4.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/353/PESK

tat-2 ta’ Lulju 2013

li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Awwissu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/518/PESK (1) li taħtar lis-Sur Philippe LEFORT bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2013.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi emendat u estiż għal perijodu ulterjuri ta' 12-il xahar. Il-mandat għandu jiġi rivedut fil-ħarifa tal-2013. Din ir-reviżjoni għandha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2013.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Philippe LEFORT bħala r-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja huwa b'hekk emendat u estiż sat-30 ta' Ġunju 2014. Il-mandat tar-RSUE jista' jintemm qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, inklużi l-objettivi li jidhru fil-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew fi Brussell tal-1 ta' Settembru 2008 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008, kif ukoll dawk tas-27 ta' Frar 2012. Dawk l-objettivi jinkludu:

(a)

f'konformità mal-mekkaniżmi eżistenti, inklużi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Grupp ta' Minsk tagħha, li ssir prevenzjoni ta’ konflitti fir-reġjun, li jingħata kontribut għal soluzzjoni paċifika tal-konflitti fir-reġjun, inklużi l-kriżi fil-Ġeorġja u l-konflitt f'Nagorno-Karabakh, permezz tal-promozzjoni tar-ritorn tar-refuġjati u ta’ persuni spostati f'pajjiżhom u permezz ta' mezzi oħra adatti, u li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta' tali soluzzjoni f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

(b)

li jkun hemm impenn kostruttiv mal-atturi ewlenin interessati fir-rigward tar-reġjun;

(c)

li tiġi nkoraġġuta u appoġġata aktar il-kooperazzjoni bejn l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja, u, skont il-każ, il-pajjiżi ġirien tagħhom;

(d)

li jittejbu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun:

(a)

li jiżviluppa kuntatti mal-gvernijiet, il-parlamenti, atturi politiċi ewlenin oħra, il-ġudikatura u s-soċjetà ċivili fir-reġjun;

(b)

li jinkoraġġixxi lill-pajjiżi fir-reġjun biex jikkooperaw dwar temi reġjonali ta' interess komuni, bħal theddid komuni għas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu u l-kriminalità organizzata;

(c)

li jikkontribwixxi għas-soluzzjoni paċifika tal-konflitti f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' tali soluzzjoni f'koordinazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti, mal-OSCE u l-Grupp ta' Minsk tagħha;

(d)

fir-rigward tal-kriżi fil-Ġeorġja:

(i)

li jgħin fit-tħejjija tad-diskussjonijiet internazzjonali li jsiru taħt il-punt 6 tal-pjan ta' soluzzjoni tat-12 ta' Awwissu 2008 ("Diskussjoni Internazzjonali ta' Ġinevra") u l-miżuri tiegħu ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008, ukoll dwar arranġamenti għas-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun, il-kwistjoni tar-refuġjati u ta' persuni spostati f'pajjiżhom, abbażi tal-prinċipji rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, u kwalunkwe suġġett ieħor, bi qbil komuni bejn il-partijiet;

(ii)

li jgħin biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni u jirrappreżentaha, fil-livell tar-RSUE, fid-diskussjonijiet imsemmija fil-punt (i); u

(iii)

li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-pjan ta' soluzzjoni tat-12 ta' Awwissu 2008 u tal-miżuri tiegħu ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008;

(e)

li jiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja;

(f)

li jgħin fit-tħejjija, kif adatt, tal-kontributi tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni possibbli tal-konflitt;

(g)

li jintensifika d-djalogu tal-Unjoni mal-atturi ewlenin ikkonċernati fir-rigward tar-reġjun;

(h)

li jassisti lill-Unjoni fl-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva lejn il-Kawkasu tan-Nofsinhar;

(i)

li, fil-qafas tal-attivitajiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni milquta minn konflitti, speċjalment bil-monitoraġġ u l-indirizzar tal-iżviluppi f'dan ir-rigward.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti relevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Lulju 2013 sat-31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun ta' EUR 1 050 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont li jidher fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta’ Lulju 2013. In-nefqa għandha tiġi ġestita konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għall-infiq kollu.

Artikolu 6

Kostitizzjoni u kompożizzjoni tal-iskwadra

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u tal-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għat-twaqqif ta’ skwadra. L-iskwadra għandha tinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-grupp.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tibagħtu jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kollokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jingħata kontribut għall-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u skont is-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-SEAE, li jipprovdi għal miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà, u li jipprovdi għal pjan ta' kontinġenza u pjan ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra mill-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lill-KPS u lir-RGħ rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tal-KPS jew tar-RGħ, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex ikun assigurat illi l-istrumenti kollha tal-Unjoni l-azzjonijiet tal-Istati Membri jkunu wżati konsistentement, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri, li għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Ġeorġja, għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja (EUMM Georgia) gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għall-EUMM Georgia għandhom jikkonsultaw ma' xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

Artikolu 13

Assistenza fir-rigward ta' talbiet

Ir-RSUE u l-persunal tiegħu għandhom jassistu fil-provvediment ta' elementi bħala rispons għal kwalunkwe talba u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-Rappreżentanti Speċjali għall-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja preċedenti, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali fini.

Artikolu 14

Reviżjoni

1.   L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jinżammu taħt reviżjoni regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni b'rapport ta' progress sal-aħħar ta' Ottubru 2013 u, fi tmiem il-mandat tar-RSUE, b'rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

2.   Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi rivedut sal-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2013.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)   ĠU L 221, 27.8.2011, p. 5. Il-mandat tar-RSUE ġie estiż bid-Deċiżjoni 2012/326/PESK (ĠU L 165, 26.6.2012, p. 53) għal perijodu ta' 12-il xahar.

(2)   ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.