|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3474 |
16.7.2025 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027
(C/2025/3474)
Wara li kkunsidra:
|
— |
it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 164, 174, 175, 177, 178, and 307 tiegħu; |
|
— |
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Politika ta’ Koeżjoni modernizzata: Rieżami ta’ nofs it-terminu — COM(2025) 163 final; |
|
— |
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu — COM(2025) 123 final; |
|
— |
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1057 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi — COM(2025) 164 final; |
|
— |
il-pożizzjoni eżistenti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kif espressa b’mod partikolari fl-Opinjoni dwar Rieżami u proposta għar-reviżjoni tal-QFP 2021-2027, ir-Riżoluzzjoni dwar Appoġġ Reġjonali ta’ Emerġenza għar-Rikostruzzjoni (RESTORE) u miżuri tal-FAEŻR biex tingħata assistenza lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali, u l-Opinjoni dwar Politika ta’ koeżjoni mġedda wara l-2027 li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. |
Billi:
|
— |
il-qafas leġiżlattiv għall-politika ta’ koeżjoni jipprevedi li r-rieżami ta’ nofs it-terminu jrid isir abbażi ta’ valutazzjonijiet u proposti għall-allokazzjoni tal-ammont ta’ flessibbiltà li għandu jiġi ppreżentat sal-31 ta’ Marzu 2025, u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni diġà ppreżentaw tali valutazzjonijiet u proposti fuq din il-bażi; |
|
— |
il-missjoni ewlenija tal-politika ta’ koeżjoni hija li tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE. Kwalunkwe miżura għar-riallokazzjoni tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni trid tqis dan l-għan u ma tridx tnaqqas il-kapaċità tal-politika li tilħaq l-objettivi fit-tul tagħha; |
|
— |
il-prinċipji tal-ġestjoni kondiviża, il-governanza f’diversi livelli, is-sħubija, u l-approċċ ibbażat fuq il-post huma l-pedamenti tal-politika ta’ koeżjoni. Għalhekk, kwalunkwe miżura diretta jew indiretta ta’ ċentralizzazzjoni fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni trid tiġi miċħuda bil-qawwa; |
|
— |
il-koleġiżlaturi talbu lill-KtR jagħti l-pożizzjoni tiegħu iżda bi skadenzi qosra ħafna u dan ma jippermettix li l-KtR ifassal Opinjoni. Jista’ biss iwieġeb fil-forma ta’ din ir-Riżoluzzjoni urġenti. |
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR):
1.
jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-appoġġ huwa meħtieġ kemm għall-prijoritajiet attwali tal-UE kif ukoll għal dawk emerġenti bħall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni, id-difiża, l-akkomodazzjoni affordabbli, it-tranżizzjoni tal-enerġija, ir-reżiljenza tal-ilma u l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant; jilqa’ l-ambizzjoni li jiżdied l-investiment f’dawn il-prijoritajiet urġenti u japprezza n-natura volontarja ta’ din il-proposta;
2.
jirrimarka li l-koeżjoni hija objettiv ewlieni stabbilit mit-Trattati, u li l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 diġà jappoġġjaw investimenti li jaqgħu taħt ħafna minn dawn l-oqsma kif ukoll prijoritajiet oħra tal-UE, li hemm ippjanati investimenti addizzjonali taħt il-politika ta’ koeżjoni u li l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjonijiet u proposti għall-allokazzjoni definittiva tal-ammont ta’ flessibbiltà taħt ir-rieżami ta’ nofs it-terminu ta’ dawn il-programmi diġà għaddiet;
3.
jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibbiltà l-ġdida li, bis-saħħa tal-FEŻR, jiġu appoġġjati proġetti għad-dekarbonizzazzjoni ta’ kumpaniji kbar, u l-kundizzjonijiet inqas stretti għall-appoġġ mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) għal proġetti mwettqa minn kumpaniji kbar, meta jitqies mhux biss l-effett anċillari tagħhom fuq l-innovazzjoni reġjonali u l-ħolqien tal-impjiegi, iżda wkoll l-impatt li dawn il-proġetti jista’ jkollhom fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fit-territorji. Fl-aħħar, jilqa’ b’sodisfazzjon li ġew estiżi l-possibbiltajiet sabiex l-FSE+ jintuża biex jgħin lill-ħaddiema u n-negozji jadattaw għal proċessi industrijali ġodda marbuta mad-dekarbonizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, kif ukoll mal-iżvilupp tal-ħiliet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;
4.
għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproċedi mingħajr dewmien bir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi li għalihom diġà tressqu valutazzjonijiet u proposti, bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe dewmien fl-implimentazzjoni. Dan irid ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jippreżentaw emendi addizzjonali għall-programm abbażi ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni riveduta, jekk jiddeċiedu hekk;
5.
jinnota li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea ma jġibux finanzjament ġdid jew addizzjonali għall-prijoritajiet identifikati iżda jippromovu r-riallokazzjoni tal-ammonti diġà allokati għar-reġjuni taħt il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FEŻR, il-JTF u l-FSE+, jew fi ħdan il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni abbażi ta’ sett ta’ regoli differenti/preferenzjali, jew għal strumenti ġestiti ċentralment;
6.
għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi b’mod urġenti riżorsi addizzjonali ġenwini għal dawn il-prijoritajiet ġodda u kontinwi tal-UE permezz ta’ reviżjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jew finanzjament addizzjonali taħt programmi ta’ ġestjoni kondiviża, kif kien il-każ għall-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU); jeħtieġ li l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jiġu riveduti, inklużi l-istadji importanti, speċjalment f’pajjiżi fejn huma ambizzjużi wisq. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fost l-oħrajn, tiġbed l-attenzjoni għall-inkonsistenza tal-istadji importanti fl-Istati Membri individwali fir-rapport tagħha;
7.
itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur għandu jitfassal biex jiżgura l-flessibbiltà u l-aġilità fil-pilastri u l-modi ta’ ġestjoni kollha f’każ ta’ prijoritajiet ġodda u urġenzi, inkluż pereżempju billi jinkorpora fond ta’ emerġenza akbar u riżerva ġenerali ta’ flessibbiltà għall-kriżijiet fil-QFP mill-bidu nett;
8.
iwissi li l-bidliet proposti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi r-riallokazzjoni bla limitu tal-fondi u trattament aktar favorevoli għal proġetti b’rabta ma’ prijoritajiet ġodda meta mqabbla mar-rati ta’ kofinanzjament eżistenti, jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni b’disponibbiltà drammatika żbilanċjata ta’ riżorsi bejn prijoritajiet ġodda u dawk li jkunu għaddejjin. Dan jista’ jħalli lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni u lill-benefiċjarji mingħajr il-fondi meħtieġa biex jissodisfaw l-impenji u l-aspettattivi tagħhom;
9.
jinnota li l-Proposta tista’ tinfluwenza l-investiment ġenerali fl-UE minħabba l-possibbiltà li tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament tal-UE ta’ 100 % minflok rati li jvarjaw bejn 40 % u 85 %; jirrikonoxxi, madankollu, l-importanza li jkun hemm rata ogħla ta’ kofinanzjament tal-UE għar-reġjuni b’restrizzjonijiet baġitarji sabiex il-finanzjament tal-UE jinżamm f’livell għoli;
10.
waqt li jifhem ix-xewqa li jiġi inċentivat l-investiment, jenfasizza li ż-żieda tal-kofinanzjament għal 100 % għar-reġjuni kollha se tgħin l-aktar lir-reġjuni l-aktar żviluppati u tnaqqas il-finanzjament għar-reġjuni inqas żviluppati;
11.
jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kofinanzjament nazzjonali kontinwu u jżommu l-livell ta’ investiment totali fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet kif ippjanat oriġinarjament. Kwalunkwe bidla fil-programmi li taffettwa l-allokazzjonijiet tagħhom għandha ssir biss bil-kunsens tal-imsieħba territorjali, f’konformità mal-prinċipji tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli;
12.
jinnota li l-Proposta tintroduċi laxkar sinifikanti fir-regoli biss għal dawk l-assi prijoritarji u programmi speċifiċi li jaqblu li jittrasferixxu mill-inqas 15 % tal-allokazzjonijiet tagħhom għall-prijoritajiet identifikati, li potenzjalment iwassal għal kumplessità akbar, b’assi prijoritarji fi ħdan l-istess programm implimentati skont regoli differenti, u jnaqqsu l-pass tal-implimentazzjoni; jenfasizza wkoll ir-riskju li dan jista’ jwassal għal emendi motivati mhux biss mill-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkontribwixxu għall-prijoritajiet tal-UE iżda wkoll mir-regoli aktar faċli; minħabba l-istadju avvanzat tal-perjodu ta’ programmazzjoni u l-livell għoli ta’ impenn tar-riżorsi, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra tnaqqis fit-trasferiment attwalment permess ta’ 15 % tal-allokazzjonijiet tal-programmi, u jissuġġerixxi li kwalunkwe limitu bħal dan għandu jqis ukoll l-aġġustamenti proposti fir-rieżamijiet ta’ nofs it-terminu li diġà tressqu, dment li jallinjaw mal-prijoritajiet il-ġodda tal-UE;
13.
għalhekk, jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bħala koleġiżlaturi jintroduċu salvagwardji ċari biex itaffu dawn ir-riskji, billi jneħħu inċentivi foloz u jużaw l-opportunità ta’ din il-proposta leġiżlattiva biex jintroduċu semplifikazzjoni u flessibbiltà ġenwini għar-reġjuni kollha tal-UE, kif ukoll jiżguraw li s-semplifikazzjonijiet tar-regoli ma jħeġġux id-devjazzjoni tal-fondi minn għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fit-tul jew jheddu l-integrità ambjentali u soċjali tal-proġetti;
14.
jaqbel li l-investimenti f’intrapriżi kbar huma importanti biex jissaħħu l-kompetittività, id-difiża u d-dekarbonizzazzjoni peress li jidderieġu r-riċerka, l-innovazzjoni, l-għarfien u t-trasferiment tat-teknoloġija lejn kumpaniji oħra fil-katina tal-valur tagħhom, inkluż f’industriji intensivi fl-enerġija li jkunu għaddejjin minn sfidi sinifikanti ta’ tranżizzjoni;
15.
f’konformità mar-Riżoluzzjoni tiegħu dwar Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2025-2030, jenfasizza r-rwol importanti tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, in-negozji tal-familja u l-intraprendituri waħedhom, bħala s-sinsla tal-komunitajiet lokali u l-impjiegi sostenibbli; jenfasizza wkoll ir-rwol tagħhom fil-ktajjen tal-provvista u tal-valur ta’ kumpaniji akbar fl-ekosistema; jesprimi tħassib, abbażi tal-esperjenza reċenti f’ċerti reġjuni u bliet, dwar ċerti investimenti li jistgħu jsiru f’oqsma teknoloġiċi u oqsma oħra li għandhom implikazzjonijiet negattivi potenzjali għall-awtonomija strateġika tal-UE;
16.
jiddispjaċih li ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt, u lanqas valutazzjoni tal-impatti territorjali potenzjali;
17.
jenfasizza li, issa u fil-ġejjieni, il-politika ta’ koeżjoni trid tiġi implimentata fuq il-bażi ta’ sussidjarjetà attiva, b’rispett dovut għall-prinċipji ta’ deċentralizzazzjoni, governanza f’diversi livelli u sħubija.
Brussell, il-15 ta’ Mejju 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Kata TÜTTŐ
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3474/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)