalogu Strateġiku bejn l-UE u l-LAS u waqqfu għadd ta’ gruppi ta’ ħidma, inkluż il-Grupp ta’ Ħidma tad-Djalogu Strateġiku dwar l-Armi tal-Qerda tal-Massa u l-Kontroll tal-Armi, li ddefinixxa oqsma ta’ prijorità għal kooperazzjoni possibbli u konkreta. |
|
(7) |
Id-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Sharm El-Sheikh bejn l-UE u l-LAS tal-2019 inkludiet wegħda li tittieħed azzjoni konċertata kontra t-traffikar illeċitu tal-armi. |
|
(8) |
Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2018/1789 (1) u (PESK) 2021/1726 (2) appoġġaw il-fażi I u l-fażi II ta’ proġett b’appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni tasSALW fl-Istati Membri tal-LAS. L-Unjoni issa tixtieq tkompli tappoġġa l-fażi III tal-proġett. |
|
(9) |
L-appoġġ tal-Unjoni għall-proġett ser jirrifletti l-politika ġenerali tal-Unjoni relatata mal-LAS u l-Istati Membri tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS) fl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (“il-PtA tan-NU”) u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI), il-fażi III tal-proġett mibdi bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2018/1789 u (PESK) 2021/1726 għandhom jippermettu lill-Istati Membri tal-LAS isaħħu b’mod sostenibbli l-effettività tal-oqfsa nazzjonali tagħhom għall-kontroll tal-armi ħfief u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni, f’konformità mal-prattiki u l-istandards stabbiliti mill-PtA tan-NU, l-ITI, u l-Qafas Globali għall-Munizzjon (GFA) skont il-prijoritajiet u l-ħtieġa tagħhom.
2. B’mod partikolari, il-proġett ser isegwi l-objettivi li ġejjin sabiex tiġi miġġielda t-theddida tal-proliferazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) fir-reġjun tal-LAS:
|
— |
it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji doganali u ta’ aġenziji tal-fruntiera oħra biex jikxfu, jinterdixxu u jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar fir-reġjun tal-LAS; |
|
— |
it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jinvestigaw u jikkooperaw b’mod effettiv dwar kwistjonijiet ta’ proliferazzjoni u traffikar illeċiti ta’ armi tan-nar fir-reġjun tal-LAS; u |
|
— |
it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji tas-sigurtà u dawk militari biex ifasslu u jimplimentaw sistemi għall-ġestjoni tal-ħażniet sikuri u siguri tas-SALW u l-munizzjon fir-reġjun tal-LAS. |
3. Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Unjoni għandha, permezz ta’ din id-Deċiżjoni, tappoġġa azzjonijiet, fost l-oħrajn fl-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:
|
— |
Qasam 1: kontroll internazzjonali tat-trasferiment tas-SALW, inkluż valutazzjoni tar-riskju u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni tas-SALW lil riċevituri mhux awtorizzati. |
|
— |
Qasam 2: l-identifikazzjoni u t-tfixkil ta’ sorsi ta’ armi ta’ kalibru żgħir illeċiti, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-kontroll tal-fruntieri tal-art, tal-ajru u tal-baħar, l-immarkar u ż-żamma ta’ rekords u t-traċċar tas-SALW, tekniki għall-investigazzjonijiet tal-armi u t-traċċar tal-armi u l-użu ta’ informazzjoni ballistika u l-identifikazzjoni jew it-tfixkil ta’ rotot u metodi ta’ kuntrabandu. |
|
— |
Qasam 3: miżuri oħra b’rabta mal-armi ta’ kalibru żgħir, inkluż il-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet. |
|
— |
Qasam 4: l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti għas-SALW u l-kontroll imsaħħaħ tas-SALW, bħall-evalwazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti fl-Istati Membri tal-LAS u pariri dwar reviżjonijiet possibbli kif ukoll it-traduzzjoni ta’ riċerka u studji rilevanti għall-Għarbi. |
4. Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3 tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq minn Small Arms Survey (SAS), irrappreżentat mill-Graduate Institute of International and Development Studies, bl-assistenza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), u b’kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat tal-LAS.
3. L-SAS, bl-għajnuna tal-Interpol u d-WCO, għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-SAS.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 3 999 776,72.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-SAS. Il-ftehim għandu jistipula li l-SAS irid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod xieraq imqabbel mad-daqs tagħha.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari kull sitt xhur imħejjija mill-SAS.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi 6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim f’dak il-perjodu.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. FELDMAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1789 tad-19 ta’ Novembru 2018 b’appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab (ĠU L 293, 20.11.2018, p. 24).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1726 tat-28 ta’ Settembru 2021 b’appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab — Fażi II (ĠU L 344, 29.9.2021, p. 7).
ANNESS
DOKUMENT TA’ PROĠETT
Il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab
Fażi 3 Deskrizzjoni tal-proġett (2024–2027)
1. Kuntest u raġunijiet li jiġġustifikaw l-appoġġ tal-PESK
Il-Fażi 3 tal-proġett bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab (proġett UE-LAS - Fażi 3) ser jibni fuq sforzi preċedenti mwettqa mil-Lega tal-Istati Għarab (LAS) u mill-Unjoni Ewropea (UE), inkluż dawk li saru matul il-Fażijiet 1 (2019–2021) u 2 (2021–2024) tal-proġett, biex l-istati membri tal-LAS jiġu megħjuna jnaqqsu r-riskji li jirriżultaw miċ-ċirkolazzjoni u l-użu ta' armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u tal-munizzjon tagħhom fir-Reġjun tal-Istati Għarab.
Il-proġett huwa l-frott ta' ħidma li saret fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Armi ta’ Qerda Massiva, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir u l-Kontroll tal-Armi fil-qafas tad-Djalogu Strateġiku UE-LAS, li ddefinixxa oqsma ta’ prijorità għal kooperazzjoni sostantiva possibbli fil-bidu tal-inizjattiva (ara t-taqsima 2.1).
Il-Fażi 1 tal-proġett UE-LAS kienet essenzjali biex tinbena l-fiduċja bejn l-istati membri tal-LAS u t-tliet sħab inkarigati mill-implimentazzjoni: is-Small Arms Survey (SAS), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol), u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). It-tliet organizzazzjonijiet ipprovdew taħriġ fil-livell tad-dħul lil tmien pajjiżi Għarab. Huma rawmu l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ħfief illeċiti permezz ta’ sensiela ta’ laqgħat reġjonali u subreġjonali.
Il-Fażi 2 iffukat fuq l-għoti ta’ taħriġ tekniku fil-livell tal-pajjiż u fil-livell reġjonali dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
|
— |
il-ġestjoni tal-ħażniet; |
|
— |
il-kxif u l-identifikazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti - inkluż il-munizzjon u l-komponenti tagħhom; |
|
— |
l-investigazzjoni tal-armi tan-nar; u |
|
— |
l-użu ta’ sistemi eżistenti ta’ ġestjoni tal-għarfien għall-uffiċjali tad-dwana u tal-infurzar tal-liġi. |
Matul din il-fażi, l-involviment tal-istati membri tal-LAS fil-proġett kien eċċezzjonalment b’saħħtu, fejn 18-il stat talbu taħriġ nazzjonali u ħadu sehem fil-programm ta’ taħriġ reġjonali mogħti bejn Jannar u l-aħħar ta’ Mejju 2024. It-taħriġ nazzjonali pprovda lill-uffiċjali li ħadu sehem b’għarfien u kompetenza esperta bażiċi fil-kontroll tal-armi ħfief. It-taħriġ reġjonali pprovda struzzjoni aktar fil-fond u ppreveda miżuri mfassla biex il-parteċipanti jkunu jistgħu jaqsmu l-għarfien u l-kompetenza esperta miksuba ma’ uffiċjali tal-gvern Għarab oħra. Għall-Interpol u d-WCO, is-sessjonijiet ta’ taħriġ fil-fond ipprovdew ukoll l-opportunità li jinbeda komponent ta’ Tħarriġ tal-Ħarrieġa (TOT, Training of Trainers), li jibni kapaċitajiet sostenibbli għall-kontroll tal-armi ħfief fl-istati membri parteċipanti tal-LAS. Żewġ operazzjonijiet konġunti, imwettqa mill-istati parteċipanti tal-LAS u ffaċilitati mill-Interpol u d-WCO, ippermettew lill-istati jimplimentaw l-għarfien miksub ġdid. Saru tliet webinars tematiċi u żewġ workshops reġjonali, li pprovdew bosta opportunitajiet lis-Segretarjat tal-LAS, lill-istati membri u lit-tliet sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex jibdew diskussjonijiet dwar il-politika u biex jaqsmu l-esperjenzi u t-tagħlimiet meħuda.
Matul il-Fażi 3, l-inizjattiva ser tikkonsolida u ssaħħaħ l-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet mwettqa fil-fażijiet preċedenti. L-isforz ewlieni ser jimmira li jsaħħaħ il-pedamenti għal sostenibbiltà effettiva u fit-tul. B’mod partikolari, il-proġett ser ikompli joffri lill-pajjiżi interessati l-opportunità ta’ aktar involviment sostantiv nazzjonali avvanzat permezz ta’ taħriġ imfassal apposta u fil-fond u appoġġ ieħor għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet pprovdut mit-tliet sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Dan l-involviment ser jippermetti lis-SAS, lill-Interpol u lid-WCO jivvalutaw il-potenzjal għal kooperazzjoni aktar fit-tul mal-istati membri interessati. B’mod parallel, il-proġett ser ikompli jipprovdi sessjonijiet ta’ taħriġ fil-livell tad-dħul, speċjalment lill-pajjiżi li ma ngħatawx is-sessjonijiet matul l-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett. Sa fejn ikun possibbli, dawn ser ikunu jinvolvu lill-ħarrieġa nazzjonali li l-kapaċitajiet tagħhom ikunu ġew żviluppati matul il-Fażi 2.
It-tnaqqis u l-qerda tal-armi ħfief illeċiti fir-reġjun Għarbi jibqgħu kruċjali biex titnaqqas kull forma ta' vjolenza u biex jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) - kemm fir-Reġjun tal-Istati Għarab kif ukoll fir-reġjuni ġirien, inkluż l-Ewropa. B'mod aktar speċifiku, il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-istati membri tal-LAS li jimplimentaw il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“PtA tan-NU”) u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI), skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati minn dawn l-istati. Il-proġett ser jissensibilizza wkoll lill-istati membri tal-LAS għall-Qafas Globali għall-Ġestjoni tal-Munizzjon Konvenzjonali Tul il-Ħajja (GFA, Through-life Conventional Ammunition Management) adottat reċentement.
Dan il-proġett ser jikkontribwixxi direttament għal Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU (1) u għall-kisba tal-SDGs tiegħu. Dan ser jiġġenera għarfien intwittiv u kompetenza esperta biex il-pajjiżi tal-LAS jiġu megħjuna jnaqqsu l-vjolenza bl-armi, jippromwovu l-paċi u jibnu soċjetajiet inklużivi biex - fost affarijiet oħra - inaqqsu kull forma ta’ vjolenza u r-rati ta’ mwiet relatati (Mira 16.1), inaqqsu l-flussi illeċiti tal-armi (Mira 16.4), u fejn rilevanti, jeliminaw kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet kollha (Mira 5.2) (2). Dan il-proġett huwa wkoll manifestazzjoni konkreta tal-wegħda magħmula fid-dikjarazzjoni tas-summit ta' Sharm El-Sheikh bejn l-UE u l-LAS fl-2019 (3) li tittieħed azzjoni konċertata kontra t-traffikar illegali tal-armi.
2. Il-viżjoni, l-objettivi u sostenibbiltà fit-tul tal-proġett
Għall-Fażi 3, il-proġett ser isegwi l-istess objettivi fit-tul bħal dawk fl-inkarnazzjonijiet preċedenti tiegħu biex l-istati membri tal-LAS ikunu jistgħu jsaħħu b’mod sostenibbli l-effettività tal-oqfsa nazzjonali tagħhom għall-kontroll tal-armi ħfief u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni, f’konformità mal-prattiki u l-istandards stabbiliti mill-PtA tan-NU, l-ITI u l-GFA, skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Dan it-tisħiħ ser isir permezz ta’ politika u prattika, li jikkombinaw l-użu ta’ data, għarfien ibbażat fuq l-evidenza, riżorsi u għodod awtorevoli, pariri u taħriġ esperti mfassla apposta, u t-tlaqqigħ ta’ prattikanti u ta’ dawk li jfasslu l-politika fir-reġjun tal-LAS.
Id-djalogu mal-aġenziji u s-sħab prinċipali responsabbli għat-trażżin tat-theddida tal-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fir-reġjun tal-LAS ser jippermetti lill-proġett jilħaq objettiv fuq tliet binarji:
|
1. |
tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji doganali u ta' aġenziji tal-fruntiera oħra biex jikxfu, jinterċettaw, u jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar fir-reġjun tal-LAS; |
|
2. |
tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jinvestigaw u jikkooperaw b’mod effettiv dwar kwistjonijiet ta’ proliferazzjoni u traffikar illeċiti ta' armi tan-nar fir-reġjun tal-LAS; u |
|
3. |
tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji tas-sigurtà u dawk militari biex ifasslu u jimplimentaw sistemi għall-ġestjoni tal-ħażniet sikuri u siguri għall-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom fir-reġjun tal-LAS. |
2.1. L-oqsma sostantivi tal-proġett għal appoġġ skont il-pajjiżi tal-LAS
Il-Fażi 3 tal-proġett UE-LAS, li għandha bħala mira l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-istati membri tal-LAS (2024–2027), hija mfassla biex twieġeb għall-ħtiġijiet li l-istati membri tal-LAS esprimew fil-bidu tal-inizjattiva, u li qed ikomplu jesprimu, f'erba' oqsma ta' prijorità:
|
Qasam 1: |
Kontroll tat-trasferimenti internazzjonali ta' armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (il-ġlieda kontra l-flussi illeċiti ta' armi).
|
|
Qasam 2: |
Identifikazzjoni u interruzzjoni tas-sorsi ta' armi ħfief illeċiti (pereżempju, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi).
|
|
Qasam 3: |
Miżuri oħra għall-kontroll tal-armi ħfief.
|
|
Qasam 4: |
Għoti ta’ informazzjoni rilevanti għall-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u kontroll imsaħħaħ tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir.
|
3. Loġika ta' intervent proposta
Is-SAS, bħala l-koordinatur tal-proġett, kellu konsultazzjonijiet estensivi mad-Dipartiment għall-Kontroll u d-Diżarm tal-Armi tas-Segretarjat tal-LAS, mal-Interpol u mad-WCO li rriżultaw f’kunsens tal-grupp dwar l-approċċ fuq żewġ binarji li ġej.
Bini tal-kapaċità nazzjonali għall-ġlieda kontra l-flussi illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir permezz ta’:
|
— |
taħriġ imfassal apposta dwar sistemi ta’ kontroll tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inkluż il-ġestjoni tal-ħażniet fir-reġjun kollu tal-LAS (ara t-taqsima li jmiss); u |
|
— |
involviment ta’ wara t-taħriġ u appoġġ lill-esperti nazzjonali biex jistabbilixxu oqfsa nazzjonali li jippermettu l-implimentazzjoni tal-prattiki miksuba waqt it-taħriġ. |
Ħolqien ta' konnessjoni bejn l-involviment fil-livelli nazzjonali eżistenti (fejn jeżistu) ma’ proċessi ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuti internazzjonalment u l-użu ta’ ħarrieġa nazzjonali (imħarrġa mill-proġett) biex jissaħħu l-istituzzjonijiet tat-taħriġ nazzjonali jew reġjonali rilevanti u l-oqfsa u l-istrutturi nazzjonali.
Il-komponenti kollha tal-proġett huma mfassla bil-ħsieb li jiġu żviluppati kapaċitajiet sostenibbli fost l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tal-gvern fl-istati membri tal-LAS, fi sħubija mad-Dipartiment għall-Kontroll u d-Diżarm tal-Armi tas-Segretarjat tal-LAS. Il-proġett jibni fuq l-esperjenza tagħna li l-istati membri tal-LAS huma l-aġenti primarji tal-bidla fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ oqfsa nazzjonali li jippromwovu l-kontroll responsabbli tal-armi tan-nar u jimminimizzaw ir-riskju tal-proliferazzjoni.
Il-Fażi 3 ser tkompli bl-isforzi biex tiżgura li l-materjal tat-taħriġ essenzjali u r-riżorsi tal-għarfien, bħal moduli rilevanti u speċifiċi tal-Kompendju ta' Moduli dwar l-Implimentazzjoni tal-Kontroll tal-Armi ta' Kalibru Żgħir (MOSAIC), ikunu disponibbli bl-Għarbi u mqassma fir-reġjun tal-LAS kollu. Dan l-isforz huwa partikolarment importanti f’ambjent fejn persunal tal-gvern magħżul jista’ jalterna regolarment, u fejn huwa meħtieġ repożitorju tal-informazzjoni aċċessibbli u ddedikat fir-reġjun kollu.
B’dan il-ħsieb, il-proġett isostni li, jekk l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u tad-dwana jistgħu jikxfu, jinvestigaw, jinterċettaw u jirrapportaw dwar it-traffikar ta' armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fir-reġjun tal-LAS, u jekk l-aġenziji militari u tas-sigurtà jistgħu jfasslu u jimplimentaw sistemi aktar effettivi għall-ġestjoni tal-ħażniet għall-armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-munizzjon, allura l-pajjiżi fir-reġjun kollu tal-LAS ikunu jistgħu jifhmu, jagħrfu u jindirizzaw b’mod aktar effettiv ir-riskji li jirriżultaw mill-proliferazzjoni illeċita ta’ armi ħfief.
L-intervent ser ikun strutturat madwar it-tliet eżiti li ġejjin:
|
1. |
l-aġenziji doganali u aġenziji oħra tal-fruntiera jkollhom kapaċitajiet imsaħħa biex jikxfu, jinterċettaw u jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ traffikar illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fir-reġjun tal-LAS; |
|
2. |
l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jkollhom kapaċitajiet imsaħħa biex jinvestigaw u jikkooperaw b’mod effettiv fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ proliferazzjoni u traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fir-reġjun tal-LAS; |
|
3. |
l-aġenziji tas-sigurtà u dawk militari jkollhom kapaċitajiet imsaħħa biex ifasslu u jimplimentaw sistemi għall-ġestjoni tal-ħażniet sikuri u siguri għall-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon fir-reġjun tal-LAS. |
Fil-każ ta' kull wieħed mit-tliet eżiti, il-parteċipanti ser jiksbu għarfien u ħiliet fil-metodoloġija tat-taħriġ u għarfien tekniku.
4. Deskrizzjoni tal-azzjoni
Eżitu 1: Il-persunal doganali jkollu kapaċitajiet imsaħħa biex jikxef, jinterċetta u jirrapporta dwar kwistjonijiet ta’ traffikar illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fir-reġjun tal-LAS.
L-Eżitu 1 għandu l-għan li jisfrutta l-progress li sar fil-fażijiet preċedenti u li jiffaċilita l-akkreditazzjoni finali tal-ħarrieġa esperti tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir iċċertifikati mid-WCO fir-reġjun kollu tal-LAS. Grupp żgħir ta’ persunal doganali mħarreġ matul il-Fażi 1 u l-Fażi 2 ser ikun involut fl-għoti ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ nazzjonali fil-pajjiżi tal-LAS, fejn jipprattika l-ħiliet metodoloġiċi u t-tekniċi miksuba f’fażijiet preċedenti tal-proġett.
Bl-għoti ta' sessjonijiet ta’ taħriġ, dan il-persunal ser jikseb akkreditazzjoni rikonoxxuta globalment mid-WCO bħala parti mill-Programm ta’ Ħarrieġa Akkreditati tagħha. Ladarba l-ħarrieġa jiġu akkreditati, huma jkunu jistgħu jagħtu taħriġ nazzjonali sussegwenti taħt l-awspiċji tad-WCO ġewwa r-reġjun tal-LAS jew lil hinn minnu. Dawn il-ħarrieġa ser jintalbu jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kurrikuli nazzjonali fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u b'hekk jikkontribwixxu ulterjorment għas-sostenibbiltà tal-isforz.
L-outputs u l-attivitajiet ser jinkludu:
|
1.1. |
Jitlestew sa 12-il avveniment nazzjonali ta’ taħriġ wiċċ imb wiċċ dwar l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir għall-amministrazzjonijiet membri tad-WCO biex tissaħħaħ l-abbiltà li jiġi kkontrollat il-moviment ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti fil-fruntiera. Dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ huma mmirati lejn pajjiżi li jitolbu taħriġ li ma jkunux ingħataw taħriġ nazzjonali preċedenti matul il-Fażi 1 u l-Fażi 2 (taħriġ fil-livell tad-dħul) u, jew, li jiġu vvalutati li għandhom l-ogħla riskju ta’ attività illeċita ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir jew jeħtieġu taħriġ avvanzat. |
|
1.2. |
Jiġu ospitati sa sitt workshops tematiċi reġjonali online ta’ ġurnata jew ta' jumejn li jippreżentaw suġġetti speċifiċi ta’ interess kbir għall-istati membri tal-LAS. Il-workshops għandhom jiffukaw fuq oqsma ta’ ħtieġa speċifika għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet (pereżempju, l-identifikazzjoni ta’ komponenti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir), is-sensibilizzazzjoni (pereżempju, l-użu ta' stampar 3D fil-manifattura illeċita ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir), u l-iskambju ta’ informazzjoni (pereżempju, l-aħjar prattiki fil-ġestjoni tar-riskju għall-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir). Il-forums online ser jippermettu lill-uffiċjali mill-istati membri tal-LAS, inkluż dawk f’żoni remoti, jieħdu sehem u jipprovdu impatt usa’ u sjieda reġjonali. |
|
1.3. |
Jintużaw sessjonijiet ta’ taħriġ fil-livell tad-dħul biex jitlesta l-proċess ta’ akkreditazzjoni għall-ħarrieġa fl-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir preakkreditati mid-WCO li beda fil-Fażi 2. |
|
1.4. |
Ikun hemm parteċipazzjoni f’attivitajiet imwettqa minn sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni. |
|
1.5. |
Fuq talba, għarfien espert tekniku tad-WCO jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istati membri tal-LAS biex jingħataw pariri dwar l-aġġornament tal-kurrikuli nazzjonali tagħhom għat-taħriġ dwar l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir. |
Eżitu 2: L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jkollhom kapaċitajiet imsaħħa biex jinvestigaw u jikkooperaw b’mod effettiv dwar kwistjonijiet ta’ proliferazzjoni u traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fir-reġjun tal-LAS.
L-Eżitu 2 għandu l-għan li jżid l-effettività tal-flussi tax-xogħol nazzjonali li jinvolvu diversi aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, li huma meħtieġa għall-ġbir, l-ipproċessar u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-armi tan-nar illeċiti. Din l-effettività ser issaħħaħ l-investigazzjonijiet dwar it-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija fir-rigward tal-kriminalità organizzata.
L-Interpol ser tisfrutta s-saħħa tan-network ta’ esperti u ħarrieġa żviluppat matul il-Fażi 1 u l-Fażi 2. Il-persunal magħżul bħala ħarrieġa fl-ambitu tal-Fażi 2 ser ikun lesta l-akkreditazzjoni tiegħu u ser ikun involut fl-għoti ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ nazzjonali avvanzat fil-pajjiżi tal-LAS matul il-Fażi 3 biex jipprattika l-ħiliet metodoloġiċi u tekniċi li jkun kiseb f’fażijiet preċedenti.
Għall-pajjiżi li jitolbu kooperazzjoni aktar fil-fond, l-esperti mħarrġa matul il-fażijiet preċedenti ser ikunu involuti direttament fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ Taskforce Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar bil-għan li jittejjeb il-ġbir, l-ipproċessar u l-kondiviżjoni ta’ data relatata mal-armi tan-nar fil-livell nazzjonali. Dan il-pass ser ikun strumentali fil-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi li jimplimentaw b'mod aktar effettiv il-Protokoll tal-Interpol għall-Irkupru tal-Armi tan-Nar u biex jikkooperaw b'mod attiv fil-livell reġjonali u internazzjonali dwar il-kwistjonijiet relatati mal-armi tan-nar. Il-Protokoll tal-Interpol għall-Irkupru tal-Armi tan-Nar huwa gwida għall-kxif ta' traffikar tal-armi tan-nar. Dan ikopri kemm il-komponenti tal-infurzar tal-liġi kif ukoll dawk forensiċi, bil-għan li ż-żewġ partijiet jikkondividu informazzjoni biex isolvu traffikar tal-armi tan-nar.
Biex jinkiseb dan l-eżitu, l-Interpol ser tiffoka fuq l-outputs li ġejjin:
|
2.1. |
l-uffiċjali għolja tal-pajjiż jifhmu t-theddid tat-traffikar tal-armi tan-nar u l-benefiċċji ta’ Taskforce Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar; |
|
2.2. |
it-termini ta’ referenza għat-Taskforces Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar huma żviluppati u adottati mill-pajjiżi; |
|
2.3. |
l-istituzzjonijiet nazzjonali u t-Taskforce Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar huma mħarrġa dwar il-Protokoll tal-Interpol għall-Irkupru tal-Armi tan-Nar u l-istrumenti tal-Interpol għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-armi tan-nar; |
|
2.4. |
jingħata appoġġ operazzjonali lit-Taskforces Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar (tiġi ġġenerata għajnuna investigattiva mit-Taskforce Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar bl-appoġġ tal-Interpol). |
L-attivitajiet ser jinkludu:
|
— |
sa 10 skjeramenti fil-pajjiż biex jappoġġaw il-valutazzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Protokoll tal-Interpol għall-Irkupru tal-Armi tan-Nar; |
|
— |
sa ħames sessjonijiet ta’ taħriġ fil-fond mogħtija mill-ħarrieġa tal-Interpol biex jappoġġaw lill-pajjiżi jiżviluppaw kapaċitajiet nazzjonali għall-ġbir, it-tħejjija u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni marbuta mal-armi tan-nar; |
|
— |
sa ħames sessjonijiet ta’ taħriġ nazzjonali mogħtija minn ħarrieġa nazzjonali kwalifikati li ser ikunu jistgħu jagħtu taħriġ nazzjonali taħt l-awspiċji tal-Interpol; |
|
— |
appoġġ ta’ mentoraġġ lill-pajjiżi biex jistabbilixxu taskforces nazzjonali dwar l-armi tan-nar, mogħti permezz ta’ attivitajiet subreġjonali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet jew skjerament nazzjonali għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol; |
|
— |
workshop dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar tekniki ta’ investigazzjoni fl-armi tan-nar u analiżi ta’ intelligence marbuta mal-armi tan-nar, li għandu jsir bħala parti minn avveniment reġjonali organizzat b’mod konġunt ma’ sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni; |
|
— |
parteċipazzjoni f’attivitajiet imwettqa minn sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, bħal fora tematiċi online jew sessjonijiet ta’ taħriġ wiċċ imb wiċċ. |
Eżitu 3: L-aġenziji tas-sigurtà u dawk militari jkollhom kapaċitajiet imsaħħa biex ifasslu u jimplimentaw sistemi għall-ġestjoni tal-ħażniet sikuri u siguri għall-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon fir-reġjun tal-LAS.
L-eżitu 3 jimmira li jibni fuq l-approċċ żviluppat fil-Fażi 2. Il-ħidma ser tiffoka fuq l-iżvilupp tal-ħiliet avvanzati fil-livell tal-pajjiż biex jitrawwem u jiġi promoss it-trasferiment sostenibbli tal-ħiliet lit-trainees. Fl-istess ħin, is-SAS ser ikompli jiżviluppa u jipprovdi pakketti nazzjonali ta’ taħriġ fil-livell tad-dħul u ta' taħriġ avvanzat imfassla apposta dwar il-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet.
Bil-kontra taż-żewġ eżiti l-oħra fejn l-Interpol u d-WCO jistgħu jorbtu l-attivitajiet tal-proġetti ma’ programmi ta’ taħriġ globali għall-operaturi esperti u l-ħarrieġa ma' sistema ta’ akkreditazzjoni stabbilita, fil-livell multilaterali ma jeżisti xejn ekwivalenti fil-qasam tal-ġestjoni tal-ħażniet.
Għal din ir-raġuni, is-SAS ser jimmappja, jivvaluta u jipproponi opzjonijiet konkreti għal proċess ta’ ċertifikazzjoni għall-parteċipanti ta’ suċċess fil-livell tal-esperti jew f'dak tal-ħarrieġa, kif ukoll jiżgura li r-riżorsi ewlenin jiġu tradotti fl-Għarbi u jkunu disponibbli għall-udjenzi rilevanti. Dawn l-attivitajiet ser jikkontribwixxu għall-approċċ ta’ sostenibbiltà mixtieq.
L-outputs u l-attivitajiet ser jinkludu:
|
3.1. |
L-għoti ta’ mhux aktar minn erba’ pakketti ta’ taħriġ nazzjonali fil-livell tad-dħul ta’ ġimgħa kull wieħed. Jekk id-domanda għal taħriġ fil-livell tad-dħul tkun aktar baxxa milli mistenni, ir-riżorsi li jifdal jiġu allokati għal pakketti ta’ taħriġ avvanzat. |
|
3.2. |
L-iżvilupp u l-għoti ta’ mhux aktar minn sitt pakketti ta’ taħriġ nazzjonali fil-fond imfassla apposta ta’ ġimagħtejn kull wieħed. |
|
3.3. |
It-traduzzjoni ta’ riżorsi tematiċi ewlenin fl-Għarbi, inkluż iżda mhux limitat għal materjal ta’ taħriġ fl-ambitu tal-Fażi 3. Din l-attività tista’ tinkludi wkoll il-produzzjoni ta’ materjal tal-media soċjali bl-Għarbi, kif meħtieġ. |
|
3.4. |
It-twettiq ta’ analiżi tal-opzjonijiet biex tiġi ffaċilitata jew appoġġata l-integrazzjoni tal-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet fil-kurrikuli nazzjonali, b’opzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali u internazzjonali relatati. L-approċċi reġjonali għandhom jiġu vvalutati wkoll. |
|
3.5. |
Avveniment reġjonali wieħed finali tal-għeluq, li jsir f’kollaborazzjoni mas-Segretarjat tal-LAS, id-WCO, u l-Interpol. Il-laqgħa tal-għeluq ser issir fil-Kajr fi tmiem il-Fażi 3 u tipprovdi l-opportunità lill-pajjiżi parteċipanti biex jivvalutaw ir-riżultati ewlenin ta’ din il-fażi u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki fl-oqsma sostantivi koperti. |
|
3.6. |
Ser isiru sa 10 żjarat ta’ kuntatt nazzjonali biex jitrawmu l-adeżjoni u s-sjieda nazzjonali, f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni. |
|
3.7. |
Parteċipazzjoni f’sa ħames attivitajiet imwettqa minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni oħra, bħal fora tematiċi online jew matul sessjonijiet ta’ taħriġ wiċċ imb wiċċ nazzjonali. |
|
3.8. |
Sa żewġ sessjonijiet ta’ tagħlim ta' pawża u riflessjoni (P&R) implimentati għas-sħab kollha (ara t-taqsima 5 hawn taħt). |
|
3.9. |
Laqgħat virtwali regolari u sa tliet laqgħat wiċċ imb wiċċ biex jiġi ppjanat u kkoordinat l-proġett bil-għan li jiġu żgurati r-rilevanza u l-effettività kontinwi tal-proġett. |
5. Monitoraġġ, evalwazzjoni u tagħlim
Bħala l-koordinatur tal-proġett, is-SAS ser jiżgura l-koerenza tal-approċċ ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u tagħlim tal-inizjattiva. Dan ser jinkorpora mekkaniżmi prattiċi għal tagħlim matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-proġett u jikkontribwixxi għal aġġustamenti programmatiċi jekk jinqala' l-bżonn. L-approċċ ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u tagħlim ser jinkludi monitoraġġ ta' rutina u kontinwu tal-proċess (pereżempju, it-tagħlim f'ċikli żgħar), kif ukoll sessjonijiet ta’ tagħlim ta’ P&R ta’ nofs it-terminu jew annwali tal-proġett, biex jiġi żgurat li l-perspettivi esterni jiġu meqjusa matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-proġett u jittaffew xi wħud mill-karatteristiċi kumplessi tal-ambjent operattiv. Barra minn hekk, lejn tmiem il-proġett issir evalwazzjoni esterna.
Formoli ta’ feedback dwar l-avvenimenti: Meta jorganizza avvenimenti online u wiċċ imb wiċċ, it-tim tal-proġett ser jitlob u jiġbor il-feedback tal-parteċipanti biex iżomm analiżi u programmar ta’ kwalità għolja biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati. Id-data li tirriżulta hija mistennija li tkun primarjament kwantitattiva u tista’ tiġi aggregata fl-attivitajiet kollha tal-proġett.
Ċikli ta’ monitoraġġ ta’ kull sitt xhur: It-tim tas-SAS ser jikkonsolida d-data tal-monitoraġġ mit-tliet sħab inkarigati mill-implimentazzjoni sa darbtejn fis-sena fil-livell tal-output u dak tal-eżitu. Dawn is-sessjonijiet ser jiffukaw fuq il-kuntest, ir-rilevanza, il-prestazzjoni, is-suppożizzjonijiet u r-riskji. Membru tat-tim tal-proġett ser jiddokumenta dawn is-sessjonijiet u jista’ jiġi appoġġat mill-Konsulent tas-SAS dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-tagħlim. Dawn is-sessjonijiet jistgħu jippermettu lit-tim tal-proġett jiddiskuti dan li ġej:
|
— |
żviluppi kuntestwali: liema fatturi kuntestwali affettwaw l-intervent u r-rilevanza tiegħu jew influwenzaw l-iskeda tat-twettiq tal-proġett matul l-aħħar sitt xhur; |
|
— |
prestazzjoni: xi progress sar fil-livell tal-eżitu u f'dak tal-output; u |
|
— |
effiċjenza: jekk inħolqux xi effiċjenzi permezz ta’ nefqiet, pjanijiet ta’ ħidma, riżorsi u ġestjoni interna tat-tim. |
sessjonijiet ta' P&R li jikkontribwixxu għar-Rapporti ta’ Progress Annwali: is-SAS ser iwettaq sa żewġ rieżamijiet interni tal-proġett (possibbilment matul il-laqgħa - mhux virtwali - ta’ koordinazzjoni annwali, li ser toffri wkoll lok għal pawża u riflessjoni). Is-sessjonijiet ta' pawża u riflessjoni ser jikkonsistu f’introspezzjoni strutturata biex isir rieżami rapidu. Filwaqt li jiġi rikonoxxut l-ambjent kumpless li fih ser isir il-proġett, is-sessjonijiet ta' pawża u riflessjoni ser jinvolvu konsultazzjonijiet mad-Dipartiment għall-Kontroll u d-Diżarm tal-Armi tas-Segretarjat tal-LAS, mal-Interpol, u mad-WCO, u feedback minn xi wħud mill-parteċipanti tat-taħriġ fil-pajjiż biex jiġu inklużi perspettivi differenti u jitrawmu t-trasparenza u r-responsabbiltà.
Il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni jistgħu jvarjaw u jinkludu sessjonijiet ta’ gruppi online ma’ sħab esterni tal-proġett u intervisti bilaterali ma' informaturi ewlenin. Dawn is-sessjonijiet ser ikunu ta' għajnuna għar-rapporti ta’ tagħlim li jiġbru s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet emerġenti għall-adattament, jekk ikun meħtieġ. Dawn ir-rapporti ta’ tagħlim ser jiġu kondiviżi mas-sħab kollha tal-proġett u ser jikkontribwixxu għar-rapporti annwali tal-proġett.
6. Arranġamenti ta’ sħubija
Il-Fażi 3 tal-proġett ser tiġi implimentata fi sħubija mad-Dipartiment għall-Kontroll u d-Diżarm tal-Armi tas-Segretarjat tal-LAS fil-qafas tad-Djalogu Strateġiku UE-LAS dwar l-Armi ta' Qerda Massiva, l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir, u l-Kontroll tal-Armi. Is-sħubija mas-Segretarjat tal-LAS u l-appoġġ b'saħħtu tiegħu jibqgħu vitali għall-kontinwazzjoni b’suċċess tal-proġett. Matul il-Fażi 2, id-Dipartiment tal-Kontroll u d-Diżarm tal-Armi tas-Segretarjat tal-LAS ospita żewġ laqgħat reġjonali u attenda l-biċċa l-kbira tal-avvenimenti ta’ taħriġ nazzjonali u fil-fond. Fil-Fażi 3, id-Dipartiment għall-Kontroll u d-Diżarm tal-Armi tas-Segretarjat tal-LAS ser jorganizza b’mod konġunt il-konferenzi reġjonali u ser jiġi mistieden jattendi avvenimenti ta’ taħriġ. Ser jattendi wkoll laqgħa waħda ta’ koordinazzjoni fis-sena mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.
Il-Fażi 3 ser iżżomm l-istess arranġamenti ta’ implimentazzjoni bħaż-żewġ fażijiet preċedenti. Is-SAS ser ikompli jkun il-koordinatur tal-proġett u l-Interpol u d-WCO ser imexxu fil-qasam ta’ kompetenza esperta rispettiv tagħhom. Matul din il-fażi, it-trainees tad-WCO li bdew l-akkreditazzjoni tagħhom bħala ħarrieġa matul il-Fażi 2 iridu jipprovdu moduli ta’ taħriġ nazzjonali biex jiffinalizzaw il-kurrikulu tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-Interpol ser jaħdem ma’ ħarrieġa u esperti nazzjonali akkreditati biex jingħataw moduli ta’ taħriġ wiċċ imb wiċċ u jitwettqu attivitajiet oħra li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Protokoll għall-Irkupru tal-Armi tan-Nar. Għal din ir-raġuni, il-proġett ser jirrikjedi aġilità akbar biex jiġu implimentati t-tliet komponenti u jiġu mobilizzati n-networks eżistenti tad-WCO u tal-Interpol fil-pajjiżi tal-LAS b’mod aktar sistematiku, filwaqt li s-Segretarjat tal-LAS jinżamm infurmat dwar l-attivitajiet ippjanati.
Din is-sħubija tirrappreżenta mudell ta’ kooperazzjoni komplementari u tematiku fil-qasam tal-kontroll tal-armi ħfief. Il-proġett jisfrutta l-għarfien u l-kompetenza esperta ta’ kull wieħed mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex jiġi offrut programm komprensiv ta’ għarfien u ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet li jkopri l-komponenti ewlenin tal-PtA tan-NU, l-ITI u l-GFA. B’dan il-mod, il-proġett jittraduċi l-kunċetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali u ta' multilateraliżmu, kif enfasizzat f’dokumenti bħall-PtA tan-NU u l-Istrateġija tal-UE kontra l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir, f’titjib tanġibbli fil-kapaċità u s-sigurtà fir-reġjun tal-LAS.
Biex tiġi bbilanċjata l-ħtieġa għal indipendenza operazzjonali akbar fost it-tliet sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni u ppjanar bejn is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u d-Dipartiment għall-Kontroll u d-Diżarm tal-Armi tas-Segretarjat tal-LAS ser jagħmluha possibbli li jkun hemm koerenza u effiċjenza fl-informazzjoni, fil-kondiviżjoni, fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett. L-aġenziji ta’ implimentazzjoni, pereżempju, ser jikkoordinaw l-involviment u l-approċċi tagħhom mal-pajjiżi li ser jitolbu appoġġ mill-proġett. Barra minn hekk, meta jkun fattibbli s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ser iwettqu attivitajiet konġunti f’oqsma tematiċi komuni.
Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ser jikkoordinaw ukoll mal-organizzazzjonijiet governattivi u nongovernattivi li jaħdmu fl-istati membri tal-LAS, kif ukoll ma' kwalunkwe programm tal-UE li jkun preżenti fihom, sabiex jiżguraw li l-attivitajiet kollha mwettqa fil-qafas tal-proġett jikkomplementaw u jibnu fuq l-inizjattivi eżistenti. Dan il-proġett jibni fuq l-appoġġ ipprovdut mill-UE f’dawn l-aħħar snin għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Ġestjoni tar-Reġistrar u t-Traċċar ta' Armi Illeċiti tal-Interpol (iARMS), il-komponent ewlieni tal-offerta ta’ taħriġ UE-LAS tal-Interpol.
Kif meħtieġ, u soġġett għad-disponibbiltà ta' finanzjament, is-SAS jista’ jikkollabora ma’ organizzazzjonijiet speċjalizzati oħra biex jassisti fl-implimentazzjoni ta’ komponenti speċifiċi tal-proġett f’koordinazzjoni mad-Dipartiment għall-Kontroll u d-Diżarm tal-Armi tas-Segretarjat tal-LAS. Skont il-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-istati membri parteċipanti tal-LAS, organizzazzjonijiet oħra, inkluż organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċerti aġenziji speċjalizzati tal-LAS, jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġett.
Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ser jieħdu wkoll miżuri adatti biex jiżguraw il-viżibbiltà tal-proġett f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni Ewropea.
7. Tul ta' żmien
Il-proġett huwa mistenni li jdum 36 xahar, mill-1 ta’ Ottubru 2024 sat-30 ta’ Settembru 2027.
Il-fażi operazzjonali ser iddum 33 xahar, u l-aħħar tliet xhur tal-proġett ser ikunu ddedikati għall-kompiti ta’ rapportar.
(1) NU (Nazzjonijiet Uniti). 2015. Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. New York: NU. 2015. A/RES/70/1.
(2) NU (Nazzjonijiet Uniti). 2015. Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. New York: NU. 2015. A/RES/70/1.
(3) Kunsill tal-UE (Unjoni Ewropea). 2019. Dikjarazzjoni tas-summit ta' Sharm El-Sheikh. 25 ta’ Frar 2019, para. 12.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2500/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)