25.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 133/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Mejju 2007

dwar in-non-inklużjoni tal-carbaryl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2093)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/355/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b'mod partikolari r-raba' sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipola li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena min-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva li diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati bil-mod fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 703/2001 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan ta’ l-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-carbaryl.

(3)

Għall-carbaryl, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skond id-dispożizzjonijiet stipolati mir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 703/2001 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri li jaġixxu bħala relatur li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għall-carbaryl l-Istat Membru relatur kien Spanja u kull tagħrif rilevanti tressaq fid-29 ta’ April 2004.

(4)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u l-EFSA u kien ippreżentat lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Mejju 2006 fil-format tal-Konklużjoni ta’ l-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva carbaryl (4). Dan ir-rapport ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ġie ffinalizzat fid-29 ta’ Settembru 2006 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-carbaryl.

(5)

Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. B'mod partikolari abbażi tad-data disponibbli ma ntweriex li l-espożizzjoni tal-konsumatur hija aċċettabbli. It-tagħrif disponibbli jindika tħassib għal metaboliti li qegħdin fl-istess livell ta’ tossiċità bħas-sustanza attiva, u l-preżenza tagħhom f'livelli li jistgħu jkunu ta’ tħassib tossikoloġiku ma jistgħux jiġu esklużi. Barra minn hekk hemm tħassib dwar propjetajiet potenzjalment karċinoġeniċi tas-sustanza attiva. Hemm ukoll riskju għoli għat-tul għal għasafar insettivori u riskju akut għoli għal mammiferi erbivori, riskju akut għoli u għat-tul għal organiżmi akkwatiċi u riskju għoli għal artropodi benefiċi.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk hux bi ħsiebu jkompli jappoġġja s-sustanza. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa, it-tħassib imsemmi hawn fuq baqa' mhux solvut, u valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat esperti ta’ l-EFSA ma wrewx li wieħed jista' jistenna li, fil-kondizzjonijiet ta’ użu proposti, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-carbaryl jissodisfaw b'mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk il-carbaryl ma għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex ikun żgurat li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-carbaryl jiġu rtirati fi żmien il-perjodu preskritt u ma jiġġeddux, kif ukoll biex ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida għal dawn il-prodotti.

(9)

Kwalunkwe perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għad-disponiment, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-carbaryl, għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar sabiex il-ħażniet eżistenti jkunu jistgħu jintużaw fi staġun ta’ tkabbir wieħed ieħor.

(10)

Din id-deċiżjoni hija bla ħsara għat-tressiq ta’ applikazzjoni għall-carbaryl skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE fid-dawl ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-carbaryl ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

awtorizzazzjonijiet għal ħarsien tal-pjanti li fihom il-carbaryl ikunu rtirati sal-21 ta’ Novembru 2007;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-carbaryl ma tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mill-21 ta’ Novembru 2008.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 34).

(2)   ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).

(3)   ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.

(4)   EFSA Scientific Report (2006) 80, 1-71, Conclusion regarding the peer review of pesticide risk assessment of carbaryl.