|
3.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 322/17 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1233/2013
tad-29 ta’ Novembru 2013
li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta’ rkaptu rmunkat fl-inħawi ta’ 3 mili nawtiċi tal-kosta jew fl-isobath ta’ 50 metru fejn jintlaħaq dak il-fond f’distanza iqsar mill-kosta. |
|
(2) |
Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, sakemm jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9). |
|
(3) |
Fit-8 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni rċeviet talba għal deroga minn Spanja għall-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-Regolament, biex jintużaw tartaruni għas-sajd għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris), fi ħdan fl-ibħra territorjali tagħha fil-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi. |
|
(4) |
It-talba tkopri l-bastimenti rreġistrati f’ċensiment marittimu ġestit mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent Rurali u l-Baħar tal-Gżejjer Baleariċi li għandhom esperjenza vasta ta’ aktar minn ħames snin fis-sajd u jaħdmu skont pjan ta’ ġestjoni li jirregola s-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris). |
|
(5) |
Il-pjan ta’ ġestjoni ma jiggarantixxi l-ebda żieda fil-futur fl-isforz tas-sajd, u jipprevedi li meta wieħed mis-60 bastiment iwaqqaf l-attività, fiċ-Ċensiment ikun jista’ jiġi sostitwit biss minn bastiment li għandu l-istess kapaċità jew kapaċità inqas f’termini ta’ tunnellaġġ u qawwa. |
|
(6) |
Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga mitluba minn Spanja u l-abbozz relatat għall-pjan ta’ ġestjoni fis-sessjoni plenarja li saret mill-5 sad-9 ta’ Novembru 2012. |
|
(7) |
Spanja adottat il-pjan ta’ ġestjoni permezz ta’ Digriet 44/2013 tal-4 ta’ Ottubru li jistabbilixxi Pjan ta’ Ġestjoni għal ħafna gżejjer għas-sajd tradizzjonali mit-tartaruni fl-ibħra tal-Gżejjer Baleariċi (2) skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(8) |
Id-deroga mitluba minn Spanja hija konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(9) |
B’mod partikolari, l-inħawi tas-sajd huma limitati minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċi fil-mira, li hija limitata esklussivament għal ċerti żoni fiż-żoni kostali għal fond li jkun anqas minn 50 metru. |
|
(10) |
Barra minn hekk, is-sajd ma jistax isir b’irkapti oħrajn, ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq ħabitati protetti u huwa selettiv ħafna, peress li t-tartaruni jiġu rmonkati fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar. Tabilħaqq il-ġbir tal-materjal minn qiegħ il-baħar jagħmel ħsara lill-ispeċi fil-mira u jwassal biex l-għażla tal-ispeċi mistada tkun virtwalment impossibbli minħabba d-daqs żgħir ħafna tagħha. |
|
(11) |
Id-deroga mitluba minn Spanja taffettwa għadd limitat ta’ bastimenti, peress illi huma involuti biss 60 bastiment. |
|
(12) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 dwar il-ħabitati protetti peress li l-pjan ta’ ġestjoni Spanjol relatat jipprojbixxi espliċitament is-sajd fuq dawk il-ħabitati. |
|
(13) |
Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 mhumiex applikabbli minħabba li dawn huma relatati ma’ bastimenti tat-tkarkir. |
|
(14) |
Peress li l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi ħafna, għandhom effett negliġibbli fuq l-ambjent u mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dawn huma eleġibbli għad-deroga għad-daqs minimu tal-malji tax-xibka msemmi fl-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Għaldaqstant, ma japplikawx ir-regoli dwar id-daqs minimu tal-malji tax-xibka stipulati fl-Artikolu 9(3). |
|
(15) |
Il-pjan ta’ ġestjoni Spanjol jinkludi miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, u għaldaqstant jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3). |
|
(16) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f’distanza qasira ħafna mill-kosta u għaldaqstant ma jostakolawx l-attivitajiet ta’ bastimenti oħra. |
|
(17) |
Il-pjan ta’ ġestjoni Spanjol jiżgura li l-qbid tal-ispeċi msemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 huwa minimu u li l-attivitajiet tas-sajd ma jkollhomx fil-mira ċ-ċefalopodi. |
|
(18) |
Għalhekk, id-deroga mitluba għandha tingħata. |
|
(19) |
Spanja għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u skont il-pjan ta’ monitoraġġ stipulat fil-pjan ta’ ġestjoni Spanjol. |
|
(20) |
F’konformità mat-talba ta’ Spanja, limitazzjoni fit-tul ta’ żmien tad-deroga se tippermetti li jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni korrettivi fil-pront f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri stat ħażin ta’ konservazzjoni tal-istokk sfruttat filwaqt li tipprovdi kamp ta’ applikazzjoni biex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni mtejjeb. |
|
(21) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deroga
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali ta’ Spanja maġenb il-kosta tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, għas-sajd għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) mit-tartaruni li qed jintużaw minn bastimenti:
|
(a) |
irreġistrati f’ċensiment marittimu ġestit mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent Rurali u l-Baħar tal-Gżejjer Baleariċi; |
|
(b) |
li għandhom esperjenza vasta ta’ aktar minn ħames snin fis-sajd u li ma jinvolvu l-ebda żieda fil-futur fl-isforz tas-sajd ipprovdut; kif ukoll |
|
(c) |
li jkollhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw skont pjan ta’ ġestjoni adottat minn Spanja skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
Din id-deroga għandha tapplika għal perjodu ta’ tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Pjan u rapport ta’ monitoraġġ
Spanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, rapport imfassal skont il-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.
(2) Decreto 44/2013, de 4 de octubre, por el que establece el Plan de Gestión Pluriinsular para la Pesca con Artes de Tiro Tradicionales en Aguas de las Illes Balears. Butlletí Oficial de les Illes Balears No 137, 5.10.2013, pg. 47345.