10.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 334/6


Sommarju ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-10 ta’ Diċembru 2015

relatata ma’ proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(Il-Każ AT.39767 — BEH Electricity)

(notifikata bid-dokument numru C(2015) 8860)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2016/C 334/06)

Fl-10 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni relatata ma’ proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

1.   Introduzzjoni

(1)

Il-każ jirrigwarda restrizzjonijiet territorjali dwar il-bejgħ mill-ġdid ta’ kuntratti għall-bejgħ tal-elettriku, fis-suq għall-provvista tal-elettriku tal-operaturi, bi prezzijiet liberament innegozjati fil-Bulgarija, mis-sussidjarji tal-Bulgarian Energy Holding EAD (“BEH”) akkwiżiti totalment, Natsionalna Elektricheska Kompania EAD (“NEK”), TPP Maritsa East 2 EAD (“TPP Maritsa East 2”) u NPP Kozloduy EAD (“NPP Kozloduy”) (kollettivament “sussidjarji tal-BEH”).

2.   Proċedura

(2)

Fis-27 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, u fit-12 ta’ Awwissu 2014 il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (“DO”) li ppreżentat it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni; dan it-tħassib relatat mar-restrizzjonijiet territorjali dwar il-bejgħ mill-ġdid tal-elettriku, li jinsabu fil-kuntratti li jidħlu fihom is-sussidjarji ta’ BEH ma’ terzi persuni. Id-DO jikkostitwixxi valutazzjoni preliminari għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Din il-valutazzjoni ġiet notifikata lil BEH permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2014.

(3)

Fil-25 ta’ Novembru 2014, BEH ippreżentat it-tweġiba tagħha lid-DO. Kien hemm seduta ta’ smigħ orali fis-16 ta’ Jannar 2015.

(4)

Fil-15 ta’ Mejju 2015, il-BEH offriet impenji biex jiġi ssodisfat it-tħassib espress mill-Kummissjoni (l-“Impenji Inizjali”).

(5)

Fid-19 ta’ Ġunju 2015, ġie ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jagħti ġabra fil-qosor tal-każ u tal-Impenji Inizjali u li jistieden lil terzi persuni interessati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawk l-impenji fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni.

(6)

Fit-8 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni infurmat lil BEH bl-osservazzjonijiet li waslu minn terzi persuni interessati wara l-pubblikazzjoni tal-avviż. Fis-16 ta’ Ottubru 2015, BEH offriet impenji riveduti (“l-Impenji Finali”).

(7)

Fit-30 ta’ Novembru 2015, ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiki Restrinġenti u Pożizzjonijiet Dominanti. Fit-2 ta’ Diċembru 2015, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

3.   It-tħassib muri fil-valutazzjoni preliminari

(8)

Skont il-valutazzjoni preliminari, is-suq tal-prodotti relevanti kien ikkunsidrat bħala s-suq għall-provvista tal-elettriku mill-operaturi, bi prezzijiet innegozjati liberament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha l-opinjoni preliminari li s-suq għall-provvista tal-elettriku mill-operaturi bi prezzijiet innegozjati liberament kellu skop nazzjonali. Skont il-valutazzjoni preliminari tal-Kummisjoni, is-sehem rappreżentat mill-bejgħ tas-sussidjarji tal-BEH u min-nuqqas ta’ kull pressjoni kompetittiva sinifikanti minn produtturi jew importazzjonijiet oħrajn, jindika li BEH għandha pożizzjoni dominanti fuq is-suq Bulgaru tal-operaturi għall-provvista tal-elettriku bi prezzijiet liberament innegozjati.

(9)

Skont il-valutazzjoni preliminari, BEH kienet qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha fuq is-suq ħieles tal-operaturi għall-provvista tal-elettriku fil-Bulgarija, bi ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat, bl-introduzzjoni ta’ klawżoli dwar id-destinazzjoni fil-kuntratti li kkonkludew is-sussidjarji tal-BEH għall-provvista tal-elettriku tal-operaturi bi prezzijiet innegozjati liberament, lil entitajiet differenti mill-utenti finali.

(10)

Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-BEH ma pprovdietx evidenza biżżejjed li turi li l-imġiba tagħha tista’ tiġi ġġustifikata oġġettivament, jew li din hija meħtieġa biex tinkiseb żieda fl-effiċjenza, b’mod li jpatti għal kull effett negattiv probabbli fuq il-kompetizzjoni, mingħajr ma tiġi eliminata l-kompetizzjoni effettiva.

(11)

Il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni tikkonkludi li l-prattika ta’ BEH għandha l-effett potenzjali li toħloq ostakli għall-kummerċ bejn il-Bulgarija u Stati Membri oħra, u b’hekk tħarbat l-allokazzjoni tal-elettriċità fis-Suq Uniku, u taffettwa l-likwidità u l-effiċjenza tas-swieq tal-elettriċità.

4.   L-Impenji u l-eżami tas-suq

(12)

BEH ma qablitx mal-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu, hija offriet impenji, li l-elementi ewlenin tagħhom kienu kif ġej:

(a)

BEH se tistabbilixxi suq spot tal-kambju tal-enerġija fil-Bulgarija, bl-għajnuna ta’ terza persuna indipendenti b’kompetenzi fl-operazzjoni ta’ swieq spot tal-kambju tal-enerġija.

(b)

BEH se toffri tal-inqas il-volumi stipulati tal-elettriku fis-suq tal-ġurnata bil-quddiem tal-kambju (li jiżdied kull sena skont il-volumi nnegozjati permezz ta’ skambji tal-enerġija fir-reġjun matul l-ewwel snin ta’ tħaddim) permezz ta’ ftehimiet tal-fornitur tal-likwidità konklużi bejn BEH u s-sussidjarji tagħha u l-iskambju tal-elettriċità; it-tendenza tal-volumi offruti tvarja fuq bażi ta’ kull xahar, kuljum u fis-siegħa skont xejriet tal-profil tal-provvista fil-Bulgarija;

(c)

il-volumi jiġu offruti minn BEH u mis-sussidjarji tagħha fis-suq tal-ġurnata bil-quddiem għal prezz ta’ offerta massimu li huwa marbut mal-ispejjeż tas-sussidjarji tal-BEH;

(d)

fil-bidu, il-volumi tal-elettriċità offruti minn BEH u mis-sussidjarji tagħha jkunu prodotti ta’ kull siegħa biss; mit-tieni sena ta’ operat, proporzjon tal-prodotti tista’ tiġi offruta bħala prodotti ta’ kategorija (ta’ bejn tliet sigħat u 24 siegħa);

(e)

BEH se ċċedi s-sjieda tas-suq spot tal-kambju tal-enerġija fi żmien sitt xhur wara n-notifika formali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tittrasferixxi l-kapital tagħha lill-Istat Bulgaru, li d-drittijiet tiegħu jiġu eżerċitati mill-Ministeru tal-Finanzi.

(13)

It-tul ta’ żmien ta’ dawn l-impenji jibda fid-data tan-notifika ta’ deċiżjoni dwar l-impenji, u jintemm ħames snin mill-bidu tal-operat l-iskambju tal-enerġija. BEH taħtar ukoll fiduċjarju li jissorvelja l-konformità tagħha mal-impenji.

(14)

Barra minn hekk, BEH u s-sussidjarji tagħha jieqfu u jibqgħu lura milli jinkludu klawżoli ta’ destinazzjoni, jew kull miżura ta’ effett ekwivalenti, fil-kuntratti tagħhom ta’ forniment tal-elettriċità bilaterali.

(15)

L-osservazzjonijiet irċevuti bi tweġiba għall-avviż tal-eżami tas-suq skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 qajmu xi dubji dwar il-garanziji ta’ likwidità suffiċjenti fuq is-suq ta’ ġurnata bil-quddiem. Sabiex jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-eżami tas-suq, BEH offriet li timpenja ruħha biss li toffri biss prodotti ta’ kull siegħa fuq is-suq ta’ ġurnata bil-quddiem tas-suq spot tal-kambju tal-enerġija, u li tiżgura li se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni volumi suffiċjenti offruti minn BEH u mis-sussidjarji tagħha fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem biex dawn jinxtraw minn terzi persuni.

(16)

Sussegwentement, BEH emendat l-Impenji Inizjali tagħha u ppreżentat proposta riveduta fis-16 ta’ Ottubru 2015.

5.   Konklużjoni

(17)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Impenji Finali offruti minn BEH huma adegwati u meħtieġa sabiex jiġi indirizzat it-tħassib espress mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha. BEH ma offrietx impenji anqas onerużi, bi tweġiba għall-valutazzjoni preliminari, li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni b’mod adegwat.

(18)

Il-Kummissjoni tagħmel vinkolanti l-Impenji Finali offruti minn BEH biex jiġi ssodisfat il-tħassib tal-Kummissjoni espress fil-valutazzjoni preliminari tagħha.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.39767 — BEH Electricity (ĠU C 202, 19.6.2015, p. 2).