Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
21 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ VAT – Importazzjoni ta’ oġġetti – Artikolu 2(1)(d) u Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/112/KE – Introduzzjoni ta’ dgħajsa bil-qlugħ fl-Unjoni, mingħajr preżentazzjoni fid-dwana, sabiex hemmhekk isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija fuqha – Fatt taxxabbli u eżiġibbiltà tat-taxxa – Artikolu 70 u Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112 – Assenza ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Estinzjoni tad-dejn doganali fil-każ ta’ ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni – Artikolu 124(1)(k) tar-Regolament (KE) Nru 952/2013 – Kunċett ta’ ‘merkanziji użati’”
Fil-Kawża T‑383/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura
Hauptzollamt A
vs
Segelbootwartung,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn N. Półtorak, Presidenta, G. Hesse, G. Steinfatt, D. Petrlík (Relatur) u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: M. Brkan,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Ġunju 2025, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (a) u (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi Statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑25 ta’ Marzu 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Segelbootwartung, minn M. Hanke u M. Hanke, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Elleniku, minn K. Konsta, A. Magrippi, S. Papaioannou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin, B. Eggers u F. Moro, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) kif ukoll tal-Artikoli 30, 70 u tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-Artikolu 124(1)(k) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn min-naħa, l-Hauptzollamt A (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana A, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il- “Hauptzollamt”) u min-naħa l-oħra Segelbootwartung dwar id-dazji fuq l-importazzjoni u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjoni li ntalbu mingħandu talli introduċa dgħajsa bil-qlugħ fit-territorju Ġermaniż.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
Direttiva dwar il-VAT
3 L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“1. It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[...]
(d) l-importazzjoni ta’ merkanzija.
[...] ”.
4 L-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“‘Importazzjoni ta’ merkanzija’ għandha tfisser id-dħul [fl-Unjoni] ta’ merkanzija li ma tinsabx f’ċirkolazzjoni ħielsa fit-tifsira ta’ l-Artikolu [29 TFUE].
[...]”.
5 Skont l-Artikolu 60 tad-Direttiva dwar il-VAT:
“Il-post ta’ importazzjoni ta’ merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija meta tidħol [fl-Unjoni].”
6 L-Artikolu 70 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata.”
7 Skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva dwar il-VAT:
“1. Meta, mad-dħul [fl-Unjoni], il-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 156, 276 u 277, jew taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta' trażitu esterni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.
Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun soġġetta għad-dazji doganali, jew għal imposti agrikoli jew għal xi piżijiet li għandhom effett ekwivalenti li ġew stabbiliti skond politika komuni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward ta’ dawk id-dazji u dawk id-dazji jsiru dovuti.
[...] ”.
Il-Kodiċi Doganali
8 Il-premessa 38 tal-Kodiċi Doganali tiddikjara:
“Huwa xieraq li tkun ikkunsidrata l-intenzjoni tajba tal-persuna kkonċernata f’każijiet fejn jinħoloq dejn doganali minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali u biex jitnaqqas l-impatt ta’ negliġenza min-naħa tad-debitur”.
9 Skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali:
“1. Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin
(a) wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, l-ipproċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju ta’ tali merkanzija fit-territorju jew it-tneħħija tagħha minnu;
[...]
2. Il-ħin meta jinħoloq id-dejn doganali għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) il-mument meta l-obbligu li n-nuqqas ta’ konformità miegħu jagħti lok għad-dejn doganali, ma jintlaħaqx jew ma jibqax jintlaħaq
[...]
3. Fil-każijiet imsemmija taħt il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, id-debitur għandu jkun kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) kwalunkwe persuna li kienet meħtieġa tissodisfa l-obbligi konċernati;
[...] ”.
10 L-Artikolu 124 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:
“1. […] dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin:
[...]
k) fejn, soġġett għall-paragrafu 6, id-dejn doganali nħoloq skont l-Artikolu 79 u tingħata prova sodisfaċenti għall-awtoritajiet doganali li l-merkanzija ma ntużatx jew ma kienitx ikkunsmata u nħarġet ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
[...]
6. Fil-każ imsemmi fil-punt (k) tal-paragrafu 1, id-dejn doganali m’għandux jkun estint fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna jew persuni li għamlu attentat ta’ qerq.
[...] ”.
11 Skont l-Artikolu 139 tal-Kodiċi Doganali:
“1. Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tkun ppreżentata lid-dwana minnufih mal-wasla tagħha fl-uffiċċju doganali nominat jew kwalunkwe post ieħor nominat jew approvat mill-awtoritajiet doganali jew fiż-żona ħielsa minn waħda mill-persuni li ġejjin:
(a) il-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni;
[...] ”.
12 L-Artikolu 210 tal-Kodiċi Doganali jgħid:
“Il-merkanzija tista’ titqiegħed taħt xi waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin ta’ proċeduri speċjali:
[...]
(d) ipproċessar, li jinkludi pproċessar attiv u passiv. ”.
13 Skont l-Artikolu 211 tal-Kodiċi Doganali:
“1. Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali hija meħtieġa għal dan li ġej:
(a) l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv jew passiv, tal-proċedura ta’ dħul temporanju jew tal-użu aħħari;
[...]
2. L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv, fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha [stabbiliti f’dan il-paragrafu]:
[...]
3. Minbarra fejn hu provdut mod ieħor, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss lill-persuni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) ikunu stabbiliti fit-territorji doganali tal-Unjoni;
(b) jipprovdu l-assikurazzjoni meħtieġa tat-twettiq xieraq tal-operazzjonijiet; operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjonijiet doganali jitqies li jkun issodisfa din il-kondizzjoni, sakemm l-attività li tappartjeni għall-proċedura speċjali kkonċernata tkun ikkunsidrata fl-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 38(2);
(c) fejn dejn doganali jista’ jinħoloq jew imposti oħra jistgħu jiġġarrbu fuq merkanzija mqegħda taħt proċedura speċjali, jagħtu garanzija skont l-Artikolu 89;
(d) fil-każ tad-dħul temporanju jew il-proċedura tal-ipproċessar attiv, jużaw il-merkanzija jew jirranġaw għall-użu tagħha jew ikunu jagħmlu operazzjonijiet ta’ ipproċessar fuq il-merkanzija jew jirranġaw biex dawn isiru, rispettivament.
4. Ħlief meta jkun provdut mod ieħor u b’żieda mal-paragrafu 3, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss fejn jkunu sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jeżerċitaw superviżjoni doganali mingħajr ma jkollhom għalfejn jintroduċu arranġamenti amministrattivi li mhumiex proporzjonali għall-ħtiġijiet ekonomiċi involuti;
(b) l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni ma jkunux affettwati ħazin minn awtorizzazzjoni għal proċedura tal-ipproċessar (kondizzjonijiet ekonomiċi)
[...]”.
14 L-Artikolu 220 tal-istess kodiċi jipprovdi:
“Merkanzija mqiegħda taħt ħażna doganali jew proċedura tal-ipproċessar jew f’żona ħielsa tista’ tgħaddi minn taħt forom użwali ta’ maniġġar intenzjonati li jżommuwha fi stat tajjeb, itejbu d-dehra jew il-kwalità tagħha għas-suq jew jippreparawha għad-distribuzzjoni jew għall-bejgħ mill-ġdid ”.
15 Skont l-Artikolu 256 tal-Kodiċi Doganali:
“1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223, taħt il-proċedura ta’ pproċessar attiv merkanzija mhux tal-Unjoni tista’ tintuża fitterritorju doganali tal-Unjoni f’operazzjoni waħda jew aktar ta’ proċessar mingħajr ma merkanzija bħal din tkun soġġetta għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(a) dazju tal-importazzjoni;
(b) imposti oħrajn kif ipprovdut minn provvedimenti rilevanti oħra fis-seħħ;
(c) miżuri ta’ politika kummerċjali, sakemm dawn ma jipprojbixxux id-dħul ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni jew il-ħruġ tagħha minnu.
2. Il-proċedura ta’ pproċessar attiv tista’ tintuża biss f’każijiet li mhumiex ta’ tiswija u qerda biss meta, mingħajr ħsara għall-użu ta’ aċċessorji tal-produzzjoni, il-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tista’ tkun identifikata fil-prodotti pproċessati.
Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 223, il-proċedura tista’ tintuża fejn il-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fir-rigward ta’ merkanzija ekwivalenti tista’ tkun vverifikata.
3. Barra mill-paragrafi 1 u 2, il-proċedura ta’ pproċessar attiv tista’ tintuża wkoll għall-merkanzija li ġejja:
a) merkanzija maħsuba li tgħaddi minn operazzjonijiet biex tkun żgurata l-konformità tagħha ma’ ħtiġijiet tekniċi għar-rilaxx tagħha għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa;
(b) merkanzija li għandha tgħaddi mill-forom użwali ta’ maniġġar skont l-Artikolu 220. ”.
Regolament Delegat (UE) 2015/2446
16 L-Artikolu 161 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2466 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41 u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60), jipprovdi:
“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 211(3)(a) tal-Kodiċi, l-awtoritajiet doganali jistgħu f’każijiet okkażjonali, meta jikkunsidraw li huwa ġġustifikat, jagħtu awtorizzazzjoni għall-proċedura tal-użu finali jew il-proċedura ta’ pproċessar attiv lil persuni stabbiliti barra t-territorju doganali tal-Unjoni. ”.
Id-dritt Ġermaniż
17 Skont l-Artikolu 1 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), tal‑21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali:
“(1) It-tranżazzjonijiet li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ:
[...]
4. l-importazzjonijiet ta’ oġġetti fit-territorju nazzjonali [...] ;
[...] ”.
18 L-Artikolu 21 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ jipprovdi:
“[...]
(2) Ir-regoli applikabbli għad-dazji doganali għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni;
[...] ”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 Il-konvenut fil-kawża prinċipali, persuna fiżika ddomiċiljata fl-Iżvizzera, qasam il-fruntiera Ġermaniża bil-karozza, b’dgħajsa bil-qlugħ irreġistrata fl-Iżvizzera f’ismu (iktar ’il quddiem id-“dgħajsa bil-qlugħ”) fuq karru tad-dgħajsa, mingħajr ma wettaq sdoganament. Huwa kien is-suġġett, fl-istess jum, ta’ kontroll doganali li matulu huwa indika li kien sejjer fil-bini tal-kumpannija X, stabbilita fil-Ġermanja, sabiex iwettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija fuq il-magna li ma tinsabx abbord id-dgħajsa bil-qlugħ. Wara dan il-kontroll, l-Hauptzollamt ħareġ avviż li jiffissa d-dazji doganali u l-VAT fuq l-importazzjoni dovuti għall-importazzjoni tad-dgħajsa bil-qlugħ fil-Ġermanja.
20 Wara li ħallas id-dazji fuq l-importazzjoni, il-konvenut fil-kawża prinċipali ttrasporta d-dgħajsa bil-qlugħ fil-bini tal-kumpannija X sabiex iwettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija fuqha. Dawn ix-xogħlijiet ikkonsistew fil-modifika tal-appoġġ tal-bord ċentrali tal-kilja, it-tqegħid mill-ġdid f’postha tal-bord ċentrali tal-kilja, il-kontroll tal-mutur, ir-restawr tas-sistema ta’ filtrazzjoni tal-karburant u s-sostituzzjoni tal-konvertitur katalitiku tat-trattament tal-gassijiet tal-egżost. Sussegwentement, il-konvenut fil-kawża prinċipali esporta mill-ġdid id-dgħajsa bil-qlugħ lejn l-Iżvizzera.
21 Il-konvenut fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra l-avviż li jiffissa d-dazji doganali u l-VAT fuq l-importazzjoni msemmi fil-punt 19 iktar ’il fuq, li ġie miċħud. Għalhekk huwa adixxa lill-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja) li annullat dan l-avviż kif ukoll id-deċiżjoni dwar ir-rikors kontra l-imsemmi avviż. Il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) qieset li kien inħoloq dejn doganali, peress li l-konvenut fil-kawża prinċipali ma kienx ippreżenta notifika espliċita dwar il-preżentazzjoni lid-dwana u lanqas dikjarazzjoni doganali meta kien qasam il-fruntiera bid-dgħajsa bil-qlugħ. Min-naħa l-oħra, huwa esprima dubji dwar it-tnissil ta’ dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni fir-rigward tad-dgħajsa bil-qlugħ. Fi kwalunkwe każ, hija qieset li dan id-dejn doganali kif ukoll dejn eventwali tal-VAT fuq l-importazzjoni kienu ġew estinti, konformement mal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, peress li d-dgħajsa bil-qlugħ kienet ġiet esportata mill-ġdid lejn l-Iżvizzera mingħajr ma ntużat jew ġiet ikkunsmata fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.
22 L-Hauptzollamt ippreżenta appell għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostna li d-dgħajsa bil-qlugħ kienet “intużat”, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, peress li kienet is-suġġett ta’ trasformazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni. Konsegwentement, id-dejn doganali ma ġiex estint minkejja l-esportazzjoni mill-ġdid ulterjuri tad-dgħajsa bil-qlugħ. Barra minn hekk, tnissel dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni, peress li t-trasformazzjoni tat lok għal provvista ta’ servizzi fuq id-dgħajsa bil-qlugħ, li b’hekk daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni. Il-konvenut fil-kawża prinċipali jsostni, essenzjalment, li d-dejn doganali ġie estint wara l-esportazzjoni mill-ġdid tad-dgħajsa bil-qlugħ u li dan tal-aħħar ma setax jidħol fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni, peress li x-xogħlijiet imwettqa kienu limitati għal manutenzjoni.
23 Il-qorti tar-rinviju tqis li dejn doganali tnissel, konformement mal-Artikolu 79(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, peress li l-konvenut fil-kawża prinċipali introduċa d-dgħajsa bil-qlugħ fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma ppreżentaha formalment lid-dwana meħtieġa mill-Artikolu 139(1) tal-imsemmi kodiċi. Madankollu, dik il-qorti għandha dubji, minn naħa, dwar il-kwistjoni jekk dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni nħoloqx, minbarra d-dejn doganali, skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-fatt li d-dgħajsa bil-qlugħ ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma tqiegħdet taħt proċedura doganali u li kienet is-suġġett passiv ta’ provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija, mingħajr ma intużat b’mod attiv bħala mezz ta’ trasport sabiex twettaq kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi, huwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza dħul fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni, liema dħul biss jippermetti li jiġi preżunt konsum li jista’ jagħti lok għall-fatt taxxabbli tal-VAT. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dejn doganali ġiex estint, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, wara l-ħruġ sussegwenti tad-dgħajsa bil-qlugħ mit-territorju doganali tal-Unjoni. Sa fejn ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija ma setgħux jitqiesu bħala manipulazzjonijiet normali, fis-sens tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali, ma huwiex ċert li d-dgħajsa bil-qlugħ, minkejja li ma kinitx tqiegħdet taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv, intużat fit-territorju doganali tal-Unjoni.
24 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Mezz ta’ trasport jidħol fin-network ekonomiku tal-Unjoni jekk ma jintużax bħala mezz ta’ trasport fi Stat Membru, iżda jkun is-suġġett ta’ provvista ta’ servizz (f’dan il-każ, xogħol ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija)?
2) L-Artikolu 124(1)(k) ta[l-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li merkanzija mhux mill-Unjoni tintuża fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk isir biss xogħol ta’ manutenzjoni jew ta’ tiswija fuqhom fit-territorju doganali tal-Unjoni u li l-merkanzija mhux mill-Unjoni sussegwentement tiġi esportata mill-ġdid?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
25 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari ma ssemmi ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(d) kif ukoll tal-Artikoli 30, 70 u 71 tad-Direttiva dwar il-VAT, li huma espressament iċċitati f’din it-talba.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(d) kif ukoll l-Artikoli 30, 70 u 71 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-introduzzjoni irregolari ta’ mezz ta’ trasport li joriġina minn pajjiż terz fi Stat Membru, li fih dan sussegwentement ikun is-suġġett ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija, qabel ma jiġi esportat mill-ġdid barra mit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jkun intuża bħala mezz ta’ trasport, tikkostitwixxi importazzjoni ta’ oġġetti suġġetti għall-VAT.
27 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, konformement mal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma suġġetti għall-VAT l-importazzjonijiet ta’ oġġetti, u li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, hija kkunsidrata bħala importazzjoni ta’ oġġetti l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ oġġett li ma huwiex f’ċirkulazzjoni libera.
28 Sussegwentement, l-Artikolu 70 tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi bħala prinċipju li l-fatt taxxabbli jseħħ u li l-VAT issir eżiġibbli fil-mument meta ssir l-importazzjoni tal-oġġetti.
29 Fl-aħħar nett, l-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi b’mod partikolari, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li, meta oġġetti jaqgħu, sa mill-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, taħt waħda mill-proċeduri doganali jew waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu, il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tat-taxxa jseħħu biss fil-mument meta l-oġġetti joħorġu minn din il-proċedura jew minn din is-sitwazzjoni.
30 Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari li fiha, għall-oġġetti importati suġġetti, b’mod partikolari, għal dazji doganali, il-fatt taxxabli għandu jseħħ u t-taxxa għandha ssir eżiġibbli fil-mument meta jseħħu l-fatt taxxabli u l-eżiġibbiltà ta’ dawn id-dazji.
31 F’dan il-każ, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dejn doganali tnissel skont l-Artikolu 79(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, peress li d-dgħajsa bil-qlugħ ma ġietx ippreżentata, immedjatament wara l-introduzzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni, lill-uffiċċju doganali bi ksur tal-Artikolu 139(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.
32 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tal-paralleliżmu bejn il-VAT fuq l-importazzjoni u d-dazji doganali, ikkonfermat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, dejn tal-VAT jista’ jiżdied mad-dejn doganali jekk l-aġir illegali li ġġenera dan id-dejn jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata daħlet fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni u setgħet tkun is-suġġett ta’ konsum, u b’hekk tagħti lok għall-fatt taxxabbli tal-VAT (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Hauptzollamt Braunschweig (Post ta’ tnissil tal-VAT – (III)), C‑791/22, EU:C:2024:59, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta oġġetti ma jkunux iddaħħlu b’mod regolari fit-territorju doganali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung, C‑26/18, EU:C:2019:579, punt 46).
33 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet — fir-rigward ta’ oġġetti introdotti illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ konsum jew ta’ użu f’diversi Stati Membri — li l-preżunzjoni ta’ dħul fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tista’ tiġi kkonfutata jekk jiġi stabbilit li, minkejja ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, li twassal għat-tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni fl-Istat Membru fejn twettqu dawn in-nuqqasijiet, l-oġġett ikkonċernat ġie introdott fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih dan l-oġġett kien intiż għall-konsum. F’dan il-każ, il-fatt taxxabbli għall-VAT fuq l-importazzjoni jseħħ f’dan l-Istat Membru l-ieħor (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung, C‑26/18, EU:C:2019:579, punt 48 u tat‑18 ta’ Jannar 2024, Hauptzollamt Braunschweig (Post ta’ tnissil tal-VAT – (III), C‑791/22, EU:C:2024:59, punt 31).
34 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-preżunzjoni ta’ dħul fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tistax tiġi kkonfutata wkoll f’sitwazzjoni fejn l-oġġetti, li ġew introdotti illegalment fl-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, ma kinux intiżi għall-konsum fi Stat Membru ieħor, iżda barra mit-territorju tal-Unjoni.
35 Fuq dan il-punt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali ma jikkostitwixxux, fihom infushom, element suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-oġġetti inkwistjoni effettivament daħlu fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni. Dan jista’ jkun il-każ anki meta tali nuqqasijiet kellhom bħala konsegwenza li dawn l-oġġetti ma kinux iktar taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet doganali, li kienu mċaħħda mill-possibbiltà li jikkontrollaw il-moviment tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung, C‑26/18, EU:C:2019:579, punti 50 sa 52).
36 Barra minn hekk, peress li l-VAT hija min-natura tagħha taxxa fuq il-konsum, id-dħul ta’ oġġett fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni jippreżupponi, tal-inqas, li dan l-oġġett kien intiż għall-konsum jew għall-użu fit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post ta’ tnissil tal-VAT), C‑7/20, EU:C:2021:161, punti 31 sa 35; tat‑8 ta’ Settembru 2022, Hauptzollamt Hamburg (Post ta’ tnissil tal-VAT – II), C‑368/21, EU:C:2022:647, punt 33, u tat‑18 ta’ Jannar 2024, Hauptzollamt Braunschweig (Post ta’ tnissil tal-VAT – (III), C‑791/22, EU:C:2024:59, punt 33).
37 Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-preżunzjoni li tgħid li oġġett introdott illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni jidħol fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni hija ġġustifikata b’mod partikolari min-neċessità li tiġi żgurata newtralità kompetittiva bejn l-oġġetti provenjenti minn pajjiżi terzi u l-oġġetti paragunabbli li joriġinaw mill-Unjoni. Issa, meta jiġi stabbilit li oġġett li joriġina minn pajjiż terz la kien intiż għall-konsum u lanqas għall-użu fit-territorju tal-Unjoni, dan ma jistax, bħala prinċipju, jidħol f’kompetizzjoni mal-oġġetti paragunabbli li joriġinaw mill-Unjoni.
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-preżunzjoni ta’ dħul fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni, kif imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, tista’ tiġi kkonfutata meta l-persuna li tkun introduċiet oġġetti b’mod irregolari fit-territorju doganali tal-Unjoni tistabbilixxi, abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, li dawn l-oġġetti ma kinux intiżi għall-konsum jew għall-użu f’dan it-territorju.
39 F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi ppreċiżat li mezzi ta’ trasport ma humiex normalment is-suġġett, min-natura tagħhom, ta’ konsum, iżda ta’ użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Hauptzollamt Hamburg (Post ta’ tnissil tal-VAT – II), C‑368/21, EU:C:2022:647, punt 34).
40 Sussegwentement, sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ dħul fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni, il-persuna li tkun introduċiet b’mod irregolari mezz ta’ trasport fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tippreżenta elementi oġġettivi u verifikabbli li jippermettu li jiġi ddeterminat it-territorju fejn dan il-mezz ta’ trasport huwa intiż li jintuża jew, tal-inqas, turi li huwa, fi kwalunkwe każ, intiż li jintuża barra mit-territorju doganali tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, X, C‑84/09, EU:C:2010:693, punt 44).
41 F’dan il-kuntest, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom seħħ it-trasport tal-oġġett matul iż-żmien, il-post tad-domiċilju tal-proprjetarju tiegħu jew tad-detentur tiegħu, il-post tal-użu abitwali tiegħu kif ukoll l-eżistenza jew l-assenza ta’ rabtiet li dan il-proprjetarju jew dan id-detentur għandu, minn naħa, mat-territorju doganali tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-pajjiżi terzi li jistgħu jikkostitwixxu l-post ta’ destinazzjoni ta’ dan il-mezz ta’ trasport (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, X, C‑84/09, EU:C:2010:693, punti 45 u 46).
42 Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn huwa possibbli, l-intenzjonijiet tal-persuna li tkun introduċiet b’mod irregolari l-mezz ta’ trasport fit-territorju doganali tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu sostnuti minn elementi oġġettivi u verifikabbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, X, C‑84/09, EU:C:2010:693, punt 47)
43 Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-konsum jew l-użu effettiv tal-oġġett fit-territorju doganali tal-Unjoni jippermetti li jitqies li dan daħal fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni. Konsegwentement, hija l-persuna li tkun introduċiet l-oġġett b’mod irregolari fit-territorju doganali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi, b’mod partikolari, li dan telaq mit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma kien is-suġġett ta’ konsum jew ta’ użu effettiv hemmhekk.
44 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, biex tali użu jitqies bħala “effettiv”, għandu jippermetti li l-oġġett jintuża skont il-funzjoni jew id-destinazzjoni li hija speċifika għalih. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li dan il-mezz ta’ trasport huwa preżenti fit-territorju tal-Unjoni jew li huwa s-suġġett ta’ operazzjonijiet intiżi sabiex jagħmluh adattat għal tali użu ma huwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza użu tiegħu bħala “effettiv”.
45 B’mod iktar partikolari, l-użu effettiv tal-mezzi ta’ trasport jikkorrispondi b’mod partikolari għall-użu tagħhom għall-finijiet ta’ moviment ta’ persuni jew ta’ oġġetti.
46 Min-naħa l-oħra, iċ-ċaqliq ta’ mezz ta’ trasport lejn il-post fejn huwa effettivament użat ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi użu effettiv tal-imsemmi mezz ta’ trasport (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Hauptzollamt Hamburg (Post ta’ tnissil tal-VAT – II), C‑368/21, EU:C:2022:647, punt 34).
47 F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-konvenut fil-kawża prinċipali huwa ddomiċiljat fl-Iżvizzera u li d-dgħajsa bil-qlugħ hija rreġistrata f’dak il-pajjiż. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li d-dgħajsa bil-qlugħ ġiet introdotta fil-Ġermanja biss għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija u li ġiet esportata mill-ġdid lejn l-Iżvizzera wara t-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet. Ulterjorment, ebda element tal-proċess ma jidher li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabtiet partikolari bejn id-dgħajsa bil-qlugħ u l-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tat-twettiq tal-imsemmija xogħlijiet. Dawn l-elementi jindikaw li d-dgħajsa bil-qlugħ ma kinitx intiża għall-użu bħala mezz ta’ trasport fil-Ġermanja jew fi Stat Membru ieħor, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
48 Barra minn hekk, għalkemm id-dgħajsa bil-qlugħ hija mezz ta’ trasport intiż għan-navigazzjoni, mill-affermazzjonijiet tal-konvenut fil-kawża prinċipali, li ma humiex ikkontestati, jirriżulta li d-dgħajsa bil-qlugħ ġiet ittrasportata fit-territorju Ġermaniż fuq karru u ma kienet is-suġġett ta’ ebda użu għal finijiet ta’ navigazzjoni f’dak it-territorju.
49 Ulterjorment, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din id-dgħajsa bil-qlugħ intbagħat lill-kumpannija X sabiex hemmhekk tkun is-suġġett ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija u li sussegwentement ġiet esportata mill-ġdid lejn l-Iżvizzera.
50 Issa, min-natura stess ta’ dawn ix-xogħlijiet, li jikkonsistu fil-modifika tal-appoġġ tal-bord ċentrali tal-kilja, it-tqegħid mill-ġdid f’postha tal-bord ċentrali tal-kilja, il-kontroll tal-mutur, ir-restawr tas-sistema ta’ filtrazzjoni tal-karburant kif ukoll is-sostituzzjoni tal-konvertitur katalitiku tat-trattament tal-gassijiet tal-egżost, jirriżulta li dawn kellhom biss l-għan li jirrendu d-dgħajsa bil-qlugħ adatta sabiex tintuża konformement mal-funzjoni u mad-destinazzjoni li hija speċifika għaliha, jiġifieri n-navigazzjoni. Bis-sempliċi twettiq ta’ tali xogħlijiet, il-proprjetarju jew id-detentur ta’ dgħajsa bil-qlugħ ma jkunx qed jużaha skont il-funzjoni jew id-destinazzjoni tagħha.
51 Barra minn hekk, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward li tali xogħlijiet jistgħu, bħala provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, ikunu suġġetti għall-VAT. Fil-fatt, sa fejn it-tnissil eventwali tal-VAT fir-rigward ta’ dawn il-provvisti huwa indipendenti minn dak tal-VAT fuq l-importazzjoni, l-imsemmija provvisti għandhom jitqiesu bħala tranżazzjonijiet distinti mill-importazzjoni tad-dgħajsa bil-qlugħ, minkejja li dawn ix-xogħlijiet wasslu għal żieda fil-valur tagħha.
52 Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li d-dgħajsa bil-qlugħ kienet is-suġġett ta’ xogħlijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni fil-Ġermanja qabel ma sussegwentement ġiet esportat mill-ġdid lejn l-Iżvizzera ma jistax jitqies li jikkostitwixxi użu effettiv ta’ dan il-mezz ta’ trasport fit-territorju doganali tal-Unjoni.
53 Konsegwentement, jekk il-konvenut fil-kawża prinċipali jistabbilixxi, abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, li d-dgħajsa bil-qlugħ ma kinitx intiża għall-użu fil-Ġermanja jew fi Stat Membru ieħor b’mod partikolari minħabba l-fatt li, minn naħa, l-intenzjonijiet tiegħu ma kinux li jwettaq tali użu u li, min-naħa l-oħra, id-dgħajsa bil-qlugħ ġiet esportata mill-ġdid lejn l-Iżvizzera mingħajr ma kienet is-suġġett ta’ użu effettiv fit-territorju doganali tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ebda VAT fuq l-importazzjoni ma tista’ tkun dovuta.
54 Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Elleniku, tali konklużjoni ma tikkontestax l-effett utli tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jissuġġetta s-sospensjoni tal-fatt taxxabbli tal-VAT fuq l-importazzjoni għat-tqegħid tal-oġġetti taħt waħda mill-proċeduri doganali jew f’waħda mis-sitwazzjonijiet espliċitament previsti minn din id-dispożizzjoni.
55 Fil-fatt, l-operaturi ekonomiċi li jintroduċu fl-Unjoni oġġetti li jaqgħu taħt waħda mill-proċeduri doganali previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jibqgħu mħeġġa jqiegħdu l-oġġetti inkwistjoni taħt din il-proċedura doganali, peress li, fil-każ kuntrarju, huma jkunu kkonfrontati, minn naħa, mit-tnissil ta’ dejn doganali kif ukoll, jekk ikun il-każ, b’sanzjonijiet relatati mal-ksur doganali u, min-naħa l-oħra, bl-oneru li jaqilbu, abbażi tal-kriterji msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq, il-preżunzjoni ta’ dħul tal-oġġetti fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni sabiex jevitaw l-issuġġettar tagħhom għall-VAT.
56 Bl-istess mod, il-konklużjoni stabbilita fil-punt 53 iktar ’il fuq ma hijiex invalidata mill-ġurisprudenza li tgħid li, meta oġġetti jkunu ġew maqbuda u kkonfiskati wara li jkunu telqu mill-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni, il-fatt taxxabbli tal-VAT ikun diġà seħħ u għalhekk il-VAT tkun saret eżiġibbli (sentenzi tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik, C‑230/08, EU:C:2010:231, punt 94, u tas‑7 ta’ April 2022, Kauno teritorinė muitinė, C‑489/20, EU:C:2022:277, punt 50).
57 Fil-fatt, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-oġġetti inkwistjoni, jiġifieri sigaretti introdotti illegalment fl-Unjoni, kienu, min-natura tagħhom stess u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-introduzzjoni tagħhom, intiżi għall-konsum fit-territorju tagħha. Il-kwistjoni tal-possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ dħul fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni għalhekk ma kinitx tqum, peress li l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq ma setgħux jiġu ssodisfatti.
58 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) (d) kif ukoll l-Artikoli 30, 70 u 71 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma tikkostitwixxix importazzjoni ta’ oġġetti suġġetti għall-VAT l-introduzzjoni irregolari ta’ mezz ta’ trasport minn pajjiż terz fit-territorju doganali tal-Unjoni, meta jiġi stabbilit, abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, li tali mezz ta’ trasport ma kienx intiż għall-użu f’dan it-territorju u li ġie esportat mill-ġdid mingħajr ma kien is-suġġett ta’ użu effettiv fl-imsemmi territorju.
Fuq it-tieni domanda
59 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi użu ta’ merkanzija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li din il-merkanzija kienet, qabel l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha, is-suġġett ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija fit-territorju doganali tal-Unjoni, meta dawn ix-xogħlijiet ma kinux awtorizzati bħala operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar attiv.
60 Konformement mal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, id-dejn doganali mnissel skont l-Artikolu 79 ta’ dan il-kodiċi jintemm meta, bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata ma tkunx wettqet tentattiv ta’ qerq fis-sens tal-Artikolu 124(6) tal-imsemmi kodiċi, jiġi pprovat li l-merkanzija ma ntużatx jew ma ġietx ikkunsmata u li din inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni.
61 L-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 38 ta’ dan il-kodiċi, li tipprovdi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-bona fide tal-persuna kkonċernata fil-każijiet fejn jinħoloq dejn doganali minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali u li jitnaqqas l-impatt tan-negliġenza min-naħa tad-debitur.
62 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, moqri fid-dawl tal-premessa 38 u flimkien mal-Artikolu 124(6) ta’ dan il-kodiċi, huwa intiż li jippermetti, fl-assenza ta’ tentattiv ta’ manuvra, l-estinzjoni tad-dejn doganali mnissel skont l-Artikolu 79 tal-imsemmi kodiċi fil-każ fejn, minkejja n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet jew obbligi li jirriżultaw mill-istess kodiċi, jiġi pprovat li l-merkanzija ma ntużatx b’mod li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazji u li din inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Combinova, C‑476/19, EU:C:2020:802, punt 32).
63 Għalhekk, il-kunċett ta’ “merkanzija użata”, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, għandu jinftiehem bħala li jkopri mhux kull użu, iżda biss dak li jagħti lok, fih innifsu, għal dejn doganali (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Combinova, C‑476/19, EU:C:2020:802, punt 33).
64 Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet formali previsti mill-Kodiċi Doganali ma jistax, fih innifsu, jostakola l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi intiżi sabiex itaffu l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi doganali, fosthom dik prevista mill-Artikolu 124(1)(k) tal-imsemmi kodiċi, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba preċiżament sabiex japplikaw f’sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. L-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali b’hekk jitlef ħafna mill-effett utli tiegħu jekk jiġi interpretat fis-sens li ma jistax japplika meta l-merkanzija ma tkunx tqiegħdet taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2025, Palmstråle, C‑125/24, EU:C:2025:431, punt 33).
65 Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni ma kinux formalment awtorizzati fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar attiv ma jistax, waħdu, jostakola l-estinzjoni tad-dejn doganali meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, moqri fid-dawl tal-premessa 38 tiegħu, huma barra minn hekk issodisfatti.
66 Għaldaqstant, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, meta operazzjoni mwettqa fuq merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni ma toħloqx, fiha nnifisha, dejn doganali, peress li jkollha l-karatteristiċi ta’ operazzjoni li setgħet tiġi awtorizzata fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar attiv, din l-operazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala użu, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, minkejja l-assenza ta’ awtorizzazzjoni formali ta’ din l-operazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Combinova, C‑476/19, EU:C:2020:802, punt 35).
67 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija għandhomx karatteristiċi tali li setgħu jiġu awtorizzati fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar attiv.
68 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari teżamina, minn naħa, jekk ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija, bħala tali, kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar attiv, kif iddefinit fl-Artikolu 256 tal-Kodiċi Doganali.
69 Min-naħa l-oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-konvenut fil-kawża prinċipali kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv.
70 Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li l-Kodiċi Doganali jipprevedi l-possibbiltà li tingħata awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv b’effett retroattiv meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 211(2) ta’ dan il-kodiċi jkunu ssodisfatti. Għalhekk, sabiex din l-aħħar dispożizzjoni ma tiġix imċaħħda mill-effett utli tagħha, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti wkoll meta qorti tkun obbligata tivverifika retrospettivament jekk ċerti tranżazzjonijiet setgħux jiġu awtorizzati fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
71 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 161 tar-Regolament Delegat 2015/2446 jipprevedi li, b’deroga mill-Artikolu 211(3)(a) tal-Kodiċi Doganali, awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv tista’, meta l-għotja ta’ din l-awtorizzazzjoni titqies iġġustifikata, tingħata okkażjonalment lil persuni stabbiliti barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
72 Jekk jirriżulta, wara verifika mill-qorti tar-rinviju konformement mal-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq, li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija setgħu jiġu awtorizzati fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar attiv, it-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet ma jistax jiġi kklassifikat bħala użu tad-dgħajsa bil-qlugħ, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali.
73 F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li din il-konklużjoni ma tippreġudikax l-effett utli tal-Artikolu 210 tal-Kodiċi Doganali, li jipprevedi t-tqegħid tal-merkanzija taħt waħda mill-proċeduri doganali partikolari.
74 Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 55 iktar ’il fuq, l-operaturi ekonomiċi li jintroduċu fl-Unjoni oġġetti li jistgħu jaqgħu taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv jibqgħu mħeġġa jqiegħdu dawn l-oġġetti taħt din il-proċedura, peress li l-użu ta’ tali proċedura jostakola t-tnissil ta’ dejn doganali u jeżentahom għalhekk milli jkollhom jitolbu sussegwentement l-estinzjoni tagħha.
75 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix użu ta’ merkanzija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li din il-merkanzija kienet, qabel l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha, is-suġġett ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija fit-territorju doganali tal-Unjoni, meta dawn ix-xogħlijiet setgħu jiġu awtorizzati fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar attiv.
Fuq l-ispejjeż
76 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 2(1)(d) kif ukoll l-Artikoli 30, 70 u 71 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat_28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma tikkostitwixxix importazzjoni ta’ oġġetti suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) l-introduzzjoni irregolari ta’ mezz ta’ trasport minn pajjiż terz fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit, abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, li tali mezz ta’ trasport ma kienx intiż għall-użu f’dan it-territorju u li ġie esportat mill-ġdid mingħajr ma kien is-suġġett ta’ użu effettiv fl-imsemmi territorju.
2) L-Artikolu 124(1)(k) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jikkostitwixxix użu ta’ merkanzija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li din il-merkanzija kienet, qabel l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha, is-suġġett ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija fit-territorju doganali tal-Unjoni, meta dawn ix-xogħlijiet setgħu jiġu awtorizzati fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar attiv.
|
Półtorak |
Hesse |
Steinfatt |
|
Petrlík |
Dimitrakopoulos |
Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Ottubru 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.